Brussell, 23.7.2024

COM(2024) 324 final

2024/0188(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-Somalja


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

F’konformità mal-Artikolu 25a(2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi 1 , jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta regolarment il-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni u tirrapporta lill-Kunsill mill-inqas darba fis-sena.

Abbażi ta’ dawn il-valutazzjonijiet u filwaqt li jitqiesu l-passi meħuda mill-Kummissjoni biex ittejjeb il-livell ta’ kooperazzjoni fil-qasam tar-riammissjoni u r-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-pajjiż terz partikolari ma jkunx qed jikkoopera biżżejjed u li għalhekk tkun meħtieġa azzjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 25a(5), il-punt(a) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, għandha tissottometti proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li tissospendi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi fir-rigward taċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz. Il-Kummissjoni għandha tkompli bl-isforzi tagħha f’kull ħin, biex ittejjeb il-kooperazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat.

•    Il-każ tas-Somalja

Il-kooperazzjoni tas-Somalja dwar ir-riammissjoni taċ-ċittadini tagħha b’soġġorn illegali fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE għadha insuffiċjenti, kif irrapportat mill-Istati Membri u ssostanzjat mir-rata baxxa ta’ ritorn (jiġifieri l-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn infurzati meta mqabbel mar-rata ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa liċ-ċittadini tal-pajjiż terz 2 , li kien ta’ 4 % fl-2023) u r-rata ta’ ħruġ li qed tonqos (jiġifieri l-għadd ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn pajjiżi terzi meta mqabbel mal-għadd ta’ talbiet ta’ riammissjoni ppreżentati mill-Istati Membri).  

Kważi l-Istati Membri kollha jiffaċċjaw sfidi persistenti fl-istabbiliment ta’ djalogu sinifikanti u l-impenn dwar ir-riammissjoni mas-Somalja, b’mod partikolari fir-rigward tar-ritorni furzati.

Fil-qafas ta’ valutazzjonijiet kontinwi mwettqa mill-Kummissjoni abbażi ta’ data u informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri, mid-diskussjonijiet fil-Gruppi ta’ Ħidma tal-Kunsill u l-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti rilevanti, kif ukoll mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, l-Istati Membri rrapportaw għadd ta’ kwistjonijiet li jxekklu l-passi differenti tal-proċess ta’ riammissjoni, inklużi kwistjonijiet marbuta mal-identifikazzjoni ta’ ċittadini tas-Somalja, il-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u l-organizzazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ ritorn. Dewmien twil fit-tweġibiet tas-Somalja għat-talbiet ta’ riammissjoni tal-Istati Membri, jew in-nuqqas ta’ tweġibiet, jagħmlu l-proċess ta’ identifikazzjoni kkumplikat ħafna, li jfisser li rarament jirriżulta fil-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar jew fl-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn. Fl-2023, l-għadd ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn min-naħa tal-Istati Membri kien wieħed baxx, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tas-Somalja matul il-proċess kollu.

Bħala segwitu għall-valutazzjonijiet preċedenti skont l-Artikolu 25a tal-Kodiċi dwar il-Viżi, l-UE fittxet impenn imsaħħaħ mas-Somalja biex jiġu indirizzati l-ostakli fil-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni. L-UE ripetutament wasslet il-ħtieġa li tittejjeb il-kooperazzjoni fir-rigward tar-riammissjoni mal-awtoritajiet rilevanti, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub u fil-livelli politiċi u tekniċi fi Brussell u f’Mogadishu. Madankollu, dan l-impenn ma wassalx għat-titjib meħtieġ fil-kooperazzjoni.

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, in-nuqqas ta’ titjib, minkejja l-passi kontinwi meħuda sa issa mill-UE u mill-Istati Membri tagħha biex tittejjeb il-kooperazzjoni fir-riammissjoni, u filwaqt li jitqiesu r-relazzjonijiet ġenerali tal-UE mas-Somalja, huwa kkunsidrat li l-kooperazzjoni tas-Somalja mal-UE fir-rigward tar-riammissjoni mhijiex biżżejjed u li hija meħtieġa aktar azzjoni.

•    Ir-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mas-Somalja

Is-Somalja hija sieħeb importanti għall-UE fir-reġjun tal-Qarn tal-Afrika. Is-sħubija integrata tal-UE mas-Somalja hija inkwadrata fl-Istrateġija tal-UE għall-Qarn tal-Afrika 3 , li hija bbażata fuq l-iżvilupp soċjali u tal-bniedem, il-kummerċ, l-integrazzjoni reġjonali, il-paċi u s-sigurtà. Skont l-UNHCR, is-Somalja tospita 30 000 refuġjat u kważi 3 miljun persuna spostata internament.

L-UE investiet ħafna u b’mod komprensiv fl-istabbiltà tas-Somalja b’aktar minn EUR 3.5 biljun ta’ appoġġ għall-perjodu 2014-2022. Il-Gvern qabel ma’ Pjan Direzzjonali Operazzjonali Konġunt 4 f’Mejju 2023, li jistabbilixxi l-oqsma ta’ prijorità u jservi bħala l-pedament għall-involviment bejn is-Somalja u l-UE. Dan il-Pjan Direzzjonali jikkonsisti fi tliet pilastri li huma: il-Politika Inklużiva u d-Demokratizzazzjoni, is-Sigurtà u l-Istabbilizzazzjoni, u t-Tkabbir Soċjoekonomiku.

Il-programm ta’ appoġġ baġitarju tal-Kuntratt għall-Bini tal-Istat u r-Reżiljenza tas-Somalja (SRBC, Somalia State and Resilience Building Contract) kien strumentali biex is-Somalja tilħaq il-Punt ta’ Tlestija tal-Pajjiżi Foqra b’Dejn Kbir (HIPC, Heavily Indebted Poor Countries) f’Diċembru 2023, billi tindirizza l-implimentazzjoni ta’ riformi ewlenin, bħall-ġestjoni mtejba tal-flus kontanti, il-ġestjoni finanzjarja pubblika (PFM, public financial management), il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni doganali u tat-taxxa, u l-iffaċilitar tal-ikklerjar tal-arretrati tas-Somalja mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFIs, international financial institutions).

Il-pajjiż igawdi minn aċċess għas-suq Ewropew mingħajr dazju u mingħajr kwoti taħt l-iskema “Kollox Minbarra Armi” 5 .

Il-Programm Indikattiv Pluriennali (MIP, Multiannual Indicative Programme) għas-Somalja taħt l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali 6 (NDICI, Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument) għall-perjodu 2021-2024 jammonta għal EUR 257 miljun u huwa mfassal biex jindirizza l-kawżi ewlenin tal-instabbiltà u l-fraġilità u javvanza l-proċessi tal-bini tal-istat, jappoġġa l-iżvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli u jtaffi l-impatt tad-diżastri naturali u l-ispostament fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli.

Is-Somalja hija membru tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD, Intergovernmental Authority on Development), u attwalment qed tissostitwixxi lis-Sudan fil-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Proċess ta’ Khartoum. Fis-6 ta’ Ġunju 2023, is-Somalja ġiet eletta bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għall-perjodu 2025-2026.  

•    Il-miżuri dwar il-viżi

Kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tissospendi temporanjament l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi fir-rigward taċ-ċittadini tas-Somalja. Madankollu, jenħtieġ li s-sospensjoni ma tapplikax għall-membri tal-familja ta’ ċittadini Somali (mobbli) tal-UE koperti bid-Direttiva 2004/38/KE 7 u għal membri tal-familja Somali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak taċ-ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda u l-pajjiżi terzi kkonċernati min-naħa l-oħra. Bl-istess mod, is-sospensjoni jenħtieġ li ma tapplikax għall-membri tal-familja ta’ ċittadini tar-Renju Unit li jkunu benefiċjarji tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, dment li l-membri tal-familja jkunu intitolati li jagħmlu applikazzjoni għal viża skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ biex jingħaqdu mal-benefiċjarju fl-Istat ospitanti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Ma hemm l-ebda Stat Membru preżenti jew rappreżentat fis-Somalja għall-fini tal-ħruġ tal-viżi. Bħalissa sitt Stati Membri ma jirrikonoxxu l-ebda dokument tal-ivvjaġġar maħruġ mis-Somalja, u sebgħa oħra jirrikonoxxu biss passaporti diplomatiċi jew ta’ servizz. Ma tistax titwaħħal viża fuq passaporti mhux rikonoxxuti għall-ivvjaġġar lejn l-Istat(i) Membru/i rispettiv(i). Jekk Stat Membru jwaħħal viża fuq dokument tal-ivvjaġġar Somalu li jirrikonoxxi, dik il-viża tkun valida biss għat-territorju tal-Istati Membri li jirrikonoxxu d-dokument tal-ivvjaġġar u mhux għaż-żona Schengen kollha. Iċ-ċittadini Somali li jkollhom dokumenti tal-ivvjaġġar mhux rikonoxxuti għalhekk ikollhom bżonn jiksbu dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa minn pajjiż ieħor jekk jippjanaw li jivvjaġġaw lejn (a) Stat(i) Membru/i mhux rikonoxxenti. Stati Membri mhux rikonoxxenti jistgħu wkoll iwaħħlu viża b’validità territorjali limitata ma’ folja separata, iżda din is-soluzzjoni rarament tintuża fil-prattika peress li l-applikazzjonijiet tal-viża bbażati fuq dokument tal-ivvjaġġar mhux rikonoxxut normalment jitqiesu inammissibbli, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-ivvjaġġar (eż., raġunijiet umanitarji).

Fl-2022, iċ-ċittadini Somali ppreżentaw 1600 applikazzjoni għal viża u 2600 fl-2023, li rriżultaw fil-ħruġ ta’ 1000 u 1600 viża f’dawk is-sentejn, rispettivament.

Il-kontenut tal-miżuri dwar il-viżi

In-nuqqas tas-Somalja milli tikkoopera biżżejjed fir-riammissjoni jiġġustifika s-sospensjoni temporanja tal-artikoli kollha msemmija fl-Artikolu 25a(5), il-punt (a) tal-Kodiċi dwar il-Viżi: is-sospensjoni tal-possibbiltà ta’ rinunzja tar-rekwiżiti fir-rigward tal-evidenza dokumentarja li għandha tiġi ppreżentata mill-applikanti għal viża msemmija fl-Artikolu 14(6); is-sospensjoni tal-perjodu ġenerali ta’ pproċessar ta’ 15-il jum kalendarju msemmi fl-Artikolu 23(1) (li bħala konsegwenza teskludi wkoll l-applikazzjoni tar-regola li tippermetti l-estensjoni ta’ dan il-perjodu sa massimu ta’ 45 jum f’każijiet individwali biss, u b’hekk 45 jum isiru l-perjodu tal-ipproċessar standard); is-sospensjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu (MEVs, multiple entry visas) f’konformità mal-Artikolu 24(2) u (2c); u s-sospensjoni tal-eżenzjoni mit-tariffa tal-viża fakultattiva għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u tas-servizz f’konformità mal-Artikolu 16(5), il-punt (b).

Il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri dwar il-viżi

Il-Kodiċi dwar il-Viżi jipprevedi li l-miżuri dwar il-viżi għandhom japplikaw b’mod temporanju iżda ma hemm l-ebda obbligu li jiġi indikat perjodu speċifiku ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 25a(6) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta kontinwament il-progress fil-kooperazzjoni ta’ riammissjoni fuq il-bażi tal-indikaturi stabbiliti fl-Artikolu 25a(2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, inkluż fl-assistenza pprovduta għall-identifikazzjoni ta’ persuni b’soġġorn illegali fit-territorju tal-Istati Membri, il-ħruġ f’waqtu ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u l-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar jekk jistax jiġi stabbilit titjib sostanzjali u sostnut fil-kooperazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat dwar ir-riammissjoni u, filwaqt li tqis ukoll ir-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni ma’ dak il-pajjiż terz, tista’ tippreżenta proposta lill-Kunsill biex titħassar jew tiġi emendata d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Jekk għall-kuntrarju ta’ dan, il-miżuri dwar il-viżi f’konformità mad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni wrew li kienu ineffettivi, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat l-iskattar tat-tieni stadju tal-mekkaniżmu kif previst mill-Artikolu 25a(5), il-punt (b) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

Skont l-Artikolu 25a(7) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, il-Kummissjoni - sa mhux aktar tard minn 6 xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni - se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress miksub fil-kooperazzjoni tal-pajjiż terz partikolari fir-rigward tar-riammissjoni.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Id-deċiżjoni proposta hija konsistenti mal-Kodiċi dwar il-Viżi li jistabbilixxi r-regoli armonizzati tal-politika komuni dwar il-viżi li jirregolaw il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal soġġorni maħsuba fit-territorju tal-Istati Membri li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-UE tippromwovi approċċ komprensiv dwar il-migrazzjoni u l-ispostament furzat, ibbażat fuq valuri u responsabbiltajiet kondiviżi, li jiżgura r-rispett tad-drittijiet u l-obbligi fundamentali kollha f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Wieħed mill-pilastri tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil adottat f’Mejju 2024, li joffri approċċ komprensiv li għandu l-għan li jsaħħaħ u jintegra l-politiki ewlenin tal-UE dwar il-migrazzjoni, l-ażil, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-integrazzjoni, huwa li l-migrazzjoni tiġi inkorporata fi sħubijiet internazzjonali għall-prevenzjoni tat-tluq irregolari, għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, għall-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni u għall-promozzjoni ta’ perkorsi legali.

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali hija element importanti ta’ din il-politika. Biex jiġu msaħħa tali sħubijiet komprensivi u tiġi żgurata kooperazzjoni sħiħa minn pajjiżi terzi, il-Kunsill Ewropew talab lill-UE biex timmobilizza l-għodod kollha disponibbli, inklużi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-kummerċ jew il-miżuri dwar il-viżi 8 .

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi l-Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), l-Artikolu 25a(5), il-punt(a).

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

mhux applikabbli

•Proporzjonalità

Il-miżuri proposti li l-għan tagħhom huwa li jtejbu l-kooperazzjoni tas-Somalja fir-rigward tar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terzi b’soġġorn illegali, huma proporzjonati għall-objettiv imfittex. Dawn il-miżuri ma jaffettwawx il-possibbiltà għall-applikanti li japplikaw għall-viżi u jingħatawlhom, bħala tali, iżda jkopru ċerti aspetti tal-proċedura għall-ħruġ tal-viża. Barra minn hekk, ċerti kategoriji ta’ persuni huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

mhux applikabbli

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

mhux applikabbli

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

mhux applikabbli

•Valutazzjoni tal-impatt

mhux applikabbli

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

mhux applikabbli

•Drittijiet fundamentali

Il-miżuri proposti ma jaffettwawx il-possibbiltà li wieħed japplika għal viża u tingħatalu, u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-applikanti, b’mod partikolari r-rispett għall-ħajja fil-familja.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

mhux applikabbli

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

mhux applikabbli

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

mhux applikabbli

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni proposta.

Il-paragrafi 1 u 2 jispeċifikaw li dan japplika biss għaċ-ċittadini tas-Somalja li jkunu soġġetti għall-ħtieġa tal-viża, u mhux għal dawk li jkunu eżenti abbażi tal-Artikoli 4 jew 6 tar-Regolament (UE) 2018/1806.

Il-paragrafu 3 jeżenta mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni proposta applikanti għal viża li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE, u membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi minn dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak taċ-ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u l-pajjiż terz rilevanti, min-naħa l-oħra. Il-membri tal-familja ta’ ċittadini tar-Renju Unit li jkunu benefiċjarji tal-Ftehim dwar il-Ħruġ huma eżentati wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni proposta, dment li l-membri tal-familja jkunu intitolati li jagħmlu applikazzjoni għal viża skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ biex jingħaqdu mal-benefiċjarju fil-pajjiż ospitanti marbut bil-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Il-paragrafu 4 jispeċifika li d-deċiżjoni proposta hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri.

L-Artikolu 2 jistabbilixxi li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandha tiġi sospiża temporanjament għaċ-ċittadini tas-Somalja li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni proposta:

–Il-possibbiltà li l-Istati Membri jirrinunzjaw ir-rekwiżit li jippreżentaw sett sħiħ ta’ dokumenti ta’ sostenn. Dan ifisser li jkollu jiġi ppreżentat sett sħiħ ta’ dokumenti ta’ sostenn li jagħtu prova tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet tad-dħul kif stabbiliti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen f’kull applikazzjoni mill-applikanti kollha.

–Il-possibbiltà li l-Istati Membri jirrinunzjaw it-tariffa tal-viża għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u ta’ servizz. It-tariffa standard tal-viża ta’ EUR 90 se tapplika għal din il-kategorija ta’ applikanti.

–Iż-żmien standard għall-ipproċessar għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni huwa ta’ 15-il jum. Dan ifisser li l-Istati Membri se jkollhom 45 jum biex jiddeċiedu dwar l-applikazzjonijiet.

–Ir-regoli dwar il-ħruġ ta’ viża għal dħul multiplu. Dan ifisser li, fil-prinċipju, se jinħarġu biss viżi għal dħul wieħed.

L-Artikolu 3 jispeċifika li l-miżuri jidħlu fis-seħħ fid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni lill-Istati Membri.

L-Artikolu 4 fih il-lista tad-destinatarji tad-deċiżjoni proposta, jiġifieri l-Istati Membri rilevanti.

2024/0188 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) 9 , u b’mod partikolari l-Artikolu 25a(5), il-punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-kooperazzjoni fir-rigward tar-riammissjoni mas-Somalja ġiet ivvalutata bħala insuffiċjenti skont l-Artikolu 25a(2) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009. Huwa meħtieġ titjib sinifikanti fil-kooperazzjoni dwar il-passi kollha tal-proċess ta’ riammissjoni, inkluż biex jiġi żgurat li s-Somalja tikkoopera b’mod effettiv f’dak kollu li jikkonċerna l-identifikazzjoni, il-ħruġ ta’ dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar u operazzjonijiet ta’ ritorn b’mod f’waqtu u prevedibbli, kemm għar-ritorni furzati kif ukoll għal dawk volontarji.

(2)Bi ftit eċċezzjonijiet, l-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi persistenti, minħabba n-nuqqas ta’ interlokuturi ċari u n-nuqqas ta’ tweġibiet għat-talbiet għar-riammissjoni u l-ħruġ ta’ dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar, b’mod partikolari fir-rigward tar-ritorni furzati.

(3)Filwaqt li jitqiesu d-diversi passi li ħadet il-Kummissjoni sa issa biex ittejjeb il-livell ta’ kooperazzjoni u r-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mas-Somalja, il-kooperazzjoni tas-Somalja mal-Unjoni dwar kwistjonijiet ta’ riammissjoni mhijiex biżżejjed u għalhekk hija meħtieġa l-azzjoni.

(4)Jenħtieġ għalhekk li l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tiġi sospiża temporanjament għaċ-ċittadini tas-Somalja li jkunu soġġetti għall-ħtieġa tal-viża skont ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 . L-objettiv huwa li s-Somalja tiġi mħeġġa tieħu l-azzjonijiet neċessarji biex ittejjeb il-kooperazzjoni f’dak kollu li jirrigwarda l-kwistjonijiet ta’ riammissjoni.

(5)Id-dispożizzjonijiet sospiżi temporanjament jenħtieġ li jkunu dawk imsemmija fl-Artikolu 25a(5), il-punt(a) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009: is-sospensjoni tal-possibbiltà ta’ rinunzja tar-rekwiżiti fir-rigward tal-evidenza dokumentarja li għandha tiġi ppreżentata mill-applikanti għall-viża msemmija fl-Artikolu 14(6), is-sospensjoni tal-perjodu ġenerali ta’ pproċessar ta’ 15-il jum kalendarju msemmi fl-Artikolu 23(1) (li bħala konsegwenza teskludi wkoll l-applikazzjoni tar-regola li tippermetti l-estensjoni ta’ dan il-perjodu sa massimu ta’ 45 jum biss f’każijiet individwali, li jfisser li 45 jum isiru l-perjodu standard ta’ pproċessar), is-sospensjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu f’konformità mal-Artikoli 24(2) u (2c), u s-sospensjoni tal-eżenzjoni mit-tariffa tal-viża fakultattiva għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u tas-servizz f’konformità mal-Artikolu 16(5), il-punt (b).

(6)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma taffettwax l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE, li testendi d-dritt tal-moviment liberu għall-membri tal-familja indipendentement miċ-ċittadinanza tagħhom meta jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni jew jakkumpanjawh. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tapplikax għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE, jew għall-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz. L-istess japplika fir-rigward tal-membri tal-familja ta’ ċittadini tar-Renju Unit li huma benefiċjarji tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 11 (Ftehim dwar il-Ħruġ), dment li l-membru tal-familja jkun intitolat li jingħaqad mal-benefiċjarju tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fl-Istat ospitanti u japplika għal viża għal dan l-għan.

(7)Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali, inkluż bħala pajjiżi ospitanti ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali jew ta’ konferenzi internazzjonali msejħa min-Nazzjonijiet Uniti jew organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali oħra ospitati mill-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li s-sospensjoni temporanja ma tapplikax għaċ-ċittadini tas-Somalja li japplikaw għal viża sa fejn ikun meħtieġ biex l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi tagħhom bħala pajjiżi ospitanti ta’ tali organizzazzjonijiet jew ta’ tali konferenzi.

(8)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma taffettwax il-possibbiltà li l-applikanti japplikaw għal viżi u li jingħataw viżi b’rispett sħiħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(9)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien 6 xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk tkunx se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(10)Din id-Deċiżjoni ma tikkostitwix żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda qed tieħu sehem fihom, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 12 ; għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(11)Fir-rigward tal-Iżlanda u tan-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 13 , li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE 14 .

(12)Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 15 , li jaqgħu taħt l-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE 16 .

(13)Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 17 , li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE 18 .

(14)Fir-rigward ta’ Ċipru, din id-deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq, jew li b’xi mod ieħor huwa relatat, mal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għaċ-ċittadini tas-Somalja li jkunu soġġetti għall-ħtieġa tal-viża skont ir-Regolament (UE) 2018/1806.

2.Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika għal ċittadini tas-Somalja li jkunu eżentati mill-ħtieġa tal-viża skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/1806 jew li għalihom l-Istati Membri jkunu pprevedew eċċezzjonijiet mill-ħtieġa tal-viża f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2018/1806.

3.Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika għaċ-ċittadini tas-Somalja u li jkunu:

(a)membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE meta jakkumpanjaw jew jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni jew

(b)membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz jew

(c)membri tal-familja ta’ ċittadin tar-Renju Unit li jkun benefiċjarju tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, dment li l-membri tal-familja jkunu intitolati jingħaqdu mal-benefiċjarju tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fl-Istat ospitanti u japplika għal viża għal dan l-għan.

4.Din id-deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b’obbligu skont id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a)bħala pajjiż ospitanti ta’ organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)bħala pajjiż ospitanti għal konferenza internazzjonali msejħa min-Nazzjonijiet Uniti jew minn organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali oħra ospitati minn Stat Membru, jew taħt l-awspiċi tagħhom;

(c)skont ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet;

(d)skont it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni tal-1929 (il-Patt Lateran) konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja, kif emendat l-aħħar.

Artikolu 2

L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 għandha tiġi sospiża temporanjament:

(a)    l-Artikolu 14(6);

(b)    l-Artikolu 16(5), il-punt (b);

(c)    l-Artikolu 23(1);

(d)    l-Artikolu 24(2) u (2c).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lill-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.
(2)    Skont id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment.
(3)     Il-Qarn tal-Afrika: prijorità ġeostrateġika għall-UE, konklużjonijiet tal-Kunsill
(4)    Prijoritajiet għall-kooperazzjoni UE-Somalia (Pjan Direzzjonali Operazzjonali Konġunt), Mejju 2023.
(5)    Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008.
(6)     Multi-annual Indicative Programme (2021-2027), Federal Republic of Somalia .
(7)        Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
(8)    EUCO 22/21 (17).
(9)    ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.
(10)    Ir-Regolament (UE) Nru 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (kodifikazzjoni) (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).
(11)    Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7).
(12)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(13)    ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(14)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(15)    ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(16)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(17)    ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(18)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki fil-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).