European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2098

29.7.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2098

tas-26 ta’ Lulju 2024

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Lagi l-Kbar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Frar 2023 il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar strateġija mġedda tal-Unjoni għal-Lagi l-Kbar, li inkludew stedina mill-Kunsill lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) biex jippreżenta proposta biex terġa’ tiddaħħal il-pożizzjoni ta’ Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għar-reġjun tal-Lagi l-Kbar.

(2)

Jenħtieġ li jinħatar ir-RSUE għar-reġjun tal-Lagi l-Kbar għal perjodu inizjali ta’ 12-il xahar.

(3)

Il-Kunsill u l-Kummissjoni, megħjuna mir-Rappreżentant Għoli, jenħtieġ li jiżguraw konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar u jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib għal dak l-għan. Jenħtieġ li r-RSUE jappoġġa u jikkoopera mal-istituzzjonijiet f’dan ir-rigward.

(4)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Is-Sur Johan BORGSTAM huwa b’dan maħtur bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għar-reġjun tal-Lagi l-Kbar mill-1 ta’ Settembru 2024 sal-31 ta’ Awwissu 2025. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jestendi l-mandat tar-RSUE jew li jtemmu qabel, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”).

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun konsistenti mal-objettivi tal-politika estera tal-Unjoni fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar u f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2023 dwar strateġija mġedda għal-Lagi l-Kbar. Dawk l-objettivi jinkludu:

(a)

il-kontribut għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar billi jiġi promoss it-tnaqqis tat-tensjonijiet u l-prevenzjoni ta’ konflitti, u jiġu appoġġati d-djalogu u soluzzjonijiet reġjonali fit-tul għall-kriżijiet u l-konflitti, b’mod partikolari għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) tal-Lvant;

(b)

il-kontribut għat-trasformazzjoni tal-ixprunaturi u l-kawżi ewlenin tan-nuqqas ta’ sigurtà u l-instabbiltà f’opportunitajiet kondiviżi u l-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar;

(c)

il-bini ta’ sħubija b’saħħitha, aktar komprensiva u aktar strateġika mal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar biex jissaħħu l-prosperità u s-sigurtà, abbażi ta’ valuri u interessi komuni.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika kif stabbilit fl-Artikolu 2, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jappoġġa lir-Rappreżentant Għoli fl-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2023 dwar strateġija mġedda għal-Lagi l-Kbar;

(b)

jistabbilixxi u jżomm kuntatt u kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, b’mod partikolari: ir-RDK, il-Burundi, ir-Rwanda u l-Uganda; pajjiżi fir-reġjun usa’ b’interessi politiċi, diplomatiċi, ta’ sigurtà jew ekonomiċi speċifiċi fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar, inkluż il-firmatarji tal-Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni (PSCF) għar-RDK u r-reġjun; l-organizzazzjonijiet u l-fora reġjonali ewlenin, jiġifieri l-Unjoni Afrikana (UA), il-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC), il-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC), il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (ECCAS), il-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGLR), il-Komunità Ekonomika tal-Pajjiżi tal-Lagi l-Kbar u s-Suq Komuni għal-Lvant u n-Nofsinhar tal-Afrika (COMESA); in-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari l-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għar-reġjun tal-Lagi l-Kbar u l-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fir-RDK (MONUSCO); l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali; sħab internazzjonali tal-istess fehma u atturi reġjonali u internazzjonali ewlenin oħra; u atturi mhux statali rilevanti, bħall-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali, is-soċjetà ċivili, l-istituti tar-riċerka, il-media u s-settur privat;

(c)

jappoġġa l-isforzi ta’ medjazzjoni u faċilitazzjoni reġjonali, bħall-Proċessi ta’ Luanda u Nairobi u, jekk meħtieġ u mitlub mill-partijiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, jinvolvi ruħu direttament f’medjazzjoni, attivitajiet ta’ appoġġ għall-medjazzjoni u djalogu sabiex tiġi preservata u terġa’ tiġi stabbilita l-paċi fi kwalunkwe stadju u fil-livelli kollha, inkluż billi jiġu appoġġati n-negozjati ta’ ftehimiet ta’ waqfien mill-ġlied u ta’ paċi, u jippromwovi l-inklużjoni tas-soċjetà ċivili, in-nisa u ż-żgħażagħ matul l-istadji kollha tal-istabbiliment tal-paċi;

(d)

jipprovdi pariri u jirrapporta dwar il-possibbiltajiet għall-Unjoni biex tappoġġa l-prevenzjoni ta’ konflitti, il-proċessi ta’ paċi, l-istabbilizzazzjoni u inizjattivi għall-konsolidazzjoni tal-paċi; f’dan il-kuntest, ir-RSUE, f’koordinazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, jista’ jkollu rwol fl-appoġġ tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ta’ waqfien mill-ġlied u ta’ paċi u ftehimiet relatati oħra, inkluż billi jipprovdi appoġġ għall-monitoraġġ tal-konformità u jinvolvi ruħu diplomatikament mal-partijiet f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;

(e)

jagħti pariri li jqisu l-kwistjonijiet tal-konflitti u tal-ġeneru rigward l-istabbilizzazzjoni reġjonali, id-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-riintegrazzjoni tal-gruppi armati u r-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-RDK, inkluż fil-kuntest tal-irtirar tal-MONUSCO;

(f)

jikkontribwixxi għall-isforzi reġjonali mmirati lejn il-prevenzjoni tal-konflitti u t-trasformazzjoni tal-kawżi ewlenin tal-insigurtà u l-instabbiltà f’opportunitajiet kondiviżi, billi jippromwovi l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali, inkluż mil-lat ta’ governanza tajba u l-istat tad-dritt; b’mod partikolari, għandu jiffoka fuq il-kwistjoni tal-isfruttament illegali u t-traffikar ta’ riżorsi naturali u jappoġġa inizjattivi għall-iżvilupp ta’ mudell ta’ ġestjoni tar-riżorsi mmexxi mill-Afrika, li jkun sostenibbli, ġust, ambjentalment sod u bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz ta’ involviment mas-settur privat u s-soċjetà ċivili;

(g)

jippromwovi prinċipji umanitarji u l-aċċess umanitarju, ir-rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-aċċess għall-ġustizzja, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-mekkaniżmi ta’ ġustizzja tranżizzjonali, filwaqt li jagħti attenzjoni partikolari biex jiġu indirizzati l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru u l-ksur tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal, inkluż permezz ta’ reklutaġġ furzat;

(h)

jikkontribwixxi għal fehim aħjar tar-rwol tal-Unjoni fost l-opinjonisti fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar u jappoġġa l-komunikazzjoni strateġika u proattiva tal-għanijiet tal-Unjoni fir-reġjun.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli.

2.   Il-KPS għandu jżomm rabta privileġġata mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-Rappreżentant Għoli.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mad-dipartimenti rilevanti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni.

4.   Ir-RSUE għandu jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar.

5.   Ir-RSUE għandu jkun ibbażat fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE, bi vjaġġi regolari lejn ir-reġjun tal-Lagi l-Kbar.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2024 sal-31 ta’ Awwissu 2025 għandu jkun ta’ EUR 1 500 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-ġestjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni għall-infiq kollu.

Artikolu 6

Kostituzzjoni u kompożizzjoni tat-tim tar-RSUE

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni ta’ tim (it-“tim tar-RSUE”). It-tim tar-RSUE għandu jinkludi esperti dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tar-RSUE.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru kkonċernat, mill-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni jew mis-SEAE, kif xieraq. Esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jintbagħtu mat-tim tar-RSUE. Il-persunal internazzjonali kkuntrattat għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru mandanti, l-istituzzjoni mandanti tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

4.   It-tim tar-RSUE għandu jiġi kollokat mad-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew id-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom. Ir-RSUE għandu jiffaċilita l-ftuħ mill-ġdid ta’ uffiċċju tal-Unjoni f’Goma (RDK), inkluż billi jistazzjona temporanjament persunal mit-tim tar-RSUE hemmhekk.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tat-tim tar-RSUE

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra neċessarji għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-mandat tar-RSUE u tal-membri tat-tim tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti jew partijiet ospitanti, kif xieraq. L-Istati Membri, is-SEAE u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dak il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (1).

Artikolu 9

Aċċess għall-informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, is-servizzi tal-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar jew l-Istati Membri, jew it-tnejn li huma, kif xieraq, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal stazzjonat barra l-Unjoni f’kapaċità operazzjonali skont it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat u s-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ġeografika ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b’mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan speċifiku ta’ sigurtà msejjes fuq il-gwida tas-SEAE, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzazzjonali u proċedurali speċifiċi li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment sigur tal-persunal lejn iż-żona ta’ responsabbiltà u ġewwa fiha, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà, u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u pjan ta’ evakwazzjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra l-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli, kif meħtieġ mill-kundizzjonijiet fiż-żona ta’ responsabbiltà;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li ser jiġu stazzjonati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew qabel jaslu jew mal-wasla tagħhom fiż-żona ta’ responsabbiltà, taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà abbażi tal-livelli tar-riskju li s-SEAE jagħti lil dik iż-żona;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà, jiġu implimentati, u jipprovdi rapporti bil-miktub lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti regolari ta’ progress u rapport komprensiv finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment rapporti bil-fomm u bil-miktub lir-Rappreżentant Għoli, lis-SEAE u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport, kif meħtieġ, lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-network COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-Rappreżentant Għoli jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. Ir-RSUE jista’ jkun involut fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha ta’ Stat Membru jiġu utilizzati konsistentement sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tas-SEAE u tal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi sessjonijiet ta’ informazzjoni regolari lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u l-missjonijiet tal-Istati Membri fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-kapijiet ta’ missjoni tal-Istati Membri. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Għal dak l-għan, ir-RSUE għandu wkoll ikun f’kollegament ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.

Artikolu 13

Rieżami

L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-Unjoni lir-reġjun tal-Lagi l-Kbar għandhom jiġu rieżaminati b’mod regolari. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni rapporti ta’ progress regolari u rapport komprensiv finali dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sal-31 ta’ Mejju 2025.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2098/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)