European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/789

16.7.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/789

tat-8 ta’ April 2026

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iżvelar ta’ informazzjoni privileġġata fi proċessi mtawla u ttardjar fl-iżvelar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(12) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-lista mhux eżawrjenti ta’ avvenimenti finali jew ċirkostanzi finali fi proċessi mtawla msemmija fl-Artikolu 17(12), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jenħtieġ li tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-mument meta jkun meħtieġ l-iżvelar ta’ informazzjoni privileġġata skont l-Artikolu 17(1) ta’ dak ir-Regolament. Minn dan isegwi li jenħtieġ li tali lista tkun estensiva kemm jista’ jkun, billi tinkludi l-proċessi mtawla li huma l-aktar komuni għall-emittenti. Proċess imtawwal jinvolvi sensiela ta’ azzjonijiet, passi, jew deċiżjonijiet mifruxa fiż-żmien li jeħtieġ li jitwettqu, tal-anqas parzjalment, minn emittent, biex jinkiseb objettiv jew riżultat maħsub.

(2)

Sabiex jiġu akkomodati l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri, inkluż fir-rigward tad-dritt tal-kumpaniji, il-liġi tal-insolvenza u r-regoli li jirregolaw il-proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi, jenħtieġ li l-lista mhux eżawrjenti ta’ avvenimenti finali jew ċirkostanzi finali fi proċessi mtawla titfassal b’mod ġeneriku. Jenħtieġ li l-parteċipanti fis-suq u l-awtoritajiet kompetenti jużaw dik il-lista fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali rilevanti kollha.

(3)

Jenħtieġ li l-lista mhux eżawrjenti ta’ avvenimenti finali jew ċirkostanzi finali fi proċessi mtawla tapplika mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk, fiċ-ċirkostanzi ta’ każ speċifiku, proċess imtawwal jagħtix lok għal informazzjoni privileġġata. Minn dan isegwi li meta, f’każ speċifiku, l-informazzjoni relatata ma’ avveniment finali jew ċirkostanzi finali fi proċess imtawwal inkluż fil-lista mhux eżawrjenti ma tikkwalifikax bħala informazzjoni privileġġata skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, jenħtieġ li emittent ma jkunx taħt l-obbligu li jiżvela dik l-informazzjoni skont l-Artikolu 17(1) ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Il-liġi nazzjonali, jew il-liġijiet sekondarji, jew l-istatut ta’ emittent jistgħu jeħtieġu li l-bord superviżorju japprova deċiżjoni. Sabiex jitqiesu l-emittenti bi struttura ta’ bord fuq żewġ binarji, jenħtieġ li dak il-bord superviżorju jissodisfa r-rwol ta’ korp governattiv ta’ emittent għall-konformità mal-mument rilevanti ta’ żvelar stabbilit fil-lista mhux eżawrjenti ta’ avvenimenti finali jew ċirkostanzi finali fi proċessi mtawla. Sabiex jiġi żgurat żvelar f’waqtu meta l-bord superviżorju ta’ emittent għandu japprova d-deċiżjoni tal-bord maniġerjali, jenħtieġ li l-proċess intern tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ dak l-emittent jipprevedi li d-deċiżjoni tal-bord superviżorju tittieħed malajr kemm jista’ jkun wara d-deċiżjoni tal-bord maniġerjali.

(5)

Sabiex jitqiesu sitwazzjonijiet fejn, fi proċess imtawwal, il-bord tad-diretturi ta’ emittent ikun iddelega kwalunkwe waħda mis-setgħat jew mill-funzjonijiet tiegħu lil kumitat jew lil direttur eżekuttiv, inkluż Uffiċjal Kap Eżekuttiv, jew fejn kumitat jew direttur eżekuttiv ikun intitolat jaġixxi f’isem emittent, jenħtieġ li dak il-kumitat jew direttur eżekuttiv jissodisfa r-rwol ta’ korp governattiv ta’ emittent għall-konformità mal-mument rilevanti tal-iżvelar stabbilit fil-lista mhux eżawrjenti ta’ avvenimenti finali jew ċirkostanzi finali fi proċessi fit-tul.

(6)

Sabiex jitqiesu d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali tal-kumpaniji madwar l-Unjoni, f’każijiet fejn il-liġi nazzjonali tal-kumpaniji tirrikjedi li deċiżjoni mill-korp governattiv tal-emittent kif imsemmi fil-lista mhux eżawrjenti ta’ avvenimenti finali jew ċirkostanzi finali fi proċessi mtawla tiġi approvata mill-azzjonisti u fejn dik il-lista tirreferi għal deċiżjoni mill-korp governattiv tal-emittent bħala l-mument rilevanti ta’ żvelar, id-deċiżjoni minn dak il-korp governattiv li jissottometti proposta lill-azzjonisti għall-approvazzjoni jenħtieġ li tikkostitwixxi l-mument rilevanti tal-iżvelar.

(7)

Sabiex tissaħħaħ iċ-ċarezza legali għall-emittenti li huma istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-lista mhux eżawrjenti ta’ avvenimenti finali jew ċirkostanzi finali fi proċessi mtawla jenħtieġ li tinkludi proċessi mtawla li huma speċifiċi għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Madankollu, ċerti miżuri ta’ rkupru u ta’ intervent bikri stabbiliti fid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) mhumiex speċifiċi għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu iżda pjuttost jikkorrispondu għal proċessi mtawla li huma komuni għall-emittenti kollha. Minn dan isegwi li, għal dawk il-proċessi komuni mtawla, sabiex jiġi identifikat meta jenħtieġ li jseħħ l-iżvelar tal-informazzjoni privileġġata, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jirreferu għat-taqsima tal-lista mhux eżawrjenti li tkopri l-proċessi mtawla li huma relatati mal-istrateġija tan-negozju ta’ emittent. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-lista mhux eżawrjenti ta’ avvenimenti finali jew ta’ ċirkostanzi finali fi proċessi mtawla tkun tinkludi wkoll proċessi mtawla relatati mal-preparazzjoni ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

(8)

Minħabba n-natura mhux eżawrjenti tal-lista ta’ avvenimenti finali jew ċirkostanzi finali fi proċessi mtawla, jenħtieġ li l-identifikazzjoni ta’ avvenimenti finali jew ċirkostanzi finali fir-rigward ta’ proċessi mtawla mhux inklużi f’dik il-lista tibqa’ soġġetta għal valutazzjoni każ b’każ. Dan ifisser li jenħtieġ li l-emittenti jibqgħu responsabbli għall-identifikazzjoni tal-avveniment finali jew taċ-ċirkostanzi finali u tal-mument rilevanti tal-iżvelar. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-emittenti jkunu jistgħu jiddependu fuq il-lista mhux eżawrjenti, dment li jkun hemm similaritajiet bejn l-avvenimenti finali jew iċ-ċirkostanzi finali fi proċessi mtawla mhux inklużi fil-lista u dawk inklużi fil-lista. Sabiex tintwera l-konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, jenħtieġ li emittent, fuq talba tal-awtorità kompetenti, ikun jista’ jissostanzja r-raġunijiet għall-identifikazzjoni tal-avveniment finali jew taċ-ċirkostanzi finali u l-mument rilevanti tal-iżvelar.

(9)

Jenħtieġ li l-lista mhux eżawrjenti ta’ sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17(12), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tipprovdi ċertezza legali lill-emittenti u lill-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet meta jivvalutaw jekk hemmx kuntrast bejn l-informazzjoni privileġġata li jkunu beħsiebhom jittardjaw milli jiżvelaw u l-aħħar avviż pubbliku tagħhom jew tip ieħor ta’ komunikazzjoni dwar l-istess kwistjoni. B’mod eċċezzjonali, f’każijiet fejn ma jkunx possibbli li tintlaħaq konklużjoni ċara dwar jekk hemmx kuntrast biss abbażi tal-aħħar avviż pubbliku jew tip ieħor ta’ komunikazzjoni, jenħtieġ li emittent jew parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet jikkunsidra wkoll avviżi jew komunikazzjonijiet preċedenti.

(10)

Sabiex tissaħħaħ iċ-ċarezza legali għall-emittenti u għall-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet meta jivvalutaw jekk l-informazzjoni privileġġata hijiex f’kuntrast ma’ avviżi pubbliċi preċedenti jew ma’ tip ieħor ta’ komunikazzjoni, huwa meħtieġ li tiġi pprovduta lista ta’ tipi ta’ komunikazzjoni li l-emittenti u l-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet jenħtieġ li jqisu fil-valutazzjoni tagħhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Żvelar ta’ informazzjoni privileġġata fi proċessi mtawla

Il-lista mhux eżawrjenti ta’ avvenimenti finali jew ċirkostanzi finali fil-proċessi mtawla msemmija fl-Artikolu 17(12), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 hija stabbilita fl-Anness I.

Artikolu 2

Żvelar ittardjat ta’ informazzjoni privileġġata

1.   Il-lista mhux eżawrjenti ta’ sitwazzjonijiet fejn l-informazzjoni privileġġata tkun f’kuntrast mal-aħħar avviż pubbliku jew tip ieħor ta’ komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(12), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 hija stabbilita fl-Anness II.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, it-tipi l-oħra ta’ komunikazzjoni minn emittent jew parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet dwar l-istess kwistjoni li għaliha tirreferi l-informazzjoni privileġġata huma stabbiliti fl-Anness III.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ April 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/596/oj.

(2)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/59/oj).


ANNESS I

Lista mhux eżawrjenti ta’ avvenimenti finali jew ċirkostanzi finali fi proċessi mtawla kif imsemmi fl-Artikolu 17(12), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 596/2014

Nru

Proċess imtawwal

Avvenimenti finali jew ċirkostanzi finali

Mument tal-iżvelar

A

Strateġija tan-negozju

1

Ftehimiet (inkluż l-akkwiżizzjoni jew id-disponiment ta’ assi jew sussidjarji rilevanti)

L-iffirmar tal-ftehim jew ta’ att ekwivalenti ieħor b’effett vinkolanti

Malajr kemm jista’ jkun wara l-iffirmar tal-ftehim jew kwalunkwe att ekwivalenti ieħor b’effett vinkolanti.

2

Fużjonijiet

Approvazzjoni tal-abbozz tat-termini tal-fużjoni

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun approva l-abbozz tat-termini tal-fużjoni kif speċifikat fl-Artikolu 91(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

3

Riorganizzazzjonijiet korporattivi ewlenin

Deċiżjoni dwar riorganizzazzjoni korporattiva

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun ħa d-deċiżjoni finali li jipproċedi b’riorganizzazzjoni korporattiva.

4

Terminazzjoni volontarja ta’ ftehim materjali mill-emittent

Deċiżjoni li jiġi tterminat ftehim materjali

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun ħa d-deċiżjoni li jittermina ftehim materjali.

B

Struttura tal-kapital, dividendi u pagamenti ta’ mgħax

5

Żieda fil-kapital

Deċiżjoni biex jiżdied il-kapital

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun ħa d-deċiżjoni finali li jżid il-kapital.

6

Ħruġ ta’ strumenti ġodda

Deċiżjoni li jinħarġu strumenti ġodda

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun ħa d-deċiżjoni finali li joħroġ strumenti ġodda.

7

Xiri lura ta’ ishma

Deċiżjoni li jitwettaq xiri lura ta’ ishma

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun ħa d-deċiżjoni finali li jwettaq xiri lura ta’ ishma.

8

Konverżjoni tal-istrumenti

Deċiżjoni li jiġu kkonvertiti l-istrumenti

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun ħa d-deċiżjoni finali li jikkonverti l-istrumenti.

9

Dividendi

Deċiżjoni li tiġi proposta distribuzzjoni ta’ dividendi jew bidla fil-politika dwar id-dividendi lill-azzjonisti

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun ħa d-deċiżjoni li jissottometti distribuzzjoni tad-dividendi jew bidla fil-politika tad-dividendi lill-azzjonisti għall-approvazzjoni tagħhom.

10

Posponiment jew kanċellazzjoni ta’ pagamenti ta’ mgħax jew ta’ pagamenti ta’ tifdija

Deċiżjoni li jiġu posposti jew ikkanċellati l-pagamenti ta’ mgħax jew ta’ tifdija

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun ħa d-deċiżjoni li jipposponi jew jikkanċella l-pagamenti tal-imgħax jew tat-tifdija.

C

Informazzjoni finanzjarja

11

Rapporti finanzjarji jew rapporti finanzjarji interim

Rikonoxximent jew approvazzjoni tar-riżultati finanzjarji

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun irrikonoxxa jew approva r-riżultati finanzjarji.

12

Previżjonijiet

Rikonoxximent jew approvazzjoni tal-previżjonijiet

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun irrikonoxxa jew approva l-previżjonijiet.

D

Governanza korporattiva

13

Ħatra jew tneħħija ta’ membri ta’ korp governattiv ta’ emittent jew ta’ maniġers li għandhom rwol ewlieni

Deċiżjoni dwar il-ħatra jew it-tneħħija

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun ħa d-deċiżjoni li jaħtar jew ineħħi membru tal-korp governattiv tal-emittent jew maniġer li jkollu rwol ewlieni.

14

Emendi sinifikanti fl-artikoli ta’ inkorporazzjoni, jew fil-liġijiet sekondarji

Deċiżjoni li jiġu proposti emendi sinifikanti fl-artikoli ta’ inkorporazzjoni tal-emittent, jew fil-liġijiet sekondarji lill-azzjonisti

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun ħa d-deċiżjoni li jissottometti emendi sinifikanti fl-artikoli ta’ inkorporazzjoni, jew fil-liġijiet sekondarji lill-azzjonisti għall-approvazzjoni tagħhom.

E

Interventi mill-awtoritajiet pubbliċi

15

Applikazzjoni għal liċenzja jew awtorizzazzjoni

Applikazzjoni għal liċenzja jew awtorizzazzjoni

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-emittent ikun issottometta l-applikazzjoni għal liċenzja jew għal awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti.

16

Għoti jew rifjut ta’ liċenzja jew awtorizzazzjoni

Għoti jew rifjut ta’ liċenzja jew awtorizzazzjoni

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-emittent ikun irċieva n-notifika formali mill-awtorità kompetenti li tagħti liċenzja jew awtorizzazzjoni, jew li tirrifjuta applikazzjoni għal liċenzja jew għal awtorizzazzjoni, anke meta, wara applikazzjoni, l-emittent u l-awtorità kompetenti jkunu skambjaw informazzjoni preliminari jew abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jistgħu, b’mod indipendenti, jammontaw għal informazzjoni privileġġata, jew meta d-deċiżjoni tista’ tkun jew tkun soġġetta għal appell.

17

Irtirar ta’ liċenzja jew ta’ awtorizzazzjoni

Irtirar ta’ liċenzja jew ta’ awtorizzazzjoni

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-emittent ikun irċieva n-notifika formali mill-awtorità kompetenti li tirtira l-liċenzja jew l-awtorizzazzjoni, anke meta l-emittent u l-awtorità kompetenti jkunu preċedentement skambjaw informazzjoni preliminari jew abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jistgħu, b’mod indipendenti, jammontaw għal informazzjoni privileġġata, jew meta d-deċiżjoni tista’ tkun jew tkun soġġetta għal appell.

18

Applikazzjoni għar-rikonoxximent tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (“PI”)

Applikazzjoni għar-rikonoxximent tad-drittijiet tal-PI

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-emittent ikun issottometta l-applikazzjoni għar-rikonoxximent tad-drittijiet tal-PI lill-awtorità kompetenti.

19

Rikonoxximent tad-drittijiet tal-PI

Notifika ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ rikonoxximent tad-drittijiet tal-PI

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-emittent ikun irċieva n-notifika formali ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ rikonoxximent tad-drittijiet tal-PI, anke meta, wara applikazzjoni għar-rikonoxximent tad-drittijiet tal-PI, l-emittent u l-awtorità kompetenti jkunu skambjaw informazzjoni preliminari jew abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jistgħu, b’mod indipendenti, jammontaw għal informazzjoni privileġġata, jew meta d-deċiżjoni tista’ tkun jew tkun soġġetta għal appell.

20

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-emittent ikun issottometta applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jikkummerċjalizza prodott lill-awtorità kompetenti.

21

Awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott

Awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-emittent ikun irċieva n-notifika formali mill-awtorità kompetenti li tagħti awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott, jew li tirrifjuta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott, anke meta, wara applikazzjoni, l-emittent u l-awtorità kompetenti jkunu skambjaw informazzjoni preliminari jew abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jistgħu, b’mod indipendenti, jammontaw għal informazzjoni privileġġata, jew meta d-deċiżjoni tista’ tkun jew tkun soġġetta għal appell.

22

Provi mediċi/kliniċi għall-prodotti farmaċewtiċi

Konklużjoni ta’ provi mediċi/kliniċi

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-emittent ikun ikkonkluda l-provi mediċi/kliniċi.

23

Awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċi/farmaċewtiċi

Awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċi/farmaċewtiċi

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-emittent ikun irċieva n-notifika formali tad-deċiżjoni finali mill-awtorità kompetenti (irrispettivament minn jekk tkunx aċċettazzjoni jew rifjut), anke meta, wara applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott mediku/farmaċewtiku, l-emittent u l-awtorità kompetenti jkunu skambjaw informazzjoni preliminari jew abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jistgħu, b’mod indipendenti, jammontaw għal informazzjoni privileġġata, jew meta d-deċiżjoni tista’ tkun jew tkun soġġetta għal appell.

24

Parteċipazzjoni fi proċess ta’ akkwist pubbliku

Aġġudikazzjoni ta’ kuntratt

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-emittent ikun irċieva n-notifika formali li l-emittent ikun ingħata kuntratt, anke meta, wara l-parteċipazzjoni fi proċess ta’ akkwist pubbliku, l-emittent u l-awtorità pubblika jkunu skambjaw informazzjoni preliminari jew abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jistgħu, b’mod indipendenti, jammontaw għal informazzjoni privileġġata, jew meta d-deċiżjoni tista’ tkun jew tkun soġġetta għal appell.

25

Proċedimenti ta’ qabel l-insolvenza/ristrutturar

Deċiżjoni ta’ dħul fi proċedimenti ta’ qabel l-insolvenza jew ftehimiet mal-kredituri

F’każ ta’ proċedimenti ssorveljati minn qorti, malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun ħa d-deċiżjoni li jippreżenta rikors għall-proċedimenti ta’ qabel l-insolvenza/ristrutturar.

Fil-każ ta’ proċedimenti mhux issorveljati minn qorti, malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun iffirma ftehim mal-kredituri jew kwalunkwe arranġament ieħor previst għall-każ ta’ qabel l-insolvenza.

26

Insolvenza

Rikors għall-proċedimenti ta’ insolvenza

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun ħa d-deċiżjoni li jippreżenta rikors għall-proċedimenti ta’ insolvenza.

F

Istituzzjonijiet tal-kreditu, impriżi tal-assigurazzjoni u impriżi tar-riassigurazzjoni

27

Rieżami u evalwazzjoni superviżorji, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)

Deċiżjoni formali tal-awtorità kompetenti

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun irċeviet id-deċiżjoni finali tal-awtorità kompetenti dwar il-proċess ta’ rieżami u evalwazzjoni superviżorji, anke meta l-emittent u l-awtorità kompetenti jkunu preċedentement skambjaw informazzjoni preliminari jew abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jistgħu, b’mod indipendenti, jammontaw għal informazzjoni privileġġata.

28

Tnaqqis tal-fondi proprji, skont l-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3)

Deċiżjoni formali tal-awtorità kompetenti li tawtorizza t-tnaqqis tal-fondi proprji

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-istituzzjoni ta’ kreditu tiġi nnotifikata li t-tnaqqis tal-fondi proprji ġie awtorizzat mill-awtorità kompetenti, anke meta l-emittent u l-awtorità kompetenti jkunu preċedentement skambjaw informazzjoni preliminari jew abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jistgħu, b’mod indipendenti, jammontaw għal informazzjoni privileġġata.

29

Preparazzjoni għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni, inkluż kwalunkwe deċiżjoni jew azzjoni adottata mill-awtorità kompetenti jew mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni sal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni

Deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tieħu azzjoni ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 82(1) u (2) tad-Direttiva 2014/59/UE jew l-Artikolu 64 tad-Direttiva (UE) 2025/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4)

Malajr kemm jista’ jkun wara li d-deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiġi ppubblikata skont l-Artikolu 83(4) tad-Direttiva 2014/59/UE jew l-Artikolu 65(3) tad-Direttiva (UE) 2025/1.

30

Proċedimenti ta’ insolvenza f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli

Deċiżjoni tal-awtorità kompetenti f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-istituzzjoni tiġi nnotifikata bid-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli.

G

Proċedimenti legali, sanzjonijiet, u tneħħija mil-lista

31

Proċedimenti amministrattivi

Deċiżjoni tal-awtorità kompetenti

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-emittent jiġi infurmat formalment mill-awtorità kompetenti bid-deċiżjoni finali tiegħu wara l-investigazzjonijiet rilevanti, anke meta l-emittent u l-awtorità kompetenti jkunu preċedentement skambjaw informazzjoni preliminari jew abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jistgħu, b’mod indipendenti, jammontaw għal informazzjoni privileġġata, jew meta d-deċiżjoni tista’ tkun jew tkun soġġetta għal appell.

32

Miżuri ta’ prekawzjoni fi proċedimenti ġudizzjarji, kemm bħala kwerelant kif ukoll bħala konvenut

Deċiżjoni minn awtorità jew qorti

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-emittent ikun irċieva n-notifika tad-deċiżjoni dwar il-miżuri ta’ prekawzjoni, anke meta d-deċiżjoni tista’ tkun jew tkun soġġetta għal appell.

33

Proċedimenti ġudizzjarji

Deċiżjoni minn awtorità jew qorti

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-emittent ikun irċieva n-notifika tad-deċiżjoni, anke meta d-deċiżjoni tista’ tkun jew tkun soġġetta għal appell.

34

Proċedimenti għall-kwantifikazzjoni tas-sanzjonijiet

Deċiżjoni dwar sanzjoni

Malajr kemm jista’ jkun wara li l-emittent jiġi infurmat bid-deċiżjoni dwar is-sanzjoni, anke meta d-deċiżjoni tista’ tkun jew tkun soġġetta għal appell.

35

Tneħħija mil-lista

Deċiżjoni dwar it-tneħħija mil-lista

Fil-każ ta’ tneħħija volontarja mil-lista, malajr kemm jista’ jkun wara li l-korp governattiv tal-emittent ikun ħa d-deċiżjoni finali dwar it-tneħħija mil-lista.

F’każ ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija mil-lista mill-awtorità kompetenti jew miċ-ċentru tan-negozjar, malajr kemm jista’ jkun wara li l-emittent ikun irċieva n-notifika formali tad-deċiżjoni ta’ tneħħija mil-lista, anke meta l-emittent u l-awtorità kompetenti jew iċ-ċentru tan-negozjar ikunu preċedentement skambjaw informazzjoni preliminari jew abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jistgħu, b’mod indipendenti, jammontaw għal informazzjoni privileġġata.

(1)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/1132/oj).

(2)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/36/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2025/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2024 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u għar-riżoluzzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u li temenda d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 u r-Regolamenti (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2017/1129 (ĠU L, 2025/1, 8.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/1/oj).


ANNESS II

Lista mhux eżawrjenti ta’ sitwazzjonijiet fejn l-informazzjoni privileġġata tkun f’kuntrast mal-aħħar avviż pubbliku jew tip ieħor ta’ komunikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 17(12), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 596/2014

Nru

Sitwazzjoni

1

Informazzjoni privileġġata li tikkonċerna bidla materjali fil-previżjonijiet, fir-riżultati finanzjarji jew fl-objettivi tan-negozju kif imħabbra jew ikkomunikati qabel pubblikament (bħal twissijiet dwar il-profitt jew sorpriżi fil-qligħ).

2

Informazzjoni privileġġata li tikkonċerna bidla materjali fl-impatt ambjentali jew soċjali ta’ proġett jew ta’ prodott kif imħabbar jew ikkomunikat qabel pubblikament (bħal miri ambjentali li ma jintlaħqux).

3

Informazzjoni privileġġata li tikkonċerna l-vijabbiltà finanzjarja ta’ emittent/parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet fejn qabel kienet imħabbra jew ikkomunikata pubblikament informazzjoni materjalment differenti dwar il-kundizzjonijiet finanzjarji tiegħu (bħall-ħtieġa għal żieda fil-kapital jew ħruġ straordinarju ta’ bonds).

4

Informazzjoni privileġġata li tikkonċerna l-fatt li r-riżultati jew l-iskadenzi ta’ prodott jew proġett li jkun qed jiġi żviluppat ma jkunux se jiġu ssodisfati, meta dawk ir-riżultati jew l-iskadenzi jkunu ġew imħabbra jew ikkomunikati pubblikament qabel.

5

Informazzjoni privileġġata li tikkonċerna bidla materjali fl-istruttura kapitali kif imħabbra jew ikkomunikata qabel pubblikament (bħal modifika sinifikanti fil-ħruġ ta’ strumenti finanzjarji).

6

Informazzjoni privileġġata li tikkonċerna bidla materjali fi strateġija tan-negozju li qabel kienet imħabbra jew ikkomunikata pubblikament (bħal, deċiżjoni għal dħul f’segment ġdid tas-suq ġeografiku).

7

Informazzjoni privileġġata li tikkonċerna bidla materjali fl-elementi ewlenin ta’ kuntratt jew tranżazzjoni li qabel kienet imħabbra jew ikkomunikata pubblikament (bħat-terminazzjoni ta’ sħubija kummerċjali, jew, fil-każ ta’ akkwist, l-għażla ta’ kumpanija fil-mira differenti).

8

Informazzjoni privileġġata li tikkonċerna bidla materjali fil-governanza korporattiva kif imħabbra jew ikkomunikata qabel pubblikament, inkluż l-istruttura maniġerjali u l-kodiċijiet ta’ kondotta (bħad-deċiżjoni li tiġi kkanċellata żieda ppjanata fl-għadd ta’ membri indipendenti tal-Bord).


ANNESS III

Tipi oħra ta’ komunikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-Regolament:

1.   

Kwalunkwe komunikazzjoni jew stqarrija għall-istampa ppubblikata mill-emittent/parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet, inkluż permezz tal-media soċjali jew media oħra u fuq is-sit web tiegħu.

2.   

Intervisti pubbliċi mogħtija minn kwalunkwe persuna li tirrappreżenta formalment lill-emittent/parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet.

3.   

Calls ta’ qabel l-għeluq aċċessibbli għall-pubbliku, roadshows u avvenimenti pubbliċi oħra, inklużi webinars u podcasts, organizzati jew awtorizzati mill-emittent/parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet, u li fihom tieħu sehem kwalunkwe persuna li tirrappreżenta formalment lill-emittent/parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet.

4.   

Kampanji ta’ reklamar u kummerċjalizzazzjoni magħmula pubbliċi mill-emittent/parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet.

5.   

Preżentazzjonijiet regolatorji mill-emittent/parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet, aċċessibbli għall-pubbliku.

6.   

Komunikazzjonijiet aċċessibbli għall-pubbliku mogħtija fil-kuntest tal-laqgħat tal-azzjonisti tal-emittent/parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet.

7.   

Kwalunkwe komunikazzjoni oħra lill-pubbliku mogħtija minn kwalunkwe persuna li tirrappreżenta formalment lill-emittent/parteċipant fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/789/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)