SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
14 ta’ Lulju 2022 (*)
“Appell – Rikors għal annullament – Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Rappreżentanza tal-partijiet mhux ipprivileġġjata fil-kuntest ta’ rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea – Professur tal-università – Għalliema fl-università rrappreżentata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors kif ukoll li teżerċita funzjonijiet ta’ koordinatur u ta’ kap ta’ tim tal-proġett li huwa s-suġġett tal-kawża – Kondizzjonijiet tal-impjieg – Eżistenza ta’ interess dirett u personali fis-soluzzjoni tat-tilwima”
Fil-Kawża C‑110/21 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑23 ta’ Frar 2021,
Universität Bremen, stabbilita fi Bremen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Schmid, għalliem fl-università,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Agence exécutive européenne pour la recherche (REA), irrappreżentata minn V. Canetti u S. Payan-Lagrou, bħala aġenti, assistiti minn R. van der Hout, advocaat, u C. Wagner, Rechtsanwalt,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal, President ta’ Awla, J. Passer, F. Biltgen (Relatur), N. Wahl u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Frar 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tagħha, l-Universität Bremen (l-Università ta’ Bremen, il-Ġermanja) titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Universität Bremen vs REA (T‑660/19, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2020:633), li permezz tiegħu din ċaħdet bħala manifestament inammissibbli r-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni Ares (2019) 4590599 tal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA), tas‑16 ta’ Lulju 2019, li tiċħad il-proposta ppreżentata minn din l-università fil-kuntest tas-sejħa għal proposti H2020-SC6-Governance-2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
2 Skont l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut:
“L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni ikunu rappreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn aġent maħtur għal kull każ; l-aġent jista’ jkun assistit minn konsulent jew minn avukat.
Minbarra l-Istati Membri, l-Istati li huma parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3)] u wkoll ta’ l-Awtorità għas-Sorveljanza ta’ l-EFTA msemmija f’dak il-Ftehim għandhom ikunu rappreżentati bl-istess mod.
Partijiet oħra għandhom ikunu rappreżentati minn avukat.
Avukat biss, li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jista’ jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-Qorti.
Dawn l-aġenti, konsulenti u avukati, meta jidhru quddiem il-qorti, igawdu mid-drittijiet u l-immunitajiet meħtieġa għall-eżerċizzju indipendenti tad-doveri tagħhom, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.
Fir-rigward ta’ dawn il-konsulenti u l-avukati li jidhru quddiemha, il-Qorti għandha jkollha s-setgħat li normalment igawdu qrati u tribunali, skond il-kondizzjonijet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.
Għalliema ta’ l-Università li jkunu ċittadini ta’ l-Istati Membri li l-liġi tagħhom tagħtihom id-dritt ta’ udjenza għandu jkollhom l-istess drittijiet quddiem il-Qorti li dan l-Artikolu jagħti lill-avukati.”
3 L-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi li:
“Il-partijiet għandhom ikunu rrappreżentati minn aġent jew minn avukat fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19 tal-Istatut [tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea].”
Id‑dritt Ġermaniż
4 L-Artikolu 67 tal-Verwaltungsgerichtsordnung (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi), tal‑21 ta’ Jannar 1960 (BGBl. 1960 I, p. 17), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża li tat lok għal dan l-appell, jipprevedi, fir-rigward tad-dritt ta’ ammissjoni tal-għalliema tal-università:
“ […]
(2) Il-partijiet jistgħu jiġu rrappreżentati minn avukat jew minn għalliem tad-dritt ta’ università ta’ Stat jew ta’ università rrikonoxxuta mill-Istat ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, ta’ wieħed mill-Istati partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera li għandu l-kwalifiki meħtieġa sabiex jiddeċiedi, bħala mandatarju […]
(3) Il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża għandha tirrifjuta li l-partijiet ikunu rrappreżentati mill-mandatarji li ma humiex intitolati li jirrappreżentaw, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, permezz ta’ digriet li ma jistax jiġi kkontestat. L-atti proċedurali ta’ rappreżentant li ma huwiex awtorizzat li jirrappreżenta fi proċeduri legali u n-notifiki jew komunikazzjonijiet magħmula lil dan il-mandatarju huma validi sa tali rifjut. […]
[…]”
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
5 L-aggravji kollha huma diretti kontra l-punti 2 sa 6 tad-digriet appellat. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.
6 L-Università ta’ Bremen ġiet innominata bħala koordinatriċi ta’ konsorzju ta’ riċerka li jinkludi diversi universitajiet Ewropej u li jwettqu riċerki tad-dritt komparattiv interdixxiplinari fil-qasam tad-dritt u tal-politika fil-qasam tal-akkomodazzjoni fl-Unjoni kollha.
7 Fis‑17 ta’ Marzu 2019, wara sejħa għal proposti, l-Università ta’ Bremen ippreżentat lir-REA proposta ta’ proġett.
8 Din il-proposta ta’ proġett kisbet marka totali ta’ għaxar punti minn ħmistax, li kienet tagħmilha eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni u kklassifikatha fl-għaxar post fuq l-erbatax-il kandidaturi ppreżentati. Madankollu, sa fejn il-baġit previst kien limitat, kienu biss il-proposti ta’ proġett ikklassifikati fl-ewwel sat-tielet post li setgħu jintgħażlu.
9 Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, ir-REA għalhekk informat lill-Università ta’ Bremen biċ-ċaħda tal-proposta tagħha.
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u d‑digriet appellat
10 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Settembru 2019, l-Università ta’ Bremen ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.
11 Fir-risposta tagħha, ir-REA qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, ibbażata fuq il-fatt li l-għalliem li jirrappreżenta lill-Università ta’ Bremen ma kienx terz fil-konfront ta’ din tal-aħħar u li, konsegwentement, ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ indipendenza prevista fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
12 Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali laqgħet din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u ċaħdet, abbażi tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ir-rikors bħala manifestament inammissibbli.
13 Fil-punt 16 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont it-tielet sal-ħames paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 tiegħu, il-partijiet għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat u huwa biss avukat awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru li jista’ jirrappreżenta lil parti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
14 Fil-punti 18 u 19 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fir-rigward taż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri, minn naħa, il-kwalità ta’ avukat u, min-naħa l-oħra, l-awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju quddiem qorti ta’ Stat Membru, li, kuntrarjament għat-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi, l-ewwel waħda minnhom, relatata mal-kwalità ta’ “avukat”, ma kienet tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħha, b’mod li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “avukat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni, fid-dawl tal-kuntest li dan jintuża fih u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tifforma parti minnha.
15 Filwaqt li bbażat ruħha, fil-punt 20 tad-digriet appellat, b’mod partikolari fuq is-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni (155/79, EU:C:1982:157, punt 24), kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 42), li jgħidu li l-kunċett tar-rwol tal-avukat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li kien ġej mit-tradizzjonijiet legali komuni għall-Istati Membri, huwa dak ta’ kollaboratur tal-ġustizzja msejjaħ sabiex jipprovdi, b’indipendenza sħiħa u fl-interess superjuri tagħha, l-assistenza legali li l-klijent għandu bżonn, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 21 ta’ dan id-digriet, fejn ikkwotat id-digriet tad‑29 ta’ Settembru 2010, EREF vs Il-Kummissjoni (C‑74/10 P u C‑75/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:557, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li l-kundizzjoni ta’ indipendenza tal-avukat kienet timplika n-nuqqas ta’ kull rapport ta’ impjieg bejn dan tal-aħħar u l-klijent tiegħu, fejn fakkret li l-kunċett ta’ “indipendenza tal-avukat” kien iddefinit mhux biss b’mod pożittiv, jiġifieri b’referenza għad-deontoloġija tal-avukat, iżda wkoll b’mod negattiv, jiġifieri bin-nuqqas ta’ rapport ta’ impjieg bejn l-avukat u l-klijent tiegħu.
16 Fil-punt 25 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rappreżentant li kien iffirma r-rikors fl-ewwel istanza, minbarra l-fatt li kien impjegat mill-Università ta’ Bremen fil-kuntest ta’ rabta legali rregolata mid-dritt pubbliku, kien ġie nnominat bħala koordinatur tal-proġett propost kif ukoll il-kap tal-grupp ta’ dan tal-aħħar u bħala li jassumi “kompiti” u “funzjonijiet essenzjali” fil-kuntest ta’ dan il-proġett, b’tali mod li l-persuna kkonċernata mhux biss għandha rabta personali mill-qrib mas-suġġett tat-tilwima, iżda għandha wkoll interess dirett fis-soluzzjoni tagħha, peress li t-twettiq tal-proġett imsemmi jiddependi, għall-inqas parzjalment, mill-finanzjament irrifjutat lill-Università ta’ Bremen mill-Kummissjoni Ewropea.
17 Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 26 tad-digriet appellat, li l-funzjonijiet essenzjali eżerċitati minn dan ir-rappreżentant, fi ħdan il-persuna ġuridika li f’isimha huwa kien ippreżenta r-rikors fl-ewwel istanza, kienu ta’ natura li jikkompromettu l-kwalità tiegħu ta’ terz indipendenti, fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 65 tas-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA (C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73), u li dawn il-funzjonijiet kienu ta’ natura li jippreġudikaw b’mod manifest il-kapaċità tal-imsemmi rappreżentant li jiżgura l-missjoni tiegħu ta’ difiża tal-interessi tal-mandant tiegħu.
18 Il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punti 28 sa 34 tad-digriet appellat, li din il-konklużjoni ma kinitx ikkonfutata mis-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA (C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, ikkjarifikat il-portata tal-kunċett ta’ “indipendenza”, mingħajr madankollu ma poġġiet indiskussjoni l-ġurisprudenza preċedenti tagħha u mingħajr ma segwiet il-proposti esposti fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA (C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2019:774) dwar il-kriterju użat għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tielet u tar-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
19 Barra minn hekk, fil-punt 35 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument invokat mill-Università ta’ Bremen dwar l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, li jfakkar li d-dritt ta’ aċċess għal qorti ma kienx dritt assolut u li għalhekk seta’ jkollu restrizzjonijiet proporzjonati li jsegwu għan leġittimu.
20 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument invokat mill-Università ta’ Bremen li hija kellha tiġi prekluża mill-eżistenza ta’ raġuni ta’ inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza sabiex tkun tista’ tirrimedja għal dan, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 40 tad-digriet appellat, li l-obbligu ta’ rappreżentanza minn avukat ma kienx jinsab fost ir-rekwiżiti li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom seta’ jkun is-suġġett ta’ regolarizzazzjoni wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑appellanti
21 Permezz tal-appell tagħha, l-Università ta’ Bremen titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla d-digriet appellat;
– tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni fil-mertu;
– tikkonstata li r-rappreżentazzjoni mill-għalliem universitarju kkonċernat hija valida;
– sussidjarjament, tikkonkludi li l-Università ta’ Bremen għandha d-dritt li tkompli l-proċedura b’avukat li jissodisfa l-kundizzjonijiet tat-tielet u tar-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u
– tikkundanna lir-REA għall-ispejjeż.
22 Ir-REA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell u
– tikkundanna lill-Università ta’ Bremen għall-ispejjeż.
Fuq l‑appell
23 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Università ta’ Bremen hija rrappreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-persuna stess li dwarha l-Qorti Ġenerali, fid-digriet appellat, iddeċidiet li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tirrappreżenta lil din il-parti, f’din il-kawża, quddiem il-qorti tal-Unjoni.
24 Madankollu, sa fejn il-kwistjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-appell titħallat, essenzjalment, mas-suġġett ta’ dan l-appell, għandhom jiġu eżaminati l-aggravji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 20).
25 Insostenn tal-appell tagħha, l-Università ta’ Bremen tqajjem żewġ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.
L‑argumenti tal‑partijiet
26 Permezz tal-ewwel aggravju, l-Università ta’ Bremen tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli interpretat ħażin il-kliem u l-istruttura tas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sa fejn l-għalliema universitarji li lilhom il-leġiżlazzjoni tirrikonoxxi dritt ta’ udjenza ma humiex obbligati, bħala rappreżentanti, li jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ indipendenza imposta fuq l-avukati, fis-sens tat-tielet u tar-raba’ paragrafi ta’ dan l-Artikolu 19.
27 Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-Università ta’ Bremen issostni, qabel kollox, li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-għalliema universitarji awtorizzati mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tagħhom li jidhru bħala mandatarji ad litem igawdu “loġikament” minn dan il-privileġġ skont is-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
28 L-Università ta’ Bremen tfakkar li l-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni fasslet il-kunċett ta’ “avukat” abbażi tat-tielet u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jeżiġi, bħala prinċipju, indipendenza ta’ dan ir-rappreżentant ad litem meta mqabbel mal-parti li huwa jirrappreżenta. Sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eżistenza ta’ tali indipendenza għas-sempliċi raġuni li l-mandatarju inkwistjoni ma setax jitqies bħala “avukat”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 ta’ dan l-Istatut, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sistema privileġġjata rriżervata għall-għalliema universitarji fis-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-imsemmi statut.
29 Fil-fatt, minħabba l-kliem ċar ħafna ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, l-għalliema universitarji għandhom ex lege l-istess drittijiet bħal dawk mogħtija lill-avukati. Konsegwentement, il-kundizzjoni ta’ indipendenza tal-avukat, fis-sens tat-tielet u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma tistax tiġi trasposta għall-għalliema universitarji.
30 L-Università ta’ Bremen tinvoka diversi argumenti insostenn ta’ din il-konklużjoni.
31 Fl-ewwel lok, il-kwistjoni tal-kapaċità tal-għalliema universitarji li jidhru, inkluż dik tal-eventwali kunflitti ta’ interessi, hija kompletament irregolata fuq il-livell tad-dritt nazzjonali, li s-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirreferi espressament għalih. B’hekk, skont id-dritt Ġermaniż, ir-rifjut ta’ rappreżentanza legali jista’ jitqies biss jekk ir-rappreżentant ikkonċernat la jkun avukat u lanqas għalliem universitarju jew jekk dan ir-rappreżentant ikun imħallef fil-qorti adita. Barra minn hekk, il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) iddeċidiet li sempliċi kunflitti ta’ interessi imputabbli lil avukati jew lil professuri universitarji ma jistgħux jiġġustifikaw digriet ta’ ċaħda, peress li l-kodiċi tal-etika jipprevedi l-iktar l-iktar responsabbiltà professjonali flimkien ma’ sanzjonijiet.
32 Fit-tieni lok, l-istatus partikolari tad-dritt pubbliku tal-għalliema universitarji jippermetti li jiġi eskluż kull tip ta’ kunflitt ta’ interess. Bħala uffiċjali tal-Istat, huma jkunu suġġetti għal obbligi stretti ta’ lealtà u, sa fejn is-setgħa ta’ rappreżentanza tikkostitwixxi biss funzjoni aċċessorja, li barra minn hekk hija suġġetta għal awtorizzazzjoni speċjali tas-superjur ġerarkiku, dawn ma jiddependux finanzjarjament, b’differenza mill-avukati, mill-attività ta’ rappreżentanza ġudizzjarja.
33 Fit-tielet lok, l-Università ta’ Bremen issostni li, bħala università pubblika, hija tagħmel parti integrali mill-Istat Membru tagħha, peress li dan tal-aħħar huwa parti pprivileġġata msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
34 Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-Università ta’ Bremen issostni li, skont id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 67 tal-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima li wasslet għal dan l-appell, il-mandatarju ad litem jista’ jidher mingħajr ebda kundizzjoni oħra, peress li ma jeżisti, a priori, ebda kunflitt ta’ interess magħruf.
35 Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, l-Università ta’ Bremen issostni li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tadottax tali interpretazzjoni, hija kellha tibbenefika mill-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, minħabba l-formulazzjoni inekwivoka tas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-każ, kien għal kollox mhux mistenni għall-Università ta’ Bremen li l-għalliema universitarji jkunu wkoll obbligati jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ indipendenza tal-avukat, fis-sens tat-tielet u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 ta’ dan l-Istatut.
36 Ir-REA teċċepixxi, qabel kollox, l-inammissibbiltà tat-tielet u tar-raba’ kapijiet tal-aggravji li permezz tagħhom l-Università ta’ Bremen titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel konstatazzjonijiet, għar-raġuni li, fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors għal annullament, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni huwa limitat għal-legalità tal-att ikkontestat.
37 Fir-rigward tal-ewwel aggravju, ir-REA tqis li dan l-aggravju huwa infondat, sa fejn ma jeżisti ebda status privileġġat tal-għalliema universitarji u li l-Università ta’ Bremen tagħti interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikoli 51 u 56 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
38 Skont ir-REA, peress li l-għalliema għandhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-avukati, il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ rappreżentanza legali, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tapplika għalihom ukoll u ebda wieħed mill-argumenti invokati mill-Università ta’ Bremen ma jista’ jpoġġi indiskussjoni tali raġunament.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
39 F’dak li jirrigwarda r-rappreżentanza quddiem il-qrati tal-Unjoni tal-partijiet mhux privileġġati, għandu jitfakkar li t-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-Artikolu 53 ta’ dan l-istatut, jipprevedu żewġ kundizzjonijiet distinti u kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel, li l-partijiet mhux imsemmija fl-ewwel u fit-tieni paragrafi ta’ dan l-Artikolu 19 għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat u, it-tieni, li huwa biss avukat awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li jista’ jirrappreżenta jew jassisti lil parti quddiem il-qrati tal-Unjoni.
40 Fir-rigward, qabel kollox, tat-tieni kundizzjoni, prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-imsemmi Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u dwar l-awtorizzazzjoni tal-avukat li jipprattika quddiem qorti nazzjonali, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li s-sens u l-portata ta’ din il-kundizzjoni għandhom jiġu interpretati b’riferiment għad-dritt nazzjonali kkonċernat (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO, C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218, punt 59).
41 Bl-istess mod, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-formulazzjoni tas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li jistgħu jidhru quddiem il-qrati tal-Unjoni l-għalliema tal-edukazzjoni ogħla li huma ċittadini tal-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom tirrikonoxxilhom tali dritt, jirriżulta li s-sens u l-portata tal-imsemmija kundizzjoni għandhom ukoll jiġu interpretati b’riferiment għad-dritt nazzjonali kkonċernat.
42 F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li r-rappreżentant tal-Università ta’ Bremen, li għandu l-kwalità ta’ għalliem, huwa awtorizzat mid-dritt Ġermaniż li jidher bħala mandatarju ad litem, b’tali mod li, skont is-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa jgawdi mill-istess drittijiet bħal dawk li huma rrikonoxxuti lill-avukati skont ir-raba’ paragrafu ta’ dan l-Artikolu 19 u li huwa jista’ għalhekk jirrappreżenta jew jassisti lil parti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
43 Fir-rigward, sussegwentement, tal-ewwel kundizzjoni, prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u dwar il-kwalità ta’ “avukat”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ referenza minn din id-dispożizzjoni għad-dritt tal-Istati Membri, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni kollha, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest u l-għan tagħha (sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO, C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218, punt 60).
44 Mill-formulazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mill-użu tal-kelma “rappreżentati”, jirriżulta li “parti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tkun xi tkun il-kwalità tagħha, ma hijiex awtorizzata taġixxi hija stess quddiem qorti tal-Unjoni, iżda għandha tirrikorri għas-servizzi ta’ terz. Għalhekk, il-preżentata ta’ rikors iffirmat mir-rikorrent innifsu ma tistax tkun suffiċjenti għall-finijiet tal-preżentata ta’ rikors, u dan anki jekk ir-rikorrent ikun avukat awtorizzat jidher quddiem qorti nazzjonali (sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO, C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218, punt 61).
45 Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest li tidħol fih din id-dispożizzjoni, li minnu jirriżulta espliċitament li r-rappreżentanza legali ta’ parti mhux koperta mill-ewwel u mit-tieni paragrafi ta’ dan l-Artikolu 19 tista’ tiġi żgurata biss minn avukat, filwaqt li l-partijiet imsemmija f’dawn l-ewwel u t-tieni paragrafi jistgħu jiġu rrappreżentati minn aġent li, jekk ikun il-każ, jista’ jkun assistit minn konsulent jew minn avukat (sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 60, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO, C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218, punt 62).
46 L-imsemmija konstatazzjoni hija kkorroborata mill-għan tar-rappreżentanza, minn avukat, tal-partijiet mhux imsemmija fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jikkonsisti, hekk kif fakkret il-Qorti Ġenerali, ġustament, fil-punt 29 tad-digriet appellat, minn naħa, li jipprekludi li l-partijiet privati jaġixxu huma stess fi proċeduri ġudizzjarji mingħajr ma jirrikorru għal intermedjarju u, min-naħa l-oħra, li jiggarantixxi li l-persuni ġuridiċi jiġu difiżi minn rappreżentant li jkun suffiċjentement distanti mill-persuna ġuridika li huwa jirrappreżenta (sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO, C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218, punt 63).
47 F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-għan tal-missjoni ta’ rappreżentanza minn avukat bħal f’dan il-każ, kif imsemmi fit-tielet u fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li huwa eżerċitat fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa qabel kollox li jiġu protetti u difiżi bl-aħjar mod l-interessi tal-mandant, b’indipendenza sħiħa kif ukoll fl-osservanza tal-liġi, tar-regoli professjonali u tal-etika (sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO, C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218, punt 64).
48 Barra minn hekk, għalkemm il-kunċett ta’ “indipendenza” tal-avukat ġie inizjalment żviluppat fil-kuntest tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-ġurisprudenza ppreċiżat f’dan ir-rigward li l-avukat huwa awżiljarju tal-ġustizzja li jintalab jipprovdi, fl-interess superjuri tagħha, assistenza legali lill-klijent tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, 155/79, EU:C:1982:157, punt 24, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 42), għandu madankollu jiġi kkonstatat li d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett reċentement evolviet fil-qasam tar-rappreżentanza quddiem il-qrati tal-Unjoni, peress li l-kriterju predominanti użat f’dan ir-rigward issa huwa l-protezzjoni u d-difiża tal-interessi tal-klijent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 62, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO, C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218, punt 65).
49 F’dan il-kuntest, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni tal-indipendenza tal-avukat hija ddefinita mhux biss b’mod negattiv, jiġifieri min-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, iżda wkoll b’mod pożittiv, jiġifieri permezz ta’ riferiment għad-deontoloġija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO, C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218, punt 66).
50 Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, fil-punt 21 tad-digriet appellat, li l-kundizzjoni ta’ indipendenza tal-avukat, fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, timplika neċessarjament l-assenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn l-avukat u l-klijent tiegħu.
51 Barra minn hekk, tali approċċ japplika bl-istess saħħa f’sitwazzjoni fejn avukat ikun impjegat minn entità konnessa mal-parti li huwa jirrappreżenta (sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 25, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO, C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218, punt 68).
52 Fir-rigward tad-definizzjoni pożittiva tal-kunċett ta’ “indipendenza”, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat espressament li dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jeżiġi mhux l-assenza ta’ kwalunkwe rabta bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, iżda biss ta’ rabta li tippreġudika manifestament il-kapaċità tal-avukat li jiżgura l-missjoni ta’ difiża tiegħu billi jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-klijent tiegħu, b’osservanza tal-liġi u tar-regoli professjonali u ta’ etika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punti 62 sa 64, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO, C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218, punt 69).
53 Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, billi tapplika l-kundizzjoni ta’ indipendenza imposta mid-dritt tal-Unjoni għar-rappreżentanti tal-partijiet mhux ipprivileġġati, il-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ limitat sa fejn tillimita ruħha li tissanzjona b’inammissibbiltà lir-rikors li jkollha quddiemha fil-każijiet li fihom jidher b’mod manifest li r-rappreżentant ikkonċernat ma huwiex f’pożizzjoni li jiżgura l-missjoni ta’ difiża tiegħu billi jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-klijent tiegħu, b’tali mod li dan ir-rappreżentant għandu jiġi miċħud fl-interess ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO, C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218, punt 74).
54 Madankollu, għandu jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni ta’ indipendenza żviluppata fil-ġurisprudenza fir-rigward tal-avukati kif esposta fil-punti 48 sa 53 ta’ din is-sentenza tapplikax ukoll għall-għalliema universitarji awtorizzati sabiex jirrappreżentaw lil parti fil-qorti.
55 F’dan ir-rigward, minkejja li ż-żewġ professjonijiet ma humiex paragunabbli fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet, peress li l-avukat jintalab jiżgura l-protezzjoni u d-difiża tal-interessi tal-klijent tiegħu, filwaqt li l-għalliem universitarju huwa intiż li jagħti tagħlim u jmexxi riċerki, b’mod indipendenti fid-dawl tal-libertà akkademika li tirregola din il-professjoni, huwa importanti madankollu li jiġi kkonstatat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 u 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, meta għalliem universitarju jirrappreżenta parti quddiem il-qrati tal-Unjoni, huwa ma jeżerċitax iktar xogħlu ta’ għalliem u ta’ riċerkatur, iżda jaqdi l-istess funzjoni li għandu l-avukat, jiġifieri r-rappreżentanza tal-partijiet mhux imsemmija fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
56 Barra minn hekk, mill-kliem tas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-għalliema awtorizzati mid-dritt tal-Istat Membru tagħhom sabiex jidhru quddiem il-qrati għandhom l-istess drittijiet bħal dawk mogħtija lill-avukati fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 ta’ dan l-istatut.
57 Minn dan jirriżulta li, skont l-għan tal-missjoni ta’ rappreżentanza eżerċitata, li jikkonsisti qabel kollox fil-protezzjoni u fid-difiża bl-aħjar mod tal-interessi tal-mandant, kif tfakkar fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza, l-għalliema universitarji għandhom jissodisfaw l-istess kriterji ta’ indipendenza bħal dawk applikati għall-avukati.
58 Dawn il-kriterji huma ddefiniti, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 49 u 52 ta’ din is-sentenza, b’mod negattiv, mill-assenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn ir-rappreżentant u l-klijent tiegħu u, b’mod pożittiv, b’riferiment għall-etika li timplika b’mod partikolari l-assenza ta’ rabta li manifestament tippreġudika l-kapaċità tal-avukat li jiżgura l-missjoni ta’ difiża tiegħu billi jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-klijent tiegħu, fl-osservanza tal-liġi u tar-regoli professjonali.
59 Fir-rigward tal-kwistjoni tal-assenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn ir-rappreżentant u l-mandant tiegħu, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 25 tad-digriet appellat, li r-rappreżentant tal-Università ta’ Bremen kien impjegat minn din tal-aħħar fil-kuntest ta’ rabta statutorja rregolata mid-dritt pubbliku.
60 Issa, billi pparagunat is-sitwazzjoni ta’ għalliem li jirrappreżenta lill-università li fiha huwa jipprovdi tagħlim u jwettaq riċerki ma’ dik ta’ konsulent legali li jirrappreżenta lil entità li hija marbuta mal-persuna ġuridika li fiha huwa impjegat, il-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza.
61 Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 50 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, kuntrarjament għas-sitwazzjoni ta’ avukat ta’ impriża msemmija fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 25), l-għalliem universitarju kkonċernat huwa marbut mal-università li huwa jirrappreżenta permezz ta’ rabta statutorja tad-dritt pubbliku. Dan l-istatus jagħtih, skont il-kundizzjonijiet u r-regoli tad-dritt nazzjonali, indipendenza fil-kwalità tiegħu mhux biss ta’ għalliem u ta’ riċerkatur, iżda wkoll bħala rappreżentant ta’ partijiet mhux ipprivileġġati quddiem il-qrati tal-Unjoni. Barra minn hekk, sa fejn ir-rappreżentanza legali ma tifformax parti mill-missjonijiet li dan l-għalliem huwa msejjaħ jeżerċita fi ħdan l-università bħala għalliem jew riċerkatur, din ir-rappreżentanza bl-ebda mod ma hija marbuta mal-funzjonijiet akkademiċi tiegħu u għalhekk hija żgurata mingħajr ebda rabta ta’ subordinazzjoni magħha, minkejja li huwa jkun mitlub jirrappreżenta lil din l-istess università.
62 Sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi eżistenza ta’ rabta kuntrattwali rregolata mid-dritt ċivili bejn avukat u l-università li huwa jirrappreżenta hija insuffiċjenti sabiex jitqies li dan l-avukat jinsab f’sitwazzjoni li manifestament tippreġudika l-kapaċità tiegħu li jiddefendi l-interessi tal-klijent tiegħu billi josserva l-kundizzjoni ta’ indipendenza, fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punti 66 u 67), l-eżistenza ta’ rabta statutorja tad-dritt pubbliku bejn għalliem universitarju u l-università li huwa jirrappreżenta hija wkoll insuffiċjenti sabiex jitqies li dan l-għalliem universitarju jinsab f’sitwazzjoni li tipprekludih milli jiddefendi l-interessi ta’ din l-università.
63 Peress li s-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jagħti lill-għalliema universitarji l-istess drittijiet bħal dawk mogħtija lill-avukati, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 ta’ dan l-istatut, għalliem universitarju awtorizzat mid-dritt nazzjonali li jidher quddiem qorti, huwa preżunt li jissodisfa, bħala prinċipju, il-kundizzjoni ta’ indipendenza, fis-sens tal-Artikolu 19 tal-imsemmi statut, u dan anki jekk dan il-professur jirrappreżenta lill-università li fiha jeżerċita l-attivitajiet akkademiċi tiegħu.
64 Fir-rigward tal-assenza ta’ rabta li tippreġudika l-kapaċità tar-rappreżentant li jiżgura l-missjoni ta’ difiża tiegħu billi jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-klijent tiegħu, il-Qorti Ġenerali rreferiet, fil-punt 25 tad-digriet appellat, għall-fatt li r-rappreżentant tal-Università ta’ Bremen kien koordinatur tal-proġett propost kif ukoll il-kap tal-grupp tiegħu u li huwa kien jassumi “kompiti u funzjonijiet essenzjali” fil-kuntest ta’ dan il-proġett. Skont il-Qorti Ġenerali, ir-rabta personali li dan ir-rappreżentant kellu mas-suġġett tal-kawża kienet b’hekk tikkomprometti l-kapaċità tiegħu li jipprovdi l-assistenza legali li kellha bżonn din l-università.
65 Din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żball.
66 Fil-fatt, għalkemm il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 30 tad-digriet appellat, li d-dmir ta’ indipendenza tal-avukat ma huwiex intiż bħala l-assenza ta’ kull rabta mal-klijent tiegħu, iżda biss bħala l-assenza ta’ rabta li manifestament tippreġudika l-kapaċità li tiġi żgurata l-funzjoni ta’ difiża, ir-rabtiet deskritti fil-punt 25 ta’ dan id-digriet, riprodotti fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala rabtiet li manifestament jippreġudikaw il-kapaċità tar-rappreżentant tal-Università ta’ Bremen li jiżgura r-rappreżentanza tagħha bl-indipendenza meħtieġa. Ċertament, il-funzjonijiet eżerċitati mir-rappreżentant ikkonċernat fil-kuntest tal-proġett li huwa s-suġġett tat-tilwima kienu jimplikaw li dan kellu interessi komuni mal-Università ta’ Bremen. Madankollu, tali interessi ma jistgħux ikunu biżżejjed, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jistabbilixxu inkapaċità ta’ dan ir-rappreżentant li jassumi debitament ir-rappreżentanza fdata lilu.
67 Barra minn hekk, sa fejn ma ġie invokat ebda element li jippermetti li jiġi indikat li dawn l-interessi kienu jostakolaw ir-rappreżentanza ġudizzjarja tal-Università ta’ Bremen mill-imsemmi rappreżentant, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tagħha stabbiliti fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, li tikkostitwixxi, mhux sempliċi każ ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “indipendenza”, fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, iżda bidla fid-direzzjoni f’dak li jikkonċerna l-ġurisprudenza dwar dan il-kunċett, fis-sens li l-kundizzjoni ta’ indipendenza prevista fid-dritt tal-Unjoni għandha tiġi interpretata b’mod li l-każijiet ta’ inammissibbiltà jiġu limitati biss għall-każijiet fejn ikun jidher manifestament li r-rappreżentant ikkonċernat ma jistax jiżgura l-missjoni ta’ difiża tiegħu billi jaqdi bl-aħjar mod l-interessi tal-klijent tiegħu, b’tali mod li dan ikollu jitneħħa fl-interess ta’ dan tal-aħħar.
68 Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li r-rikors kien inammissibbli minħabba li l-Università ta’ Bremen ma hijiex debitament irrappreżentata mill-professur universitarju kkonċernat.
69 Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’.
70 Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni aggravji, u lanqas it-talbiet l-oħra tal-appell, id-digriet appellat għandu jiġi annullat.
Fuq ir‑rinviju tal‑kawża lill‑Qorti Ġenerali
71 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.
72 F’dan il-każ, peress li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża fuq il-mertu, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.
Fuq l‑ispejjeż
73 Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati mal-appell għandhom jiġu rriżervati.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Universität Bremen vs REA (T‑660/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:633), huwa annullat.
2) Il-Kawża T‑660/19 għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
3) L-ispejjeż huma rriżervati.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.