European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/5036

1.10.2026

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2026/5036)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Ostkustströmming”

Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-SE-03050-AM01 — 8.7.2026

1.   Isem il-prodott

“Ostkustströmming”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☑

DOP

☐

IĠP

3.   Settur

☑

Prodotti agrikoli

☐

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

L-Iżvezja

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Isem

L-Aġenzija Żvediża għall-Ikel

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-emendi proposti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u tad-dokument uniku huma emendi standard skont it-tifsira tal-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143 għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

ma jinkludux bidla fl-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta, jew fl-użu ta’ dak l-isem;

(b)

ma jirriskjawx li jxejnu r-rabta msemmija fl-Artikolu 46(1)(b) għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti;

(c)

ma jinvolvux restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

Intestatura

Espansjoni taż-żona ġeografika

Deskrizzjoni

L-emenda tfisser li l-punt li jinsab l-aktar fit-Tramuntana taż-żona ġeografika jitmexxa ’l fuq minn Öregrund għall-bokka tax-Xmara Dalälven f’Rullsand f’Norduppland.

Formulazzjoni ġdida:

Iż-żona ġeografika tmiss fin-Nofsinhar ma’ Kristianopel fl-Istrett ta’ Kalmar u linja dritta mil-Lvant mal-konfini taż-żona ekonomika Żvediża, fil-Lvant maż-żona ekonomika Żvediża, fit-Tramuntana ma’ linja dritta mill-Grigal mill-bokka tax-Xmara Dalälven f’Rullsand f’Norduppland saż-żona ekonomika Żvediża, u fil-Punent max-xtajta u mal-komunitajiet tagħha (jiġifieri inkluża l-art l-eqreb tal-baħar – sa kilometru mill-kosta).

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Ostkustströmming”

Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-SE-03050-AM01 — 8.7.2026

1.   Isem

“Ostkustströmming”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☑

DOP

☐

IĠP

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

L-Iżvezja

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

0302 – Ħut, frisk jew imkessaħ, ħlief il-fletti tal-ħut u laħam ieħor tal-ħut tal-intestatura 0304

0304 – Fletti tal-ħut u laħam ieħor tal-ħut (kemm jekk kapuljat u kemm jekk le), frisk, imkessaħ jew iffriżat

03 – ĦUT U KRUSTAĊJI, MOLLUSKI U INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN

0303 – Ħut, iffriżat, ħlief il-fletti tal-ħut u laħam ieħor tal-ħut tal-intestatura 0304

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

L-“Ostkustströmming” jikkonsisti minn eżemplari li jinqabdu fis-selvaġġ tal-ħut Clupea harengus miż-żona ġeografika, li hija parti mill-Baħar Baltiku. Il-ħuta tleqq u normalment tkun twila bejn 12 u 25 cm, iżda d-daqs jista’ jvarja. Il-ħut irid jinqabad jew permezz ta’ rkaptu passiv bħall-għeżula, xbieki tat-tħabbil, xlief tal-idejn, xbieki mirfudin f’post fiss u rkaptu tat-trejjix jew bi xbieki tat-tkarkir li d-daqs tal-malja tagħhom ikun akbar minn 32 mm. Barra minn hekk, il-ħut irid jinħatt l-art u jintgħażel fi żmien 24 siegħa minn meta jitbattal l-irkaptu tas-sajd.

L-“Ostkustströmming” jista’ jinbiegħ sħiħ jew iffilettjat, jew bħala ħut tond.

Kontenut nutrittiv f’kull 100 g

Enerġija (kcal)

130–170

Xaħam (g)

7–10

Proteina (g)

18–24

Is-sawra u t-togħma tal-“Ostkustströmming” huma influwenzati parzjalment mill-kontenut ta’ xaħam u parzjalment mill-kompożizzjoni tal-aċidi grassi, fejn jippredominaw l-aċidi grassi singoli u poliinsaturati ta’ tul C18 (primarjament l-aċidu olejku).

Il-karatteristiċi organolettiċi tal-“Ostkustströmming” jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

Aroma: Riħa moderata ta’ baħar meta jkun nej, wara li jinqela inkluż l-umami

Sawra: Nofsu mdewweb meta jkun nej, wara li jinqela jkun iebes, xott u jitfarrak

Togħma: Togħma ħafifa b’korp kbir ta’ umami, b’noti ħelwin tal-baħar, ta’ gajdra, ta’ krema u tal-metall meta jkun nej, u wara li jinqela jkollu togħma ħafifa pura ta’ umami u ta’ krema

Il-kulur tal-laħam huwa ċar, ftit trasparenti, jagħti fir-roża. Meta jissajjar, il-laħam isir ta’ kulur abjad għal griż.

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati ddeżinjati minn indikazzjoni ġeografika protetta biss)

—

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

L-“Ostkustströmming” jista’ jitkessaħ mingħajr ma jiġi evixxerat. Jista’ wkoll jiġi evixxerat u mbagħad jitkessaħ jew jiġi ffriżat, jew jitqatta’ fi flettijiet u mbagħad jitkessaħ. Il-flettijiet jistgħu jiġu ffriżati wkoll. L-operazzjonijiet kollha jridu jsiru fiż-żona ġeografika. L-“Ostkustströmming” sħiħ (mhux iffilettjat) ma jistax jiġi ffriżat barra miż-żona ġeografika jekk ikun se jinbiegħ bl-isem “Ostkustströmming”.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

—

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Minbarra l-informazzjoni meħtieġa mil-liġi, kull lott tal-“Ostkustströmming” irid jiġi ttikkettat bl-isem “Ostkustströmming”, id-data tal-qabda u n-numru tal-ID tas-sajjied.

5.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tmiss fin-Nofsinhar ma’ Kristianopel fl-Istrett ta’ Kalmar u linja dritta fil-Lvant mal-konfini taż-żona ekonomika Żvediża, fil-Lvant maż-żona ekonomika Żvediża, fit-Tramuntana ma’ linja dritta mill-Grigal mill-bokka tax-Xmara Dalälven f’Rullsand f’Norduppland saż-żona ekonomika Żvediża, u fil-Punent max-xtajta u mal-komunitajiet tagħha (jiġifieri inkluża l-art l-eqreb tal-baħar – sa kilometru mill-kosta).

6.   Rabta maż-żona ġeografika

Sommarju tar-rabta

Ir-rabta bejn iż-żona ġeografika u l-karatteristiċi tal-“Ostkustströmming” hija bbażata kemm fuq il-kundizzjonijiet naturali taż-żona kif ukoll fuq il-fatturi umani.

Kundizzjonijiet naturali

Il-Baħar Baltiku huwa l-akbar baħar salmastru fid-dinja, fejn l-ilma huwa nofs triq bejn ilma salmura tal-oċean u l-ilma ħelu tal-lagi u tax-xmajjar. Il-melħ fil-Baħar Baltiku joriġina mill-influss ta’ ilma salmura permezz tal-Istrett ta’ Sound u l-Great u l-Little Belts fiż-żona bejn Skåne u Jutland. L-influss tal-ilma salmura fil-Baħar Baltiku jvarja minn sena għal oħra skont it-temp u r-riħ. Mill-Baħar tat-Tramuntana san-naħa ta’ ġewwa nett tal-Golf tal-Botnja jista’ jiġi osservat gradjent salin ċar.

Is-salinità baxxa, flimkien ma’ fatturi bħat-temperatura tal-ilma u d-dieta, ifissru li l-istokkijiet tal-aringa tal-Baltiku fil-Baħar Baltiku u fil-Baħar Åland juru differenzi ġenetiċi u morfoloġiċi meta mqabbla kemm mal-aringa tal-Baltiku mill-Baħar tal-Botnja u mill-Golf tal-Botnja, kif ukoll mal-aringa tal-Atlantiku mill-baċir ewlieni tal-Baltiku, minkejja li hija kklassifikata bħala l-istess speċi (Clupea harengus). Pereżempju, l-aringa tal-Baltiku preżenti fiż-żona ġeografika għandha aktar vertebri mill-aringa li tinsab tul il-kosta ta’ Norrland. Is-salinità baxxa taż-żona ġeografika tfisser li l-“Ostkustströmming” huwa akbar fid-daqs min-Norrländska strömming iżda iżgħar mill-aringa tal-Atlantiku. It-togħma wkoll hija differenti mit-tipi l-oħrajn ta’ aringa. L-“Ostkustströmming” għandu togħma ħafifa b’korp kbir ta’ umami u b’noti ħelwin tal-baħar, ta’ gajdra, ta’ krema u tal-metall meta jkun nej, u wara li jinqela, għandu togħma ħafifa pura ta’ umami u ta’ krema.

Id-differenzi fit-togħma u fis-sawra huma dovuti għad-differenzi fil-kompożizzjoni tal-aċidi grassi. It-togħma tal-“Ostkustströmming” hija influwenzata mill-kontenut ta’ xaħam u mill-kompożizzjoni tal-aċidi grassi, fejn jippredominaw l-aċidi grassi singoli u poliinsaturati ta’ tul C18 (primarjament l-aċidu olejku).

L-“Ostkustströmming” huwa differenti sew mill-aringa tal-Atlantiku aktar lejn in-Nofsinhar u fil-Baħar tat-Tramuntana peress li għandu ħajja fuq l-ixkaffa aħjar. Billi l-laħam tal-aringa tal-Atlantiku jsir artab u jista’ jitfarrak malajr, l-“Ostkustströmming” iżomm konsistenza u sawra distinti, probabbilment minħabba l-kontenut ta’ xaħam aktar baxx tiegħu meta mqabbel mal-aringa tal-Atlantiku mill-Baħar Baltiku tan-Nofsinhar. L-ilma salmastru tal-Baħar Baltiku jwassal biex l-aringa tal-Baltiku tikber aktar bil-mod mill-aringa tal-Atlantiku, b’anqas xaħam fil-muskolu. Il-kontenut ta’ xaħam huwa tipikament ta’ 7–10 %, u aktar lejn in-Nofsinhar, fejn is-salinità hija akbar, jitkejjel kontenut ta’ xaħam ogħla fil-livell makro. Is-sawra tal-prodott nej hija dik ta’ prodott nofsu mdewweb. L-esperimenti li saru tul għexieren ta’ snin juru li l-profil tal-aċidi grassi jintgħaraf b’mod ċar fl-aringa miż-żona ġeografika meta mqabbel ma’ dak tal-aringa minn partijiet oħrajn tal-Baħar Baltiku aktar lejn it-Tramuntana jew aktar lejn in-Nofsinhar.

Fatturi umani

It-togħma tal-“Ostkustströmming” hija influwenzata minn fatturi oħrajn minbarra dawk relatati mal-ħabitat u mal-ġenetika uniċi tiegħu:

—

għarfien profond tal-bijotopu

—

ħatt l-art malajr wara l-qabda

—

fokus fuq sajd ta’ kwalità u sostenibbli bi rkaptu b’impatt baxx

Sabiex tinqabad aringa tal-maturità u tal-kwalità t-tajbin u fi kwantità suffiċjenti biex tkun ekonomikament vijabbli, u fl-istess ħin bħala parti mill-ġestjoni fit-tul tal-istokkijiet tal-ħut, is-sajjieda jeħtieġu għarfien profond tal-ilmijiet lokali u tal-postijiet għas-sajd importanti. Dan huwa partikolarment importanti peress li ħafna mill-istokkijiet tal-aringa huma lokali. Minħabba li s-sajd huwa fuq skala żgħira, il-ħut jista’ wkoll jinħatt l-art u jintgħażel b’mod li jagħti lill-prodott ċerta kwalità u reputazzjoni fil-katina tal-kummerċjalizzazzjoni. Is-sajd għall-“Ostkustströmming” tradizzjonalment isir bl-użu ta’ “għażel tat-tisqif tal-aringa”, iżda llum isir ukoll bi xbieki tat-tkarkir li d-daqs tal-malja tagħhom huwa importanti biex jinqabad biss ħut li jkun kbir biżżejjed għall-konsum mill-bniedem u fl-istess waqt jippermetti lill-ħut iżgħar ikompli jikber. Il-post u l-metodi tas-sajd u t-togħma tal-ħut ivarjaw mal-istaġuni, li jfisser li huwa meħtieġ għarfien estensiv tal-kundizzjonijiet lokali għas-sajd għall-aringa.

Għalhekk, ir-reputazzjoni tal-“Ostkustströmming” tirreferi wkoll għall-fatt li ilu jinqbad u jissajjar sa minn żmien il-qedem fiż-żona inkwistjoni. Dan ifforma sors ewlieni tal-ikel kemm għan-nies tul il-kosta kif ukoll għall-popolazzjoni f’partijiet kbar taż-żoni interni. Għall-popolazzjoni tal-kosta, din l-aringa storikament kienet l-ikel ewlieni kkunsmat. Sabiex il-ħut jiġi ppreżervat u jkun jista’ jinħażen jew jiġi nnegozjat, kien jiġi affumikat, iffermentat u mmellaħ, kif ukoll ippreżervat fil-ħall bil-ħwawar jew mingħajrhom.

Sa mis-seklu sittax, l-Istat irrealizza l-valur speċjali tal-aringa tal-Baltiku u r-Renju stabbilixxa azjendi tas-sajd fil-port tul il-kosta Żvediża. Fiż-żona bejn Landsort u Öregrund biss, kien hemm 41 azjenda tas-sajd fil-port lejn l-aħħar tas-seklu sittax, li lkoll kienu maħsuba għas-sajd għall-aringa tal-Baltiku. L-azjendi tas-sajd fil-port sussegwentement ingħataw b’feoffment jew ingħaddew lill-privat iżda l-istess siti, magħrufin għar-riżorsi tas-sajd rikki tagħhom, għadhom jintużaw sal-lum.

Id-differenzi fis-salinità għandhom impatt kbir fuq l-istokkijiet differenti tal-Clupea harengus. Filwaqt li fi kwistjonijiet amministrattivi ħafna drabi lkoll jiġu ttrattati bħala aringa, hemm differenzi ċari bejn sill (l-aringa tal-Atlantiku) u strömming (l-aringa tal-Baltiku), kif diġà ġie deskritt minn Linné fl-1761. Studji ġenetiċi estensivi jikkonfermaw li l-aringa tal-Baltiku hija subspeċi għaliha (Clupea harengus membras) bi skambju ġenetiku limitat mal-aringa tal-Atlantiku. L-istess studji jistabbilixxu wkoll li l-limitu bejn is-subspeċijiet jinsab madwar l-Istrett ta’ Kalmar. Dan il-limitu bejn l-ismijiet aringa tal-Baltiku u tal-Atlantiku ġie stabbilit fi Kristianopel fl-Istrett ta’ Kalmar mir-Renju fis-seklu sittax.

L-“Ostkustströmming” huwa speċi importanti għall-ekoloġija u għall-kultura taż-żona. Jipprovdi bażi nutrizzjonali għall-ħut predatorju, għall-foki u għall-għasafar. Hemm varjazzjoni lokali sinifikanti fis-sajd għall-aringa tul il-kosta u fl-arċipelagu, li tirrikjedi għarfien u esperjenza akkumulati matul is-sekli u mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra ta’ sajjieda li l-għajxien tagħhom kien jiddependi mis-sajd għall-aringa. Għalhekk, bħala speċi, l-“Ostkustströmming” hija waħda importanti mhux biss għall-ekoloġija taż-żona iżda wkoll għall-istorja kulturali tagħha.

Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.livsmedelsverket.se/49ce8a/globalassets/foretag-regler-kontroll/livsmedelsinformation-markning-halsopastaenden/skyddade-beteckningar/produktspecifikation-skyddad-beteckning-ostkuststromming-2026-06-03.pdf


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/5036/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)