|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2527 |
17.12.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2527
tas-16 ta’ Diċembru 2025
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards ta’ referenza għaċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni tas-siti web
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 45(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Iċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni tas-siti web huma essenzjali biex ikunu żgurati l-fiduċja u t-trasparenza fl-interazzjonijiet online. Permezz tagħhom ikun jista’ jiġi awtentikat sit web u jintrabat mal-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat. Il-Kummissjoni trid tistabbilixxi lista ta’ standards ta’ referenza għal dawk iċ-ċertifikati. |
|
(2) |
L-istandards ta’ referenza jenħtieġ li jippermettu l-implimentazzjoni ta’ tipi differenti ta’ ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni tas-siti web għal diversi każijiet tal-użu, fosthom l-użu tagħhom skont id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Dawk l-istandards jenħtieġ li jkunu jirriflettu prattiki stabbiliti u jkunu rikonoxxuti b’mod wiesa’ fis-setturi rilevanti. Biex jippermettu l-innovazzjoni u jakkomodaw diversi ħtiġijiet tekniċi u operazzjonali, l-istandards ta’ referenza jenħtieġ li jippermettu wkoll il-ħruġ ta’ ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni tas-siti web b’modi differenti, jiġifieri bħala ċertifikati awtonomi, bħala ċertifikati marbuta ma’ ċertifikati oħra, jew f’konfigurazzjonijiet oħra li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 910/2014. Din il-flessibbiltà fir-rigward tal-ħruġ ta’ ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni tas-siti web tiżgura li ċ-ċertifikati jkunu jistgħu jiġu adattati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ firxa wiesgħa ta’ każijiet tal-użu, li jżommu l-fiduċja u l-interoperabbiltà fost l-Istati Membri, filwaqt li ma jaffettwawx il-libertà tal-fornituri tal-browsers tal-web li jiżguraw is-sigurtà tal-web, l-awtentikazzjoni tad-dominji u l-kriptaġġ tat-traffiku tal-web bil-mod u bil-mezzi tat-teknoloġija li jqisu l-aktar adattati. |
|
(3) |
Biex ikun żgurat perjodu taż-żmien biżżejjed għall-awditjar tal-fornituri tas-servizzi fiduċjarji fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika wara 12-il xahar mid-dħul fis-seħħ tiegħu. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni tivvaluta regolarment teknoloġiji, prattiki, standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda. F’konformità mal-Premessa 75 tar-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina u, jekk ikun meħtieġ, taġġorna dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni biex iżżommu konformi mal-iżviluppi globali, ma’ teknoloġiji, standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda, u biex timxi mal-aqwa prattiki fis-suq intern. |
|
(5) |
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u, meta rilevanti, id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) japplikaw għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament. |
|
(6) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u ta l-opinjoni tiegħu fil-21 ta’ Ottubru 2025 (7). |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-istandards ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 huma stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mis-6 ta’ Jannar 2027.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 257, 28.8.2014, p.73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj.
(2) Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2366/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment tal-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (ĠU L, 2024/1183, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1183/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(5) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).
(6) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(7) Kummenti formali tal-EDPS dwar l-abbozz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istandards ta’ referenza għaċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni tas-siti web.
ANNESS
Lista ta’ standards ta’ referenza għaċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni tas-siti web
1.
Għaċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni tas-siti web li jinħarġu għall-użu fl-awtentikazzjoni tas-sigurtà tas-saff tat-trasport barra mill-kuntest ta’ browser tal-web:|
— |
ETSI EN 319 411-2 V2.6.1 (2025-06); dawn iċ-ċertifikati għandhom jinħarġu f’konformità mal-politika taċ-ċertifikat QNCP-w-gen, mal-politika taċ-ċertifikat QEVCP-w, jew mal-politika taċ-ċertifikat QNCP-w, kif speċifikat f’dak l-istandard; jew |
|
— |
ETSI TS 119 495 V1.7.1 (2024-07). |
2.
Għal ċertifikati kwalifikati oħra għall-awtentikazzjoni tas-siti web, li mhumiex dawk imsemmija fil-punt 1, inkluż fil-kuntest ta’ browser tal-web:|
— |
ETSI TS 119 411-5 V2.1.1 (2025-02). |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2527/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)