Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

14 ta’ Ottubru 2026 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Reġistrazzjoni internazzjonali li tiddeżinja l-Unjoni Ewropea – Trade mark verbali FIND MY CAR – Dikjarazzjoni ta’ revoka – Ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Bord tal-Appell – Preżentata tard tan-nota li tesponi l-motivi tar-rikors – Estensjoni tat-terminu – Applikazzjoni għal restitutio in integrum”

Fil-Kawża T‑451/25,

Mega Pop podjetje za oglaševanje na prostem d.o.o., stabbilita f’Ljubljana (is-Slovenja), irrappreżentata minn P. Žibert u S. Sega, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Gája u V. Ruzek, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Apple Inc., stabbilita f’Cupertino, California (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn M. Mortelé, B. Lieben u A. Steep, avukati,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn K. Kecsmár, President, L. Madise (Relatur) u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: G. Mitrev, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑20 ta’ Mejju 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Mega Pop prodjetje za oglaševanje na prostem d.o.o., titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat‑8 ta’ Mejju 2025 (Każ R 1259/2024‑1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fis‑17 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem l-EUIPO applikazzjoni għar-reġistrazzjoni internazzjonali li tiddeżinja l-Unjoni Ewropea għat-trade mark verbali FIND MY CAR.

3        Fid‑19 ta’ Diċembru 2017, it-trade mark imsemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq ġiet irreġistrata bħala reġistrazzjoni internazzjonali li tiddeżinja l-Unjoni Ewropea.

4        Fit‑13 ta’ Marzu 2023, l-intervenjenti, Apple Inc., ippreżentat quddiem l-EUIPO applikazzjoni għar-revoka tat-trade mark imsemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, abbażi tal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1, rettifika fil-ĠU L, 2025/90765, 2.10.2025).

5        Fit‑8 ta’ Ġunju 2023, l-EUIPO informa lir-rikorrenti li huwa kien qiegħed jirrifjuta l-provi addizzjonali prodotti minnha fil‑31 ta’ Mejju 2023 minħabba l-forma materjali tagħhom u minħabba l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-produzzjoni tal-prova tal-użu tat-trade mark ikkontestata.  Fis‑27 ta’ Ġunju 2023, l-EUIPO informa lir-rikorrenti li dawn l-istess provi addizzjonali prodotti minnha fit‑13 ta’ Ġunju 2023 fil-forma ta’ hyperlinks ma jistgħux jitqiesu bħala provi validi minħabba l-format tekniku tagħhom.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ April 2024, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għar-revoka tat-trade mark ikkontestata fl-intier tagħha, minħabba li l-portata tal-użu tagħha ma kinitx ġiet stabbilita.

7        Fil‑21 ta’ Ġunju 2024, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem l-EUIPO kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal‑25 ta’ April 2024.

8        Fit‑30 ta’ Awwissu 2024, it-terminu ta’ erba’ xhur previst fl-Artikolu 68(1) tar-Regolament 2017/1001 għall-preżentata tan-nota li tesponi l-motivi tar-rikors ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell (iktar ’il quddiem it-“terminu ta’ erba’ xhur”) skada.

9        Fit‑2 ta’ Settembru 2024, l-EUIPO informa lir-rikorrenti li r-rikors seta’ jitqies bħala inammissibbli, peress li ebda nota li tesponi l-motivi tar-rikors ma kienet ġiet ippreżentata fit-terminu mogħti, u stedinha tippreżenta l-osservazzjonijiet u d-dokumenti ta’ sostenn kollha ta’ natura li jispjegaw din l-ommissjoni.

10      Fit‑13 ta’ Settembru 2024, l-EUIPO ġie informat permezz ta’ ittra ppreżentata f’isem ir-rikorrenti u l-kumpannija SOLAR MARKET LLC, stabbilita fi Kiev (l-Ukraina), li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet ittrasferita lil din tal-aħħar permezz ta’ kuntratt ta’ trasferiment tal‑1 ta’ Lulju 2024. Permezz ta’ din l-ittra, l-EUIPO ntalab japplika d-Deċiżjoni EX‑24‑5 tad-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO tal‑11 ta’ Ġunju 2024 dwar l-estensjoni tat-termini għall-partijiet li għandhom ir-residenza tagħhom jew is-sede tagħhom fl-Ukraina (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni EX‑24‑5”) u li jagħti l-benefiċċju tal-estensjoni tat-terminu sas‑16 ta’ Settembru 2024 prevista minn dik id-deċiżjoni (iktar ’il quddiem it-“terminu estiż”). Din l-ittra kienet tinkludi applikazzjoni għal restitutio in integrum ippreżentat sussidjarjament abbażi tal-Artikolu 104(1) sa (3) tar-Regolament 2017/1001.

11      Fl-istess jum, ir-rikorrenti u SOLAR MARKET ippreżentaw nota li tesponi l-motivi tar-rikors.

12      F’ittra tat‑12 ta’ Novembru 2024, l-EUIPO ppreċiża li kien possibbli li l-applikazzjoni għal restitutio in integrum titqies li ma ġietx ippreżentata, konformement mal-Artikolu 104(3) tar-Regolament 2017/1001, peress li t-tariffa dovuta għal dan l-għan ma kinitx tħallset.

13      Fil‑15 ta’ Novembru 2024, ir-rikorrenti u SOLAR MARKET tennew l-applikazzjoni għal restitutio in integrum u osservaw mal-EUIPO li huma ma kienu rċevew ebda talba għall-ħlas tat-tariffa dovuta għal dan l-għan.

14      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell bħala inammissibbli u kkundanna lil SOLAR MARKET għall-ispejjeż, minħabba li t-terminu għall-preżentata tan-nota li tesponi l-motivi tar-rikors kien skada, peress li SOLAR MARKET ma setgħetx tibbenefika mill-estensjoni tat-terminu skont id-Deċiżjoni EX‑24‑5, u li l-applikazzjoni għal restitutio in integrum kienet meqjusa li ma ġietx ippreżentata minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa korrispondenti, konformement mal-Artikolu 104(3) tar-Regolament 2017/1001.

15      Fid‑19 ta’ Ġunju 2025, l-EUIPO ġie informat li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet ittrasferita lura lir-rikorrenti.

 It-talbiet tal-partijiet

16      Fl-aħħar verżjoni tat-talbiet tagħha, kif ippreċiżati waqt is-seduta, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

17      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors; u

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż fil-każ li tissejjaħ seduta.

18      Fl-aħħar verżjoni tat-talbiet tagħha, kif ippreċiżati waqt is-seduta, l-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors; u

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

19      Insostenn tat-talbiet għal annullament, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq applikazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni EX‑24‑5, it-tieni wieħed, fuq iċ-ċaħda inġustifikata tal-applikazzjoni għal restitutio in integrum u, it-tielet wieħed, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-provi addizzjonali prodotti in bona fide.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni EX‑24‑5

20      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell applika d-Deċiżjoni EX‑24‑5 b’mod żbaljat, billi ssuġġetta l-benefiċċju tal-estensjoni tat-terminu għall-preżentata tan-nota li tesponi l-motivi tar-rikors għall-kundizzjoni li r-reġistrazzjoni tat-trasferiment tat-trade mark isseħħ qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ xhur.  Skont ir-rikorrenti, SOLAR MARKET kellha tibbenefika minn tali estensjoni peress li t-trasferiment tat-trade mark ikkontestata ġie indikat fit-terminu estiż u li SOLAR MARKET, bħala proprjetarja ġdida tat-trade mark, kellha s-sede tagħha fl-Ukraina.

21      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġu applikazzjoni uniformi tal-estensjoni tat-terminu, indipendentement mill-persuna li għandha d-dritt fuq it-trade mark f’mument partikolari. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma jistax iċaħħad lil SOLAR MARKET mill-estensjoni tat-terminu minħabba l-fatt li r-reġistrazzjoni tat-trasferiment tat-trade mark ikkontestata seħħet meta t-terminu ta’ erba’ xhur kien diġà skada. Tali interpretazzjoni tad-Deċiżjoni EX‑24‑5 tmur ukoll kontra l-għan tagħha, li huwa intiż li jiffaċilita l-osservanza tal-obbligi proċedurali għall-benefiċċju tal-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fl-Ukraina. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-inapplikabbiltà tal-estensjoni tat-terminu fil-każ ta’ trasferiment tat-trade mark ikkontestata matul il-proċedimenti ma hijiex iġġustifikata, peress li tali eċċezzjoni ma hijiex prevista mid-Deċiżjoni EX‑24‑5.

22      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

23      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 68(1) tar-Regolament 2017/1001, in-nota li tesponi l-motivi tar-rikors għandha tiġi ppreżentata bil-miktub f’terminu ta’ erba’ xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-istanza tal-EUIPO li hija s-suġġett tal-imsemmi rikors quddiem il-Bord tal-Appell.

24      Skont l-Artikolu 23(1)(d) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament 2017/1001 u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1), il-Bord tal-Appell għandu jiċħad ir-rikors bħala inammissibbli meta d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet ma tkunx ġiet ippreżentata fit-terminu ta’ erba’ xhur, li jibda jiddekorri mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors.

25      Skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni EX‑24‑5, it-termini kollha li jiskadu bejn is‑16 ta’ Ġunju 2024 u l‑15 ta’ Settembru 2024 inklużi, li jaffettwaw lill-partijiet fi proċedimenti quddiem l-EUIPO li għandhom id-domiċilju jew is-sede tagħhom fl-Ukraina, huma estiżi sas‑16 ta’ Settembru 2024.

26      F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li t-terminu ta’ erba’ xhur skada fit‑30 ta’ Awwissu 2024. Solar MARKET ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-EUIPO bħala proprjetarja ġdida tat-trade mark ikkontestata fit‑13 ta’ Settembru 2024 u ppreżentat in-nota li tesponi l-motivi tar-rikors fl-istess jum, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ xhur, iżda qabel l-iskadenza tat-terminu estiż.

27      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, SOLAR MARKET, irreġistrata fir-reġistru tal-EUIPO bħala proprjetarja ġdida tat-trade mark ikkontestata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ xhur, iżda qabel l-iskadenza tat-terminu estiż, setgħetx validament tinvoka l-estensjoni tat-termini prevista mid-Deċiżjoni EX‑24‑5.

28      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell fakkar fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata li, “[k]onformement mal-Artikolu 20[(11)] tar-Regolament [2017/1001], is-suċċessur legali ma jistax jinvoka d-drittijiet li jirriżultaw mir-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea sakemm it-trasferiment ma jkunx iddaħħal fir-reġistru” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 22 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Bord tal-Appell ikkonkluda minn dan li SOLAR MARKET setgħet tibbenefika mill-estensjoni tat-terminu għall-preżentata tan-nota li tesponi l-motivi tar-rikors prevista mid-Deċiżjoni EX‑24‑5 biss jekk it-trasferiment tat-trade mark ikkontestata kien ġie rreġistrat fir-reġistru qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ xhur, jiġifieri fit‑30 ta’ Awwissu 2024. Fl-aħħar nett, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li, konformement mal-Artikolu 20(11) tar-Regolament 2017/1001, SOLAR MARKET setgħet taġixxi bħala proprjetarja tat-trade mark ikkontestata fil-konfront tal-EUIPO u fil-konfront ta’ terzi biss mit‑13 ta’ Settembru 2024, data li fiha t-terminu ta’ erba’ xhur kien diġà skada.

29      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 20(1), (4) u (11) tar-Regolament 2017/1001, moqrija flimkien, fil-każ ta’ trasferiment ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, it-trasferiment għandu jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-EUIPO u l-proprjetarju l-ġdid jista’ jinvoka d-drittijiet fuq it-trade mark biss minn din ir-reġistrazzjoni. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-EUIPO ma għandhiex effett retroattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2021, Marina Yachting Brand Management vs EUIPO – Industries Sportswear (MARINA YACHTING), T‑169/20, EU:T:2021:609, punt 64).

30      Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, fid-dawl tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tat-trasferiment tat-trade mark ikkontestata fit‑13 ta’ Settembru 2024, huwa minn din id-data li SOLAR MARKET setgħet tinvoka drittijiet li jirriżultaw minn din it-trade mark u li hija kienet, konsegwentement, awtorizzata taġixxi bħala proprjetarja tal-imsemmija trade mark mal-EUIPO. Għaldaqstant, SOLAR MARKET saret parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell fit‑13 ta’ Settembru 2024. Issa, f’din id-data, it-terminu ta’ erba’ xhur applikabbli għall-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell kien skada, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tat-terminu estiż fir-rigward tar-rikorrenti.

31      Għalkemm ir-rikorrenti ssostni li, fid-data li fiha SOLAR MARKET saret parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, it-terminu estiż previst mid-Deċiżjoni EX‑24‑5 kien għadu ma skadiex, madankollu minn dan ma jirriżultax li din tal-aħħar setgħet tibbenefika mill-estensjoni tat-terminu previst minn dik id-deċiżjoni. Fil-fatt, bħalma ġie enfasizzat fil-punt 29 iktar ’il fuq, l-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/1001 jipprevedi li l-proprjetarju l-ġdid ta’ trade mark isir proprjetarju tad-drittijiet marbuta mat-trade mark, u minħabba dan il-fatt f’dan il-każ parti fil-proċedimenti pendenti quddiem l-EUIPO, biss mill-mument meta t-trasferiment tal-imsemmija trade mark jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-EUIPO, peress li dan it-trasferiment għandu effett biss għall-futur. Minn dan jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/1001, ir-reġistrazzjoni ta’ SOLAR MARKET bħala proprjetarja ġdida tat-trade mark ikkontestata kienet tippermettilha tkompli l-proċedimenti pendenti quddiem l-EUIPO, billi tkompli din il-proċedura fl-istat li kienet tinsab fih fid-data tar-reġistrazzjoni tat-trasferiment fir-reġistru, mingħajr ma jagħtiha drittijiet proċedurali li l-ex proprjetarju tat-trade mark, jiġifieri r-rikorrenti, diġà ma kellux iktar f’din id-data. F’dan il-kuntest, id-Deċiżjoni EX‑24‑5 ma setax ikollha l-effett li testendi terminu li, bħal f’dan il-każ, kien diġà skada f’data li fiha l-parti fil-proċedimenti li kienet obbligata tosserva dan it-terminu, jiġifieri r-rikorrenti, ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, peress li hija ma kellhiex is-sede tagħha fl-Ukraina.

32      L-interpretazzjoni li SOLAR MARKET ma setgħetx tinvoka l-estensjoni tat-terminu previst mid-Deċiżjoni EX‑24‑5 hija sostnuta mill-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġu applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjonijiet li jirrigwardaw termini proċedurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2014, Melt Water vs UASI (NUEVA), T‑61/13, EU:T:2014:265, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, u digriet tad‑9 ta’ Ottubru 2019, Esim Chemicals vs EUIPO – Sigma‑Tau Industrie Farmaeutiche Riunite (ESIM Chemicals), T‑713/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:744, punt 34). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-estensjoni tat-terminu previst mid-Deċiżjoni EX‑24‑5 tikkostitwixxi eċċezzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tat-termini ordinarji previsti mir-Regolament 2017/1001 u b’mod partikolari tat-terminu ta’ erba’ xhur previst fl-Artikolu 68(1) ta’ dan ir-regolament. Issa, għandu jitfakkar il-prinċipju li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Di Maura, C‑246/16, EU:C:2017:887, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament insostenn tal-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni EX‑24‑5 li hija tiddefendi, li jwassal sabiex jiġi aċċettat li ċirkustanzi sussegwenti għall-iskadenza ta’ terminu jistgħu jneħħu l-effetti marbuta ma’ din l-iskadenza.

33      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut li SOLAR MARKET tibbenefika mit-terminu estiż, għas-sempliċi raġuni li hija saret proprjetarja tat-trade mark ikkontestata matul il-proċedura, huwa l-konsegwenza ta’ trattament arbitrarju u inugwali tal-partijiet, li jwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Dan l-argument huwa madankollu infondat, peress li l-impossibbiltà għal SOLAR MARKET li tibbenefika mit-terminu estiż ma hijiex il-konsegwenza tal-bidla tal-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata matul il-proċedimenti, iżda tirriżulta mill-fatt li, fid-data li fiha din tal-aħħar saret parti fil-proċedimenti, it-terminu ta’ erba’ xhur kien diġà skada, mingħajr ma, kif ġie indikat fil-punt 31 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni EX‑24‑5 jista’ jkollha l-effett li testendi dan it-terminu.

34      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi meta kkonstata fil-punti 21 u 22 tad-deċiżjoni kkontestata li SOLAR MARKET ma setgħetx tibbenefika mill-estensjoni tat-terminu ta’ erba’ xhur skont id-Deċiżjoni EX‑24‑5.

35      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħrajn imressqa mir-rikorrenti.

36      L-ewwel, ir-rikorrenti tesponi li limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni EX‑24‑5 għall-partijiet fil-proċedimenti biss tkun kuntrarja għall-għan tal-imsemmija deċiżjoni, intiż li jiffaċilita l-osservanza tal-obbligi proċedurali għall-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fl-Ukraina. Madankollu, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali għan ma huwiex fih innifsu ta’ natura li jiġġustifika l-interpretazzjoni difiża mir-rikorrenti, li hija kuntrarja, minn naħa, għall-interpretazzjoni li tirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/1001 u tad-Deċiżjoni EX‑24‑5 u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipju, imfakkar fil-punt 31 iktar ’il fuq, li l-eċċezzjonijiet għar-regoli dwar it-termini proċedurali għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva.

37      It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li, peress li d-Deċiżjoni EX‑24‑5 ma tgħid xejn fuq dan il-punt, din għandha tiġi interpretata fis-sens li t-terminu estiż għandu jibbenefika wkoll lill-impriżi li saru partijiet fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO wara t-trasferiment tat-trade mark inkwistjoni matul il-proċedimenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 68(1) tar-Regolament 2017/1001 u d-Deċiżjoni EX‑24‑5 ma jipprevedu ebda deroga mill-kundizzjonijiet li fihom japplikaw fil-każ ta’ trasferiment tat-trade mark inkwistjoni matul proċedimenti pendenti quddiem l-EUIPO. F’dan ir-rigward, fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni li tipprevedi dan, la l-Artikolu 68(1) tar-Regolament 2017/1001 u lanqas id-Deċiżjoni EX‑24‑5 ma jistgħu jiġu interpretati fis-sens li bidla tal-proprjetarju tat-trade mark matul il-proċedimenti tippermetti l-ftuħ mill-ġdid tat-termini li jkunu diġà skadew. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma hijiex fondata ssostni li, f’dan il-każ, minkejja l-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ xhur, SOLAR MARKET kellha tibbenefika mit-terminu estiż, għar-raġuni li hija saret proprjetarja tat-trade mark ikkontestata matul il-proċedura.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Bord tal-Appell għalhekk ġustament ikkonkluda li l-estensjoni tat-terminu prevista mid-Deċiżjoni EX‑24‑5 ma kinitx applikabbli f’dan il-każ u li n-nota ppreżentata fit‑13 ta’ Settembru 2024 kienet għalhekk ġiet ippreżentata tard.

39      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, dwar iċ-ċaħda tat-talba għal restitutio in integrum 

40      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli ċaħad it-talba tagħha għal restitutio in integrum għas-sempliċi raġuni li t-tariffa korrispondenti ma kinitx tħallset, filwaqt li l-EUIPO ma kienx talabha tħallas din it-tariffa u li hija ma kinitx ġiet informata b’tali obbligu. Għalhekk, hija ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tirregolarizza din l-ommissjoni u li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ħlas ta’ din it-tariffa. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell kiser id-dritt għal smigħ tagħha, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u d-dritt tagħha għal rimedju effettiv.

41      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

42      Fil-punti 25 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-applikazzjoni għal restitutio in integrum kienet meqjusa li ma ġietx ippreżentata, fin-nuqqas ta’ ħlas tat-tariffa korrispondenti.

43      Skont l-Artikolu 104(3) tar-Regolament 2017/1001, l-applikazzjoni għal restitutio in integrum titqies li ġiet ippreżentata biss wara l-ħlas tat-tariffa ta’ restitutio in integrum.

44      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li la r-rikorrenti u lanqas SOLAR MARKET ma ħallsu tali tariffa.

45      Għalkemm ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell naqas milli jinformaha bl-obbligu ta’ ħlas tat-tariffa u milli jitlobha tħallasha, għandu jiġi osservat dan li ġej.

46      Mill-ittra tat‑12 ta’ Novembru 2024, imsemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq, isegwi li l-EUIPO fakkar lir-rikorrenti li, skont l-Artikolu 104(3) tar-Regolament 2017/1001, applikazzjoni għal restitutio in integrum titqies li ġiet ippreżentata biss wara l-ħlas tat-tariffa ta’ restitutio in integrum. Din l-ittra kienet tfakkar ukoll l-ammont tat-tariffa li kellha tħallas ir-rikorrenti, jiġifieri EUR 200. Barra minn hekk, huwa ppreċiża li, fl-assenza ta’ ħlas ta’ din is-somma, l-applikazzjoni għal restitutio in integrum seta’ ma jiġix ikkunsidrat bħala li ġie ppreżentat. Għalhekk, kif isostni l-EUIPO, ir-rikorrenti ġiet debitament informata bl-obbligu ta’ ħlas tat-tariffa u bil-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn nuqqas ta’ ħlas. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tirrimedja n-nuqqas ta’ ħlas tat-tariffa.

47      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-EUIPO kellu jibagħtilha talba formali għall-ħlas tat-tariffa ta’ restitutio in integrum. Madankollu, ir-rikorrenti ma hijiex fondata ssostni li, fin-nuqqas ta’ tali talba, id-dritt għal smigħ tagħha, id-dritt tagħha għal rimedju effettiv kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali ġew miksura, peress li, fi kwalunkwe każ, bħalma ġie indikat fil-punt 46 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ġiet informata mill-EUIPO bl-obbligu li tħallas it-tariffa ta’ restitutio in integrum u bil-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw min-nuqqas ta’ ħlas ta’ din it-tariffa. Barra minn hekk, l-Artikolu 104(3) tar-Regolament 2017/1001 ma jipprevedix obbligu li tintbagħat talba formali għall-ħlas tat-tariffa ta’ restitutio in integrum. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tinvoka ebda dispożizzjoni oħra li tipprevedi tali obbligu.

48      Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi prodotti b’mod addizzjonali

49      Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-provi prodotti mir-rikorrenti bħala prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata fil-perijodu rilevanti, li kienu ġew miċħuda b’mod żbaljat minħabba l-forma materjali tagħhom u sussegwentement minħabba l-format tekniku tagħhom matul il-proċedimenti ta’ revoka. Għalhekk, billi kkonkluda li r-rikors huwa inammissibbli, il-Bord tal-Appell kiser id-dritt tagħha għal smigħ u ċaħħadha mill-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħha.

50      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

51      Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-provi inkwistjoni, iżda tiċħad ġustament ir-rikors bħala inammissibbli, inammissibbiltà li l-imsemmija provi ma għandhom, fi kwalunkwe każ, ebda effett fuqha. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka b’mod effettiv in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-provi.

52      Għaldaqstant, it-tielet motiv u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

53      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

54      Peress li nżammet seduta u peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Mega Pop podjetje za oglaševanje na prostem d.o.o. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kecsmár

Madise

Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Ottubru 2026 .

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.