Brussell, 4.6.2025

COM(2025) 206 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Estonja

{SWD(2025) 206 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Estonja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta’ governanza ekonomika, bl-għan li jiġu promossi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta’ riformi u investimenti, u li jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipola li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stabbiliti fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tiegħu fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment tiegħu, fuq perjodu ta’ 4 jew 5 snin, skont it-tul tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 3 f’dawn il-pjanijiet għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG kif stabbilit mit-Trattat, fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin.

(2)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(3)Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. L-Estonja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(4)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, l-Estonja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fid-29 ta’ Ottubru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Estonja 6 , li ġiet emendata fil-qafas tal-Artikolu 18(2) fis-16 ta’ Ġunju 2023 għall-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 7 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li l-Estonja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.

(5)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Estonja 8 . Il-pjan ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikoli 11 u 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali mifrux fuq 4 snin.

(6)Fis-26 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2025 tal-Estonja. Fl-istess data, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2025, li fih identifikat lill-Estonja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih ikun meħtieġ rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 9 fit-13 ta’ Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta’ Marzu 2025.

(7)Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-5 snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tan-negozji ġodda permezz ta’ inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Biex tinkiseb il-mira ta’ ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ddeskriviet Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-Enerġija Affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa’ kosteffettiva u favur il-kompetittività, b’mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u mutur tat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tiżgura l-aċċess għal materja prima kritika u sorsi ta’ enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività kif ukoll Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta’ kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(8)Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni tal-pjanijiet emendati għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(9)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li ma humiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019-2024.

(10)Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għall-Estonja. F’dan ġie vvalutat il-progress tal-Estonja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Estonja. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja l-Estonja. Ġie vvalutat ukoll il-progress tal-Estonja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(11)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Estonja. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Estonja għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati fit-13 ta’ Mejju 2025 10 . Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Estonja mhijiex tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, f’dawn l-aħħar snin kien hemm vulnerabbiltajiet relatati mad-deterjorament tal-kompetittività tal-prezzijiet u l-kostijiet fil-kuntest ta’ riċessjoni fit-tul, u l-prezzijiet tad-djar żdiedu b’mod konsiderevoli, iżda b’mod ġenerali jidher li bħalissa l-vulnerabbiltajiet huma kkontrollati. Il-pagi u l-prezzijiet kienu qed jiżdiedu b’mod qawwi fuq medda ta’ snin, u l-inflazzjoni sottostanti baqgħet ogħla sew mill-medja taż-żona tal-euro kmieni fl-2025, xprunata mit-tkabbir fil-pagi, speċjalment fis-settur pubbliku. Dawn il-pressjonijiet fuq il-prezzijiet u l-kostijiet qed jagħmlu ħsara lill-pożizzjoni kompetittiva tal-ekonomija. Għalkemm it-telf ta’ enerġija rħisa u ta’ inputs oħrajn wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kien fattur li skatta tkabbir sostnut fil-prezzijiet fl-2022, il-pressjoni inflazzjonarja issa hija fil-biċċa l-kbira domestika. Domanda domestika qawwija u suq tax-xogħol limitat ippermettew lill-pagi jikbru malajr f’perjodu ta’ produttività baxxa. Il-pagi pubbliċi, speċjalment għall-għalliema u l-persunal tal-kura tas-saħħa, żdiedu f’dawn l-aħħar snin, biex irkupraw mil-livelli relattivament baxxi fil-passat. Parti mill-inflazzjoni għolja tista’ tiġi attribwita għaż-żidiet fit-taxxi indiretti. L-esportazzjonijiet Estonjani tilfu xi sehem mis-suq fl-aħħar sentejn. Id-defiċit fil-kont kurrenti naqas reċentement, minħabba riċessjoni fil-pajjiż; il-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta hija biss moderatament negattiva u r-riskji għas-sostenibbiltà esterna jidhru limitati. Il-prezzijiet tad-djar kibru b’mod konsiderevoli fis-snin reċenti u huma stmati li huma sopravalutati, iżda r-riskju għall-istabbiltà finanzjarja assoċjat mas-self ipotekarju huwa baxx. Xi azzjonijiet ta’ politika fil-passat ikkontribwew għal din is-sitwazzjoni, b’mod partikolari billi ġiet xprunata d-domanda domestika ladarba spiċċat il-kriżi tal-pandemija. Dawn kienu jinkludu r-rilaxx tal-fondi tal-pensjoni tat-tieni pilastru, li taw spinta lill-prezzijiet, inklużi l-prezzijiet tad-djar. Fis-snin reċenti, iż-żieda fis-salarji pubbliċi u fil-pagi minimi kkoinċidew mar-riċessjoni u wasslu għal tkabbir globali fil-pagi ogħla fl-ekonomija kollha. Il-miżuri biex jittejbu l-produttività tax-xogħol u l-ambjent tan-negozju għadhom limitati. Reċentement il-gvern ħabbar diversi azzjonijiet ta’ politika ta’ tnaqqis fit-taxxa u l-infiq għall-2026 li jistgħu jnaqqsu l-pressjonijiet inflazzjonarji u jtaffu xi pressjonijiet fuq il-kostijiet lavorattivi.

Valutazzjoni tar-Rapport ta’ Progress Annwali

(12)Fil-21 ta’ Jannar 2025 il-Kunsill irrakkomanda dawn ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta għall-Estonja: 7,1 % fl-2025, 5,1 % fl-2026, 3,6 % fl-2027, u 3,2 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati massimi ta’ tkabbir kumulattivi kkalkulati b’referenza għall-2023 ta’ 9,2 % fl-2025, 14,8 % fl-2026, 18,9 % fl-2027, u 22,6 % fl-2028.

(13)Fid-29 ta’ April 2025, l-Estonja ppreżentat ir-Rapport ta’ Progress Annwali 11 tagħha, dwar il-konformità mar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta u l-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti li jwieġbu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta’ Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Estonja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(14)Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat li tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (NEC, national escape clause) tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod koordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tinkiseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Wara t-talba tal-Estonja fid-29 ta’ April 2025, fi [data] il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Estonja tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta u taqbiżhom 12 .

(15)Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 13 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Estonja naqas minn 3,1 % tal-PDG fl-2023 għal 1,5 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 20,2 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 23,6 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżvilupp jikkorrispondu għal rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta ta’ 1,8 % fl-2024. Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, l-Estonja tikkalkula t-tkabbir fin-nefqa netta fl-2024 għal 1,1 %. Il-Kummissjoni tistma li t-tkabbir fin-nefqa netta kien ogħla minn dak fir-Rapport ta’ Progress Annwali. Id-differenza bejn il-kalkoli tal-Kummissjoni u l-estimi tal-awtoritajiet nazzjonali hija dovuta għal stima iżgħar tal-Kummissjoni tal-impatt tal-miżura tad-dħul diskrezzjonali. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 14 , li tinkludi kemm infiq iffinanzjat fil-livell nazzjonali kif ukoll infiq iffinanzjat mill-UE, kienet restrittiva, b’1,8 % tal-PDG, fl-2024.

(16)Skont ir-Rapport ta’ Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji mill-Estonja qed jistenna tkabbir tal-PDG reali ta’ 1,7 % fl-2025 u 2,5 % fl-2026, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP (harmonised index of consumer prices) hija projettata għal 5,1 % fl-2025 u 4.3 % fl-2026. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta tkabbir tal-PDG reali ta’ 1,1 % fl-2025 u ta’ 2,3 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP hija projettata li tkun 3,8 % fl-2025 u 2,3 % fl-2026.

(17)Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż mistenni li jibqa’ 1,5 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż għandu jonqos għal 22,5 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 1,0 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta’ 1,4 % tal-PDG fl-2025. Iż-żidiet fid-dħul, dovuti għaż-żieda fir-rati tat-taxxa fuq l-introjtu personali u korporattiv, għall-introjtu mill-istituzzjoni ta’ kreditu u għall-valur miżjud, kif ukoll għall-introduzzjoni ta’ taxxa fuq il-vetturi motorizzati, huma mistennija li jikkumpensaw ferm għaż-żieda fin-nefqa tal-gvern. L-irkupru ekonomiku għandu wkoll itejjeb l-użu ta’ dawn it-taxxi. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżvilupp jikkorrispondu għal tkabbir tan-nefqa netta ta’ 2,1 % fl-2025. Dawn il-projezzjonijiet ogħla ta’ tkabbir fin-nefqa netta milli fir-Rapporti dwar il-Progress huma dovuti wkoll għall-fatt li l-Kummissjoni assumiet tkabbir ogħla fin-nefqa primarja attwali, infiq iktar baxx iffinanzjat minn trasferimenti mill-UE u kofinanzjament nazzjonali iktar baxx ta’ programmi tal-UE. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm infiq fil-livell nazzjonali kif ukoll infiq iffinanzjat mill-UE, hija projettata li tkun espansjonarja, b’1,0 % tal-PDG, fl-2025. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż mistenni jiżdied għal 23,8 % sa tmiem l-2025. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 jirrifletti prinċipalment id-defiċit baġitarju kif ukoll l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi.

(18)In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 0,6 % tal-PDG mistennija li tkun iffinanzjata b’appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, imqabbla ma’ 0,4 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ tal-gvern estiż u d-dejn tal-Estonja.

(19)In-nefqa fid-difiża tal-gvern estiż fl-Estonja ammontat għal 2,0 % tal-PDG fl-2021, 2,2 % tal-PDG fl-2022 u 2,7 % tal-PDG fl-2023 15 . Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fid-difiża hija projettata li tammonta għal 3,4 % tal-PDG fl-2024 u għal 3,8 % tal-PDG fl-2025. Dan jikkorrispondi għal żieda ta’ 1,7 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021. Il-perjodu meta l-klawżola liberatorja nazzjonali tiġi attivata (2025-2028) jippermetti lill-Estonja terġa’ tagħti prijorità lin-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex nefqa ogħla dejjiema fid-difiża ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju.

(20)Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fl-Estonja hija projettata li tikber bi 2,1 % fl-2025 u bi 3,9 % b’mod kumulattiv fl-2024 u fl-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta tal-Estonja fl-2025 huwa pprojettat li jkun taħt ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, kemm annwalment kif ukoll jekk jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien.

(21)Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż mistenni jiżdied għal 2,5 % tal-PDG fl-2026, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni jiżdied għal 24,0 % sa tmiem l-2026. Ir-Rapport ta’ Progress Annwali tal-2025 ma jinkludix projezzjonijiet baġitarji wara l-2026. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 2,4 % tal-PDG fl-2026. Iż-żieda projettata fid-defiċit għall-2026 hija xprunata min-naħa tad-dħul, l-aktar minħabba l-applikazzjoni ta’ benefiċċju tat-taxxa għall-kontribwenti kollha tat-taxxa fuq l-introjtu personali u inqas dħul mit-taxxa fuq id-dħul mid-dividendi, li jirrifletti d-distribuzzjoni ta’ dividendi għoljin mill-kumpaniji fl-2024 u l-2025 b’antiċipazzjoni għaż-żieda fit-taxxa fuq l-introjtu korporattiv. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 4,1 % fl-2026. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm infiq fil-livell nazzjonali kif ukoll infiq iffinanzjat mill-UE, hija projettata li tkun espansjonarja, b’0,5 % tal-PDG, fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat mill-Kummissjoni li jiżdied għal 25,4 % sa tmiem l-2026. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 jirrifletti prinċipalment id-defiċit tal-gvern projettat.

Sfidi ta’ politika ewlenin

(22)Għalkemm id-dħul mit-taxxa tal-Estonja bħala sehem tal-PDG kompla jiżdied fl-2024, għadu ferm taħt il-medja tal-UE. Jekk tonqos dik id-diskrepanza jkun hemm finanzjament addizzjonali disponibbli għal prijoritajiet ta’ nefqa pubblika bħad-difiża, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul. It-taxxi fuq il-proprjetà, li huma fost it-taxxi l-inqas detrimentali għat-tkabbir, kienu madwar seba’ darbiet aktar baxx mill-medja tal-UE f’dawn l-aħħar snin sal-2023, b’0,3 % biss tal-PDG. Fl-istess perjodu, it-taxxi kapitali segwew xejra simili, billi kienu tliet darbiet aktar baxxi mill-medja tal-UE. Fl-2025, l-Estonja se żżid ir-rata tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu minn 20 % għal 22 % u se tneħħi r-rata tat-taxxa mnaqqsa ta’ 14 % applikata għad-dividendi regolari. Dawn il-miżuri se jżidu s-sehem tat-taxxi kapitali fid-dħul totali u se jgħinu biex titnaqqas id-diskrepanza mal-medja tal-UE. Min-naħa l-oħra, l-Estonja tiddependi l-aktar fuq taxxi fuq ix-xogħol u l-konsum, bid-dħul minn dawn it-taxxa huwa ’l fuq mill-medja tal-UE bħala perċentwal tal-PDG. Is-sehem ta’ dawn it-taxxi fid-dħul totali għandu jiżdied wara ż-żidiet reċenti u ppjanati fir-rata tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Għalkemm iż-żidiet fit-taxxa se jgħinu wkoll inaqqsu d-diskrepanza tad-dħul totali mit-taxxa mal-UE, huma rigressivi, bil-piż tat-taxxa distribwit b’mod mhux uniformi. Għalhekk jistgħu jaggravaw l-inugwaljanza fl-introjtu diġà kbira u jippreżentaw riskju ta’ impatt inflazzjonarju, bl-inflazzjoni għolja identifikata bħala sfida konsiderevoli għall-kompetittività tal-Estonja. L-Estonja qed taħdem ukoll biex tintegra rieżaminijiet tal-infiq u evalwazzjonijiet ta’ politika regoli fl-ippjanar tal-baġit fuq terminu medju. L-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rieżamijiet biex tingħata prijorità lil oqsma ewlenin tal-infiq tista’ tikkontribwixxi għal allokazzjoni aktar effiċjenti tal-fondi pubbliċi biex tgħin tissodisfa l-bżonnijiet dejjem jiżdiedu tal-infiq strutturali u tnaqqas il-pressjoni biex jiżdied id-dħul mit-taxxa.

(23)L-aċċess għal kura tas-saħħa adegwata u affordabbli u għall-kura fit-tul għadu mhuwiex żgurat. Ir-riformi u investiment ikbar li saru fis-snin reċenti kkontribwew għal tnaqqis fil-livell ta’ ħtiġijiet awtodikjarati mhux issodisfati għall-kura medika minn 12,5 % fl-2023 għal 8,5 % fl-2024. Madankollu, il-ħtiġijiet mhux issodisfati għadhom fost l-ogħla fl-UE, minħabba ħinijiet ta’ stennija twal u kwalità u disponibblità mhux uniformi tas-servizzi tal-kura tas-saħħa fil-pajjiż kollu. L-infiq pubbliku fuq il-kura fit-tul u fuq is-servizzi tal-kura tas-saħħa għadu baxx, ferm taħt il-medja tal-UE, u n-nuqqasijiet tal-forza tax-xogħol u d-dipendenza fuq il-finanzjament muniċipali jillimitaw il-forniment tas-servizzi. Livelli baxxi ta’ nfiq pubbliku jwasslu għal ħlas mill-but għoli għall-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul. Ir-riforma fil-kura li daħlet fis-seħħ fl-2023 hija l-ewwel pass ewlieni lejn it-tisħiħ tal-kura fit-tul fl-Estonja, għalkemm l-impatt tagħha għad irid jitqies. Biex jitnaqqsu iktar il-ħtiġijiet mhux issodisfati għall-kura medika u l-ħlas mill-but, huwa kruċjali li jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-forniment ta’ kura ta’ kwalità għolja, speċjalment minħabba li t-tixjiħ tal-popolazzjoni mistenni li jżid id-domanda. It-tisħiħ tal-kura fid-dar u mhux istituzzjonali, flimkien mat-teknoloġiji assistivi, jistgħu jgħinu jtejbu wkoll l-aċċessibbiltà u l-effettività tas-servizz fil-pajjiż kollu.

(24)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-Anness V, il-kriterju 2.2 ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin u li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien limitat, l-iffinalizzar tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, huwa essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-terminu twil tal-Estonja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex jiżgura responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(25)L-implimentazzjoni tal-programm ta’ politika ta’ koeżjoni, li jinkludi appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF, Just Transition Fund), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK) qabdet ritmu aktar mgħaġġel fl-Estonja. Huwa importanti li jkomplu għaddejjin l-isforzi biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida ta’ dan il-programm, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tiegħu fil-prattika. L-Estonja diġà qed tieħu azzjoni fil-qafas tal-programm ta’ politika ta’ koeżjoni biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Fl-istess ħin, l-Estonja tkompli tiffaċċja sfidi, inklużi dawk relatati mar-reżiljenza ekonomika u soċjali, inklużi l-faqar u l-esklużjoni soċjali, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi żvantaġġati, kif ukoll fil-ħiliet u l-provvista edukattiva, fit-tranżizzjoni tal-enerġija u fil-kompetittività reġjonali, speċjalment fir-reġjun tal-fruntiera tal-Lvant. F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-Estonja hija obbligata – bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni – li tirrieżamina l-programm tagħha filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta’ April 2025 16 jestendu l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ valutazzjoni tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu lil hinn mill-31 ta’ Marzu 2025. Hija tipprovdi wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu fit-tħaffif tal-implimentazzjoni tal-programm u inċentivi għall-Istati Membri biex jallokaw riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni għal ħames oqsma strateġiċi ta’ prijorità tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività fit-teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija.

(26)Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP, Strategic Technologies for Europe Platform) tipprovdi l-opportunità ta’ investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE filwaqt li ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP tgħaddi minn 11-il fond tal-UE eżistenti. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU biex jappoġġaw investimenti f’oqsma ta’ prijorità. L-Estonja tista’ tuża dawn l-inizjattivi biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, inklużi t-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

(27)Lilhinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE, l-Estonja tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mal-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni, l-aċċess għall-finanzjament, il-produttività tax-xogħol u l-provvista tal-ħiliet, il-protezzjoni soċjali, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u d-dekarbonizzazzjoni inkluż fis-settur tat-trasport.

(28)Għalkemm il-prestazzjoni ġenerali tal-innovazzjoni tal-Estonja tjiebet b’mod kostanti mill-2017 ’l hawn, in-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) tan-negozji bħala perċentwal tal-PDG għadha taħt il-medja tal-UE, bis-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjonijiet jirrappreżenta kważi nofs it-total tal-infiq fuq ir-R&Ż. Fl-istess ħin, l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-privattivi ppreżentati skont it-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi għal kull EUR 1 biljun tal-PDG naqas, li jissuġġerixxi li l-bażi pubblika tax-xjenza ma tissarrafx tajjeb fil-prestazzjoni teknoloġika u fl-innovazzjoni tan-negozju. Filwaqt li l-appoġġ pubbliku dirett għar-R&Ż tan-negozji żdied, mhumiex żviluppati biżżejjed il-politiki lil hinn minn skemi ta’ għotjiet, u dan iżomm lura l-kapaċità tal-Estonja li tindirizza l-ħtiġijiet tal-kumpaniji b’kapaċità limitata li japplikaw l-iskoperti tar-riċerka. Barra minn dan, is-sehem tar-riċerka applikata fil-finanzjament totali tar-R&Ż waqa’ għal 23 % fl-2023. Iċ-Ċentru tar-Riċerka Applikata tnieda fl-2024 u se jdum biex jiżviluppa organizzazzjoni tar-riċerka teknoloġika kompletament funzjonali. Hemm nuqqas ta’ kollaborazzjoni mill-qrib bejn in-negozju u l-akkademja. Hemm lok li jissaħħaħ ir-rwol tal-universitajiet u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka applikata fl-innovazzjoni biex jiġi aċċellerat l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u tingħata spinta lill-kompetittività.

(29)L-aċċess għal finanzjament għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium-sized enterprises) fl-Estonja huwa ħafna iktar limitat mill-medja fl-UE. Dan idgħajjef l-investiment fl-innovazzjoni, speċjalment f’reġjuni remoti fejn in-nuqqasijiet tal-ħiliet u r-riżorsi reġjonali jagħmlu l-finanzjament fl-investiment innovattiv partikolarment riskjuż. Il-kumpaniji Estonjani għandhom bżonn kbir ta’ investiment biex jippromwovu t-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika u safrattant jużaw inqas finanzjament mis-swieq kapitali mill-medja tal-UE, u minflok joqogħdu aktar fuq investiment iffinanzjat internament. Dan huwa mħeġġeġ mis-sistema tat-taxxa fuq l-introjtu, il-prevalenza tal-SMEs u bażi modesta ta’ investitur istituzzjonali. Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-investitur istituzzjonali fis-suq tal-ekwità u t-tħeġġiġ tal-iżvilupp ta’ suq ta’ kapital ta’ riskju awtosuffiċjenti jistgħu jgħinu jattiraw l-investituri.

(30)Reċentement, in-nuqqas ta’ manodopera sar inqas akut, iżda n-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa għadu l-ostakolu ewlieni għall-investiment għal 32 % tan-negozji u hemm spariġġ fil-ħiliet f’ħafna setturi. L-investiment kontinwu fit-tranżizzjoni ekoloġika żdied u se jżid iktar id-domanda għal ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati. Dan in-nuqqas ta’ ħiliet ikkoinċida ma’ tkabbir rapidu fil-pagi u żieda fil-kost ta’ unità lavorattiva, li jillimitaw it-tkabbir tal-produttività tan-negozji. Fis-snin reċenti, it-tkabbir rapidu fil-pagi kien wieħed mill-fatturi li kkontribwew għall-inflazzjoni u li tefa’ piż fuq il-kompetittività. Rati relattivament għoljin kemm tat-tluq bikri mill-iskola kif ukoll tal-istudenti fl-edukazzjoni għolja li jitilqu mill-edukazzjoni jirriżultaw f’għadd insuffiċjenti ta’ gradwati bil-ħiliet, li jkompli jżid mal-problema. In-nuqqas ta’ ħiliet huwa partikolarment akut fil-livell reġjonali, hekk kif żoni rurali u remoti jiffaċċjaw iktar diffikultajiet biex jattiraw professjonisti kwalifikati u għandhom ħtiġijiet ikbar biex iħarrġu mill-ġdid u jtejbu l-ħiliet minħabba l-isfidi tat-tranżizzjoni. L-ispariġġ fil-ħiliet jista’ jiġi limitat billi tittejjeb ir-rilevanza tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol, speċjalment għall-ispeċjalisti fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika. Il-politiki jistgħu wkoll itejbu l-aċċess għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet, speċjalment għall-individwi b’livell baxx ta’ edukazzjoni, u wkoll għall-ħaddiema akbar fl-età, inklużi politiki li jtejbu l-ħiliet diġitali bażiċi. Biex tiġi appoġġata d-diversifikazzjoni ekonomika għal attivitajiet ta’ valur miżjud għoli, jista’ jsir użu ikbar mis-sistema OSKA biex tiġi antiċipata d-domanda għall-ħiliet u jistgħu jiddaħħlu regoli iktar sempliċi biex jiġu impjegati ħaddiem tas-sengħa barranin f’oqsma fejn hemm nuqqasijiet u jgħinu tingħata spinta lill-kompetittività.

(31)L-Estonja qed tagħmel progress notevoli lejn l-ilħuq tal-miri tal-effiċjenza enerġetika tal-UE tal-2030. Billi timmira aħjar l-iskemi ta’ rinnovazzjoni tal-effiċjenza enerġetika għal unitajiet domestiċi vulnerabbli u żżid l-appoġġ għas-settur residenzjali skont skemi ġodda li jikkomplementaw skemi eżistenti (bħall-RRF u l-għotja għar-Rikostruzzjoni tal-Blokkijiet tal-Appartamenti), l-Estonja tkun tista’ tilħaq aħjar il-miri tal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul tagħha u tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi. Bħalissa, il-pajjiż juża primarjament finanzjament ibbażat fuq għotjiet għat-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija, b’użu limitat ta’ strumenti finanzjarji. L-Estjona tista’ tibbenefika minn skemi aktar immirati u minn uża usa’ tal-istrumenti finanzjarji biex tikseb il-miri tal-effiċjenza enerġetika tal-UE.

(32)Għalkemm l-Estonja għamlet bidla notevoli lejn l-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija (minn 27,7 % fl-2022 għal 34,6 % fl-2023), għad hemm sehem sinifikanti ta’ skist keroġenuż (58,2 % fl-2023) fit-taħlita tal-enerġija tagħha, li jżomm lura t-tranżizzjoni ekoloġika. Il-prezzijiet tal-elettriku għadhom għoljin u volatili fl-Estonja minħabba n-natura intermittenti tal-enerġija rinnovabbli, u dan iżid l-inflazzjoni u jnaqqas il-kompetittività tan-negozji. L-Estonja tiffaċċja wkoll kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-enerġija minħabba l-attakki ibridi fuq il-pipelines u l-kejbils sottomarini fil-Baħar Baltiku. Iż-żieda fl-introduzzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli (34,6 % tat-taħlita tal-enerġija fl-2023) u fil-ħżin tal-enerġija jistgħu jgħinu t-tneħħija gradwali li għaddejja tal-fjuwils fossili filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ indipendenza enerġetika. Wara s-sinkronizzazzjoni b’suċċess tal-grilja elettrika ma’ dik tal-Ewropa kontinentali fl-2025, hi meħtieġa azzjoni addizzjonali biex jittejbu r-reżiljenza u l-flessibbiltà tal-grilja. Ħidma kontinwa għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija kritika hija kruċjali wkoll, b’mod partikolari fil-qasam taċ-ċibersigurtà u s-sorveljanza tal-infrastruttura.

(33)L-Estonja għandha waħda mir-rati l-aktar baxxa ta’ produttività tar-riżorsi, li tista’ tiġi attribwita parzjalment għall-industrija tal-iskist keroġenuż tal-pajjiż li tuża ħafna riżorsi u għas-sistema industrijali ġenerali li tuża ħafna riżorsi. Fl-2023, l-Estonja ġġenerat biss EUR 0,63/kg tal-materjal użat, fl-isfond tal-medja tal-UE ta’ EUR 2,22. Dan għandu impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-Estonja. It-tisħiħ tal-ekoinnovazzjoni u l-innovazzjoni b’bażi bijoloġika għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali jista’ jgħin biex itejjeb il-produttività tar-riżorsi u l-kompetittività tal-Estonja. Bi 33 %, ir-rata ta’ tħejjija tal-Estonja għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali hija ferm taħt il-medja tal-UE ta’ 49 %. Il-pajjiż jista’ jibbenefika jekk idaħħal strumenti ta’ politika ġodda li jħaffu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari.

(34)Is-settur tat-trasport tal-Estonja huwa produttur kbir ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, li jirrappreżenta madwar 15 % tal-emissjonijiet totali tal-pajjiż, li 90 % minnhom jiġu mit-trasport bit-triq. Il-ferroviji huma kruċjali għall-bidla mit-trasport bit-triq għall-ferroviji biex tittejjeb il-mobbiltà sostenibbli, iżda 12 % biss tan-network tal-ferrovija huwa elettrifikat meta mqabbel mal-medja tal-UE ta’ 57 % (2022). Għalhekk l-Estonja tista’ tibbenefika minn azzjoni kontinwa biex telettriċizza aktar in-network ferrovjarju biex tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili. Sadattant, ir-rata tas-sjieda tal-karozzi hija waħda mill-ogħla fl-UE. Fl-2023, 75,5 % tal-karozzi kienu jaħdmu bil-petrol u l-età medja tagħhom kienet għolja. 6,3 % biss tal-vetturi l-ġodda fl-2023 kienu elettriċi, fl-isfond tal-medja tal-UE ta’ 14,5 %. Reċentement l-Estonja daħħlet taxxi fuq il-vetturi għall-karozzi privati tal-passiġġieri abbażi tal-piż u tal-emissjonijiet tas-CO2 iżda r-rati tat-taxxa huma iktar baxxa għal vetturi eqdem. Għalkemm rati iktar baxxi jgħinu jipproteġu gruppi vulnerabbli, l-Estonja tista’ tikkunsidra li żżid l-inċentivi biex iġġedded l-istokk tal-vetturi privati tat-triq. L-Estonja qed tikkunsidra ġustament li żżid is-sehem ta’ karozzi tal-linja sostenibbli fil-flotta kollha tal-karozzi tal-linja għal 42 % mil-livell kurrenti ta’ 30 % biex tipprovdi trasport pubbliku ekoloġiku fiż-żoni rurali, u b’hekk tgħin iġġedded l-istokk ta’ vetturi pubbliċi. Għalkemm l-Estonja integrat xi sistemi ta’ ħruġ tal-biljetti u ta’ ppjanar għat-trasport lokali b’riżultati pożittivi, hemm bżonn ta’ iktar azzjoni f’dan il-qasam.

(35)Minħabba diskrepanzi fil-protezzjoni soċjali, l-Estonja tkompli tiffaċċja sfidi relatati mal-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza persistenti fl-introjtu, minkejja titjib reċenti. Għalkemm iż-żidiet fil-pensjonijiet u l-benefiċċji tat-tfal tejbu xi indikaturi soċjali, ir-riskju tal-faqar u r-rata tal-esklużjoni soċjali baqgħu għoljin fl-2024, speċjalment fost l-anzjani - b’mod partikolari dawk ’il fuq minn 65 sena li jgħixu waħedhom - il-persuni b’diżabbiltà u l-unitajiet domestiċi b’ġenitur wieħed. L-infiq fuq il-benefiċċji tal-protezzjoni soċjali huwa fost l-iktar baxx fl-UE bi 15,4 % tal-PDG fl-2023, meta mqabbel ma’ 26,8 % għall-UE kollha. L-impatt tal-benefiċċji soċjali (bl-esklużjoni tal-pensjonijiet) fuq il-faqar għadu wkoll ferm taħt il-medja tal-UE. It-titjib tal-adegwatezza u l-effiċjenza tas-sistema tal-benefiċċji jista’ jnaqqas ir-riskju tal-faqar, kif ukoll jimmira l-appoġġ lejn il-gruppi vulnerabbli bħall-persuni b’diżabbiltà, l-unitajiet domestiċi b’ġenitur wieħed u l-anzjani. Minkejja ż-żidiet reċenti fil-pensjonijiet, xprunati l-aktar mill-aġġustamenti għall-inflazzjoni u ż-żieda fil-kontribuzzjonijiet tat-taxxa soċjali, il-pensjonijiet għadhom fost l-iktar baxxi fl-UE meta mqabbla mal-pagi, u dan jikkontribwixxi għall-faqar fost l-anzjani. Il-faqar fost min għandu xogħol għadu relattivament għoli, b’mod partikolari għall-persuni f’forom mhux standard ta’ xogħol, u dan huwa aggravat minn pagi minimi relattivament baxxi, minkejja ż-żidiet reċenti. L-Estonja tista’ testendi l-kopertura tal-benefiċċji tal-qgħad għall-persuni li għadhom mhumiex koperti, bħall-persuni f’forom mhux standard ta’ xogħol, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom. Dan jista’ jnaqqas ir-riskju tal-faqar. Id-disparitajiet reġjonali għadhom prominenti, biż-żoni rurali u r-reġjun tal-fruntiera tal-Lvant f’riskju ogħla ta’ faqar. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex tiġi appoġġata l-konverġenza soċjali ’l fuq, f’konformità mal-analiżi tat-tieni stadju tal-pajjiżi tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali 17 .

(36)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2025 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Estjona, ir-rakkomandazzjonijiet (2), (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro dwar il-kompetittività, filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet (4), (5) u (6) jgħinu fl-implimentazzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro dwar ir-reżiljenza, u r-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tat-tielet rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro dwar l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-2025.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Estonja tieħu azzjoni fl-2025 u l-2026 biex:

1.Issaħħaħ l-infiq ġenerali fid-difiża u l-prontezza militari f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Taderixxi mar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta rakkomandati mill-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025, filwaqt li tuża l-provvediment skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għal nefqa fid-difiża ogħla. Twessa’ l-bażi għat-taxxa billi tagħmel taxxi li huma inqas detrimentali għat-tkabbir. Tiżgura finanzjament sostenibbli għall-ħtiġijiet ta’ nfiq inklużi d-difiża, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul biex jittejbu l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà, filwaqt li tissalvagwardja kontra l-pressjoni inflazzjonarja.

2.Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f’waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programm tal-politika ta’ koeżjoni (FEŻR, JTF, FSE+, FK), u tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Tagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti tal-UE, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni pprovdut minn InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex tittejjeb il-kompetittività.

3.Tiffoka l-investiment fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni billi tipprijoritizza l-finanzjament għar-riċerka applikata. Ittejjeb l-aċċess għall-finanzjament, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-kumpaniji f’reġjuni remoti, biex tiffaċilita investiment innovattiv, pereżempju investiment fit-tranżizzjoni ekoloġiċi u dik diġitali, inkluż bil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ investituri istituzzjonali fis-suq tal-kapital ta’ riskju u fis-suq tal-ekwità.

4.Ittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija billi tieħu miżuri ġodda ta’ finanzjament u appoġġ biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija ta’ rinnovazzjoni fit-tul. Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u s-sehem tal-iskist keroġenuż fit-taħlita tal-enerġija billi tinvesti fl-enerġija rinnovabbli u billi tippromwovi l-ħżin tal-enerġija. Iżżid is-sigurtà tal-enerġija, pereżempju billi tiżgura kapaċità suffiċjenti ta’ interkonnessjonijiet tal-elettriku. Iżżid il-produttività tar-riżorsi permezz ta’ innovazzjoni b’bażi bijoloġika. Tieħu azzjoni ulterjuri biex iżżid id-disponibbiltà u l-użu ta’ trasport sostenibbli u li jniġġes inqas, inkluż bl-elettrifikazzjoni tan-network ferrovjarju, it-tiġdid tal-istokk tal-vetturi tat-triq, u l-integrazzjoni tas-sistemi tat-trasport pubbliku.

5.Ittejjeb il-produttività tax-xogħol u l-provvista ta’ ħiliet permezz ta’ azzjoni fuq taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet, billi tnaqqas it-tluq bikri mill-iskola, billi ttejjeb ir-rilevanza tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari billi tilħaq id-domanda dejjem tikber għal speċjalisti fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, u billi tattira u żżomm aħjar it-talent. Iżżid il-miżuri ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist tal-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika. Tnaqqas ir-riskju tal-faqar billi ssaħħaħ il-protezzjoni soċjali għall-anzjani, l-unitajiet domestiċi b’ġenitur wieħed u l-persuni b’diżabbiltà billi żżid l-adegwatezza u l-effiċjenza tas-sistema tal-benefiċċji, u l-persuni bla xogħol, fost oħrajn billi testendi l-kopertura tal-benefiċċju tal-qgħad, b’mod partikolari għal dawk f’forom mhux standard ta’ xogħol, filwaqt li żżomm is-sostenibbiltà fiskali.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.
(3)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax; (ii) miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni; (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji.
(4)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(5)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Estonja (0319/2021).
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tad-29 ta’ Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Estonja (9367/2023).
(8)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Estonja, ĠU C/2025/655, 10.02.2025.
(9)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2025/2782, 22.5.2025, ELI:  http://data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj ).
(10)    SWD(2025)123 final.
(11)    Ir-Rapporti ta’ Progress Annwali tal-2025 huma disponibbli fuq: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_mt
(12)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tippermetti lill-Estonja tiddevja mill-perkors tan-nefqa netta rakkomandat, u taqbżu (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali), [Jekk jogħġbok imla: ĠU C/2025/xxx, x.x.2025]
(13)    Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2025.
(14)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.
(15)    Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG, classification of functions of government).
(16)    Il-Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu - COM(2025) 123 final.
(17)     SWD(2025)95 – L-analiżi tat-tieni stadju tal-pajjiżi dwar il-konverġenza soċjali f’konformità mal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali (SCF, Social Convergence Framework) , 2025.