European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/998

27.3.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/998

tal-1 ta’ Marzu 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan it-13-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Marrakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) kien konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

(2)

Skont l-Artikoli IV:1 u IX:1 tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) għandha tadotta deċiżjonijiet b’kunsens.

(3)

It-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC13), li ser issir mis-26 ta’ Frar sal-1 ta’ Marzu 2024, tista’ tadotta deċiżjonijiet dwar il-kummerċ elettroniku, trattament speċjali u differenzjali, u l-gradwazzjoni ta’ pajjiżi minn status ta’ pajjiż l-anqas żviluppat.

(4)

Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan l- MC13 sa fejn kwalunkwe deċiżjoni adottata jista’ jkollha effetti legali.

(5)

In-negozjati dwar id-dispożizzjonijiet għal trattament speċjali u differenzjali (SDT) evolvew, inkluż fil-kuntest tad-diskussjonijiet ta’ xi proposti mill-G90 (il-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku) dwar miżuri sanitarji u fitosanitarji u l-ostakli tekniċi għall-kummerċ u l-proposti mill-Grupp Afrikan dwar il-politika ta’ spazju għall-iżvilupp industrijali f’oqsma bħas-sussidji, il-miżuri ta’ investiment relatati mal-kummerċ u t-trasferiment tat-teknoloġija fl-aspetti relatati mal-kummerċ tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b’mod partikolari billi qed jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet eżistenti għal-LDCs u ċerti pajjiżi li qed jiżviluppaw. Minħabba l-importanza tal-kwistjoni, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-eżiti maqbula.

(6)

Għaddejjin negozjati dwar proposti mill-Grupp tal-LDC dwar il-miżuri ta’ appoġġ li ġejjin għal tranżizzjoni b’inqas intoppi għall-Membri tad-WTO li jiggradwaw mill-kategorija LDC: (a) l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet SDT f’għadd ta’ ftehimiet u deċiżjonijiet speċifiċi tad-WTO għal perjodu ta’ żmien xieraq; (b) l-eżenzjoni ta’ dawk il-ftehimiet u d-deċiżjonijiet speċifikati minn azzjonijiet skont il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO għal perjodu ta’ żmien xieraq; u (c) ikun żgurat li jkompli l-aċċess għall-assistenza teknika kollha speċifika għal-LDC u għall-programmi u l-faċilitajiet għall-bini tal-kapaċità pprovduti fis-sistema tad-WTO għal perjodu ta’ żmien xieraq. Fid-dawl tal-proposta għal deċiżjoni ministerjali dwar il-kwistjoni, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-eżitu maqbul.

(7)

In-negozjati dwar il-Programm ta’ Ħidma dwar il-Kummerċ Elettroniku u l-estensjoni tal-moratorju fuq id-dazji doganali għat-trażmissjonijiet elettroniċi evolvew, u jistgħu jirriżultaw fiż-żamma tal-prattika attwali li ma jiġux imposti dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi sal-14-il Konferenza ministerjali tad-WTO, jew sal-31 ta’ Marzu 2026, skont liema tiġi l-ewwel. Il-moratorju u l-Programm ta’ Ħidma ser jiskadu f’dik id-data. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-eżitu maqbul,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-13-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ministerjali tad-WTO dwar:

—

trattament speċjali u differenzjali (WT/MIN(24)/W/23);

—

il-gradwazzjoni tal-pajjiżi minn status ta’ pajjiż l-inqas żviluppat (WT/MIN(24)/W/14/Rev1); u

—

kummerċ elettroniku (WT/MIN(24)/W/26).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/998/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)