|
17.5.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 133/13 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 456/2013
tas-16 ta’ Mejju 2013
li jistabbilixxi miżuri ta’ tranżizzjoni fir-rigward tal-kwoti tal-importazzjoni tal-ħalib skont ir-Regolament (KE) Nru 2535/2001, u l-kwoti tal-importazzjoni taċ-ċanga skont ir-Regolamenti (KE) Nru 412/2008 u (KE) Nru 431/2008, minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(4) tiegħu,
Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fid-dawl tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Lulju 2013, hemm bżonn jiġu stipulati miżuri ta’ tranżizzjoni għal ċerti kwoti tal-importazzjoni fis-setturi tal-ħalib u tal-laħam taċ-ċanga, ħalli l-importaturi mill-Kroazja jkun jista’ jkollhom sehem f’dawn il-kwoti. |
|
(2) |
It-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2535/2001 tal-14 ta’ Diċembru 2001 li jipprovdi regoli dettaljati biex ikun applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 rigward l-arranġamenti tal-importazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u biex jinfetħu kwoti tat-tariffa (1), tipprevedi li l-applikanti għal-liċenzji tal-importazzjoni jridu japprovawhom bil-quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih huma stabbiliti. Sabiex mill-1 ta’ Jannar 2014 ikun żgurat l-aċċess tal-operaturi mill-Kroazja, il-kwoti tal-importazzjoni skont il-Kapitolu I tat-Titolu 2 u t-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tat-Titolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2535/2001, dawk l-operaturi għandhom jitħallew iressqu talba u l-evidenza meħtieġa għall-approvazzjoni biss qabel l-1 ta’ Ottubru 2013 minflok qabel l-1 ta’ April 2013. L-awtoritajiet tal-Kroazja għandhom jgħarrfu lill-applikanti bir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni qabel l-1 ta’ Novembru 2013, minflok qabel l-1 ta’ Mejju 2013, u jibagħtu l-listi rilevanti tal-importaturi approvati lill-Kummissjoni qabel il-15 ta’ Novembru 2013, minflok qabel l-20 ta’ Mejju 2013. |
|
(3) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 412/2008 tat-8 ta’ Mejju 2008 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja għall-importazzjoni taċ-ċanga ffriżata għall-ipproċessar (2), fetaħ kwota tariffarja annwali għall-importazzjoni ta’ 63 703 tunnellata ekwivalenti ta’ laħam bl-għadam taċ-ċanga ffriżata għall-ipproċessar fl-Unjoni għal perjodu li jibda kull sena mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara. Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 412/2008, l-applikanti għad-drittijiet tal-importazzjoni jridu juru li huma approvati bħala stabbilimenti tal-ipproċessar skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (3), u li kienu attivi fil-produzzjoni ta’ prodotti pproċessati li fihom iċ-ċanga matul kull wieħed miż-żewġ perjodi ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b’sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni (4). Dwar l-ewwel kundizzjoni, sabiex ikunu jistgħu jimportaw fil-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2013 sat-30 ta’ Ġunju 2014, l-applikanti għad-drittijiet tal-importazzjoni mill-Kroazja għandhom juru li huma approvati bħala stabbilimenti tal-ipproċessar għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (5). Dwar ir-rekwiżit li trid tipprova l-ħidma tal-passat għall-finijiet tal-applikazzjoni għad-drittijiet tal-importazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 412/2008, il-produzzjoni ta’ prodotti pproċessati li fihom iċ-ċanga fil-Kroazja fl-2011 u fl-2012, skont il-leġiżlazzjoni Kroata, għandha tkopri dan ir-rekwiżit. |
|
(4) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 431/2008 tad-19 ta’ Mejju 2008 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja fuq l-importazzjoni ta’ laħam iffriżat tal-annimali bovini koperti mill-kodiċi NM 0202 u prodotti koperti mill-kodiċi NM 0206 29 91 (6), fetaħ kwota tariffarja annwali għall-importazzjoni ta’ 53 000 tunnellata ta’ ċanga ffriżata għal perjodu li jibda kull sena mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara. Dwar il-perjodu tal-kwota mill-1 ta’ Lulju 2013 sat-30 ta’ Ġunju 2014, għandu jiġi speċifikat li l-evidenza li jridu jagħtu l-operaturi mill-Kroazja għall-applikazzjoni għad-drittijiet tal-importazzjoni ma għandhiex tkun relatata mal-importazzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri. |
|
(5) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Miżuri ta’ tranżizzjoni li jikkonċernaw ir-Regolament (KE) Nru 2535/2001
1. B’deroga mill-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2535/2001, għall-importazzjoni fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar u sat-30 ta’ Ġunju 2014 skont il-kwoti msemmija fil-Kapitolu I tat-Titolu 2 u t-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tat-Titolu 2 ta’ dak ir-Regolament, l-approvazzjoni għandha tingħata lill-applikanti li, qabel l-1 ta’ Ottubru 2013 ikunu ressqu talba lill-awtoritajiet kompetenti tal-Kroazja fejn huma stabbiliti u fejn huma rreġistrati għall-finijiet tal-VAT, flimkien mal-evidenza li kemm fl-2011 kif ukoll fl-2012 huma importaw fil-Kroazja jew esportaw mill-Kroazja mill-anqas 25 tunnellata ta’ prodotti tal-ħalib koperti mill-Kapitolu 04 tan-Nomenklatura Magħquda.
2. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1, l-ipproċessar attiv u passiv tat-tranżazzjonijiet ma għandux jitqies bħala importazzjonijiet u esportazzjonijiet.
3. B’deroga mill-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 2535/2001, l-awtorità kompetenti, qabel l-1 ta’ Novembru 2013, għandha tgħarraf lill-applikanti bir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni u n-numru tal-approvazzjoni tagħhom fejn applikabbli. L-approvazzjoni għandha tkun valida sat-30 ta’ Ġunju 2014.
4. B’deroga mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 2535/2001, l-awtorità kompetenti tal-Kroazja, qabel il-15 ta’ Novembru 2013, għandha tibgħat il-listi tagħha tal-importaturi approvati skont il-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu, lill-Kummissjoni, u din għandha tibgħathom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra.
Dawk l-importaturi biss li jitniżżlu fil-lista għandhom ikunu awtorizzati biex japplikaw għal-liċenzji mill-20 sat-30 ta’ Novembru 2013, għall-importazzjonijiet fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2014, skont l-Artikoli 11 sa 14 tar-Regolament (KE) Nru 2535/2001.
Artikolu 2
Miżuri ta’ tranżizzjoni li jikkonċernaw ir-Regolament (KE) Nru 412/2008
B’deroga mill-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 412/2008, fejn jidħol il-perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni mill-1 ta’ Lulju 2013 sat-30 ta’ Ġunju 2014, l-applikanti għad-drittijiet tal-importazzjoni mill-Kroazja għandhom juru li huma approvati bħala stabbilimenti tal-ipproċessar biex jesportaw lejn l-Unjoni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 u għandhom juru lill-awtoritajiet kompetenti tal-Kroazja li ilhom attivi fil-produzzjoni ta’ prodotti pproċessati li jkun fihom iċ-ċanga, skont il-leġiżlazzjoni Kroata, matul kull wieħed miż-żewġ perjodi ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006.
Artikolu 3
Miżuri ta’ tranżizzjoni li jikkonċernaw ir-Regolament (KE) Nru 431/2008
B’deroga mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 431/2008, għall-perjodu ta’ kwota li jibda fl-1 ta’ Lulju 2013, l-applikanti għad-drittijiet tal-importazzjoni mill-Kroazja għandhom juru lill-awtoritajiet kompetenti tal-Kroazja li huma importaw kwantità taċ-ċanga li taqa’ taħt il-kodiċijiet NM 0201 , 0202 , 0206 10 95 jew 0206 29 91 , jew ġiet importata f’isimhom skont id-dispożizzjonijiet doganali Kroati rilevanti fil-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2012 sat-30 ta’ April 2013, ħlief importazzjonijiet mill-Istati Membri. Din il-kwantità għandha tkun il-kwantità ta’ referenza.
Artikolu 4
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja u soġġett għalih.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 341, 22.12.2001, p. 29.
(3) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.
(4) ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.