European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3215

12.6.2026

RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tal-24 ta’ April 2026

li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom

(BERS/2026/2)

(C/2026/3215)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Anness IX tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 3 u 16 sa 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (3), u b’mod partikolari t-Taqsima I tal-Kapitolu 4 tat-Titolu VII tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (4), u b’mod partikolari l-Artikoli 18 sa 20 tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex jiġu żgurati miżuri ta’ politika makroprudenzjali nazzjonali effettivi u konsistenti, huwa importanti li jiġi kkumplimentat l-għarfien meħtieġ skont id-dritt tal-Unjoni b'reċiproċità volontarja.

(2)

Il-qafas dwar ir-reċiproċità volontarja għal miżuri tal-politika makroprudenzjali stabbilit fir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (5) għandu l-għan li jiżgura li l-miżuri kollha tal-politika makroprudenzjali bbażati fuq skopertura attivati fi Stat Membru wieħed ikunu rreċiprokati fl-Istati Membri l-oħrajn.

(3)

Fl-20 ta’ Marzu 2026 l-Awtorità Awstrijaka tas-Suq Finanzjarju (FMA), li taġixxi bħala l-awtorità maħtura għall-finijiet tal-Artikolu 133(9) tad-Direttiva 2013/36/UE, innotifikat lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) bl-intenzjoni tagħha li tbiddel il-livell tar-Riżerva ta’ Kapital ta’ Riskju Sistemiku (sSyRB) settorjali eżistenti għall-iskoperturi rilevanti kollha għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà immobbli li jinsabu fl-Awstrija, identifikati abbażi tal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), bl-eċċezzjoni tal-assoċjazzjonijiet tad-djar bi profitt limitat. Il-miżura se tiġi implimentata f’żewġ stadji, żieda inizjali fir-rata tal-sSyRB ta’ 2 % tal-iskoperturi rilevanti ponderati għar-riskju, effettiva mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027, segwita b’żieda għal rata ta’ 3,5 % mill-1 ta’ Lulju 2027.

(4)

In-notifika mill-FMA talbet ukoll lill-BERS jirrakkomanda r-reċiproċità tar-rata tal-sSyRB fuq bażi konsolidata, subkonsolidata u individwali, skont l-Artikolu 134(5) tad-Direttiva 2013/36/UE, f'konformità mal-livelli ta’ applikazzjoni fl-Awstrija.

(5)

Ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tirrakkomanda li l-awtorità rilevanti li tattiva miżura ta’ politika makroprudenzjali għandha, meta tippreżenta talba għal reċiproċità lill-BERS, tipproponi limitu massimu ta’ materjalità li taħtu l-iskopertura ta’ fornitur individwali ta’ servizzi finanzjarji għar-riskju makroprudenzjali identifikat — fil-ġurisdizzjoni fejn il-miżura ta’ politika makroprudenzjali tiġi applikata mill-awtorità li tattiva — tista’ titqies bħala mhux materjali. Il-BERS jista’ jirrakkomanda livell limitu differenti jekk jitqies neċessarju. Il-livell limitu ta’ materjalità għar-reċiproċità tal-sSyRB huwa stabbilit għal EUR 100 miljun speċifiku għall-istituzzjoni u għandu jkun applikabbli fuq bażi konsolidata, subkonsolidata u individwali.

(6)

Ir-reċiproċità tar-rekwiżiti kapitali makroprudenzjali attivati mill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra, fuq bażi konsolidata, subkonsolidata u individwali, irrispettivament minn jekk l-iskoperturi kkonċernati humiex miżmuma permezz ta’ sussidjarji jew fergħat, jew jirriżultawx minn self transfruntier dirett, tillimita t-tnixxijiet u l-arbitraġġ regolatorju, tindirizza r-riskji sistemiċi u b’hekk tippromwovi l-effettività ġenerali tal-politika makroprudenzjali. Hija tikseb dan billi tiżgura li r-riskji miżjuda jiġu indirizzati mhux biss fl-Istat Membru li introduċa s-sSyRB iżda wkoll fi Stati Membri oħra fejn il-gruppi bankarji huma esposti għal dawk ir-riskji akbar. Ir-rikonoxximent għandu għalhekk ikollu wkoll l-għan li jiżgura li gruppi bankarji esposti għal dawk ir-riskji sistemiċi jkunu reżiljenti biżżejjed. Għalhekk, ir-rekwiżiti kapitali makroprudenzjali li jirriżultaw minn deċiżjoni li jiġu rikonoxxuti l-miżuri makroprudenzjali ta’ Stati Membri oħra għandhom b’mod ġenerali jiġu applikati fuq bażi konsolidata, subkonsolidata, u individwali.

(7)

Biex tiġi rikonoxxuta r-rata tas-SyRB Awstrijaka kif mitlub mill-FMA, l-awtoritajiet kompetenti u/jew nominati rilevanti ta’ Stat Membru ieħor jistgħu jistabbilixxu rata ta’ SyRB f’konformità mal-Artikoli 133(4) u 134(1) tad-Direttiva 2013/36/UE.

(8)

Għalhekk, ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

EMENDI

Ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 hija emendata kif ġej:

1.

fit-Taqsima 1, is-subrakkomandazzjoni C(1), il-miżura taħt l-Awstrija hija sostitwita b’dan li ġej:

“—

riżerva għal riskju sistemiku settorjali ta’ 1 % għall-iskoperturi rilevanti kollha għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji mis-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà immobbli li jinsabu fl-Awstrija, identifikata f’konformità mal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni (NACE), stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (*1), bl-eċċezzjoni ta’ skoperturi għal assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni bi profitt limitat, applikabbli sat-30 ta’ Ġunju 2026;

—

riżerva għal riskju sistemiku settorjali ta’ 2 % għall-iskoperturi rilevanti kollha għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji mis-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà immobbli li jinsabu fl-Awstrija, identifikati f’konformità mal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni (NACE), stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006, bl-eċċezzjoni ta’ assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni bi profitt limitat, applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027;

—

riżerva għal riskju sistemiku settorjali ta’ 3,5 % għall-iskoperturi rilevanti kollha għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji mis-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà immobbli li jinsabu fl-Awstrija, identifikati f’konformità mal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni (NACE), stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006, bl-eċċezzjoni ta’ assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni bi profitt limitat, applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2027.

(*1)  Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni ta’ l-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1893/oj).”;"

()  Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni ta’ l-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1893/oj).”;

2.

l-Anness huwa emendat skont l-Anness għal din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-24 ta’ April 2026.

Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS,

F’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS

Francesco MAZZAFERRO


(1)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1994/1/oj.

(2)   ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1092/oj.

(3)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/36/oj.

(4)   ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

(5)  Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-15 ta’ Diċembru 2015 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (ĠU C 97, 12.3.2016, p. 9).

(6)  Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1893/oj).


ANNESS

L-Anness tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 huwa emendat kif ġej:

(1)   

il-miżura taħt l-Awstrija hija ssostitwita b’dan li ġej:

“—

riżerva għal riskju sistemiku settorjali ta’ 1 % għall-iskoperturi rilevanti kollha għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji mis-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà immobbli li jinsabu fl-Awstrija, identifikati f’konformità mal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni (NACE), stabbilita fir-Regolament 1893/2006, bl-eċċezzjoni ta’ assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni bi profitt limitat, applikabbli sat-30 ta’ Ġunju 2026;

—

riżerva għal riskju sistemiku settorjali ta’ 2 % għall-iskoperturi rilevanti kollha għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji mis-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà immobbli li jinsabu fl-Awstrija, identifikati f’konformità mal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni (NACE), stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006, bl-eċċezzjoni ta’ assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni bi profitt limitat, applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027;

—

riżerva għal riskju sistemiku settorjali ta’ 3,5 % għall-iskoperturi rilevanti kollha għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji mis-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà immobbli li jinsabu fl-Awstrija, identifikati f’konformità mal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni (NACE), stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006, bl-eċċezzjoni ta’ assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni bi profitt limitat, applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2027. ”;

(2)   

taħt l-Awstrija, it-taqsima intitolata “I. Deskrizzjoni tal-miżura” hija ssostitwita b’dan li ġej:

“1.

Il-miżura Awstrijaka, applikata f’konformità mal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE, timponi rata ta’ riżerva għal riskju sistemiku settorjali ta’ 3,5 % — soġġetta għal skeda ta’ żmien ta’ introduzzjoni kif stabbilit fit-Taqsima 1, subrakkomandazzjoni C (1) — fuq l-iskoperturi rilevanti kollha lejn korporazzjonijiet mhux finanzjarji mis-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà immobbli li jinsabu fl-Awstrija, identifikati f’konformità mal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni (NACE), stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006, bl-eċċezzjoni ta’ assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni bi profitt limitat.”;

(3)   

taħt l-Awstrija, it-taqsima intitolata “II. Reċiproċità”, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2.

Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jirreċiprokaw il-miżura Awstrijaka għall-iskoperturi rilevanti kollha li jinsabu fl-Awstrija skont l-Artikolu 134(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, fuq bażi konsolidata, subkonsolidata u individwali. Huma għandhom japplikaw il-miżura għall-iskoperturi rilevanti kollha ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji involuti fl-attivitajiet ekonomiċi speċifiċi li ġejjin: ‘Kostruzzjoni ta’ bini residenzjali u mhux residenzjali’ kif ikklassifikat taħt il-kodiċi NACE F 41, ‘Attivitajiet ta’ kostruzzjoni speċjalizzati’ kif klassifikati taħt il-kodiċi NACE F 43, u ‘Attivitajiet ta’ proprjetà immobbli’ kif klassifikati taħt il-kodiċi NACE M 68, bl-eċċezzjoni ta’ assoċjazzjonijiet tad-djar bi profitt limitat.

3.

Jekk l-istess miżura ta’ politika makroprudenzjali ma tkunx disponibbli fil-ġuriżdizzjoni tagħhom, f’konformità mas-subrakkomandazzjoni C(2), huwa rakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw, wara konsultazzjoni mal-BERS, miżura ta’ politika makroprudenzjali disponibbli fil-ġuriżdizzjoni tagħhom li jkollha l-aktar effett ekwivalenti għall-miżura msemmija hawn fuq rakkomandata għar-reċiproċità, inkluż l-adozzjoni ta’ miżuri u setgħat superviżorji stipulati fit-Titolu VII, Kapitolu 2, Taqsima IV tad-Direttiva 2013/36/UE. Japplika l-perjodu tranżitorju standard ta’ tliet xhur wara l-pubblikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni BERS/2026/2 f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni ta’ miżuri reċiprokanti.”;

(4)   

taħt l-Awstrija, fit-taqsima intitolata “III. Livell Limitu ta’ Materjalità”, il-paragrafu 6 li ġej huwa miżjud:

“6.

Filwaqt li d-data għad-determinazzjoni ta’ jekk l-iskoperturi rilevanti jaqbżux il-livell limitu ta’ materjalità mhijiex direttament disponibbli f’mudelli ta’ rapportar armonizzati għall-Unjoni kollha (li jinkludu skoperturi kummerċjali relatati mal-proprjetà immobbli flimkien ma’ skoperturi oħra fl-istess kodiċijiet tan-NACE), l-awtoritajiet huma mħeġġa, bħala l-ewwel valur ta’ referenza, jikkunsidraw l-iskoperturi kollha għall-kumpaniji Awstrijaċi kklassifikati fil-kodiċijiet F u M tan-NACE disponibbli f’mudelli armonizzati ta’ rapportar finanzjarju. Jekk dan il-valur ikun ogħla mil-livell limitu ta’ materjalità għal kwalunkwe istituzzjoni, huwa ssuġġerit li jintużaw sorsi ta’ data alternattivi u/jew jintlaħqu l-istituzzjonijiet bi skoperturi ogħla mill-ewwel valur ta’ referenza, biex jiġi deċiż jekk il-miżura għandhiex tiġi reċiprokata”.

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3215/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)