Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SPIELMANN

ippreżentati fis‑17 ta’ Settembru 2026 (1)

Kawża C‑317/25

Groupe Canal + SAS

vs

Commission nationale de l’informatique et des libertés (CNIL),

fil-preżenza ta’:

Il-Prim Ministru,

Syndicat professionnel Data et Marketing France (DMA France),

Association Alliance Digitale,

Syndicat Collectif pour les acteurs du marketing digital (CPA),

Association Le Groupement des éditeurs de contenus et services en ligne (GESTE)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2002/58/KE – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Artikolu 13 – Użu tal-posta elettronika għal finijiet ta’ marketing dirett – Protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Il-punt 11 tal-Artikolu 4 – Kunsens tas-suġġett tad-data – Artikolu 12(1) – Trasparenza tal-informazzjoni – Artikolu 13 u Artikolu 14(1) – Obbligu ta’ informazzjoni tal-kontrollur – Data miġbura minn persuna li tiġbor id-data għall-ewwel darba għal skopijiet ta’ marketing kummerċjali b’mezzi elettroniċi mill-“imsieħba” tiegħu – Kunsens tas-suġġett tad-data – Identifikazzjoni tar-riċevituri tad-data miġbura”






 Daħla

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), fil-kuntest ta’ appell ippreżentat minn Groupe Canal + SAS kontra d-Deċiżjoni SAN‑2023‑015 tat‑12 ta’ Ottubru 2023 tal-Commission nationale de l’informatique et des libertés (CNIL) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni taċ-CNIL”) (2) li imponiet multa fuqu talli wettaq marketing kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (3), mingħajr ma kien kiseb il-kunsens tas-suġġetti tad-data. Dawn is-suġġetti, meta nġabret id-data personali tagħhom minn fornituri tal-aċċess għall-internet (iktar ’il quddiem il-“FAI”), taw il-kunsens tagħhom għat-trasferiment tad-data tagħhom, għal finijiet ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali mhux solleċitati (spamming), lil “imsieħba” mhux identifikati waqt il-ġbir tal-kunsens.

2.        Din il-kawża hija għalhekk l-okkażjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja li tippreċiża taħt liema kundizzjonijiet ipproċessar ta’ data personali wara ieħor, minn kontrollur differenti, jista’ jkun ibbażat fuq il-kunsens inizjali mogħti waqt il-ġbir tal-imsemmija data.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2002/58

3.        Il-premessa 40 tad-Direttiva 2002/58 tipprevedi li “[g]ħandhom jingħataw salvagwardji għall-abbonati kontra l-intrużjoni tal-privatezza tagħhom permezz ta’ komunikazzjonijiet mhux soleċitati għal skopijiet ta’ marketing dirett partikolarment permezz ta’ magni li jsejħu awtomatikament, telefaxes u posta elettronika, inklużi messaġġi bl-SMS. Dawn il-forom ta’ komunikazzjoni kummerċjali mhux soliċitati jistgħu minn banda jkunu relativament faċli u rħas biex jintbagħtu u mill-oħra jistgħu jimponu piż u/jew spiża fuq ir-riċevent. Minbarra hekk, f’xi każijiet il-volum tagħhom jista’ wkoll jikkawża diffikultajiet għal networks ta’ komunikazzjoni elettronika u tagħmir terminali. Għal tali forma ta’ komunikazzjonijiet mhux soliċitati għal skopijiet ta’ marketing dirett huwa ġustifikat li jenħtieġ li jiġi akkwistat il-kunsens minn qabel espliċitu tar-riċeventi qabel ma jiġu indirizzati lilhom tali komunikazzjonijiet. Is-suq wieħed jeħtieġ pożizzjoni armonizzata biex jiġu żgurati regoli sempliċi fil-Komunità kollha għan-negozji u għall-utenti”.

4.        Skont il-punt (f) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, “‘kunsens’ minn utent jew abbonat jikkorrespondi għall-kusnens tas-suġġett tad-data fid-Direttiva 95/46/KE [(4)]”.

5.        L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Komunikazzjoni mhux soliċitati”, jiddikjara:

“1.      L-użu ta’ sistemi ta’ sejħiet awtomatizzati, mingħajr l-intervent uman (magni tas-sejħiet awtomatiċi), magni tal-facsimile (fax) jew posta elettronika għall-iskopijiet ta’ marketing dirett jista’ jiġi permess biss rigward abbonati li jkunu taw il-kunsens tagħhom minn qabel.

2.      Minkejja l-paragrafu 1, fejn persuna naturali jew legali takkwista mill-klijenti tagħha id-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-posta elettronika, fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz, skond id-Direttiva 95/46/KE, l-istess persuna naturali jew legali tista’ tuża dawn id-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-marketing dirett tal-prodotti jew servizzi simili tagħha stess, basta li l-klijenti jingħataw b’mod ċar u distint l-opportunità li joġġezzjonaw, mingħajr ħlas u b’mod faċli, għat-tali użu ta’ dettalji ta’ kuntatt elettroniċi meta jinġabru u fl-okkażjoni ta’ kull messaġġ fejn il-klijent ma jkunx irrifjuta inizjalment għal tali użu.

[…]”

 Il-GDPR

6.        L-Artikolu 4(11) tal-GDPR jiddefinixxi l-kunsens tas-suġġett tad-data bħala “kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu”.

7.        L-Artikolu 5 tal-GDPR, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprevedi:

“1.      Id-data personali għandha:

(a)      tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (“legalità, ġustizzja u trasparenza”);

(b)      tinġabar għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet […]”

8.        Skont l-Artikolu 6 tal-GDPR, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”:

“1.      L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

[…]”

9.        Il-Kapitolu III tal-GDPR, li jinkludi l-Artikoli 12 sa 23 tiegħu, huwa intitolat “Drittijiet tas-suġġett tad-data”. L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Informazzjoni, komunikazzjoni u modalitajiet trasparenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data”, jiddikjara fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kontrollur għandu jieħu miżuri adatti biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f’forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, b’mod partikolari għal kwalunkwe informazzjoni indirizzata speċifikament lil minorenni. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-miktub, jew b’mezzi oħra, inkluż, fejn xieraq, b’mezzi elettroniċi. Meta tintalab mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni tista’ tingħata bil-fomm dment li tingħata prova tal-identità tas-suġġett tad-data b’mezzi oħra.”

10.      L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data”, jipprevedi:

“1.      Fejn data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:

(a)      l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur;

[…]

(c)      l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar;

[…]

(e)      ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu; […]

[…]

3.      Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inġabret id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b’informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.

4.      Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn is-suġġett tad-data diġà jkollu l-informazzjoni.”

11.      L-Artikolu 14 tal-GDPR, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fejn ma tkunx inkisbet data personali mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja:

(a)      l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur”.

[…]

(c)      l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar;

[…]

2.      Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat pproċessar ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data:

[…]

(c)      l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur aċċess jew rettifika jew tħassir ta’ data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar rigward is-suġġett tad-data u li joġġezzjona għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għall-portabbiltà tad-data;

(d)      fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), l-eżistenza tad-dritt li jiġi irtirat il-kunsens fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta’ kunsens qabel l-irtirar tiegħu;

[…]

(f)      minn liema sors toriġina d-data personali, u fejn applikabbli jekk oriġinatx minn sorsi aċċessibbli għall-pubbliku;

[…]

3.      Il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2:

(a)      fi żmien perijodu ta’ żmien raġonevoli wara l-kisba tad-data personali, iżda mhux aktar tard minn xahar, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom tiġi pproċessata d-data personali;

(b)      jekk id-data personali tkun se tintuża għal komunikazzjoni mas-suġġett tad-data, sa mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni lil dak is-suġġett tad-data; jew

(c)      jekk ikun previst żvelar lil riċevitur ieħor, mhux aktar tard minn meta d-data personali tkun ġiet żvelata l-ewwel darba.

4.      Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inkisbet id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b’informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u bi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.

5.      Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn:

(a)      is-suġġett tad-data diġà għandu l-informazzjoni;

(b)      il-provvista ta’ tali informazzjoni tkun impossibbli li sseħħ jew tkun teħtieġ sforz sproporzjonat; b’mod partikolari għall-ipproċessar għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika soġġett għall-kundizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fl-Artikolu 89(1) jew sa fejn l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkun ser jagħmilha impossibbli jew ixekkel serjament il-kisba tal-objettivi ta’ dak l-ipproċessar. F’tali każijiet il-kontrollur għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, inkluż li jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku;

(c)      il-kisba jew l-iżvelar hu espressament stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha hu soġġett il-kontrollur u li tipprevedi miżuri adatti għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data; jew

(d)      fejn id-data personali jkollha tibqa’ kunfidenzjali soġġett għall-obbligu tas-segretezza professjonali regolata mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż l-obbligu statutorju ta’ segretezza.”

 Id-dritt Franċiż

 Il-Kodiċi tal-Posta u tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

12.      L-Artikolu L. 34-5 tal-Code des postes et des communications électroniques (il-Kodiċi tal-Posta u tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi) li jittrasponi fid-dritt intern l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/58, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (5), jipprovdi:

“Huwa pprojbit il-marketing dirett permezz ta’ sistema awtomatizzata ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu L. 32, ta’ faks jew ta’ posta elettronika li tuża d-dettalji ta’ persuna fiżika, ta’ abbonat jew ta’ utent, li ma tkunx esprimiet minn qabel il-kunsens tagħha li tirċievi marketing dirett b’dan il-mod.

Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu,

il-kunsens għandu jinftiehem bħala indikazzjoni speċifika u informata tax-xewqat tiegħu mogħtija liberament li biha individwu jaqbel li d-data personali tiegħu tintuża għal [finijiet ta’] marketing dirett.

Tikkostitwixxi marketing dirett it-trażmissjoni ta’ kwalunkwe messaġġ intiż sabiex jippromwovi, direttament jew indirettament, oġġetti, servizzi jew l-immaġni ta’ persuna li tbigħ oġġetti jew li tipprovdi servizzi. Għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, it-telefonati u l-messaġġi li l-għan tagħhom huwa li jinċentivaw lill-utent jew lill-abbonat biex iċempel fuq numru b’tariffa ogħla min-normal jew sabiex jibgħat messaġġ testwali b’tariffa ogħla min-normal ukoll jitqiesu bħala marketing dirett.

Madankollu, il-marketing dirett bil-posta elettronika huwa permess jekk id-dettalji ta’ kuntatt tar-riċevitur ikunu nkisbu mingħandu skont id-dispożizzjonijiet tal-loi no 78-17 du 6 janvier 1978 relative à l’informatique, aux fichiers et aux libertés (il-Liġi Nru 78-17 tas‑6 ta’ Jannar 1978 dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni, il-Fajls Diġitali u l-Libertajiet) [(6)], matul bejgħ jew il-forniment ta’ servizzi, dment li l-marketing dirett jirrigwarda prodotti jew servizzi simili pprovduti mill-istess persuna fiżika jew ġuridika, u bil-kundizzjoni li lir-riċevitur jingħata, b’mod espliċitu u ċar, l-għażla li joġġezzjona, mingħajr ħlas, ħlief għall-ispejjeż assoċjati mat-trażmissjoni tar-rifjut, u b’mod sempliċi, għall-użu tad-dettalji ta’ kuntatt tiegħu fil-mument meta jinġabru u kull darba li tintbagħatlu posta elettronika ta’ marketing, jekk ma jkunx diġà rrifjuta dan l-użu mill-bidu.

[…]”

 Il-Liġi Nru 78‑17

13.      L-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 78-17 jiddikjara, essenzjalment, li d-data personali għandha tiġi pproċessata b’mod leġittimu u ġust, tinġabar għal skopijiet speċifikati, espliciti u leġittimi, u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet. Din għandha tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qiegħda tiġi pproċessata, u preċiża.

 Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.      Matul l-2021, Groupe Canal + wettqet, f’isimha stess, operazzjonijiet ta’ marketing kummerċjali b’mod elettroniku ma’ madwar 3.9 miljun persuna, li d-data personali tagħhom kienet inkisbet minn qabel minn żewġ FAI. Sabiex jagħmlu dan, dawn il-FAI kienu stiednu lill-abbonati tagħhom jimmarkaw kaxxa ta’ formola ta’ ġbir li tindika l-kunsens ta’ dawn tal-aħħar għall-użu tad-data personali tagħhom għal finijiet ta’ marketing mill-“imsieħba” tal-imsemmija FAI, fejn dawn l-imsieħba ma kinux identifikati b’isimhom la fil-formola ta’ ġbir, u lanqas f’lista aċċessibbli permezz ta’ link ipertestwali jew b’mezz ieħor.

15.      Adita b’diversi lmenti dwar l-operazzjonijiet ta’ marketing kummerċjali b’mod elettroniku mwettqa minn Groupe Canal +, iċ-CNIL wettqet spezzjonijiet għand din il-kumpannija u, permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ottubru 2023, il-bord ristrett taċ-CNIL qies li l-imsemmija kumpannija kienet kisret l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu L. 34-5 tal-code des postes et des communications électroniques (il-Kodiċi tal-Posta u tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi) u mill-Artikolu 7(1) tal-GDPR sa fejn hija ma kellhiex il-kunsens validu tas-suġġetti tad-data sabiex twettaq dawn l-operazzjonijiet. Għaldaqstant, peress li qieset li Groupe Canal + kien kiser l-obbligu li jikseb tali kunsens, iċ-CNIL imponiet fuqu multa amministrattiva ta’ EUR 600 000.

16.      Permezz ta’ rikors tal‑15 ta’ Diċembru 2023, Groupe Canal + marret       quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), li huwa l-qorti tar-rinviju, b’talba għall-annullament tad-Deċiżjoni taċ-CNIL, kif ukoll għar-riforma tagħha sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multa amministrattiva li ġiet imposta fuqu. Quddiem il-qorti tar-rinviju, Groupe Canal + sostna li l-kunsens tas-suġġetti tad-data, miġbur mill-FAI, kien suffiċjentement informat sabiex ikunu jistgħu jirċievu marketing elettronika mingħandu, sa fejn dawn il-persuni kienu diġà taw il-kunsens tagħhom għall-użu tad-data personali tagħhom mill-imsieħba tal-FAI.

17.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunsens, li nġabar mill-FAI, bħala l-persuna li tiġbor id-data għall-ewwel darba, għall-użu tad-data personali tas-suġġetti tad-data għal finijiet ta’ marketing kummerċjali mill-imsieħba ta’ dawn il-fornituri, jippermettix lil Groupe Canal + timplimenta l-operazzjonijiet taghha ta’ marketing kummerċjali. Hija tistaqsi b’mod partikolari jekk Groupe Canal +, li ma kinitnx identifikata b’isimha bħala wieħed mill-imsieħba tal-FAI u li l-identità tiegħu għalhekk ma kinitx magħrufa mis-suġġetti tad-data, kellhiex tikseb kunsens speċifiku ġdid jew le mingħand dawn tal-aħħar qabel ma timplimenta l-operazzjonijiet tiegħu ta’ marketing kummerċjali. Barra minn hekk, għalkemm il-kunsens miġbur mill-FAI jista’ jitqies bħala informat fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR u tad-Direttiva 2002/58, hija tistaqsi dwar il-livell ta’ preċiżjoni tal-kunċett ta’ “kategorija” ta’ destinatarji.

18.      F’dan il-kuntest, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-[punt] 11 tal-Artikolu 4 [tal-GDPR], moqri flimkien mal-Artikoli 13 u 14 [tal-GDPR] kif ukoll mal-Artikolu 13 tad-Direttiva [2002/58], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunsens tas-suġġett tad-data, mogħti lil persuna li tiġbor id-data għall-ewwel darba, li d-data tiegħu tintuża minn kategorija ta’ destinatarji, bħal, f’dan il-każ, l-‘imsieħba’ tal-FAI [(il-fornituri tal-aċċess għall-internet)], jista’ jitqies li huwa kunsens liberu, speċifiku, informat u inekwivoku li jippermetti lil kull persuna li taqa’ taħt din il-kategorija twettaq operazzjonijiet ta’ marketing b’mod elettroniku mingħajr ma jkollha bżonn titlob kunsens ġdid, jew inkella l-kombinazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet timplika, f’tali ipoteżi, li kull destinatarju tad-data personali miġbura, jekk l-identità tiegħu ma kinitx magħrufa mis-suġġett tad-data fil-mument li fih huwa ta l-kunsens tiegħu lill-persuna li tiġbor id-data għall-ewwel darba, ikollu jakkwista l-kunsens ta’ dan is-suġġett tad-data qabel ma jkun jista’ jwettaq marketing fuq dan is-suġġett tad-data bħala kontrollur ġdid?

2)      Fil-każ li jkollu jitqies li l-kunsens mogħti mis-suġġett tad-data, lil persuna li tiġbor id-data għall-ewwel darba, sabiex id-data tiegħu tintuża minn kategorija ta’ destinatarji sabiex jitwettaq il-marketing b’mod elettroniku, jista’ jiġi kkunsidrat bħala kunsens informat fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, il-grad ta’ preċiżjoni tal-kunċett ta’ “kategorija” ta’ destinatarji għandu importanza jew dan jista’, bħal f’dan il-każ, sempliċement jirreferi għal kull ‘sieħeb’ tal-persuna li tiġbor id-data għall-ewwel darba?”

19.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Groupe Canal + kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Gvern Franċiż, Spanjol u Taljan. Waqt is-seduta li saret pubblikament fit‑2 ta’ Lulju 2026, Groupe Canal +, is-Syndicat professionnel Data et Marketing France, il-Kummissjoni u l-Gvern Franċiż u dak Spanjol ippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

 Analiżi

 Fuq l-ewwel domanda

20.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunsens mogħti mill-abbonati tal-FAI, fl-okkażjoni tal-ġbir tad-data personali tagħhom, kienx jippermetti lil Groupe Canal + tuża din id-data għal finijiet ta’ marketing kummerċjali fil-konfront tagħhom mingħajr ma jiġbor, min-naħa tiegħu, kunsens ġdid.

21.      Essenzjalment, Groupe Canal + issostni li hija ma kinitx obbligata tikseb kunsens ġdid sabiex twettaq operazzjonijiet ta’ marketing kummerċjali b’mod elettroniku mingħand is-suġġetti tad-data. Is-suġġett tad-data l-oħra kkonċernati l-oħra jqisu, għall-kuntrarju, li l-kunsens miksub mill-FAI, abbażi tas-sempliċi informazzjoni tal-“kategoriji ta’ riċevituri” li lilhom tiġi trażmessa d-data miġbura fl-okkażjoni tal-ewwel ipproċessar, ma huwiex biżżejjed sabiex juri l-eżistenza tal-kunsens neċessarju għat-tieni pproċessar li jikkonsisti f’operazzjonijiet ta’ marketing elettronika mwettqa minn Groupe Canal +.

22.      Wara li nfakkar fid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kawża prinċipali, ser neżamina l-portata tal-kunsens mogħti mis-suġġetti tad-data waqt il-ġbir tad-data personali tagħhom sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-kunsens setax jikkostitwixxi l-bażi legali tal-marketing dirett minn Groupe Canal +.

 Tfakkira tad-dispożizzjonijiet applikabbli

–       Il-ħtieġa ta’ kunsens fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58

23.      Qabelxejn, infakkar li l-kawża prinċipali tikkonċerna operazzjonijiet ta’ marketing dirett min-naħa ta’ Groupe Canal +. L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Komunikazzjonijiet mhux soliċitati”, huwa intiż b’mod partikolari, konformement ma’ dak li tgħid il-premessa 40 tagħha, sabiex jipproteġi lill-abbonati kontra kull ksur tal-privatezza tagħhom permezz ta’ komunikazzjonijiet mhux solleċitati mwettqa għal finijiet ta’ marketing dirett. Kif jissemma fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 173 tal-GDPR, id-Direttiva 2002/58 taġixxi bħala lex specialis, li tissupplimenta l-GDPR (lex generalis) (7). Għalhekk, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/58 huwa applikabbli għall-kawża prinċipali u l-evalwazzjoni tal-legalità tal-ipproċessar li jikkonsisti fl-użu minn Groupe Canal + tad-data personali inkwistjoni għalhekk għandha titwettaq fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti minn din id-direttiva.

24.      Sussegwentement, ninnota li l-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva jawtorizza l-użu ta’ tipi differenti ta’ komunikazzjoni, jiġifieri s-sistemi ta’ telefonati awtomatizzati mingħajr intervent uman (magni tat-telefonati awtomatiċi), il-faks jew il-posta elettronika, għall-finijiet ta’ marketing dirett, bil-kundizzjoni li dan jirrigwarda abbonati li jkunu taw il-kunsens tagħhom minn qabel. Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu għalhekk jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk it-tip ta’ komunikazzjoni użat għall-finijiet ta’ marketing dirett jinsabx fost dawk imsemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, it-tieni, jekk tali komunikazzjoni għandhiex bħala għan il-marketing dirett, jiġifieri jekk għandhiex għan kummerċjali u tindirizzax direttament u individwalment lil konsumatur, u, it-tielet, jekk ir-rekwiżit li jinkiseb kunsens minn qabel min-naħa tal-utent ġiex osservat (8).

25.      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-ewwel żewġ kundizzjonijiet huma ssodisfatti. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ssemmi espressament “operazzjonijiet ta’ marketing b’mod elettroniku” mwettqa fir-rigward tas-suġġetti tad-data, li huma konsumaturi prospettivi ta’ Groupe Canal +.

26.      Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal-kunsens minn qabel tas-suġġetti tad-data, destinatarji tal-komunikazzjonijiet mhux solleċitati għall-finijiet ta’ marketing kummerċjali, hija fiċ-ċentru tad-dibattiti.

27.      Il-ħtieġa ta’ kunsens bħala bażi għall-ipproċessar ulterjuri tal-marketing dirett ma ġietx diskussa. F’dan ir-rigward, nippreċiża li l-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni għall-kunsens previsti fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2022/58 ma humiex issodisfati fil-kawża prinċipali (9). It-tilwima bejn il-partijiet hija dwar jekk, peress li l-identità tal-kontrollur sussegwenti tal-marketing dirett ma kinitx magħrufa, kienx suffiċjenti l-kunsens mogħti mill-abbonati waqt il-ġbir inizjali jew jekk kellux jingħata t-tieni kunsens, li jwassalni għall-kunċett ta’ “kunsens informat”.

–       Kunsens informat skont il-GDPR

28.      Il-kunsens fis-sens tad-Direttiva 2002/58, u b’mod partikolari tal-Artikolu 13(1) tagħha, għandu jinftiehem fis-sens tal-kunsens previst mill-GDPR. Fil-fatt, minn naħa, il-punt (f) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 17 (10) tagħha, jiddefinixxi l-“kunsens” ta’ utent jew ta’ abbonat bħala li jikkorrispondi għall-“kunsens tas-suġġett tad-data” msemmi fid-Direttiva 95/46, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 94(2) tal-GDPR jipprevedi li r-riferimenti għad-Direttiva 95/46, li tħassret mill-GDPR, għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għall-GDPR.

29.      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-kunsens għandu jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali u li jiddefinixxi l-“kunsens tas-suġġett tad-data” fis-sens li jeħtieġ “indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa” mis-suġġett tad-data, fil-forma ta’ dikjarazzjoni jew ta’ “azzjoni affermattiva ċara” li tindika l-aċċettazzjoni tiegħu tal-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernah (11).

30.      F’dan il-każ, in-natura libera, speċifika u mhux ambigwa tal-kunsens mogħti waqt il-ġbir inizjali hija paċifika. In-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet iqum dwar jekk il-kunsens mogħti mis-suġġetti tad-data kienx informat biżżejjed sabiex jiġġustifika l-ipproċessar ta’ marketing dirett.

31.      Infakkar li r-rekwiżit ta’ kunsens “informat”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, neċessarju sabiex ipproċessar ta’ data jkun legali, jiddependi, fost l-oħrajn, mill-kwistjoni dwar jekk dan is-suġġett tad-data jkunx kiseb, minn qabel, l-informazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-ipproċessar tad-data inkwistjoni li għalihom huwa kellu dritt u li jippermettulu jagħmel l-għażliet tiegħu dwar l-użu tad-data tiegħu u li jagħti l-kunsens tiegħu, b’mod “liberu”, b’għarfien sħiħ tal-fatti (12).

32.      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 12 tal-GDPR, li jesprimi l-prinċipju ta’ trasparenza, il-kontrollur għandu jieħu miżuri xierqa sabiex jipprovdi kull informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, huwa għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data informazzjoni fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-ipproċessar tad-data, f’forma li tinftiehem u faċilment aċċessibbli, ifformulata f’termini ċari u sempliċi, peress li din il-persuna għandha tkun taf, minbarra t-tip ta’ data li għandha tiġi pproċessata, it-tul u l-modalitajiet ta’ dan l-ipproċessar kif ukoll l-għanijiet imfittxija minnu u l-identità tal-kontrollur. Tali informazzjoni għandha tippermetti lill-imsemmija suġġett tad-data tiddetermina faċilment il-konsegwenzi tal-kunsens li huwa jista’ jagħti u tiżgura li tali kunsens jingħata b’għarfien sħiħ tal-fatti (13). Bħala l-pedament tal-prinċipju tat-trasparenza, id-dritt għal informazzjoni jiggarantixxi t-trasparenza tal-ipproċessar kollu fil-kuntest tal-GDPR (14).

33.      Barra minn hekk, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-kontrollur fir-rigward tas-suġġetti tad-data minn ipproċessar ta’ data personali jikkostitwixxi “l-korollarju tad-dritt għal informazzjoni li huwa rrikonoxxut lil dawn il-persuni mill-Artikoli 12 u 13 tal‑GDPR” (15).

34.      Il-ksur tad-dritt tas-suġġetti tad-data li  jkunu informati biżżejjed dwar iċ-ċirkustanzi kollha rigward l-ipproċessar ta’ data personali, u b’mod partikolari dwar l-identità tal-kontrollur, għalhekk jista’ jimpedixxi l-espressjoni ta’ kunsens informat, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(11) tal-GDPR, li jista’ jagħmel dan l-ipproċessar illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament (16). Id-dritt għall-informazzjoni tas-suġġett tad-data għalhekk jikkontribwixxi għall-eżistenza ta’ kunsens li jista’ jiġġustifika pproċessar legali tad-data, u f’dan ir-rigward, l-identità tal-kontrollur inkwistjoni hija element partikolarment neċessarju sabiex ikun informat l-imsemmi kunsens.

35.      Barra minn hekk, l-obbligi f’termini ta’ ġbir tal-kunsens u ta’ provvista ta’ informazzjoni previsti sabiex jiġi ċċarat dan il-kunsens jaqgħu fuq il-kontrollur inkwistjoni, jiġifieri fuq min “jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi [ta’ dan l-]ipproċessar (17).

36.      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, meta wieħed ikun fl-istadju tal-ġbir tad-data personali mill-FAI u tat-trażmissjoni ta’ din id-data lill-imsieħba tagħhom, l-Artikolu 13 tal-GDPR japplika għall-FAI fir-rigward tal-obbligi ta’ informazzjoni, li jippermetti li jissemmew biss kategoriji ta’ riċevituri (18). Għalhekk, il-FAI ma għandhomx l-obbligu li jispeċifikaw ir-riċevituri tad-data, għaliex inkella l-espressjoni “kategorija ta’ riċevituri” titlef is-sens tagħha.

37.      Min-naħa l-oħra, fl-istadju tal-marketing kummerċjali, id-data personali miġbura indirettament mill-FAI tintuża minn Groupe Canal + (19) u l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data f’dan l-istadju hija dik prevista fl-Artikolu 14 tal-GDPR, adottata biex twieġeb għal sitwazzjonijiet li fihom il-kontrollur ma jkunx f’kuntatt dirett mas-suġġett tad-data (20). F’dawn is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 14 tal-GDPR, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kontrollur jiġbor data personali minn sors ieħor, sabiex il-komunikazzjoni tal-informazzjoni koperta minn din id-dispożizzjoni fil-mument li tinkiseb, fil-prattika, issir diffiċli, jekk mhux impossibbli. In-natura indiretta ta’ tali ġbir tiġġustifika għalhekk li din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi l-possibbiltà ta’ “posponiment tat-twettiq tal-obbligu ta’ informazzjoni” impost fuq il-kontrollur (21). Ir-regola ġenerali, madankollu, hija li l-kontrollur li indirettament ikun kiseb id-data personali għandu jipprovdi l-informazzjoni fi żmien raġonevoli wara l-ġbir tal-imsemmija data, iżda wara mhux iktar tard minn xahar, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom tiġi pproċessata tali data (22). Barra minn hekk, jekk din l-istess data tkun ser tintuża għal komunikazzjoni mas-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni sa mhux iktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni lil dak is-suġġett tad-data (23).

38.      Huwa f’dan il-kuntest li tqum il-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-kunsens miġbur mill-FAI setax jikkostitwixxi l-bażi legali għall-ipproċessar ulterjuri għal marketing dirett minn Groupe Canal + mingħajr il-ħtieġa li jinkiseb kunsens ġdid, li jimplika li wieħed jistaqsi, issa, dwar il-portata tal-kunsens miġbur mill-FAI.

 Fuq il-portata tal-kunsens mogħti f’dan il-każ

39.      Jista’ jitqies li l-fatt li abbonat ta’ FAI jimmarka kaxxa ta’ formola li tagħti l-kunsens tiegħu għall-użu tad-data personali tiegħu għal finijiet ta’ marketing mill-“imsieħba” ta’ dan il-FAI jikkostitwixxi kunsens għat-trasferiment tad-data tiegħu lill-imsemmija sħab, sabiex sussegwentement ikun is-suġġett ta’ attività ta’ komunikazzjoni li għandha għan kummerċjali u li hija indirizzata direttament u individwalment lilu (24). Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, kunsens dwar it-trasferiment tad-data għal skop ta’ marketing dirett indikat waqt il-ġbir tad-data personali tagħhom.

40.      Madankollu, kif enfasizza b’mod partikolari l-Gvern Franċiż, tali kunsens ma jfissirx neċessarjament li s-suġġetti tad-data taw il-kunsens tagħhom sabiex l-ipproċessar ta’ marketing dirett jsir minn kwalunkwe persuna.

41.      Issa, bħall-Kummissjoni u l-gvernijiet ikkonċernati, jiena tal-fehma li, sabiex ikun jista’ jiġi fondat legalment il-marketing imsemmi,  dan il-kunsens għandu jinkludi l-identità tal-kontrollur għall-ipproċessar għal marketing dirett (25). Sakemm dan ma jkunx il-każ, l-ipproċessar għal marketing dirett ma jistax jibda mingħajr kunsens ġdid informat kif xieraq dwar l-identità tal-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar għal marketing.

42.      Fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni tirriżulta mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli, mill-kuntest tagħhom u mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (26).

43.      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 jimplika kunsens minn qabel li, fl-istadju tal-marketing dirett, jiġi analizzat fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Artikolu 14 tal-GDPR jekk id-data tkun inġabret indirettament, li jimplika, skont it-termini tal-paragrafu 1(a) tiegħu, l-għarfien tal-identità tal-kontrollur ta’ dan il-marketing (27). L-Artikolu 14(3)(b) tal-GDPR jipprevedi, barra minn hekk, li jekk id-data personali tkun se tintuża għal komunikazzjoni mas-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jipprovdi l-imsemmija informazzjoni, fost oħrajn l-identità tal-kontrollur, sa mhux iktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni lil dak is-suġġett tad-data.

44.      Fit-tieni lok, il-kuntest li fih jidħlu dawn id-dispożizzjonijiet jikkonferma din l-interpretazzjoni.

45.      L-ewwel nett, fil-fatt, mill-premessa 42 tal-GDPR jirriżulta li, “[b]iex il-kunsens ikun wieħed informat, is-suġġett tad-data għandu jkun konxju mill-inqas tal-identità tal-kontrollur u l-finijiet tal-ipproċessar li għalihom tkun intenzjonata d-data personali”.

46.      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, f’ċerti ktajjen ta’ pproċessar speċifiċi, li r-repetizzjoni tal-kunsens ma kinitx neċessarja. Dan huwa l-każ b’mod partikolari meta l-iskop tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar suċċessivi jkun l-istess (28). Madankollu, din is-soluzzjoni partikolari tal-ġurisprudenza hija limitata għall-kunsens previst fil-kuntest tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb tfakkar li, kif tipprovdi l-premessa 39 ta’ din id-direttiva, jekk il-parti li tkun ġabret din id-data mingħand l-abbonat jew kwalunkwe parti terza li lilha tkun ġiet trażmessa tixtieq tużaha għal finijiet differenti mill-pubblikazzjoni ta’ direttorju pubbliku, l-imsemmija parti jew l-imsemmi terz jkollhom jiksbu mill-ġdid il-kunsens tal-abbonat (29).

47.      Għalhekk inqis li Groupe Canal + ma tistax tinvoka b’mod utli din il-ġurisprudenza, li ma tistax tiġi applikata għall-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, tali ġurisprudenza hija ta’ natura li ssostni l-interpretazzjoni li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, kunsens ġdid huwa neċessarju sabiex ikun ibbażat legalment l-ipproċessar ta’ marketing dirett, peress li d-data personali tintuża għal finijiet differenti minn dawk li għalihom tkun inġabret.

48.      It-tieni nett, il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ dak li huwa ġust tal-ipproċessar ta’ data, previsti fl-Artikolu 5(1)(a) tal-GDPR, moqrija fid-dawl tal-premessi 60 u 61 ta’ dan ir-regolament (30), jiġġustifikaw, fil-fehma tiegħi, li s-suġġetti tad-data jinżammu informati malajr kemm jista’ jkun bil-bidliet li jaffettwaw il-kategorija tar-riċevituri tad-data tagħhom. Tali informazzjoni għalhekk tippermetti li jiġi ggarantit lis-suġġett tad-data li ma “jindunax” bi kwalunkwe bidla li tikkonċerna r-riċevituri tad-data personali tiegħu u jippermetti li jingħata perijodu ta’ żmien raġonevoli sabiex ikun jista’ jevalwa n-natura u l-impatt tal-bidla, u jekk ikun il-każ jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont il-GDPR b’rabta mat-tibdil (pereżempju, jirtira l-kunsens tiegħu jew joġġezzjona għall-ipproċessar) (31).

49.      Inżid li r-rabta ta’ rinunzja li tippermetti l-irtirar tal-kunsens fl-ewwel komunikazzjoni, li għaliha għamlet riferiment Groupe Canal + waqt is-seduta, taqa’ fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet u tibqa’ neċessarja għal dan l-għan, b’mod partikolari skont l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2002/58, iżda ma tirregolarizzax a posteriori l-assenza ta’ kunsens minn qabel dwar l-identità tal-kontrollur ta’ marketing dirett, preċiżament intiż sabiex jirrendi legali dan l-ipproċessar qabel ma jseħħ.

50.      Barra minn hekk, dan l-aġġornament tal-informazzjoni, li jista’ jiċċara l-kunsens tas-suġġetti tad-data, għandu jsir mingħajr talba attiva min-naħa tagħhom ibbażata fuq id-dritt ta’ aċċess tagħhom skont l-Artikolu 15 tal-GDPR. F’dan ir-rigward, l-argument ta’ Groupe Canal + dwar id-differenza bejn, minn naħa, l-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR u, min-naħa l-oħra, ir-rwol funzjonali tad-dritt ta’ aċċess previst mill-Artikolu 15 tal-GDPR (32) ma jidhirlix li jtaffi l-obbligu ta’ informazzjoni minn qabel fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Id-dritt ta’ aċċess iwieġeb għal talba speċifika tas-suġġett tad-data (33), filwaqt li l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikoli 13 u 14 tal-GDPR, li tinvolvi mġiba attiva tal-kontrollur, hija indirizzata lis-suġġetti tad-data kollha u hija iktar ġenerali. Madankollu, indipendentement mill-eżistenza ta’ dritt ta’ aċċess li s-suġġetti tad-data jistgħu jagħżlu li jeżerċitaw jew le, informazzjoni insuffiċjenti pprovduta skont l-Artikoli 13 jew 14 tal-GDPR tagħti lok biss għal kunsens li l-portata tiegħu hija limitata u li ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jippermetti l-ipproċessar tal-imsemmija data personali għal finijiet ta’ marketing dirett mingħajr ma tkun magħrufa l-identità tal-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar.

51.      It-tielet, nirrileva li l-eċċezzjonijiet għall-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni prevista mit-testi, u b’mod partikolari l-identità tal-kontrollur, huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 14(5) tal-GDPR.

52.      Madankollu, dawn l-eċċezzjonijiet ma humiex applikabbli f’dan il-każ.

53.      B’mod partikolari, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 14(5)(a) tal-GDPR li tirrigwarda l-każ fejn is-suġġetti tad-data diġà jkollhom l-informazzjoni inkwistjoni ma hijiex applikabbli, peress li l-identità tal-kontrollur tad-data tkun għadha ma ġietx ikkomunikata.

54.      Bl-istess mod, l-għoti tal-informazzjoni dwar l-identità tal-kontrollur tad-data ma jidhirlix li jeżiġi sforz sproporzjonat fis-sens tal-Artikolu 14(5)(b) tal-GDPR. Fil-fatt, kif issuġġerit minn xi partijiet ikkonċernati, Groupe Canal + jista’ jafda kuntrattwalment lill-FAI bil-kompitu li jiksbu l-kunsens meħtieġ għall-ipproċessar għal marketing dirett, jew billi jispeċifikaw l-identità tar-riċevituri, jew jekk ikunu għadhom ma humiex magħrufa fil-mument tal-ġbir, pereżempju billi jżommu lista aġġornata ta’ kwalunkwe bidla sostanzjali relatata mal-ipproċessar ta’ data personali jew fir-rigward tal-informazzjoni trażmessa qabel (34). Inkella, Groupe Canal + xorta jista’ jikseb il-kunsens qabel ma jwettaq il-marketing dirett fih innifsu, jiġifieri mhux iktar tard mill-ewwel komunikazzjoni lil dik il-persuna, ipoteżi li barra minn hekk hija prevista fl-Artikolu 14(3)(b) tal-GDPR.

55.      Fit-tielet lok, id-dispożizzjonijiet applikabbli għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2002/58, kif stabbiliti fil-premessi 2 u 40 tagħha, intiżi b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu r-rispett sħiħ tad-drittijiet esposti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, għal dan l-għan, sabiex jipproteġu lill-abbonati minn kull ksur tal-privatezza tagħhom permezz ta’ komunikazzjonijiet mhux solleċitati mwettqa għal finijiet ta’ marketing dirett.

56.      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 40 tad-Direttiva 2002/58, il-komunikazzjonijiet għal finijiet ta’ marketing dirett mwettqa permezz ta’ posta elettronika “jistgħu […] jkunu relativament faċli u rħas biex jintbagħtu”, filwaqt li jimponu piż u/jew spiża fuq ir-riċevitur tagħhom u xi drabi problema ta’ volum għan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u t-tagħmir terminali. Għalhekk huwa partikolarment ġustifikat li l-kontrollur ta’ marketing dirett (min jibgħat il-komunikazzjonijiet diretti) ikun meħtieġ li jkun kiseb il-kunsens minn qabel għall-marketing (ir-riċevitur ta’ komunikazzjonijiet diretti) qabel ma jibgħathom.

57.      Fid-dawl tal-intrużjoni fl-isfera privata li jikkostitwixxi l-marketing permezz ta’ messaġġ elettroniku jew permezz ta’ mezzi oħra ta’ komunikazzjoni diretta u individwali (35), inqis li r-rekwiżit ta’ kunsens minn qabel, informat fir-rigward tal-identità tal-kontrollur tal-ipproċessar għall-marketing, huwa iktar u iktar neċessarju għal tali marketing, taħt piena li jiġi ppreġudikat l-effett utli tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 u li jiġi permess li din il-kundizzjoni ta’ legalità tal-ipproċessar ta’ marketing dirett tiġi evitata.

58.      Barra minn hekk, fid-dawl tal-eżistenza ta’ kwistjonijiet kunsiderevoli marbuta mal-użi sekondarji tad-data personali, b’mod partikolari mis-sensara tad-data (“data brokers”) (36), ma iniex favur interpretazzjoni tat-testi fil-qasam tal-kunsens li tnaqqas il-protezzjoni tad-data personali f’dan ir-rigward.

59.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument ta’ Groupe Canal + dwar “għeja bl-għoti tal-kunsens” (37) ma jikkonvinċinix u, barra minn hekk, ma jistax jeżenta lill-kontrolluri (kemm il-FAI waqt it-trasferiment tad-data kif ukoll lil Groupe Canal + matul l-ewwel marketing dirett) mill-obbligi tagħhom f’termini tal-kunsens minn qabel u informat.

60.      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostni Groupe Canal +, inqis li, peress li l-kunsens mogħti mis-suġġetti tad-data waqt il-ġbir inizjali ma jirrigwardax l-identità tal-kontrollur ta’ marketing dirett, dan għandu portata limitata li ma tippermettix lil Groupe Canal + twettaq marketing mingħajr ma jikseb kunsens ġdid, u dan sa mhux iktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni lis-suġġetti tad-data.

61.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-l-Artikolu 4(11) tal-GDPR, moqri flimkien mal-Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunsens tas-suġġett tad-data, mogħti lil persuna li tiġbor għall-ewwel darba, sabiex id-data tiegħu tintuża minn kategorija ta’ riċevituri, indikati bħala l-“imsieħba” tal-persuna li tiġbor id-data għall-ewwel darba, iżda li l-identità tiegħu ma kinitx magħrufa mis-suġġett tad-data fil-mument li fih huwa ta l-kunsens tiegħu għall-ġbir inizjali, ma jistax jitqies bħala kunsens informat li jippermetti lil kull persuna li tappartjeni għal din il-kategorija ta’ riċevituri twettaq operazzjonijiet ta’ marketing b’mezzi elettroniċi mingħajr ma jkollha bżonn titlob kunsens ġdid mis-suġġetti tad-data qabel ma tipproċedi magħhom b’tali operazzjonijiet ta’ marketing kummerċjali.

62.      Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari. Huwa għalhekk b’mod sussidjarju li ser nikkunsidraha iktar ’il quddiem.

 Fuq it-tieni domanda

63.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix il-proposta tiegħi tar-risposta għall-ewwel domanda, jidhirli li huma possibbli żewġ approċċi sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda, dwar il-grad ta’ preċiżjoni tal-kunċett ta’ “kategorija” ta’ riċevituri u r-rabta tiegħu man-natura suffiċjentement informata tal-kunsens.

64.      L-ewwel approċċ jikkonsisti fil-kunsiderazzjoni li ma hemmx rabta bejn, minn naħa, in-natura suffiċjentement informata tal-kunsens u, min-naħa l-oħra, il-grad ta’ preċiżjoni tal-kunċett ta’ “kategorija” ta’ riċevituri. F’dan il-każ, l-identità tal-kontrollur ta’ marketing dirett ma tidhirx li hija kundizzjoni tal-validità tal-kunsens li jkun is-suġġett ta’ dan l-ipproċessar ta’ marketing dirett. Għaldaqstant, il-kunsens mogħti mis-suġġett tad-data lill-persuna li tiġbor id-data għall-ewwel darba, sabiex id-data tiegħu tintuża minn kategorija ta’ riċevituri għall-marketing kummerċjali b’mod elettroniku, jista’ jitqies bħala kunsens suffiċjentement informat irrispettivament mil-livell ta’ preċiżjoni tal-kunċett ta’ “kategorija” ta’ riċevituri. Għalhekk, jista’ jitqies li l-identità tal-kontrollur tal-marketing dirett għandha tkun magħrufa biss għall-eżerċizzju ta’ drittijiet bħad-dritt ta’ aċċess għal, rettifika jew tħassir ta’ data personali jew id-dritt ta’ oġġezzjoni għall-ipproċessar. Il-kunsens jitqies għalhekk bħala suffiċjentement informat, irrispettivament minn jekk il-kategorija ta’ riċevituri stabbilita tkunx preċiża jew le. F’dan il-każ, jista’ għalhekk jitwettaq marketing minn Groupe Canal + mingħajr ma jkun meħtieġ kunsens ġdid, irrispettivament mill-preċiżjoni tal-kategorija ta’ riċevituri indikata waqt il-ġbir inizjali.

65.      It-tieni approċċ, li nippreferih, jista’ jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li teżisti rabta bejn, minn naħa, in-natura suffiċjentement informata tal-kunsens u, min-naħa l-oħra, il-grad ta’ preċiżjoni tal-kunċett ta’ “kategorija” ta’ riċevituri. F’dan il-każ, anki fl-assenza ta’ informazzjoni dwar l-identità konkreta tal-kontrollur tad-data ta’ marketing dirett, il-possibbiltà tal-identifikazzjoni tiegħu xorta tkun neċessarja sabiex tippermetti l-marketing dirett mingħajr ma jinkiseb kunsens ġdid. Il-grad ta’ preċiżjoni tal-kunċett ta’ “kategorija ta’ riċevituri” jista’ għalhekk ikun ta’ importanza.

66.      F’dan il-każ, il-“kategorija” ta’ riċevituri għandha tiġi speċifikata mill-persuna li tiġbor id-data għall-ewwel darba b’tali mod li, fid-dawl tal-kuntest u ċ-ċirkustanzi fil-mument tal-ġbir tad-data tiegħu, is-suġġett tad-data jkun jista’ raġonevolment jistenna li d-data personali tiegħu tintuża għal finijiet ta’ marketing dirett mill-persuna li tikkuntattjah. Fi kliem ieħor, is-suġġett tad-data ma għandux ikun sorpriż bil-marketing dirett li joriġina minn Groupe Canal + u għandu jkun jaf li jkun ta l-kunsens tiegħu meta nġabret id-data personali tiegħu mill-FAI tiegħu, filwaqt li jitqiesu, pereżempju, il-preċiżjoni tal-kategorija ta’ riċevituri msemmija jew il-kuntest tal-ġbir tad-data u l-attività tal-persuna li tiġbor id-data għall-ewwel darba (hawnhekk il-FAI) (38).

67.      Issa, f’dan il-każ, il-kunċett ta’ “imsieħba” tal-FAI jibqa’, taħt il-“kategorija” ta’ riċevituri, kunċett vag ħafna fil-kuntest tal-ġbir ta’ data personali mill-FAI. Kuntrarjament ta’ dak li jsostni Groupe Canal +, inqis li l-użu tat-terminu “imsieħeb”, saħansitra moqri fid-dawl tal-iskop tal-marketing kummerċjali b’mezzi elettroniċi, ma huwiex biżżejjed sabiex jinforma lis-suġġett tad-data sabiex ikun jista’ jitqies li ta l-kunsens tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti li wassli sabiex tiġi kkuntattjata minn Groupe Canal +. Anki jekk l-abbonati tal-FAI jista’ jkollhom idea ta’ dak li Groupe Canal + issejjaħlu l-“ekosistema kummerċjali” tal-fornitur tagħhom, dan ma jidhirx li jiċċara l-kunċett ta’ “msieħeb”, u lanqas ma jidentifika x’jista’ jfisser li jkun “imsieħeb” tal-imsemmi fornitur f’termini tal-oġġetti jew is-servizzi kkonċernati (39). L-unika indikazzjoni hija li hija entità li għandha relazzjoni kuntrattwali u kummerċjali mal-FAI, li hija kategorija, ċertament mhux infinita, iżda madankollu mhux definita. Fil-fatt, ipotetikament, it-trasferiment ta’ data mill-FAI lir-riċevitur ħafna drabi jimplika tali relazzjoni.

68.      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, dan il-kunċett ta’ “msieħeb” jidhirli li ma huwiex iddefinit sal-punt li, billi jagħti l-kunsens tiegħu fl-istadju tal-ġbir, l-abbonat tal-FAI għandu, għall-kuntrarju, jistenna li jiġi informat b’mod iktar preċiż dwar l-identità ta’ dan is-sieħeb meta jasal il-mument, jiġifieri waqt it-trasferiment tad-data tiegħu lil dan is-sieħeb u, l-iktar tard, qabel il-marketing dirett. Ninnota barra minn hekk li, skont il-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29”, meta jiġu kkomunikati biss “kategoriji ta’ riċevituri”, l-informazzjoni għandha tkun l-iktar speċifika possibbli u tindika pereżempju t-tip ta’ riċevitur skont l-attivitajiet li jwettaq, l-industrija, is-settur u s-sottosettur kif ukoll il-post tar-riċevituri inkwistjoni (40).

69.      Minn dan jirriżulta, fl-opinjoni tiegħi, li jekk jiġi aċċettat li l-kunsens mogħti fil-preżenza ta’ “kategorija ta’ riċevituri” jista’ legalment jiġġustifika marketing dirett minn wieħed minn dawn ir-riċevituri mingħajr ma jiġi identifikat, l-identifikazzjoni tiegħu fi żmien xieraq bħala r-riċevitur tal-FAI li ġabar id-data għall-ewwel darba għandha xorta waħda tkun raġonevolment possibbli (41). Għalhekk, iktar ma jkun kbir in-nuqqas ta’ preċiżjoni dwar dawn il-kategoriji ta’ riċevituri fl-istadju inizjali tal-ġbir, inqas ikun probabbli li dan jagħti lok għal kunsens li jista’ jiġġustifika l-użu tad-data personali miġbura għall-finijiet ta’ pproċessar għal marketing dirett minn kontrollur ieħor.

70.      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, inqis li l-kunċett ta’ “msieħeb” tal-FAI li ġabru d-data għall-ewwel darba ma jistax jagħti lok għall-“katina ta’ kunsensi” invokata minn Groupe Canal +. Fil-kuntest ta’ dan it-tieni approċċ, il-ġbir ta’ kunsens ġdid li jippermetti li jiġi identifikat ir-riċevitur tad-data għalhekk jibqa’ meħtieġ qabel l-użu tad-data personali inkwistjoni għal skopijiet ta’ marketing kummerċjali.

 Konklużjoni

71.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, tiddikjara li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) u, min-naħa l-oħra, li tingħata risposta għall-ewwel domanda kif ġej:

Il-punt 14 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE, moqri flimkien mal-Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunsens tas-suġġett tad-data, mogħti lil persuna li tiġbor għall-ewwel darba, sabiex id-data tiegħu tintuża minn kategorija ta’ riċevituri, indikati bħala l-“imsieħba” tal-persuna li tiġbor id-data għall-ewwel darba, iżda li l-identità tiegħu ma kinitx magħrufa mis-suġġett tad-data fil-mument li fih huwa ta l-kunsens tiegħu għall-ġbir inizjali, ma jistax jitqies bħala kunsens informat li jippermetti lil kull persuna li tappartjeni għal din il-kategorija ta’ riċevituri twettaq operazzjonijiet ta’ marketing b’mezzi elettroniċi mingħajr ma jkollha bżonn titlob kunsens ġdid mis-suġġetti tad-data qabel ma tipproċedi magħhom b’tali operazzjonijiet ta’ marketing kummerċjali.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Disponibbli fuq: https://www.legifrance.gouv.fr/cnil/id/CNILTEXT000048222771.


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514). Il-proposta għal Regolament dwar il-Privatezza Elettronika twarrbet (ara l-Annessi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2025. Nimxu ’l quddiem flimkien: Unjoni aktar kuraġġuża, sempliċi u rapida (COM(2025) 45 final)), p. 26, Nru 29).


4      Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). Din id-direttiva ġiet issostitwita bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”), li l-Artikolu 94 tiegħu, intitolat “Tħassir tad-Direttiva 95/46/KE”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li r-riferimenti għad-direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-regolament.


5      Kif emendat mill-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 2020-901 tal‑24 ta’ Lulju 2020 (JORF tal‑25 ta’ Lulju 2020, Nru 181).


6      JORF tas‑7 ta’ Jannar 1978, Nru 6 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 78-17”).


7      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2025, Inteligo Media (C‑654/23, EU:C:2025:871, punti 66 sa 68). Ara wkoll il-Kontrullur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), Opinjoni 5/2019, tat‑12 ta’ Marzu 2019, dwar l-interazzjonijiet bejn id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika u l-GDPR, b’mod partikolari rigward il-kompetenza, il-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, p. 12 et seq., disponibbli fuq: https://www.edpb.europa.eu/system/files/documents/files/file1/201905_edpb_opinion_eprivacydir_gdpr_interplay_fr.pdf.


8      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, StWL Städtische Werke Lauf a.d. Pegnitz (C‑102/20, EU:C:2021:954, punt 37). Fir-rigward tad-definizzjoni “vasta u volontarjament newtrali mil-lat teknoloġiku” tal-kunċett ta’ “posta elettronika”, ara l-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29”, Opinjoni 5/2004, tas‑27 ta’ Frar 2004, dwar il-komunikazzjonijiet ta’ marketing dirett mhux solleċitati skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/58/KE, WP 90, punt 3.1, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/justice/article-29/documentation/opinion-recommendation/files/2004/wp90_fr.pdf.


9      Id-deroga mir-regola tal-kunsens minn qabel hija dovuta għall-fatt li, fil-kuntest ta’ relazzjoni bejn klijent u fornitur eżistenti, huwa raġonevoli li l-impriża li, f’konformità mal-GDPR, tkun kisbet id-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi tal-klijenti tagħha, tiġi awtorizzata tuża dawn id-dettalji ta’ kuntatt, iżda esklużivament din l-impriża, u biss sabiex toffri lill-klijenti prodotti jew servizzi simili (ara l-premessa 41 tad-Direttiva 2002/58). Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali, peress li l-operazzjonijiet ta’ marketing dirett ma joriġinawx mill-FAI li ġabru d-data għall-ewwel darba bl-għan li joffru prodotti jew servizzi simili. L-eċċezzjoni għall-kunsens, prevista fl-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva, għalhekk ma hijiex applikabbli.


10      Din il-premessa tindika li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-kunsens ta’ utent jew ta’ abbonat, kemm jekk dan tal-aħħar ikun persuna fiżika jew ġuridika, għandu jkollu l-istess tifsira bħall-kunsens tas-suġġett tad-data kif iddefinit u ppreċiżat iktar mid-Direttiva 95/46.


11      Din id-dispożizzjoni tal-GDPR setgħet għalhekk titqies bħala iktar eżiġenti minn dik li kienet tirriżulta mid-Direttiva 95/46, li l-Artikolu 2(h) tagħha kien jiddefinixxi t-terminu “kunsens tas-suġġett tad-data” bħala li jirreferi għal “indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru” (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Planet49 (C‑673/17, EU:C:2019:801, punt 61). Ara wkoll il-KEPD, Linji Gwida 5/2020, tal‑4 ta’ Mejju 2020, dwar il-kunsens skont ir-Regolament (UE) 2016/679, verżjoni 1.1, punt 1, disponibbli fuq: https://www.edpb.europa.eu/documents/guideline/guidelines-052020-on-consent-under-regulation-2016679_fr.


12      Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2024, Meta Platforms Ireland (Azzjoni rappreżentattiva) (C‑757/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza Meta Platforms Ireland”, EU:C:2024:598, punt 60), u, b’analogija, tal‑4 ta’ Settembru 2025, KEPD vs SRB (Kunċett ta’ data personali) (C‑413/23 P, EU:C:2025:645, punt 106).


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 2020, Orange Romania (C‑61/19, EU:C:2020:901, punt 40), u Meta Platforms Ireland (punti 55, 56, 59 u 60). Fuq ir-rabta stretta bejn il-protezzjoni tad-data u t-trasparenza, enfasizzata mill-Artikolu 12 tal-GDPR, ara Bygrave, L. A., u Tosoni, L., “Article 4(11). Consent”, f’Kuner, C., Bygrave, L. A., Docksey, C., u Drechsler, L., edituri, The EU General Data Protection Regulation (GDPR). A Commentary, Oxford University Press, Oxford, 2020, p. 184. Ara wkoll Tambou, O., Manuel de droit européen de la protection des données à caractère personnel, Bruylant, Brussell, 2020, p. 129, Nru 141 et seq., u b’mod partikolari p. 134, Nru 144, u Dix, A., “Art. 12. Transparent information, communication and modalities for the exercise of the rights of the data subject”, f’General Data Protection Regulation. Article-by-Article Commentary, Nomos, Baden-Baden, 2023, p. 434 sa 447.


14      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Bara et (C‑201/14, EU:C:2015:461, punt 74) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Medina fil-kawża Storstockholms Lokaltrafik (C‑422/24, EU:C:2025:623, punt 1).


15      Ara s-sentenza Meta Platforms Ireland (punt 58).


16      Ara s-sentenza Meta Platforms Ireland (punt 59).


17      Dan huwa ddefinit bħala tali mill-Artikolu 4(7) tal-GDPR. Ara wkoll, fir-rigward tar-responsabbiltà konġunta, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2019:629, punt 106).


18      F’dan l-istadju, l-identifikazzjoni tad-destinatarju mhux dejjem tkun possibbli u l-kunċett ta’ “kategorija ta’ riċevituri” jippermetti li jinkiseb kunsens iktar komprensiv.


19      Il-kwistjoni tas-sottokuntratturi ta’ Groupe Canal + li jwettqu dan l-istħarriġ kummerċjali f’ismu ma hijiex ikkonċernata hawnhekk.


20      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Storstockholms Lokaltrafik (C‑422/24, iktar ’il quddiem is-“sentenza Storstockholms Lokaltrafik”, EU:C:2025:980, punt 39). Ara wkoll, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14 tal-GDPR, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, Másdi (C‑169/23, EU:C:2024:988, punt 55).


21      Ara s-sentenza Storstockholms Lokaltrafik (punt 39).


22      Ara l-Artikolu 14(3)(a) tal-GDPR. Ara, ukoll, il-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29”, Linji Gwida dwar it-Trasparenza skont ir-Regolament (UE) 2016/679, il‑11 ta’ April 2018, WP 260, rev. 01, punt 28 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar it-Trasparenza”), disponibbli fuq: https://www.edpb.europa.eu/documents/guideline/article-29-working-party-guidelines-on-transparency-under-regulation-2016679_fr.


23      Ara l-Artikolu 14(3)(b) tal-GDPR.


24      Ara, dwar il-kunċett tal-“marketing dirett”, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, StWL Städtische Werke Lauf a.d. Pegnitz (C‑102/20, EU:C:2021:954, punt 47). Ara wkoll, dwar in-natura wiesgħa tal-kunċett ta’ “marketing dirett”, il-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29”, Opinjoni 5/2004, tas‑27 ta’ Frar 2004, dwar il-komunikazzjonijiet ta’ marketing dirett mhux solleċitati skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/58/KE, WP 90, punt 3.3.


25      Ara l-KEPD, Linji Gwida 5/2020, tal‑4 ta’ Mejju 2020, dwar il-kunsens skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679, verżjoni 1.1, punt 65, li skonthom “f’każ fejn bosta kontrolluri (konġunti) jkunu se joqgħodu fuq il-kunsens mitlub jew jekk id-data tkun se tiġi ttrasferita lil jew ipproċessata minn kontrolluri oħra li jixtiequ joqgħodu fuq il-kunsens oriġinali, jenħtieġ li dawn l-organizzazzjonijiet jissemmew kollha”.


26      Ara, fir-rigward ta’ dan il-metodu ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, is-sentenza Storstockholms Lokaltrafik (punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara, f’dan ir-rigward, dak li tfakkar fil-punti 31 sa 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom (C‑543/09, EU:C:2011:279, punti 64 sa 66), u tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Proximus (Direttorju pubbliku elettroniku) (C‑129/21, EU:C:2022:833, punti 48 sa 50).


29      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Proximus (Direttorju pubbliku elettroniku) (C‑129/21, EU:C:2022:833, punt 50).


30      Il-premessa 60 tal-GDPR tipprevedi b’mod partikolari li l-prinċipji ta’ pproċessar ġust u trasparenti “jeħtieġu li s-suġġett tad-data jkun informat bl-eżistenza tal-attività tal-ipproċessar u l-għanijiet tagħha Il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data bi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi u l-kuntest li fih tiġi pproċessata d-data personali. […]”. Il-premessa 61 ta’ dan ir-regolament tippreċiża b’mod partikolari li “[l]-informazzjoni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali relatata mas-suġġett tad-data għandha tingħatalu meta tinġabar mis-suġġett tad-data, jew, fejn id-data personali tinkiseb minn sors ieħor, f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ. Fejn id-data personali tista’ tkun żvelata b’mod leġittimu lil riċevitur ieħor, is-suġġett tad-data għandu jkun informat meta d-data personali tkun żvelata għall-ewwel darba lir-riċevitur. Fejn il-kontrollur jkollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali għal fini differenti minn dak li għalih tkun inġabret, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b’informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u informazzjoni meħtieġa oħra” (korsiv miżjud minni).


31      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Bara et (C‑201/14, EU:C:2015:638, punt 34), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li r-rekwiżit ta’ pproċessar leali tad-data personali jobbliga, pereżempju, lil amministrazzjoni pubblika tinforma lis-suġġetti tad-data bit-trażmissjoni ta’ din id-data lil amministrazzjoni pubblika oħra “bil-għan tal-ipproċessar tagħha minn din tal-aħħar fil-kapaċità tagħha bħala destinatarja tal-imsemmija data” (korsiv miżjud minni). Ara wkoll il-punt 30 tal-Linji Gwida dwar it-Trasparenza.


32      L-Artikolu 15 tal-GDPR għandu “rwol funzjonali” u jippermetti lis-suġġett tad-data jeżerċita prerogattivi oħra previsti mill-GDPR (ara l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Österreichische Post (Informazzjoni dwar id-destinatarji tad- data personali) (C‑154/21, EU:C:2022:452, punt 33); ara, ukoll f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Jannar 2023, Österreichische Post (Informazzjoni dwar ir-riċevituri tad-data personali) (C‑154/21, EU:C:2023:3, punti 38 u 39), kif ukoll tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Pankki S (C‑579/21, EU:C:2023:501, punt 58)).


33      Xi awturi rreferew għalhekk għat-trasparenza “passiva” għall-kontrollur tad-data fil-kuntest tal-Artikolu 15 tal-GDPR, sa fejn it-talba taqa’ fuq is-suġġett tad-data (ara Zanfir-Fortuna, G., “Article 15. Right of access by the data subject”, f’Kuner, C., Bygrave, L. A., Docksey, C., u Drechsler, L., edituri, The EU General Data Protection Regulation (GDPR). A Commentary, Oxford University Press, Oxford, 2020, p. 449 sa 467). Id-dritt għall-informazzjoni jinsab “fil-qofol tas-sistema ta’ protezzjoni” peress li s-suġġett tad-data ma jistax jeżerċita d-drittijiet tiegħu (u b’mod partikolari d-dritt ta’ aċċess tal-Artikolu 15 tal-GDPR) meta ma jkunx jaf jekk huwiex is-suġġett ta’ pproċessar jew le (ara Castets-Renard, C., “Titre 1 – Protection des données personnelles”, fi Droit du marché unique numérique et intelligence artificielle, Bruylant, Brussell,, 2020, l-ewwel edizzjoni, p. 221 sa 300, b’mod partikolari p. 270, Nru 341).


34      Id-Deċiżjoni taċ-CNIL issemmi wkoll din il-possibbiltà fil-punt 27 tagħha, fejn hija ssemmi lista eżawrjenti u aġġornata “miżmuma għad-dispożizzjoni tal-persuni fil-mument tal-ġbir tal-kunsens tagħhom, pereżempju direttament fuq il-mezz ta’ ġbir jew, jekk dan ikun twil wisq, permezz ta’ link ipertestwali għall-imsemmija lista u l-politiki ta’ kunfidenzjalità tal-fornituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


35      Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża StWL Städtische Werke Lauf a.d. Pegnitz (C‑102/20, EU:C:2021:518, punt 57).


36      Ara, b’mod partikolari, Ruschemeier, H., “Data Brokers and European Digital Legislation”, EDPL, Vol. 9, Nru 1, 2023, p. 27 sa 38.


37      Din hija l-għeja tal-utent li, minħabba wisq talbiet, jispiċċa jagħti l-kunsens tiegħu b’mod mekkaniku mingħajr riflessjoni, jew għall-kuntrarju joqgħod lura milli juża s-sit iktar. Ara, f’dan ir-rigward b’mod partikolari, l-inizjattiva tal-Kummissjoni ta’ “impenn kontra l-cookies” (“cookies pledge”) dwar, fost l-oħrajn, it-tnaqqis tal-ħtieġa li l-konsumaturi jaċċettaw jew jirrifjutaw b’mod kostanti l-cookies u trackers oħra, disponibbli fuq: https://commission.europa.eu/topics/consumers/consumer-rights-and-complaints/enforcement-consumer-protection/cookie-pledge_en.


38      Jiena ispirat hawnhekk mill-punt 49 tar-rapport ta’ spjegazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protokoll ta’ emenda għall-Konvenzjoni għall-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, tal‑10 ta’ Ottubru 2018, magħrufa bħala l-“Konvenzjoni 108 +”, tat‑18 ta’ Mejju 2018, dwar il-fatt li sabiex jiġi stabbilit jekk l-iskopijiet ta’ pproċessar ulterjuri humiex kompatibbli ma’ dawk li għalihom inġabret id-data personali oriġinarjament, il-kontrollur, “wara li jkun ikkonforma mar-rekwiżiti kollha relatati mal-legalità tal-ipproċessar inizjali, għandu jqis, fost l-oħrajn, kwalunkwe rabta bejn dawn l-iskopijiet u l-iskopijiet tal-ipproċessar ulterjuri maħsub; il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b’mod partikolari l-aspettattivi raġonevoli tas-suġġetti tad-data, skont ir-relazzjoni tagħhom mal-kontrollur, fir-rigward tal-użu ulterjuri tad-data msemmija; in-natura tad-data personali; il-konsegwenzi għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub; u l-eżistenza ta’ garanziji xierqa kemm fil-kuntest tal-ipproċessar inizjali kif ukoll dak tal-ipproċessar sussegwenti ppjanat” (korsiv miżjud minni) [traduzzjoni mhux uffiċjali] (disponibbli fuq: https://rm.coe.int/16808ac91b).


39      L-ilmenti li wasslu għall-kawża prinċipali huma l-prova ta’ dan.


40      Ara, f’dan ir-rigward, il-Linji Gwida dwar it-Trasparenza, b’mod partikolari t-tabella fl-Anness.


41      It-tqabbil imwettaq minn Groupe Canal + bejn l-utent tal-internet u l-konsumatur medju Ewropew li huwa raġonevolment attent u informat jista’ jkun rilevanti (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Planet49 (C‑673/17, EU:C:2019:246, punt 113); ara wkoll, dwar l-interazzjonijiet bejn il-protezzjoni tad-data personali u d-dritt tal-konsumatur, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Meta Platforms Ireland (C‑319/20, EU:C:2021:979, punti 80 u 81), li tenfasizza l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-kummerċjant.