European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2328

25.11.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2328

tal-24 ta’ Novembru 2025

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/328 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami interim parzjali, limitat għad-dannu

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri fis-seħħ

(1)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1379/2014 (2), wara investigazzjoni antisussidji (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-Kummissjoni imponiet dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu (“GFR”, Glass Fibre Reinforced) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “iċ-Ċina”, jew “il-pajjiż ikkonċernat”) u rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping, il-Kummissjoni emendat id-dazju anti-dumping oriġinali għal valuri li jvarjaw minn 0 % sa 19,9 % u imponiet dazju kumpensatorju addizzjonali li jvarja minn 4,9 % sa 10,3 %. Il-miżuri kumpensatorji u anti-dumping kombinati li jirriżultaw varjaw minn 4,9 % sa 30,2 %.

(2)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/724 (3), wara rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping, il-Kummissjoni żammet dawn il-miżuri kif stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1379/2014.

(3)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/328 (4), wara rieżami ta’ skadenza tal-miżuri kumpensatorji, il-Kummissjoni żammet dawn il-miżuri kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1379/2014.

(4)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1452 (5), wara rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping, il-Kummissjoni żammet dawn il-miżuri kif stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1379/2014.

(5)

Għalhekk, il-miżuri kumpensatorji u anti-dumping kombinati li jirriżultaw ivarjaw minn 4,9 % sa 30,2 %.

(6)

Il-miżuri huma fis-seħħ ukoll fuq l-importazzjonijiet tal-GFR li joriġinaw mill-Eġittu, imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/870 (6) wara investigazzjoni antisussidji. Id-dazju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Eġittu, ibbażat fuq il-livell tas-sussidjar, huwa ta’ 13,1 %.

1.2.   Investigazzjonijiet oħrajn li għadhom għaddejjin tal-istess prodott

(7)

Fit-30 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni bdiet rieżami interim sħiħ tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7).

(8)

Fis-17 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni bdiet proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Bahrain, mill-Eġittu u mit-Tajlandja. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (8).

1.3.   Bidu

(9)

Fit-30 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet rieżami interim parzjali limitat għad-dannu tal-miżuri kumpensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet tal-GFR li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fuq il-bażi tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (9) (“in-Notifika tal-Bidu”).

(10)

Il-Kummissjoni bdiet dan ir-rieżami wara talba mressqa fit-3 ta’ Ġunju 2024 minn Glass Fibre Europe (“l-applikant”). It-talba għal rieżami saret f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-GFR fis-sens tal-Artikolu 10(6) tar-Regolament bażiku. It-talba għal rieżami kienet tinkludi evidenza ta’ bidliet ta’ natura dejjiema fl-istruttura tal-industriji tal-GFR tal-Unjoni, kif ukoll id-dannu materjali li jirriżulta li kien biżżejjed biex jiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.4.   Partijiet interessati

(11)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat speċifikament lill-applikant, lil produtturi magħrufa oħrajn tal-Unjoni, lil importaturi magħrufa, lil utenti kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet li kien magħruf li kienu kkonċernati dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom jipparteċipaw.

(12)

Il-partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni tar-rieżami u jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.5.   Proċedura sussegwenti

(13)

Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien beħsiebha żżomm dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-GFR li joriġinaw mir-RPĊ (id-“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni. Il-kummenti sottomessi minn Glass Fibre Europe u PROXIM wara d-divulgazzjoni ġew indirizzati fit-taqsima rilevanti hawn taħt.

(14)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw ukoll din l-opportunità. Madankollu, ma ntalbet l-ebda seduta ta’ smigħ, u ma ntalab l-ebda intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta.

1.6.   Kampjunar

(15)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li tista’ tieħu kampjun tal-partijiet interessati f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(16)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet għażlet b’mod proviżorju kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun fuq il-bażi tal-produzzjoni u l-bejgħ li kienu jikkonsistu minn tliet produtturi tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw aktar minn 60 % tal-volum totali stmat tal-produzzjoni u aktar minn 69 % tal-bejgħ totali stmat tal-prodott simili fl-Unjoni. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Ma wasal l-ebda kumment. Il-kampjun tqies rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

Kampjunar ta’ importaturi mhux relatati

(17)

Biex tiddeċiedi jekk kienx meħtieġ li jittieħed kampjun u, jekk dan kien il-każ, tagħżel kampjun, il-Kummissjoni staqsiet lil importaturi mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika tal-Bidu.

(18)

L-ebda importatur mhux relatat ma wieġeb għall-formola tal-kampjunar. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx meħtieġ.

1.7.   Tweġibiet għall-kwestjonarju u żjarat ta’ verifika

(19)

Il-Kummissjoni ppubblikat online (10) l-kwestjonarji għall-utenti, għall-importaturi mhux relatati u għall-produtturi tal-Unjoni.

(20)

Waslu tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand kull wieħed mit-tliet produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni.

(21)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għad-determinazzjoni tad-dannu li jirriżulta u tal-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku twettqu fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

 

Produtturi tal-Unjoni

—

3B Fibreglass Company Sprl, Battice, il-Belġju;

—

European Owens Corning Fiberglas SPRL, Watermael-Boitsfort, il-Belġju;

—

Johns Manville Slovakia, Trnava, is-Slovakkja.

1.8.   Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u perjodu kkunsidrat

(22)

L-investigazzjoni kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2024 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI, PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott taħt rieżami

(23)

Il-prodott soġġett għal rieżami huwa trofof tal-fibra tal-ħġieġ imqattgħin, mhux itwal minn 50 mm; faxex tal-fibra tal-ħġieġ, għajr faxex tal-fibra tal-ħġieġ li huma mxappa u miksija u li jkollhom telf mit-tqabbid bin-nar ta’ aktar minn 3 % (kif determinat mill-Istandard 1887 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO, International Organization for Standardization)); u twapet magħmula minn filamenti tal-fibra tal-ħġieġ, għajr twapet tas-suf tal-ħġieġ, (“il-prodott taħt rieżami”), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7019 11 00 , ex 7019 12 00 , 7019 14 00 u 7019 15 00 (il-kodiċijiet TARIC 7019 12 00 22, 7019 12 00 25, 7019 12 00 26, 7019 12 00 39). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma pprovduti biss għal informazzjoni mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.

(24)

Il-prodott taħt rieżami huwa l-materja prima li ħafna drabi tintuża biex jissaħħu r-reżini termoplastiċi u termoriġidi fl-industrija tal-komposti. Il-materjali komposti li jirriżultaw (plastik imsaħħaħ mill-fibra tal-ħġieġ bil-filament) jintużaw f’għadd kbir ta’ industriji: l-industrija tal-karozzi, prodotti tal-elettriku/elettroniċi, pali tal-imtieħen, il-bini/il-kostruzzjoni, tankijiet/pajpijiet, oġġetti ta’ konsum, prodotti ajruspazjali/militari, eċċ.

2.2.   Prodott ikkonċernat

(25)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-prodott taħt investigazzjoni u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”).

2.3.   Prodott simili

(26)

L-investigazzjoni wriet li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

—

il-prodott ikkonċernat meta jiġi esportat lejn l-Unjoni;

—

il-prodott taħt investigazzjoni manifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat; u

—

il-prodott taħt investigazzjoni manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(27)

Għalhekk, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni ddeċidiet li dawk il-prodotti huma prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku.

2.4.   Asserzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott

(28)

Wara d-divulgazzjoni, Glass Fibre Europe ssottomettiet kummenti li jikkonċernaw l-ambitu tal-prodott tal-miżuri.

(29)

Dawn il-kummenti waslu wara l-iskadenza stabbilita għas-sottomissjoni ta’ kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-ambitu tal-prodott taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-proċediment, li huwa limitat għall-valutazzjoni tad-dannu u tal-kawżalità.

(30)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ma qisitx is-sottomissjoni u ċaħdet it-talba.

3.   BIDLIET TA’ NATURA DEJJIEMA FL-ISTRUTTURA TAL-INDUSTRIJA U TAS-SUQ TAL-UNJONI

(31)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni indikat li l-bidliet dejjiema li jikkonċernaw id-dannu kienu relatati ma’ bidliet sinifikanti fl-istruttura tal-industrija tal-Unjoni minħabba l-pressjoni aggressiva dejjem jikber tal-importazzjonijiet Ċiniżi f’termini ta’ kwantitajiet u ta’ prezzijiet ikkawżata mill-kapaċitajiet żejda tal-GFR miċ-Ċina.

(32)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-kapaċità żejda persistenti fiċ-Ċina, flimkien ma’ pprezzar aggressiv, xekklet b’mod sinifikanti t-tkabbir tal-industrija tal-Unjoni tal-GFR. Il-produtturi tal-Unjoni rnexxielhom iżidu l-kapaċità b’mod limitat biss billi jottimizzaw il-faċilitajiet eżistenti. Wara l-implimentazzjoni ta’ miżuri kummerċjali addizzjonali fl-2014, l-esportazzjonijiet Ċiniżi komplew joħolqu pressjoni fuq is-suq tal-Unjoni, u dan wassal biex diversi produtturi joħorġu minnu. Fl-2009, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali, kien hemm 11-il produttur tal-GFR fl-Unjoni. Sal-2021, fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat, dan in-numru kien naqas għal għaxra. B’mod partikolari, P-D Glasseiden waqqfet il-produzzjoni fil-Ġermanja fl-2019. Aktar reċentement, Krosglass waqqfet il-produzzjoni tal-GFR f’Lulju 2023 biex tiffoka fuq attivitajiet downstream. Barra minn hekk, NEG NL iddikjarat falliment (11) prinċipalment minħabba ż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija u tnaqqis fid-domanda mis-settur tal-karozzi, li kien is-suq finali ewlieni għall-prodotti tal-ħġieġ tal-fibrottika tagħha. B’hekk, dan l-għeluq addizzjonali naqqas in-numru ta’ produtturi għal tmienja biss. B’mod parallel, Electric Glass Fiber UK waqqfet il-produzzjoni tal-GFR (12) fl-2025. Filwaqt li r-Renju Unit ma għadux parti mill-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Jannar 2021, dan l-iżvilupp ma jbiddilx in-numru ta’ produtturi tal-Unjoni, għalkemm inaqqas il-provvista reġjonali disponibbli u jifforma parti mill-bidliet dejjiema li jaffettwaw is-suq tal-Unjoni.

(33)

B’ħarsa lejn l-evoluzzjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni, filwaqt li l-kapaċità fis-suq tal-Unjoni ġiet ivvalutata biss għall-produtturi inklużi fil-kampjun fl-investigazzjoni oriġinali u ma tistax tintuża bħala punt ta’ referenza f’dan ir-rigward, il-kapaċità tal-produzzjoni tal-Unjoni ġiet stmata fil-livell ta’ 770 642 tunnellata fl-2019 fir-rieżami ta’ skadenza tal-2021 tal-miżuri kumpensatorji (13). B’kuntrast ma’ dan, fl-investigazzjoni kurrenti, il-kapaċità naqset minn 711 692 tunnellata fl-2021 għal 651 196 tunnellata fil-PIR (– 9 %), jiġifieri madwar 10 % taħt il-livell tal-2015. Anki jekk ma jitqiesx il-produttur tar-Renju Unit fl-indikaturi ta’ wara l-Brexit, ġiet ikkonfermata x-xejra ’l isfel relatata mal-kapaċità tal-produzzjoni.

(34)

Meta mqabbla mad-data disponibbli mill-investigazzjoni oriġinali, il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas minn 737 818-il tunnellata fl-2006 għal 520 064 tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni, bis-sehem mis-suq jonqos minn 75,1 % għal 69,5 % matul l-istess perjodu. B’kuntrast ma’ dan, fl-investigazzjoni kurrenti l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas għal 337 898 tunnellata fil-PIR bis-sehem mis-suq jonqos għal 40 % fil-PIR. Dan juri li l-bejgħ tal-Unjoni issa laħaq livelli ferm aktar baxxi minn dawk ta’ nofs is-snin 2000 u, aktar importanti minn hekk, dak is-sehem mis-suq naqas b’madwar 30 punt perċentwali, li jindika erożjoni dejjiema tal-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(35)

Is-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni ġiet affettwata wkoll mill-istabbiliment ta’ kumpaniji bi sjieda Ċiniża li jipproduċu l-GFR f’pajjiżi terzi bħall-Eġittu u l-Bahrain (14). Wara l-istabbiliment tal-kumpaniji fl-Eġittu, il-Kummissjoni imponiet dazji kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet tal-GFR mill-Eġittu (15) bl-għan li jerġa’ jkun hemm kundizzjonijiet ekwi bil-ħsieb tal-importazzjonijiet sussidjati li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, kien hemm żidiet addizzjonali fil-kapaċità fil-produzzjoni tal-GFR fl-Eġittu (16) u fil-Bahrain (17). Minkejja l-miżuri meħuda kontra l-importazzjonijiet tal-GFR mir-RPĊ, l-industrija tal-Unjoni baqgħet taħt pressjoni persistenti minn influssi rikorrenti tal-GFR innegozjati b’mod inġust li ġejjin minn għadd dejjem jikber ta’ pajjiżi terzi, inklużi faċilitajiet ikkontrollati miċ-Ċina fil-Bahrain u fl-Eġittu, li żiedu b’mod sinifikanti s-sehem mis-suq tagħhom fis-suq tal-Unjoni. Fis-17 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni bdiet proċediment anti-dumping rigward l-importazzjonijiet tal-GFR li joriġinaw mill-Bahrain, mill-Eġittu u mit-Tajlandja (18).

(36)

Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll li seħħew bidliet strutturali fis-swieq tal-enerġija tal-Unjoni. Għalkemm il-kostijiet tal-enerġija kienu naqsu mill-ogħla livell tagħhom tal-2022 sa tmiem il-PIR, baqgħu ogħla mil-livelli prevalenti fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat. Il-Kummissjoni qieset li mhuwiex probabbli li l-prezzijiet tal-gass jerġgħu lura għal-livelli osservati sa nofs l-2021 jew jistabbilizzaw sew fihom. Minn dik is-sena, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li qabel kienu jiddependu fuq l-importazzjonijiet mill-pipelines tal-gass naturali mir-Russja naqqsu progressivament tali dipendenza. Wara l-aggressjoni militari mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha saħħew u aċċelleraw miżuri biex jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija u biex jeliminaw id-dipendenza fuq il-gass mir-Russja. F’dan il-kuntest, ġew ippjanati jew qed jinbnew mill-inqas 17-il terminal ġdid tal-gass naturali likwifikat (LNG, Liquefied Natural Gas) (19). Minħabba l-iskala ta’ investiment meħtieġ għall-infrastruttura tal-LNG u l-impenn ċar tal-Unjoni li ttemm id-dipendenza fuq il-gass bil-pipelines mir-Russja (20), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Unjoni x’aktarx li mhijiex se tirritorna għat-tiftix ta’ sorsi ta’ provvista tal-gass mir-Russja bil-volumi u bil-prezzijiet li kienu prevalenti qabel l-2021. Għaldaqstant, irid ikun mistenni li l-prezzijiet tal-gass se jibqgħu persistentement ogħla minn dawk li dehru sal-ewwel nofs tal-2021.

(37)

Il-Kummissjoni nnutat li l-industrija tal-Unjoni topera f’kuntest ta’ obbligi ambjentali u relatati mal-enerġija dejjem aktar stretti. Fid-dokument ta’ pożizzjoni tiegħu tal-2023, l-applikant wissa li l-produtturi tal-GFR tal-Unjoni jiffaċċjaw kostijiet operatorji li qed jiżdiedu marbuta mal-konformità ambjentali u enerġetika (21). F’dan ir-rigward, analiżi reċenti taċ-ċiklu tal-ħajja li tkopri madwar 95 % tal-produzzjoni tal-Unjoni ta’ drappijiet tal-fibra tal-ħġieġ uriet li l-manifattura ta’ kilogramma drapp tinvolvi impronta ambjentali medja ta’ emissjonijiet ta’ 2,2 kg CO2 u ta’ 39 MJ ta’ konsum ta’ enerġija primarja (22). Bejn l-2015 u l-2021, il-konsum tal-enerġija fl-industrija kollha naqas bi 8 % u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bi 3 %. Dawn iċ-ċifri jindikaw li, filwaqt li sar xi progress, aktar tnaqqis se jirrikjedi investimenti addizzjonali sostanzjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, inkluża d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2024/1785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24)), kif ukoll miżuri oħra dwar il-klima u l-ekonomija ċirkolari li jiffurmaw parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, hija mistennija ġġib magħha kostijiet tal-konformità addizzjonali għall-produtturi tal-Unjoni. Meħudin flimkien, dawn is-sejbiet jikkonfermaw li l-kostijiet ambjentali għall-industrija tal-Unjoni huma mistennija jiżdiedu fis-snin li ġejjin. Dan jikkostitwixxi bidla dejjiema fl-istruttura tal-kostijiet tal-industrija tal-Unjoni.

(38)

Il-Kummissjoni tfakkar li l-prodott ikkonċernat jintuża prinċipalment bħala materjal ta’ rinfurzar fil-produzzjoni tal-komposti. Aktar minn 95 % tad-domanda għall-fibra tal-ħġieġ fl-Unjoni hija marbuta ma’ tali applikazzjonijiet ta’ rinfurzar. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin, ċkien is-suq tal-Unjoni għall-komposti. Il-volumi tal-produzzjoni tal-plastik rinforzat bil-fibra tal-ħġieġ fl-Ewropa naqsu b’9 % fl-2022 u bi 8 % addizzjonali fl-2023 (25), u dan wassal għal tnaqqis fl-output totali għal 2,4 miljun tunnellata fl-2024, livell li deher l-aħħar fl-2012. Fl-istess ħin, il-produzzjoni tal-komposti globali espandiet b’madwar 6 % fl-2023, li jissottolinja t-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-Unjoni. Dan it-tnaqqis għandu impatt dirett fuq id-domanda għall-forom bażiċi tal-fibra tal-ħġieġ koperti mir-rieżami kurrenti. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tnaqqis fid-domanda għall-komposti tal-Unjoni, flimkien maż-żieda fil-produzzjoni madwar id-dinja u ż-żieda fl-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, kienu jirrappreżentaw bidla dejjiema fiċ-ċirkostanzi tas-suq.

(39)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li mill-investigazzjoni oriġinali kien hemm bidliet fiċ-ċirkostanzi ta’ natura dejjiema fir-rigward tal-istruttura tal-industrija u tas-suq tal-Unjoni li huma meqjusa bħala bidla rilevanti fiċ-ċirkostanzi skont it-tifsira tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(40)

Il-prodott simili kien manifatturat minn għaxar produtturi fl-Unjoni fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat, filwaqt li tnejn minnhom waqqfu l-produzzjoni matul il-PIR kif imsemmija fil-premessa (32). Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku.

(41)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-PIR ġiet stabbilita fil-livell ta’ 504 019-il tunnellata. Il-Kummissjoni stabbiliet iċ-ċifra fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli li tikkonċerna l-industrija tal-Unjoni kif ipprovduta minn Glass Fibre Europe (“GFE”). Kif indikat fil-premessa (16), fil-kampjun intgħażlu l-impjanti ta’ manifattura ta’ tliet produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw 60 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(42)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni fuq il-bażi (i) tal-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq ħieles tal-Unjoni abbażi tad-data pprovduta minn GFE u (ii) tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi abbażi tad-data misluta mill-Eurostat (Comext).

Tabella 1

Konsum tal-Unjoni

 

2021

2022

2023

PIR

Total tal-Unjoni Konsum (tunnellati)

905 048

953 104

833 320

853 661

Indiċi

100

105

92

94

Sors:

Data pprovduta minn GFE; il-Eurostat (Comext).

(43)

Il-konsum totali tal-GFR fl-Unjoni naqas b’6 % matul il-perjodu kkunsidrat. Iż-żieda osservata fl-2022 seħħet prinċipalment minħabba l-irkupru ekonomiku wara t-tneħħija tal-miżuri tal-COVID-19 malli l-utenti reġgħu bdew jordnaw u jistokkjaw mill-ġdid l-inventarji u reġgħet bdiet il-produzzjoni. Madankollu, matul l-2023, id-domanda għall-GFR fl-Unjoni naqset filwaqt li fil-PIR irkuprat bi 2 %. It-tnaqqis fil-konsum u l-irkupru dgħajjef sussegwenti ġew attribwiti għal ordnijiet eċċessivi fis-snin preċedenti u għall-infiq aktar prudenti tal-konsumatur minħabba l-klima ekonomika fil-PIR.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.3.1.   Volum u sehem mis-suq

(44)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni mir-RPĊ żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Volum tal-importazzjonijiet u sehem mis-suq

 

2021

2022

2023

PIR

Volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ (tunnellati)

56 974

107 404

80 039

86 005

Indiċi

100

189

140

151

Sehem mis-suq (%)

6

11

10

10

Indiċi

100

181

155

163

Sors:

Eurostat (Comext).

(45)

Anki bil-miżuri fis-seħħ, il-volum totali tal-importazzjonijiet mir-RPĊ żdied b’51 % matul il-perjodu kkunsidrat. Meta titqies l-evoluzzjoni tal-konsum, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied minn 6 % fl-2021 għal 10 % fil-PIR.

4.3.2.   Prezzijiet tal-importazzjoni mir-RPĊ u twaqqigħ tal-prezz

(46)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjoni fuq il-bażi ta’ data tal-Eurostat. Il-prezz medju tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mir-RPĊ żviluppa kif ġej:

Tabella 3

Prezzijiet tal-importazzjoni

 

2021

2022

2023

PIR

Ir-RPĊ (EUR/tunnellata)

1 302

1 585

1 026

939

Indiċi

100

122

79

72

Sors:

Eurostat (Comext).

(47)

Il-prezz medju tal-importazzjoni tal-prodott taħt rieżami fl-Unjoni inizjalment żdied bi 22 % fl-2022 minħabba l-kostijiet eċċezzjonalment għoljin tat-trasport fuq l-ilma li segwew wara t-tneħħija tal-miżuri tal-COVID-19. Sussegwentement, seta’ jiġi osservat tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet medji tal-importazzjoni. Fil-PIR, il-prezz medju tal-importazzjonijiet fl-Unjoni kien 28 % inqas milli fl-2021.

(48)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-PIR billi qabblet:

—

il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun mitluba lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati fuq livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, u

—

il-prezzijiet medji ponderati għal kull tip ta’ prodott tal-importazzjonijiet mill-produtturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun fir-rieżami interim parallel tal-miżuri anti-dumping għall-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq il-bażi ta’ Kost, assigurazzjoni u nol (CIF, Cost, Insurance, Freight), bl-aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali konvenzjonali, anti-dumping u kumpensatorji, u għall-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni.

(49)

Għall-produttur esportatur inkluż fil-kampjun Taishan Fiberglass Inc., il-bejgħ li sar skont ftehim ta’ provvista speċjali mal-produttur tal-Unjoni European Owens Corning Fiberglas SPRL ġie eskluż mill-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz minħabba li l-prodott inkwistjoni — fibra tal-ħġieġ reżistenti għall-alkali użata għar-rinfurzar tas-siment — ma kinitx prodotta fl-Unjoni. Minflok, il-prodott huwa manifatturat esklużivament fiċ-Ċina u fil-Ġappun skont ftehim ta’ forniment fit-tul bejn dawn iż-żewġ kumpaniji, bil-produzzjoni li tiddependi fuq it-teknoloġija u l-inputs proprjetarji ta’ European Owens Corning Fiberglas SPRL (eż. blokok iżolanti).

(50)

It-tqabbil wera li, matul il-PIR, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġina mir-RPĊ kienu jinbiegħu fl-Unjoni bi prezzijiet li jwaqqgħu l-prezz tal-industrija tal-Unjoni, meta espressi bħala perċentwal ta’ dawn tal-aħħar, b’16,64 % sa 30,68 %, anki meta jiġu inklużi d-dazji anti-dumping u kumpensatorji applikabbli.

(51)

Minbarra t-twaqqigħ tal-prezz, kien hemm ukoll soppressjoni sinifikanti tal-prezzijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku. Minħabba l-pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet ikkawżata mill-importazzjonijiet sussidjati bi prezz baxx minn produtturi esportaturi Ċiniżi, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tgħolli l-prezzijiet tagħha matul il-PIR skont l-iżvilupp tal-kostijiet tal-produzzjoni waqt li kienet qed tipprova tikseb livell raġonevoli ta’ profitt, kif stabbilit fit-Tabella 8 hawn taħt. Is-soppressjoni sinifikanti tal-prezzijiet ġiet ikkonfermata wkoll mid-data fit-Tabella 3.

4.4.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Kummenti ġenerali

(52)

Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kienet tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li influwenzaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(53)

Kif imsemmi fil-premessa (16), il-kampjunar intuża għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(54)

Sabiex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta minn GFE. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi fuq il-bażi tad-data li tinsab fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(55)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum ta’ bejgħ, is-sehem mis-suq, l-impjiegi, il-produttività, id-daqs tas-sussidjar u l-irkupru minn sussidjar preċedenti.

(56)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji tal-bejgħ, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss ta’ flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investiment u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.4.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(57)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 4

Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

 

2021

2022

2023

PIR

Volum tal-produzzjoni (tunnellati)

616 388

620 455

528 204

504 019

Indiċi

100

101

86

82

Kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati)

711 692

696 059

683 048

651 196

Indiċi

100

98

96

91

Użu tal-kapaċità (%)

87

89

77

77

Indiċi

100

103

89

89

Sors:

GFE.

(58)

Fl-2022, il-volum tal-produzzjoni żdied kemxejn meta mqabbel mal-2021 wara l-laxkar tal-miżuri tal-COVID-19 li ffaċilitaw produzzjoni aktar stabbli. Barra minn hekk, fl-2022, diversi produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żiedu l-volum tal-produzzjoni sabiex jakkumulaw l-inventarji tal-prodotti finali peress li kellhom ippjanati l-bini mill-ġdid tal-ifran. Madankollu, fl-2023 u fil-PIR, kien hemm tnaqqis sinifikanti fil-volum tal-produzzjoni peress li l-produtturi tal-Unjoni kienu qed ibigħu inventarji akkumulati filwaqt li fl-istess ħin l-industrija tal-Unjoni kienet qed tiffaċċja tnaqqis fid-domanda u żieda fl-importazzjonijiet tal-GFR mir-RPĊ bi prezzijiet baxxi.

(59)

Il-kapaċità tal-produzzjoni naqset b’mod konsistenti matul il-perjodu kkunsidrat u tnaqqset b’9 %. Kif spjegat fil-premessa (32), it-tnaqqis fil-kapaċità tal-produzzjoni kien minħabba xi produtturi tal-Unjoni li waqqfu l-produzzjoni, bi Krosglass S.A. li waqqfet il-produzzjoni tal-GFR fil-Polonja u Electric Glass Fiber NL, B.V. tidħol fi proċedimenti ta’ falliment. Barra minn hekk, wara l-Brexit, NEG UK ġiet eskluża mill-industrija tal-Unjoni, u dan ikkontribwixxa wkoll għat-tnaqqis apparenti fil-kapaċità meta mqabbla mal-investigazzjoni tar-rieżami preċedenti.

(60)

L-użu tal-kapaċità naqas b’10 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat peress li l-volum tal-produzzjoni naqas aktar mill-kapaċità tal-produzzjoni.

4.4.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

(61)

Il-volum tal-bejgħ fis-suq ħieles u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 5

Volum tal-bejgħ fis-suq ħieles u sehem mis-suq(tunnellati)

 

2021

2022

2023

PIR

Volum tal-bejgħ totali fis-suq tal-Unjoni (tunnellati)

405 241

373 138

341 558

337 898

Indiċi

100

92

84

83

Sehem mis-suq

45

40

42

40

Indiċi

100

88

93

90

Sors:

GFE.

(62)

Fil-perjodu kkunsidrat, il-volum tal-bejgħ fis-suq ħieles tal-Unjoni u s-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni esperjenzaw xejriet notevoli ’l isfel li jirriflettu tnaqqis fid-domanda flimkien ma’ żieda fl-importazzjonijiet mir-RPĊ bi prezzijiet baxxi. B’mod parallel, filwaqt li l-konsum fis-suq ħieles naqas b’6 %, il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas saħansitra aktar sabiex is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas minn 45 % fl-2021 għal 40 % fil-PIR.

(63)

Il-volum kaptiv żviluppa kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 6

Volum kaptiv fis-suq tal-Unjoni u sehem mis-suq

 

2021

2022

2023

PIR

Volum kaptiv fis-suq tal-Unjoni (tunnellati)

104 510

103 486

94 143

94 536

Indiċi

100

99

90

90

Sors:

GFE.

(64)

Il-volum kaptiv tal-industrija tal-Unjoni (magħmul minn trasferimenti kaptivi u bejgħ kaptiv fis-suq tal-Unjoni) fis-suq tal-Unjoni naqas b’10 % matul il-perjodu kkunsidrat. Filwaqt li l-bejgħ kemm fis-suq ħieles kif ukoll fis-suq kaptiv segwa xejra simili mill-2021 sa tmiem il-PIR, it-tnaqqis fil-bejgħ fis-suq kaptiv kien ta’ 7 punti perċentwali inqas milli fis-suq ħieles.

4.4.2.3.   Impjiegi u produttività

(65)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 7

Impjiegi u produttività

 

2021

2022

2023

PIR

Għadd ta’ impjegati

3 240

3 293

3 178

2 690

Indiċi

100

102

98

83

Produttività (tunnellati/impjegat)

190

188

166

187

Indiċi

100

99

87

98

Sors:

GFE.

(66)

Fil-perjodu kkunsidrat, l-għadd ta’ impjegati fl-industrija tal-Unjoni wera kemm żieda inizjali kif ukoll tnaqqis sussegwenti. Iż-żieda inizjali fl-2022 meta mqabbla mal-2021 kienet tikkorrispondi għaż-żieda fil-produzzjoni u fil-bejgħ wara l-laxkar tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Sussegwentement, l-industrija tal-Unjoni kellha tnaqqas l-impjiegi biex taġġusta għall-kundizzjonijiet tas-suq diffiċli u żżomm l-effiċjenza operazzjonali, u xi produtturi tal-Unjoni waqqfu l-produzzjoni tal-GFR għalkollox kif spjegat fil-premessa (32).

(67)

Il-produttività naqset bejn l-2021 u l-2023 minn 190 MT / impjegat għal 166 MT / impjegat qabel ma żdiedet fil-PIR għal 187 MT / impjegat wara li l-impjiegi naqsu b’mod sinifikanti. It-titjib fl-effiċjenza segwa wkoll l-investiment imwettaq fuq il-fran minn diversi produtturi tal-GFR fl-Unjoni.

4.4.2.4.   Id-daqs tas-sussidjar u l-irkupru minn sussidjar preċedenti

(68)

L-impatt tad-daqs tal-marġnijiet effettivi ta’ sussidjar fuq l-industrija tal-Unjoni kien sostanzjali, minħabba l-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ.

4.4.2.5.   Tkabbir

(69)

Il-konsum tal-Unjoni naqas b’6 % waqt il-perjodu kkunsidrat. Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni naqas saħansitra aktar, b’16 %. L-industrija tal-Unjoni b’hekk tilfet is-sehem mis-suq, għall-kuntrarju tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat li żdied matul il-perjodu kkunsidrat.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.4.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(70)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta’ unità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 8

Prezzijiet tal-bejgħ u kost tal-produzzjoni fl-Unjoni

 

2021

2022

2023

PIR

Prezz medju tal-bejgħ ta’ unità fl-Unjoni (EUR/tunnellata)

1 100

1 540

1 343

1 209

Indiċi

100

140

122

110

Kost tal-produzzjoni ta’ unità

1 161

1 437

1 458

1 351

Indiċi

100

124

126

116

Sors:

produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(71)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ żdiedu fl-2022 meta mqabbla mal-2021 peress li l-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun setgħu jgħaddu ż-żieda fil-kostijiet xprunata mill-inflazzjoni lill-klijenti minħabba ż-żieda fid-domanda. Fl-2023 u fil-PIR, il-prezzijiet medji tal-bejgħ naqsu b’riżultat ta’ domanda globali aktar baxxa tas-suq u żieda fil-pressjoni fuq l-prezzijiet minn importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ.

(72)

Il-kostijiet tal-produzzjoni ta’ unità żdiedu b’26 % mill-2021 sal-2023 minħabba żieda fil-kostijiet lavorattivi u fil-materja prima. Barra minn hekk, il-kostijiet tal-enerġija kienu volatili, u kellhom impatt sinifikanti fuq l-industriji li jiddependu ħafna fuq l-enerġija. Il-kost tal-produzzjoni ta’ unità naqas fil-PIR, iżda baqa’ ferm ogħla mil-livell tal-2021, bis-saħħa ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija, titjib fl-effiċjenza enerġetika u strateġiji ta’ ġestjoni tal-kostijiet li rnexxew.

4.4.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(73)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 9

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2021

2022

2023

PIR

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

59 946

64 857

66 777

66 728

Indiċi

100

108

111

111

Sors:

produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(74)

Il-kost lavorattiv medju għal kull impjegat segwa xejra ta’ żieda konsistenti b’żieda ġenerali ta’ 11 % matul il-perjodu kkunsidrat. Iż-żieda kienet prinċipalment minħabba l-pressjonijiet tas-suq tax-xogħol, peress li l-kumpaniji għollew il-pagi biex iżommu u jattiraw lill-impjegati fis-suq tax-xogħol strett ta’ wara l-COVID ikkaratterizzat minn inflazzjoni għolja.

4.4.3.3.   Inventarji

(75)

Il-livelli tal-istokks tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 10

Inventarji

 

2021

2022

2023

PIR

Stokks tal-għeluq (tunnellati)

41 544

68 278

51 620

37 371

Indiċi

100

164

124

90

Sors:

produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(76)

Iż-żieda fl-inventarji fl-2022 inizjalment kienet immexxija minn akkumulazzjoni strateġika fl-istokks b’antiċipazzjoni għall-bini mill-ġdid tal-ifran ippjanat. Dan kien allinjat ma’ perjodu aktar bikri matul il-COVID-19 meta kien hemm żieda f’daqqa sinifikanti fid-domanda u problemi fil-ktajjen ta’ provvista wasslu biex il-produtturi tal-Unjoni jordnaw materja prima żejda biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-produzzjoni. Wara t-tlestija tal-bini mill-ġdid tal-ifran, l-inventarji naqsu billi l-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun irnexxielhom ibigħu l-istokks eżistenti fl-2023 u fil-PIR.

4.4.3.4.   Profittabilità, fluss ta’ flus, investimenti, redditu fuq l-investiment u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(77)

Il-profittabbiltà, il-fluss ta’ flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investiment tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 11

Profittabbiltà, fluss ta’ flus, investimenti u redditu fuq l-investiment

 

2021

2022

2023

PIR

Profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

–5,4

8,0

–7,3

–10,6

Indiċi

100

148

- 136

- 198

Fluss ta’ flus (EUR)

10 165 478

26 151 455

20 865 951

56 808 127

Indiċi

100

257

205

559

Investimenti (EUR)

29 103 848

35 118 981

72 272 923

47 662 277

Indiċi

100

121

248

164

Redditu fuq l-investiment (%)

–6

13

–6

–9

Indiċi

100

228

– 109

– 166

Sors:

produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(78)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ. Filwaqt li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet telf fl-2021, kien hemm żieda fil-profittabbiltà fl-2022 peress li l-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun setgħu jgħaddu ż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni ta’ unità lill-klijenti bis-saħħa ta’ kundizzjonijiet tas-suq favorevoli marbuta ma’ domanda għolja u ma’ kostijiet għoljin tat-trasport fuq l-ilma. Madankollu, fl-2023 u fil-PIR, il-profittabbiltà naqset minħabba żieda fil-kostijiet li ma setgħetx tiġi kkumpensata b’żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ minħabba li ż-żieda fil-volumi tal-importazzjoni mir-RPĊ waqqgħu l-prezz tal-industrija tal-Unjoni.

(79)

L-investimenti żdiedu matul il-perjodu kkunsidrat. Dawn l-investimenti huma prinċipalment relatati mal-bini mill-ġdid tal-ifran tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun li għandhom l-għan li jiżguraw il-lonġevità tat-tagħmir. Dawn l-investimenti, ippjanati fit-tul, seħħew fl-isfond tal-kundizzjonijiet mhux favorevoli tas-suq li kienu prevalenti fl-2023 u fil-PIR.

(80)

Il-fluss ta’ flus mill-2021 sal-PIR wera flutwazzjonijiet sinifikanti mmexxija minn kundizzjonijiet volatili tas-suq u limitazzjonijiet operazzjonali speċifiċi ta’ xi impjanti bħala riżultat tal-posponiment tal-bini mill-ġdid tal-ifran. Matul il-perjodu kkunsidrat, l-2022 kienet l-unika sena li fiha l-produtturi kollha tal-Unjoni inklużi fil-kampjun għamlu profitti sinifikanti, li tnaqqsu parzjalment fl-akkumulazzjoni ta’ inventarji huma hu jibdew il-bini mill-ġdid tal-ifran ippjanat, li wassal għal fluss ta’flus pożittiv. Fl-2023 u matul il-PIR, minkejja li esperjenzaw telf serju, il-flussi tal-flus baqgħu pożittivi. Din is-sitwazzjoni li tidher kontradittorja, u li hija partikolarment evidenti fil-PIR, tista’ tiġi attribwita fil-biċċa l-kbira għall-impatt tal-fluss ta’ flus pożittiv sinifikanti li jirriżulta minn tnaqqis fil-livelli tal-inventarju li kienu ġew akkumulati fl-2022.

(81)

Ir-redditu fuq l-investiment huwa l-profitt f’perċentwal tal-valur fil-kontabbiltà nett tal-investimenti. Ir-redditu fuq l-investiment żviluppa b’mod konformi mal-profittabbiltà. L-ewwel żdied fl-2022 qabel ma mar għall-agħar fl-2023 u saħansitra aktar għall-agħar fil-PIR, li għamilha aktar diffiċli għall-industrija tal-Unjoni biex tiġġenera l-kapital u tikber.

4.4.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(82)

Matul il-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni kienet profittabbli biss fl-2022, u wara dan reġgħet lura għal sitwazzjoni ta’ telf. Fl-2023 u fil-PIR, is-sitwazzjoni ta’ telf tal-industrija tal-Unjoni ħabtet ma’ żieda fl-importazzjonijiet mir-RPĊ bi prezzijiet taħt il-prezzijiet medji tal-bejgħ u l-kostijiet tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(83)

L-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi żżid il-livell tal-prezzijiet tagħha fl-2022 biex tikseb sitwazzjoni profittabbli. Madankollu, fl-2023 u fil-PIR, żdiedet id-differenza bejn il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u l-prezzijiet tal-importazzjoni mir-RPĊ. Il-prezzijiet tal-Unjoni żdiedu b’10 % matul il-perjodu kkunsidrat filwaqt li l-prezzijiet tal-importazzjoni mir-RPĊ naqsu bi 28 % matul l-istess perjodu. Konsegwentement, il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-prodott taħt rieżami mir-RPĊ segwew xejra opposta għal dik tal-industrija tal-Unjoni. B’riżultat ta’ dan, minkejja li l-industrija tal-Unjoni kellha tbigħ bit-telf, hija tilfet mis-sehem mis-suq għall-importazzjonijiet mir-RPĊ bejn l-2021 u l-PIR.

(84)

Kważi l-indikaturi kollha tad-dannu wrew xejra negattiva ġenerali matul il-perjodu kkunsidrat. Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-profittabbiltà u r-redditu fuq l-investiment kollha ddeterjoraw, f’allinjament mat-tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ u fis-sehem mis-suq. Fl-2022, l-Unjoni rnexxielha tirkupra sa ċertu punt billi d-domanda għall-GFR żdiedet wara t-tneħħija tal-miżuri tal-COVID-19. Madankollu, fl-2023 u fil-PIR, minħabba ż-żieda fil-volum tal-importazzjoni bi prezzijiet li qed jonqsu, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kompliet tmur għall-agħar kif muri miż-żieda fit-telf tagħha.

(85)

Kif stabbilit hawn fuq, indikaturi ekonomiċi oħra bħar-redditu fuq l-investiment kienu negattivi matul il-perjodu kkunsidrat bl-eċċezzjoni tas-sena 2022. Dan affettwa l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni ta’ awtofinanzjament tal-operazzjonijiet tagħha u li tiġġenera l-kapital, u b’hekk impedixxa t-tkabbir tagħha u saħansitra hedded is-sopravivenza tagħha fuq terminu medju u twil.

(86)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament bażiku.

5.   KAWŻALITÀ

(87)

F’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk l-importazzjonijiet sussidjati mir-RPĊ ikkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni.

(88)

F’konformità mal-Artikolu 8(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi magħrufin oħrajn setgħux fl-istess ħin ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kwalunkwe dannu possibbli kkawżat minn fatturi oħrajn għajr l-importazzjonijiet sussidjati mill-pajjiż ikkonċernat ma kienx attribwit għall-importazzjonijiet sussidjati. Il-fatturi kkunsidrati mill-Kummissjoni kienu l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għajr ir-RPĊ, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u ż-żieda fil-kost tal-materja prima, fil-kost tal-enerġija fuq l-industrija tal-Unjoni u t-tnaqqis fid-domanda.

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet sussidjati

(89)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evoluzzjoni tal-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u l-impatt tagħhom fuq l-industrija tal-Unjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku.

5.1.1.   Kwantità u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet sussidjati mill-pajjiż ikkonċernat

(90)

L-investigazzjoni wriet li, minkejja l-miżuri anti-dumping u kumpensatorji fis-seħħ u t-tnaqqis fil-konsum, il-volum tal-importazzjonijiet sussidjati li jwaqqgħu l-prezz tal-industrija tal-Unjoni mir-RPĊ żdied kemm f’termini assoluti kif ukoll f’dawk relattivi matul il-perjodu kkunsidrat. Meta s-sena 2021 tittieħed bħala sena ta’ referenza, il-volum tal-importazzjoni żdied b’51 % filwaqt li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ żdied minn 6 % fl-2021 għal 10 % fil-PIR.

(91)

Fl-istess ħin, l-industrija tal-Unjoni rat is-sehem mis-suq tagħha jonqos b’ħames punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat.

5.1.2.   Prezz tal-importazzjonijiet sussidjati mill-pajjiż ikkonċernat u effett fuq il-prezz

(92)

Il-prezzijiet medji ta’ unità tal-importazzjonijiet sussidjati naqsu bi 28 % bejn l-2021 u l-PIR u kienu inqas minn dawk tal-industrija tal-Unjoni matul l-istess perjodu.

(93)

L-industrija tal-Unjoni kienet profittabbli fl-2022 u wara bdiet tagħmel it-telf, li ħabat mat-tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet tal-importazzjoni mir-RPĊ. Anki wara li naqqset il-prezz tal-bejgħ tagħha fl-2023 u fil-PIR, l-industrija tal-Unjoni naqset milli żżomm is-sehem mis-suq tagħha. Dan it-tnaqqis fil-prezz sar għad-detriment tal-profittabbiltà, li wassal għal sitwazzjoni ta’ telf.

(94)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li l-livell tal-prezz tal-importazzjonijiet sussidjati mir-RPĊ kellu impatt negattiv konsiderevoli fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni u, għalhekk, kellu rwol deċiżiv fid-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.1.3.   Rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati mir-RPĊ u d-dannu materjali tal-industrija tal-Unjoni

(95)

Id-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kkoinċida ma’ żieda fil-preżenza tal-importazzjonijiet sussidjati mir-RPĊ. F’kuntest ta’ suq li qed jiċkien, iż-żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ flimkien mal-prezzijiet medji baxxi tagħhom tal-bejgħ kellhom impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni. Għalkemm l-industrija tal-Unjoni setgħet tirkupra fl-2022, ma setgħetx tgħolli b’mod suffiċjenti l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha biex tkopri bis-sħiħ iż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni, minħabba ż-żieda fil-preżenza ta’ importazzjonijiet sussidjati tal-GFR mir-RPĊ. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żieda fl-importazzjonijiet mir-RPĊ bi prezzijiet aktar baxxi kkoinċidiet mad-deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-2023, li kompla fil-PIR.

(96)

Bil-ħsieb tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet li d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat mill-importazzjonijiet sussidjati mir-RPĊ skont it-tifsira tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

5.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għajr ir-RPĊ

(97)

L-importazzjonijiet tal-GFR minn pajjiżi terzi għajr ir-RPĊ kienu joriġinaw prinċipalment mill-Eġittu, mill-Malażja, u mir-Renju Unit.

(98)

Il-volum tal-importazzjonijiet fl-Unjoni kif ukoll is-sehem mis-suq u x-xejriet tal-prezzijiet għall-importazzjonijiet tal-GFR minn pajjiżi terzi oħrajn żviluppaw kif ġej:

Tabella 12

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

Pajjiż

 

2021

2022

2023

PIR

Il-Malażja

Volum (tunnellati)

136 086

114 844

76 909

84 827

 

Indiċi

100

84

57

62

 

Sehem mis-suq (%)

14

12

9

10

 

Prezz medju (EUR/ tunnellata)

1 049

1 389

1 146

975

 

Indiċi

100

132

109

93

L-Eġittu

Volum (tunnellati)

112 120

117 953

106 599

113 312

 

Indiċi

100

105

95

101

 

Sehem mis-suq (%)

12

12

13

13

 

Prezz medju (EUR/tunnellata)

803

1 193

932

771

 

Indiċi

100

149

116

96

Ir-Renju Unit

Volum (tunnellati)

34 509

57 306

50 127

47 437

 

Indiċi

100

166

145

137

 

Sehem mis-suq (%)

4

6

6

6

 

Prezz medju (EUR/ tunnellata)

1 017

1 331

1 397

1 273

 

Indiċi

100

131

137

125

Pajjiżi terzi oħrajn mhux imsemmija hawn fuq

Volum (tunnellati)

182 171

173 659

165 869

170 443

 

Indiċi

100

95

91

94

 

Sehem mis-suq (%)

20

18

20

20

 

Prezz medju (EUR/ tunnellata)

1 049

1 396

1 356

1 331

 

Indiċi

100

133

129

127

Total tal-pajjiżi terzi kollha (għajr ir-RPĊ)

Volum (tunnellati)

160 116

173 659

165 869

170 443

 

Indiċi

100

108

104

106

 

Sehem mis-suq (%)

18

18

20

20

 

Prezz medju (EUR/ tunnellata)

1 069

1 595

1 299

1 164

 

Indiċi

100

149

121

109

Sors:

Eurostat (Comext).

(99)

Ix-xejra fl-importazzjonijiet mill-Malażja lejn l-Unjoni mill-2021 sal-PIR uriet tnaqqis sinifikanti kemm fil-volum kif ukoll fis-sehem mis-suq, flimkien ma’ flutwazzjonijiet fl-ipprezzar. Il-volumi tal-importazzjoni naqsu drastikament minn 136 086 tunnellata fl-2021 għal 76 909 tunnellata fl-2023, qabel irkupru żgħir għal 84 827 tunnellata sal-PIR. B’mod korrispondenti, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Malażja naqas minn 15 % għal 9 % qabel ma żdied bi ftit għal 10 %. Għalkemm il-prezz medju għal kull tunnellata inizjalment żdied bi 32 % fl-2022, kien hemm tnaqqis sinifikanti fl-2023 u fil-PIR.

(100)

Il-volumi u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet tal-GFR li joriġinaw mill-Eġittu baqgħu stabbli fost il-flutwazzjonijiet sinifikanti fl-ipprezzar, speċjalment meta mqabbla mal-prezzijiet medji tal-Unjoni. Il-volumi tal-importazzjoni mill-Eġittu wrew żieda żgħira ta’ madwar 5 % mill-2021 sal-2022, tnaqqis ta’ madwar 10 % fl-2023 u ritorn għal livelli kważi oriġinali sal-PIR, filwaqt li żammew sehem mis-suq kostanti ta’ 12 % li żdied kemxejn għal 13 % fil-PIR. Il-prezzijiet tal-Eġittu baqgħu aktar baxxi kemm mill-prezzijiet medji tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll mill-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi.

(101)

L-importazzjonijiet tal-GFR mir-Renju Unit fl-Unjoni bejn l-2021 u l-PIR urew żieda fil-volum, u sehem mis-suq relattivament stabbli. Il-volumi tal-importazzjoni mir-Renju Unit żdiedu mill-2021 sal-2022, qabel ma naqsu b’madwar 12 % fl-2023 u b’5 % oħra sal-PIR. Is-sehem mis-suq żdied minn 4 % għal 6 % matul l-2022 u baqa’ f’dak il-livell sa tmiem il-PIR. Il-prezz medju għal kull tunnellata mir-Renju Unit kien f’livelli simili jew ogħla mill-prezz medju tal-industrija tal-Unjoni, u ogħla mill-prezz tal-importazzjonijiet mir-RPĊ. Il-prezzijiet tal-importazzjoni mir-Renju Unit l-ewwel żdiedu b’31 % mill-2021 sal-2022 u komplew jiżdiedu sa EUR 1 397 fl-2023, qabel tnaqqis żgħir għal EUR 1 273 fil-PIR.

(102)

L-importazzjonijiet tal-GFR minn pajjiżi terzi, esklużi dawk speċifikati qabel, fl-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat esperjenzaw tnaqqis fil-volum. Minkejja tnaqqis ta’ 6 %, is-sehem mis-suq tagħhom baqa’ relattivament stabbli fil-livell ta’ 20 %. Barra minn hekk, il-prezzijiet medji minn dawn il-pajjiżi kienu ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjoni mir-RPĊ.

(103)

L-analiżi tad-data dwar l-importazzjoni għall-GFR minn pajjiżi terzi oħrajn turi stampa mħallta. L-importazzjonijiet mill-Malażja naqsu b’mod sinifikanti f’termini assoluti u relattivi matul il-perjodu kkunsidrat filwaqt li ġew ipprezzati taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. L-importazzjonijiet mill-Eġittu baqgħu stabbli filwaqt li ġew ipprezzati wkoll taħt il-prezzijiet medji tal-industrija tal-Unjoni. L-importazzjonijiet mir-Renju Unit, għalkemm kienu qed jiżdiedu, daħlu fl-Unjoni bi prezzijiet ogħla fl-2023 u fil-PIR. Il-volumi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi oħrajn mhux imsemmija hawn fuq naqsu b’mod sinifikanti f’termini assoluti u relattivi matul il-perjodu kkunsidrat. Il-livell tal-prezzijiet tagħhom kien ogħla minn dak tal-industrija tal-Unjoni fl-2023 u fil-PI. Kollox ma’ kollox, ma kien hemm l-ebda importazzjoni sinifikanti minn pajjiżi terzi li żiedu s-sehem mis-suq tagħhom filwaqt li kienu pprezzati taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat, u b’mod partikolari fil-PIR.

(104)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn ma naqqsux ir-rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet sussidjati mir-RPĊ.

5.2.2.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(105)

Il-volum tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni żviluppa kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 13

Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

 

2021

2022

2023

PIR

Volum tal-esportazzjoni (tunnellati)

83 052

85 859

88 712

105 695

Indiċi

100

103

107

127

Prezz medju (EUR/tunnellata)

1 204

1 807

1 715

1 620

Indiċi

100

150

142

135

Sors:

GFE, Produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(106)

Mill-2021, l-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni żdiedu gradwalment għalkemm baqgħu żgħar meta mqabbla mal-bejgħ totali. Dawn l-esportazzjonijiet fil-biċċa l-kbira kien fihom prodotti bi speċifikazzjonijiet tekniċi ogħla, li pproteġewhom mill-kompetizzjoni diretta fil-prezz. Konsegwentement, l-Unjoni setgħet tikseb prezzijiet ogħla għal dawn il-prodotti tal-GFR fis-swieq internazzjonali meta mqabbla mas-suq tal-Unjoni. Dan kien jirrifletti enfasi strateġika fuq swieq niċċa barra l-Ewropa.

(107)

Għalhekk, iż-żieda fil-bejgħ tal-esportazzjoni ma naqqsitx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati mill-pajjiż ikkonċernat u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, il-bejgħ għall-esportazzjoni ppermetta lill-industrija tal-Unjoni ttejjeb il-qagħda finanzjarja ġenerali tagħha bis-saħħa taż-żieda fil-volum tal-bejgħ u l-livelli tal-prezzijiet miksuba li kienu ogħla milli fis-suq tal-Unjoni.

5.2.3.   Kostijiet tal-enerġija u tal-materja prima

(108)

Il-prezz medju tal-enerġija tal-industrija tal-Unjoni żviluppa kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 14

Prezzijiet tal-enerġija u tal-materja prima fl-Unjoni

 

2021

2022

2023

PIR

Kost medju tal-enerġija għal kull tunnellata fl-Unjoni

210

412

233

204

Indiċi

100

197

111

97

Kost medju tal-materja prima għal kull tunnellata fl-Unjoni

182

240

261

231

Indiċi

100

132

144

127

Sors:

Produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(109)

Ix-xejra fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat uriet volatilità sinifikanti u stabbilizzazzjoni eventwali. Iż-żieda f’daqqa fl-2022, meta mqabbla mal-2021, kienet iggravata mill-konsegwenzi tat-tensjonijiet ġeopolitiċi li affettwaw il-provvista tal-enerġija prinċipalment minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna. Iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija kellha impatt sinifikanti fuq il-kostijiet tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Sal-2023, naqsu l-prezzijiet tal-enerġija.

(110)

L-investigazzjoni żvelat li l-kost tal-materja prima ewlenija żdied b’mod sostanzjali fl-2022, li kkontribwixxa għal żieda sinifikanti fil-prezz tal-bejgħ ta’ unità peress li l-industrija tal-Unjoni setgħet tgħaddi dawn il-kostijiet lill-klijenti. Għall-kuntrarju, filwaqt li fl-2023 il-kostijiet tal-materja prima komplew jiżdiedu, il-prezz tal-bejgħ ta’ unità naqas peress li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tgħaddi dawn il-kostijiet addizzjonali lill-klijenti. Fil-PIR, filwaqt li l-kostijiet tal-materja prima naqsu meta mqabbla mal-kostijiet osservati fis-snin 2023 u 2022, il-prezzijiet tas-suq tal-Unjoni naqsu saħansitra aktar minħabba li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżomm jew iżżid il-prezzijiet tagħha minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet minn importazzjonijiet sussidjati miċ-Ċina.

(111)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija u tal-kostijiet tal-materja prima ma naqqsux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati u d-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

5.2.4.   Volum kaptiv tal-industrija tal-Unjoni

(112)

Kif innotat fil-premessi (62) u (64), il-bejgħ kemm fis-swieq ħielsa kif ukoll f’dawk kaptivi wera xejra simili matul il-perjodu kkunsidrat, bil-bejgħ kaptiv li esperjenza tnaqqis aktar kajman — speċifikament seba’ punti perċentwali inqas. Għalhekk, il-bejgħ kaptiv ma setax jitqies bħala fattur li jimmina r-relazzjoni kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati u l-effett tagħhom fuq l-industrija tal-Unjoni.

5.2.5.   Tnaqqis fid-domanda

(113)

Għalkemm kien hemm xi tnaqqis fid-domanda, kif spjegat fil-premessa (43), l-importazzjonijiet Ċiniżi żiedu s-sehem mis-suq tagħhom minn 6 % fl-2021 għal 10 % fl-RIP, filwaqt li naqsu l-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-investigazzjoni kkonkludiet ukoll dwar it-twaqqigħ tal-prezz u s-soppressjoni tal-prezz mill-importazzjonijiet Ċiniżi.

(114)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tnaqqis fid-domanda ma naqqasx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping u d-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(115)

Kien hemm deterjorament ġenerali tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni fl-2023 u fil-PIR. Dawn iċ-ċirkostanzi negattivi kkoinċidew fl-istess ż-żmien ma’ żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet tal-GFR mir-RPĊ, li saru bi prezzijiet li waqqgħu l-prezzijiet u l-kostijiet tal-industrija tal-Unjoni minkejja l-eżistenza ta’ dazji anti-dumping u kumpensatorji.

(116)

Ġew analizzati wkoll fatturi oħrajn li setgħu kkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, instab li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, l-iżvilupp fis-suq kaptiv u t-tnaqqis fid-domanda ma naqqsux ir-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet sussidjati u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

6.   INTERESS TAL-UNJONI

6.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(117)

L-investigazzjoni stabbiliet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali kkawżat mill-importazzjonijiet sussidjati mir-RPĊ matul il-PIR. Kif spjegat fil-premessa (32), matul l-RIP żewġ produtturi tal-Unjoni waqqfu l-produzzjoni tal-GFR għalkollox minħabba kundizzjonijiet tas-suq sfavorevoli.

(118)

L-emenda tal-miżuri tippermetti lill-industrija tal-Unjoni żżomm u/jew tirkupra s-sehem mis-suq tagħha, iżżid il-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, iżżid il-prezzijiet biex tkopri l-kost tal-produzzjoni u tikseb livell ta’ profittabbiltà li jkun mistenni f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Fuq din il-bażi, l-industrija tal-Unjoni jeħtieġ li terġa’ lura għal sitwazzjoni sostenibbli li jippermettilha tagħmel investimenti futuri.

(119)

Iż-żamma tal-miżuri fl-istess livell x’aktarx twassal għal telf ulterjuri tas-sehem mis-suq u għal deterjorament tal-profittabbiltà, li saru negattivi fl-2023 u fil-PIR. Dan possibbilment jikkawża l-għeluq addizzjonali ta’ faċilitajiet tal-produzzjoni u s-sensji u b’hekk jipperikola l-vijabbiltà tal-industrija tal-Unjoni.

(120)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-emenda tal-miżuri kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet tal-GFR mir-RPĊ tkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

6.2.   Interess tal-utenti u tal-importaturi mhux relatati

(121)

L-ebda importatur mhux relatat ma ppreżenta ruħu u kkoopera f’din l-investigazzjoni billi ppreżenta tweġiba għall-kwestjonarju.

(122)

Matul l-investigazzjoni, żewġ utenti biss, Amiblu Holding GmbH u F.S. Fehrer Automotive GmbH, ippreżentaw ruħhom u pprovdew tweġibiet għall-kwestjonarju li kellhom nuqqasijiet kbar. Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet ikkonċernati jipprovdu l-informazzjoni pendenti; madankollu, dawn ma kkonformawx ma’ din it-talba fil-perjodu ta’ żmien preskritt.

(123)

Mal-bidu, utent ieħor, PROXIM, esprima oġġezzjonijiet għall-emenda potenzjali tal-miżuri. PROXIM afferma li ħafna utenti ma kinux konxji mill-investigazzjoni, li ma ħallithomx jippreżentaw il-kwestjonarju fil-perjodu ta’ żmien stipulat.

(124)

Madankollu, il-Kummissjoni ħadet il-passi meħtieġa kollha biex tiżgura li l-utenti magħrufa kollha u l-importaturi mhux relatati msemmija fit-talba jkunu ġew debitament innotifikati. Barra minn hekk, ġiet ippubblikata Notifika tal-Bidu fil-Ġurnal Uffiċjali, li informat lill-partijiet interessati kollha dwar l-investigazzjoni. Il-kwestjonarji maħsuba għall-utenti u għall-importaturi ġew ippubblikati wkoll fuq is-sit web tal-każ (26).

(125)

Fis-sottomissjoni tagħhom, l-utenti Tolnatext Fonalfeldolgozo es Müszakiszovet-gyàrto Bt. (“Tolnatext”) u Dr. Günther Kast GmbH & Co., li huma parti mill-KAST Group, asserew li l-implimentazzjoni ta’ miżuri kummerċjali addizzjonali taffettwa b’mod negattiv katina effiċjenti tal-provvista. Skont Tolnatext, minkejja li kienu protetti mill-miżuri eżistenti, il-produtturi tal-Unjoni ma żidux il-kapaċità tagħhom li jfornu lis-suq tal-Unjoni bil-GFR biex jissodisfaw b’mod adegwat id-domandi tal-utenti. Barra minn hekk, innutaw li ċerti faxex tal-fibra bħal faxex tal-fibra tat-tip low-tex mhumiex prodotti fl-Unjoni, u, għal xi wħud, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa mill-utenti mhumiex issodisfati mill-produtturi tal-Unjoni, li jagħmlu lill-utenti estremament dipendenti fuq id-disponibbiltà ta’ prodotti speċifikati minn sorsi alternattivi. Fl-aħħar nett, l-utenti fl-Unjoni ġew impattati b’mod negattiv mit-tnaqqis fir-rifużjoni tat-taxxa fuq l-esportazzjoni tar-RPĊ u b’oligopolju dejjem aktar ikkonċentrat ta’ ftit produtturi tal-Unjoni.

(126)

L-investigazzjoni ddeterminat li dawn il-pretensjonijiet kienu bla bażi. Kif enfasizzat fil-premessi preċedenti, l-industrija tal-Unjoni għamlet investimenti sostanzjali minkejja kundizzjonijiet tas-suq diffiċli. Madankollu, espansjoni ulterjuri tal-kapaċità teħtieġ impenji ta’ kapital fit-tul, li jiddependu fuq iż-żamma ta’ kundizzjonijiet ekwi li fihom il-produtturi kompetittivi jistgħu jantiċipaw redditu ġust fuq l-investiment. L-industrija tal-Unjoni kienet qed tiffaċċja wkoll importazzjonijiet inġusti minn pajjiżi oħrajn bħall-Eġittu u kundizzjonijiet tas-suq diffiċli, inklużi l-impatti tal-COVID-19.

(127)

Fil-biċċa l-kbira, il-GFR hija prodott standardizzat. Minkejja diversi differenzi fid-dehra u differenzi potenzjali fl-applikazzjonijiet finali, it-tipi differenti kollha tal-GFR jikkondividu l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi u essenzjalment jintużaw għall-istess skopijiet. Għalhekk, l-utenti tal-GFR jistgħu jibdlu s-sorsi ta’ forniment peress li sorsi alternattivi ta’ forniment huma disponibbli barra mir-RPĊ, inklużi l-Malażja, l-Eġittu, ir-Renju Unit u sorsi oħra. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni għandha l-kapaċità, l-abbiltà u t-teknoloġija għall-produzzjoni ta’ ħafna tipi meħtieġa bħall-faxex tal-fibra low-tex. L-industrija tal-Unjoni qed tagħmel investiment fl-innovazzjoni u ħadmet b’mod konsistenti mal-industriji downstream fl-isforzi tar-R & Ż biex il-prodotti jitfasslu b’mod effettiv.

(128)

Anki bit-tnaqqis fir-rifużjoni tat-taxxa fuq l-esportazzjoni tar-RPĊ f’Novembru 2024, komplew jidħlu volumi kbar ta’ importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni. Dan issuġġerixxa li t-tibdil fir-rifużjoni waħidha ma kellhiex impatt sinifikanti fuq id-dinamika tas-suq. Ġie analizzat it-tħassib rigward il-konċentrazzjoni tas-suq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnutat li, b’mod ġenerali, il-korpi regolatorji jeżaminaw bir-reqqa fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet biex jipprevjenu mġiba antikompetittiva. Madankollu, tali kwistjonijiet jaqgħu barra mill-ambitu ta’ din l-investigazzjoni kummerċjali. Fuq din il-bażi, dawn il-pretensjonijiet ġew miċħuda.

(129)

L-utent OPTIPLAN GmbH issottometta kummenti; madankollu, dawn waslu wara l-iskadenza speċifikata fin-Notifika tal-Bidu, li tirrikjedi li l-partijiet interessati kollha jissottomettu l-fehmiet, l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn tagħhom fi żmien 37 jum mill-pubblikazzjoni tan-Notifika.

(130)

Wara d-divulgazzjoni, PROXIM argumentat li l-Kummissjoni ma qisitx kif xieraq is-sitwazzjoni u l-argumenti tal-utenti tal-Unjoni tal-GFR. Hija sostniet li l-utenti jinsabu f’pożizzjoni kompetittiva ferm aktar diffiċli mill-produtturi tal-Unjoni, partikolarment dawk li huma integrati vertikalment. PROXIM sostniet ukoll li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi assistenza adegwata lill-utenti biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fl-investigazzjoni, li rriżulta f’li t-tħassib tagħhom ma jiġix rifless kif xieraq fis-sejbiet.

(131)

Il-Kummissjoni fakkret li l-utenti magħrufa u l-importaturi mhux relatati kollha identifikati fit-talba ġew infurmati kif xieraq dwar il-bidu tar-rieżami. Notifika tal-Bidu ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, kwestjonarji għall-utenti u l-importaturi saru disponibbli online, u l-partijiet kollha ġew mistiedna jipprovdu kummenti u jitolbu seduti ta’ smigħ. Diversi utenti, inkluż PROXIM, fil-fatt għamlu sottomissjonijiet, u l-partijiet li talbu seduta ta’ smigħ ingħataw waħda. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-utenti ngħataw kull opportunità li jipparteċipaw, u li l-argumenti tagħhom tqiesu f’konformità mar-rekwiżiti proċedurali.

(132)

PROXIM argumentat ukoll li, skont informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, fl-aħħar tal-2024 il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina naqqas il-livell tar-rifużjonijiet tat-taxxa fuq l-esportazzjoni għal ċerti kategoriji ta’ prodotti minerali mhux metalliċi, inklużi linji tariffarji potenzjalment rilevanti għall-GFR, minn 13 % għal 9 %. Fil-fehma tagħha, dan l-iżvilupp naqqas b’mod effettiv il-livell ta’ sussidjar min-naħa tar-RPĊ u kellu jitqies meta ġie stabbilit il-livell ta’ miżuri kumpensatorji.

(133)

Fir-rigward tar-referenza għat-tnaqqis tar-rifużjoni tat-taxxa fuq l-esportazzjoni tar-RPĊ fl-aħħar tal-2024, il-Kummissjoni nnotat li volumi kbar ta’ importazzjonijiet sussidjati mir-RPĊ komplew jidħlu fis-suq tal-Unjoni anki wara dan it-tnaqqis fir-rifużjoni. Kif stabbilit fl-investigazzjoni, il-bidla fir-rifużjoni ma biddlitx materjalment id-dinamika tas-suq, li baqgħet ikkaratterizzata minn twaqqigħ u soppressjoni sinifikanti tal-prezzijiet mill-importazzjonijiet Ċiniżi. Barra minn hekk, il-bidla fir-rifużjoni seħħet wara l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u għalhekk ma setgħetx titqies fid-determinazzjoni tal-livell ta’ sussidjar f’dan il-proċediment.

(134)

Barra minn hekk, PROXIM sostniet li l-livell attwali ta’ miżuri jirriskja li jagħmel dannu lill-industriji downstream fl-Unjoni billi jżid il-kostijiet tagħhom meta mqabbla mal-kompetituri barra mill-Unjoni. B’mod partikolari, indikat ir-riskju ta’ kompetittività mnaqqsa tal-utenti tal-Unjoni u r-rilokazzjoni possibbli ta’ attivitajiet downstream barra mill-Unjoni. Għalhekk, PROXIM talbet li l-Kummissjoni tiżgura approċċ aktar bilanċjat bejn il-protezzjoni tal-produtturi tal-Unjoni u l-interessi tal-utenti tal-Unjoni, sabiex jiġi evitat dannu sproporzjonata lil dawn tal-aħħar.

(135)

Fir-rigward tal-pretensjoni li l-miżuri jżidu l-kostijiet tal-utenti u jnaqqsu l-kompetittività tagħhom meta mqabbla ma’ operaturi barra mill-Unjoni, il-Kummissjoni sabet li kwalunkwe impatt fuq il-kostijiet huwa mistenni li jkun limitat minħabba s-sehem moderat tat-tisħiħ tal-fibra tal-ħġieġ fil-kostijiet totali tal-produzzjoni u d-disponibbiltà ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri la jaffettwaw materjalment il-kompetittività tal-utenti tal-Unjoni u lanqas ma jwasslu għal rilokazzjoni ta’ attivitajiet downstream. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni.

(136)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni u fin-nuqqas ta’ tweġiba sinifikanti mill-utenti u mill-importaturi, ma kien hemm l-ebda evidenza li tikkontradixxi l-konklużjoni li kwalunkwe impatt negattiv tal-miżuri fuq l-importaturi mhux relatati u l-utenti huwa mistenni li jkun limitat u mhux se jisboq l-effett pożittiv tal-miżuri fuq il-produtturi tal-Unjoni.

6.3.   Interess tal-fornituri

(137)

Il-kumpaniji li jfornu r-reżina tal-epossi lill-industrija tal-Unjoni Olin Epoxy & Chemicals International (US), Westlake Epoxy BV (NL) u Spolek pro chemickou a hutní výrobu, akciová společnost (CZ), esprimew l-appoġġ tagħhom għall-implimentazzjoni tal-miżuri. Huma enfasizzaw l-importanza li l-komponenti u l-materjali ewlenin kollha f’din il-katina ta’ valur ikunu jinsabu fl-Unjoni biex tiġi żgurata r-reżiljenza f’setturi strateġiċi. Huma affermaw ukoll li ż-żamma ta’ tali preżenza ssaħħaħ il-katina ta’ provvista u ttejjeb il-kapaċità tal-Unjoni li tkun innovattiva u tirrispondi b’mod effettiv għad-domandi tas-suq.

6.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(138)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni serja li tindika li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jiġu emendati l-miżuri kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet tal-GFR mir-RPĊ.

(139)

Kif konkluż fil-premessa (86), l-industrija tal-Unjoni kienet qed iġġarrab dannu materjali fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Konsegwentement, il-livell kurrenti tal-miżuri ma għadux biżżejjed biex jiġi miġġieled is-sussidjar li qed jikkawża d-dannu.

7.   MIŻURI KUMPENSATORJI DEFINITTIVI

(140)

Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni dwar id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li l-miżuri kumpensatorji jinżammu u jiġu emendati biex jiġi evitat li jsir aktar dannu lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet sussidjati.

(141)

Kif indikat fin-Notifika tal-bidu, l-għan tar-rieżami huwa li jiġu stabbiliti r-rati ta’ dannu. Id-dannu jitneħħa jekk l-industrija tal-Unjoni tkun tista’ tikseb profitt fil-mira billi tbigħ bi prezz fil-mira fis-sens tal-Artikoli 12(1a) u 12(1b) tar-Regolament bażiku.

(142)

F’konformità mal-Artikolu 12(1a) tar-Regolament bażiku, għall-istabbiliment tal-profitt fil-mira, il-Kummissjoni qieset il-fatturi li ġejjin: il-livell ta’ profittabbiltà qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiż li qiegħed jiġi investigat, il-livell ta’ profittabbiltà meħtieġ biex jiġu koperti l-kostijiet u l-investimenti kollha, ir-riċerka u l-iżvilupp (R & Ż) u l-innovazzjoni, u l-livell ta’ profittabbiltà li għandu jkun mistenni f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali. Jenħtieġ li tali marġni ta’ profitt ma jkunx inqas minn 6 %.

(143)

Fir-rigward tal-livell ta’ profittabbiltà qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet mir-RPĊ, il-Kummissjoni eżaminat il-profitt miksub mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul perjodu ta’ 10 snin. Ġie nnutat li l-importazzjonijiet miċ-Ċina kienu preżenti fis-suq tal-Unjoni matul l-10 snin kollha u għalhekk ma kienx possibbli li jiġi stabbilit marġni ta’ profitt fuq il-bażi ta’ xi waħda minn dawn is-snin qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet mir-RPĊ. Barra minn hekk, instab li s-sena 2022 kienet influwenzati ħafna mill-irkupru ekonomiku ta’ wara l-COVID-19 u ma deherx xieraq li jiġi stabbiliti abbażi tagħha l-profitt fil-mira. Għalhekk, tqies li s-sena 2016 kienet xierqa peress li kienet l-aktar sena reċenti meta l-industrija tal-Unjoni operat f’kundizzjonijiet normali tas-suq wara l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping u kumpensatorji fl-2014. Fis-sena 2016, l-industrija tal-Unjoni għamlet profitt ta’ 12,28 % filwaqt li l-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu jammontaw għal 8 % tal-konsum tal-Unjoni (27).

(144)

L-industrija tal-Unjoni pprovdiet evidenza li l-livell tagħha ta’ investimenti, ta’ riċerka u żvilupp (R & Ż) u ta’ innovazzjoni matul il-perjodu kkunsidrat kienu jkunu ogħla f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Il-Kummissjoni vverifikat din l-informazzjoni matul iż-żjarat ta’ verifika fuq il-post billi vverifikat ir-rekords interni tal-kumpanija relatati mal-pjanijiet ta’ investiment, mad-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni u mar-rapporti finanzjarji. Il-pretensjonijiet tal-industrija tal-Unjoni nstabu li kienu ġustifikati. Sabiex tirrifletti dan fil-profitt fil-mira, il-Kummissjoni kkalkulat id-differenza bejn l-ispejjeż tal-investimenti, tar-R & Ż u tal-innovazzjoni (“IRI”, Investments, Research and Innovation) f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni kif ipprovduti mill-industrija tal-Unjoni u vverifikati mill-Kummissjoni u l-ispejjeż reali tal-IRI matul il-perjodu kkunsidrat. Abbażi ta’ informazzjoni verifikata rigward investimenti li ma setgħux jiġu implimentati matul il-perjodu kkunsidrat, il-marġnijiet ta’ profitt fil-mira żdiedu b’0,26 % sa 1,99 % skont il-produtturi inklużi fil-kampjun.

(145)

B’hekk, il-profitt fil-mira li ġie stabbilit f’din l-investigazzjoni u f’konformità mal-Artikolu 12(1a) tar-Regolament bażiku varja bejn 12,54 % u 14,27 % skont is-sitwazzjoni li nstabet f’kull waħda mill-kumpaniji inklużi fil-kampjun.

(146)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkalkulat prezz mhux dannuż tal-prodott simili għall-industrija tal-Unjoni billi applikat il-marġnijiet ta’ profitt fil-mira rispettivi għall-kost tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(147)

F’konformità mal-Artikolu 12(1b) tar-Regolament bażiku, bħala l-pass finali, il-Kummissjoni vvalutat il-kostijiet futuri li jirriżultaw minn Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, u l-protokolli tagħhom, li għalihom l-Unjoni hija parti, li l-industrija tal-Unjoni ġġarrab matul il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżura. Abbażi tal-informazzjoni sottomessa, li kienet appoġġata mill-għodod ta’ rapportar u mill-previżjonijiet tal-kumpaniji, il-Kummissjoni stabbiliet li ma kien hemm l-ebda kost addizzjonali tal-konformità ma’ tali konvenzjonijiet matul il-PIR.

(148)

Imbagħad il-Kummissjoni ddeterminat il-livell tal-marġni tad-dannu fuq il-bażi ta’ tqabbil tal-prezz medju ponderat tal-importazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun fil-pajjiż ikkonċernat, ħlief id-dazji anti-dumping u kumpensatorji, mal-prezz medju ponderat mhux dannuż tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet espressa bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjoni.

(149)

Minħabba r-rata għolja ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fir-rieżami interim sħiħ tal-miżuri anti-dumping, il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu għad-dazju tal-“kumpaniji l-oħrajn kollha” ġie stabbilit fil-livell tal-ogħla livell li għandu jiġi impost fuq il-kumpaniji inklużi fil-kampjun jew li kkooperaw. Il-livell tal-“kumpaniji l-oħrajn kollha” se jiġi applikat għal dawk il-kumpaniji li ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

(150)

Chongqing Polycomp International Corporation kienet l-uniku produttur esportatur li ppreżenta ruħu matul l-eżerċizzju ta’ kampjunar u li ma kienx inkluż fil-kampjun. Il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu tagħha huwa stabbilit fil-medja ponderata tar-rati stabbiliti għall-produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun.

Kumpanija

Livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu (%)

CNBM Group

72,2

Jiangsu Changhai Composite Materials Holding Co., Ltd. (“Jiangsu”)

87,3

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw, jiġifieri Chongqing Polycomp International Corporation

76,1

l-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-RPĊ

87,3

(151)

Wara d-divulgazzjoni, Glass Fibre Europe indikat ċerti żbalji klerikali fil-kalkolu tal-marġni tad-dannu. Mar-rieżami ta’ dawk il-kummenti, il-Kummissjoni identifikat u kkoreġiet l-iżbalji fil-kalkoli, li rriżulta f’aġġustament għall-marġni tad-dannu li ġie ddivulgat lill-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw.

(152)

Fl-investigazzjoni oriġinali, il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu stabbilit għall-kumpanija Jiangsu kien aktar baxx mill-marġni ta’ sussidju tagħha u d-dazju kumpensatorju tagħha ġie stabbilit fil-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu. Il-livelli ta’ eliminazzjoni tad-dannu stabbiliti f’din l-investigazzjoni huma ogħla mill-marġnijiet ta’ sussidju stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali għall-kumpaniji kollha, inkluża Jiangsu. Sabiex dan jiġi rifless, jenħtieġ li l-livell ta’ dazju kumpensatorju għal Jiangsu jiġi emendat biex jiġi stabbilit fil-livell tal-marġni ta’ sussidju tagħha stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

(153)

Din l-investigazzjoni ta’ rieżami antisussidji, limitata għad-dannu, twettqet fl-istess ħin bħal rieżami interim sħiħ separat tal-miżuri anti-dumping (ara l-premessa (7)). F’konformità mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament bażiku u sabiex jiġi evitat l-għadd doppju, il-Kummissjoni l-ewwel timponi d-dazju kumpensatorju definittiv fil-livell tal-ammont definittiv stabbilit ta’ sussidjar fl-investigazzjoni oriġinali u mbagħad timponi d-dazju anti-dumping definittiv li jifdal, li jikkorrispondi għall-marġni tad-dumping rilevanti mnaqqas bl-ammont tad-dazju kumpensatorju.

(154)

Peress li l-Kummissjoni tnaqqas il-marġni tad-dumping misjub bl-ammont sħiħ ta’ sussidjar stabbilit fir-RPĊ, ma hemm l-ebda problema ta’ għadd doppju skont it-tifsira tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament bażiku.

(155)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-rati tad-dazju kumpensatorji definittivi, espressi fuq il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Kumpanija

Dazju kumpensatorju (%)

CNBM Group

10,2

Jiangsu Changhai Composite Materials Holding Co., Ltd.

5,8

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw, jiġifieri Chongqing Polycomp International Corporation

9,7

l-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-RPĊ

10,2

(156)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li għandu jiġi emendat il-livell tad-dazji kumpensatorji kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/328.

(157)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2016/1037,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tabella li tinsab fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/328 hija sostitwita bit-tabella li ġejja:

Kumpanija

Dazju kumpensatorju (%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

CNBM Group

10,2

B990

Jiangsu Changhai Composite Materials Holding Co., Ltd.

5,8

A983

Chongqing Polycomp International Corporation

9,7

B991

Kumpaniji oħrajn li jikkooperaw elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1379/2014

10,2

 

l-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-RPĊ

10,2

A999

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1037/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1379/2014 tas-16 ta’ Diċembru 2014 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 248/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 367, 23.12.2014, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/1379/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/724 tal-24 ta’ April 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 107, 25.4.2017, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/724/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/328 tal-24 ta’ Frar 2021 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 65, 25.2.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/328/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1452 tat-13 ta’ Lulju 2023 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 179, 14.7.2023, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1452/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/870 tal-24 ta’ Ġunju 2020 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju kumpensatorju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Eġittu, u li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Eġittu (ĠU L 201, 25.6.2020, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/870/oj).

(7)  In-Notifika tal-bidu ta’ rieżami interim tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu (“GFR”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2024/5344, 30.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5344/oj).

(8)  In-Notifika tal-bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu (“GFR”) li joriġinaw mill-Bahrain, mill-Eġittu u mit-Tajlandja, (ĠU C, C/2025/1135, 17.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1135/oj).

(9)  In-Notifika tal-bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri antisussidji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu (“GFR”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2024/5343, 30.8.2024. ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5343/oj)

(10)   https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2748.

(11)   https://pdf.irpocket.com/C5214/cXlT/CQ9H/RQLv.pdf (ikkonsultat fit-22 ta’ Awwissu 2025).

(12)   https://www.ft.com/content/345784e3-a9ce-4808-8f02-8919920c0ac6 (ikkonsultat fit-22 ta’ Awwissu 2025).

(13)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(14)  Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

(15)  Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna.

(16)   https://www.jeccomposites.com/news/spotted-by-jec/jushi-egypt-completes-the-construction-of-its-fourth-glass-fiber-production-line/?news_type=announcement,business&tax_product=glass-fiber (ikkonsultat fit-22 ta’ Awwissu 2025).

(17)  Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

(18)  Ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna.

(19)   https://www.ft.com/content/16031b21-cb2f-40c7-a77d-1ac061196264 (ikkonsultat fit-22 ta’ Awwissu 2025).

(20)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura” (COM (2022) 360 final tal-20 ta’ Lulju 2022).

(21)   https://glassfibreeurope.eu/wp-content/uploads/2023/06/GFE_EU-Economic-Security-Strategy-and-the-Role-of-Glass-Fibre-June-2023.pdf (ikkonsultat fit-22 ta’ Awwissu 2025).

(22)   https://glassfibreeurope.eu/wp-content/uploads/2023/02/GFE_LCA-report-2023-February-2023.pdf (ikkonsultat fil-21 ta’ Awwissu 2025).

(23)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/75/oj).

(24)  Id-Direttiva (UE) 2024/1785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) u tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill (ĠU L, 2024/1785, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1785/oj).

(25)   https://www.avk-tv.de/wp-content/uploads/2025/02/AVK_MarktReport_2025_long_final_en-1.pdf (ikkonsultat fit-22 ta’ Awwissu 2025).

(26)   https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2748.

(27)  Ara n-nota 7 f’qiegħ il-paġna.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2328/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)