27.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/17


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-3 ta’ Settembru 2014

li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

(Il-Każ AT.39574 — Smart Card Chips)

(notifikata bid-dokument C(2014) 6250)

(It-testi bil-lingwa Olandiża, Ġermaniża, Ingliża u Franċiża biss huma awtentiċi)

(2017/C 27/12)

Fit-3 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluż kull piena imposta, b’kunsiderazzjoni għall-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni hi disponibbli fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/

1.   INTRODUZZJONI

Id-Deċiżjoni tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u timponi multa fuq l-impriżi li ġejjin: Infineon (Infineon Technologies AG), Philips (Koninklijke Philips NV u Philips France SAS), Samsung (Samsung Electronics Co Ltd u Samsung Semiconductor Europe GmbH) u Renesas (Renesas Electronics Corporation u Renesas Electronics Europe Ltd). Renesas hija impriża konġunta ta’ Hitachi/Hitachi Ltd) u Mitsubishi (Mitsubishi Electric Corporation). Dawn il-kumpaniji ħadu sehem f’kartell dwar l-iSmart Card Chips.

Iċ-Ċipep tal-Ismart Cards (minn hawn ‘il quddiem SCC (Smart Card Chips)) jintużaw fid-diversi applikazzjonijiet ta’ smart cards bħas-SIM cards għall-mowbajls, karti bankarji, pay cards tat-TV, karti tal-identità, passaporti bijometriċi u karti tat-trasport.

2.   PROĊEDURA

Il-każ beda b’applikazzjoni għall-immunità minn Renesas fl-2008. Wara l-ispezzjonijiet, l-impriża li mexxiet in-negozju tal-SCC ta’ Philips u Samsung applikat ukoll għall-klemenza u ppreżentat evidenza rilevanti lill-Kummissjoni.

Fl-2011, il-Kummissjoni nediet il-proċedimenti u varat proċedura tas-saldu ma’ Philips, Renesas u Samsung. Madankollu, id-diskussjonijiet tas-saldu ġew mitmuma fl-2012 u eventwalment, tnedew ukoll proċedimenti kontra Infineon. Intbagħtet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet lil Renesas (u lill-kumpaniji omm Hitachi u Mitsubishi), Samsung, Philips u Infineon fit-18 ta’ April 2013.

Il-partijiet irċevew aċċess għall-fajl u ngħataw il-possibbiltà li jiddefendu ruħhom kontra l-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni bil-miktub u waqt is-smigħ orali li sar fl-20 ta’ Novembru 2013. Id-destinatarji kollha tad-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet, ipparteċipaw f’din is-seduta ta’ smigħ.

Il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ftehimiet Restrittivi u l-Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fl-1 ta’ Settembru 2014 u l-Uffiċjal tas-Seduta ħareġ ir-rapport finali tiegħu fit-2 ta’ Settembru 2014 u l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fit-3 ta’ Settembru 2014.

3.   FATTI

Id-Deċiżjoni tikkonċerna kartell bejn l-erba’ fornituri ewlenin ta’ SCC (Renesas, Samsung, Infineon u Philips) fiż-ŻEE permezz ta’ netwerk ta’ kuntatti bilaterali li saru bejn l-2003 u l-2005. Fl-isfond tad-dħul fis-suq aggressiv ta’ Samsung u Atmel fl-2003 u tal-pressjoni tal-prezzijiet miż-żewġ klijenti prinċipali u Axalto u Gemplus, il-fornituri tal-Ismart Cards f’kompetizzjoni għażlu li jiftiehmu u jikkoordinaw l-imġiba tagħhom fis-suq. L-erba’ kumpaniji bilateralment iddiskutew il-prezzijiet u l-komponenti ta’ pprezzar minn qabel, bħalma huma l-produzzjoni, il-kapaċità u l-użu tal-kapaċità, l-imġiba futura tas-suq, kif ukoll in-negozjar ta’ kuntratti fil-konfront ta’ klijenti komuni u skambjaw informazzjoni kompetittivament sensittiva.

Il-kartell kien jeżisti bejn l-24 ta’ Settembru 2003 u t-8 ta’ Settembru 2005, iżda d-durata individwali ta’ kull parti tista’ tkun iqsar minħabba dħul aktar tard jew ħruġ aktar kmieni minn dan in-netwerk ta’ kuntatti bilaterali. Id-durata tal-ksur fl-abbozz ta’ Deċiżjoni huwa ta’ 23 xahar għal Renesas u Samsung, 18-il xahar għal Infineon u 11-il xahar għal Philips.

Kull destinatarju jinżamm responsabbli skont l-involviment proprju tiegħu fil-kuntatti u l-arranġamenti antikompetittivi, jiġifieri jew bħala parteċipant dirett, jew, fil-każ ta’ kumpanija omm, minħabba li l-imġiba tas-sussidjarja hija attribwita lill-kumpanija omm billi din tal-aħħar eżerċitat influwenza deċiżiva fuq il-kondotta tas-sussidjarji matul il-perjodu tal-ksur.

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-impriżi u lill-entitajiet li ġejjin u għad-durata individwali li ġejja: Infineon (Infineon Technologies AG) mill-24 ta’ Settembru 2003 sal-31 ta’ Marzu 2005, għall-koordinazzjoni tagħha ma’ Samsung u Renesas; Philips (Koninklijke Philips NV u Philips France SAS) mis-26 ta’ Settembru 2003 sad-9 ta’ Settembru 2004; Renesas (Renesas Electronics Corporation, Renesas Electronics Europe Limited u Hitachi, Ltd u Mitsubishi Electric Corporation) mis-7 ta’ Ottubru 2003 sat-8 ta’ Settembru 2005; Samsung (Samsung Electronics Co., Ltd u Samsung Semiconductor Europe GmbH) mill-24 ta’ Settembru 2003 sat-8 ta’ Settembru 2005.

4.   VALUTAZZJONI LEGALI

Id-Deċiżjoni tistabbilixxi li Renesas, Samsung, Infineon u Philips ipparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

Il-ksur jikkonċerna n-negozju tal-SCC (kemm iċ-ċipep SIM kif ukoll dawk li mhumiex SIM) fiż-żona kollha taż-ŻEE.

Il-partijiet kellhom għan uniku li jillimitaw u jikkontrollaw l-impatt tad-dħul aggressiv ta’ Samsung fis-suq u l-pressjoni ‘l isfel fil-prezzijiet miż-żewġ klijenti ewlenin. Il-partijiet adottaw ukoll mudell komuni ta’ mġiba (l-istess tip ta’ skambji, l-istess individwi involuti u t-twaqqit tal-kuntatti spjegati miċ-ċiklu kummerċjali u mill-preżenza ta’ Samsung fl-Ewropa). Għal dawn ir-raġunijiet, għalkemm il-ksur kien jikkonsisti f’kuntatti bilaterali bejn il-partijiet, dawn il-kuntatti jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu.

Il-Kummissjoni tqis li d-dokumenti pprovduti mid-diversi impriżi li talbu l-klemenza għandhom biżżejjed valur probatorju suffiċjenti, iżda ddeċidiet li ma tagħmilx użu minn dokument wieħed ipprovdut minn Samsung fi stadju relattivament tard billi t-traduzzjoni ġiet miżjuda ma’ dan id-dokument u ċ-ċirkostanzi ta’ din il-bidla ma setgħux jiġu spjegati b’mod suffiċjenti.

5.   MULTI

Fil-kalkolu tal-multi li għandhom jiġu imposti, id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida dwar il-Multi tal-2006 kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006.

L-ammont bażiku tal-multi huwa stabbilit bħala proporzjon tal-valur ta’ bejgħ tal-impriża ta’ prodotti jew servizzi relatati direttament jew indirettament mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat rilevanti, u skont id-durata tal-parteċipazzjoni individwali. Proporzjon ieħor tal-valur ta’ bejgħ rilevanti jiżdied sabiex jiskoraġġixxi lill-impriżi milli saħansitra jipparteċipaw fl-imġiba tal-kartell.

Ma hemm l-ebda ċirkustanza aggravanti, iżda hemm divrenzjar fil-livell tal-involviment tal-partijiet individwali fil-ksur li huwa rikonoxxut fil-livell tal-multi individwali. Infineon ingħatat tnaqqis fl-ammont tal-multa minħabba ċirkustanzi mitiganti. Barra minn hekk, il-partijiet kollha jirċievu tnaqqis tal-ammont tal-multa għat-tul tal-proċedura, li damet sitt snin u nofs.

Qed jiġi impost multiplikatur ta’ deterrenza fuq Hitachi, Mitsubishi u Samsung, billi dawn l-impriżi għandhom dħul partikolarment għoli, apparti l-bejgħ ta’ prodotti u servizzi marbuta mal-ksur.

Għall-kooperazzjoni tagħhom abbażi tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006, id-Deċiżjoni tagħti lil Renesas immunità mill-multi u tnaqqis ta’ 30 % lil Samsung.

Il-multi imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 huma kif ġej:

(a)

Infineon Technologies AG: EUR 82 874 000;

(b)

Koninklijke Philips N.V. u Philips France SAS, in solidum: EUR 20 148 000;

(c)

Hitachi, Ltd, Mitsubishi Electric Corporation, Renesas Electronics Corporation u Renesas Electronics Europe Limited, in solidum: EUR 0;

Hitachi, Ltd, biss (fid-dawl tal-multiplikatur ta’ deterrenza applikat): EUR 0;

Mitsubishi Electric Corporation, biss (fid-dawl tal-multiplikatur ta’ deterrenza applikat): EUR 0;

(d)

Samsung Electronics Co., Ltd u Samsung Semiconductor Europe GmbH, in solidum: EUR 35 116 000.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.