Att dwar il-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea - Anness IX:Impenji speċifiċi assunti, u rekwiżiti aċċettati, mir-Rumanija fil-konklużjoni tan-negozjati ta' l-adeżjoni fl-14 ta' Diċembru 2004 (imsemmi fl-Artikolu 39 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni)
Official Journal L 157 , 21/06/2005 P. 0374 - 0375
ANNESS IX Impenji speċifiċi assunti, u rekwiżiti aċċettati, mir-Rumanija fil-konklużjoni tan-negozjati dwar l-adeżjoni fl- 14 ta' Diċembru 2004 (imsemmija fl-Artikolu 39 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni) I. Fir-rigward ta' l-Artikolu 39(2) (1) Sabiex jiġi implimentat mingħajr iżjed dewmien il-Pjan ta' Azzjoni ta' Schengen, hekk kif ippubblikat f' M. Of., p.I, nru. 129 bis/2005, emendat b' konformità ma' l-acquis u skond it-termini perentorji miftiehma. (2) Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' kontroll u sorveljanza fil-fruntieri esterni futuri ta' l-Unjoni, jitħaffu konsiderevolment l-isforzi fil-modernizzazzjoni ta' tagħmir u infrastruttura fil-fruntiera l-ħadra, fil-fruntiera l-blu u fil-punti fejn jaqsmu l-fruntieri, u tiġi msaħħa iżjed il-kapaċità ta' analiżi tar-riskju operazzjonali. Dan għandu jiġi rifless fi pjan wieħed ta' investiment pluriennali mressaq mhux iżjed tard minn Marzu 2005, li għandu jippermetti lill-Unjoni tkejjel il-progress fuq bażi annwali u sakemm tittieħed, fir-rigward tar-Rumanija, d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) ta' l-Att. Barra minn dan, ir-Rumanija għandha tintensifika konsiderevolment il-pjanijiet tagħha sabiex tirrekluta 4438 aġent u uffiċjal tal-pulizija tal-fruntieri u b'mod partikolari tiżgura li tilħaq, sa l-adeżjoni, livell ta' persunal qrib kemm jista' jkun ta' 100 % tul il-fruntieri ma' l-Ukraina, il-Moldova u mal-kosta tal-Baħar l-Iswed. Ir-Rumanija għandha timplimenta wkoll il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġġieled b'mod effettiv l-immigrazzjoni illegali, inkluż it-tisħiħ ta' koperazzjoni ma' pajjiżi terzi. (3) Sabiex jiġi żviluppat u implimentat Pjan ta' Azzjoni u Strateġija għar-Riforma tal-Ġudikatura aġġornat u integrat li jinkludi l-miżuri ewlenin għall-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Ġudikatura, tal-Liġi dwar l-Istatus tal-Maġistrati u tal-Liġi dwar il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura li daħlu fis-seħħ fit- 30 ta' Settembru 2004. Iż-żewġ dokumenti aġġornati għandhom jiġu preżentati lill-Unjoni mhux iżjed tard minn Marzu 2005; għandhom jiġu żgurati riżorsi finanzjarji u umani adegwati għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni u dan għandu jiġi implimentat mingħajr iżjed dewmien u skond l-iskeda kronoloġika stabbilita. Ir-Rumanija għandha wkoll turi prova sa' Marzu 2005 tal-funzjonabbiltà sħiħa tas-sistema l-ġdida għad-distribuzzjoni, fuq bażi każwali, tal-każijiet. (4) Sabiex tiġi intensifikata konsiderevolment il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u partikolarment kontra l-korruzzjoni fi gradi għolja billi jiġu żgurati l-infurzar rigoruż tal-leġislazzjoni ta' kontra l-korruzzjoni u l-indipendenza effettiva ta' l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Prosekuturi Anti-Korruzzjoni (NAPO) u billi jiġi preżentat fuq bażi annwali, minn Novembru 2005, rendikont konvinċenti ta' servizz dwar l-attivitajiet tan-NAPO fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fi gradi għolja. In-NAPO għandu jingħata l-persunal, ir-riżorsi finanzjarji u ta' taħriġ, kif ukoll it-tagħmir meħtieġ sabiex iwettaq il-funzjoni vitali tiegħu. (5) Sabiex issir verifika indipendenti tar-riżultati u ta' l-impatt magħmul mill-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni attwali; sabiex jiġu riflessi l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' din il-verifika fl-istrateġija ġdida pluriennali kontra l-korruzzjoni li għandha tikkonsisti f'dokument wieħed komprensiv, stabbilita mhux iżjed tard minn Marzu 2005, akkumpanjata minn pjan ta' azzjoni b'benchmarks, definiti b'mod ċar, li għandhom jintlaħqu u bir-riżultati li għandhom jinkisbu, kif ukoll disposizzjonijiet adatti ta' budget; l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija u tal-Pjan ta' Azzjoni għandha tkun sorveljata minn korp indipendenti wieħed u eżistenti, definit b'mod ċar; l-istrateġija għandha tinkludi l-impenn li tiġi riveduta sa tmiem l-2005 il-proċedura kriminali protratta sabiex jiġi żgurat li każijiet ta' korruzzjoni jiġu trattati rapidament u b'mod trasparenti, sabiex jiġu żgurati sanzjonijiet adegwati b'effett deterrenti; finalment, għandha tinkludi passi sabiex jitnaqqas konsiderevolment sa tmiem l-2005 in-numru ta' korpi li kollha għandhom poteri ta' prevenzjoni u investigazzjoni kontra l-korruzzjoni, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' responsabbiltajiet. (6) Sabiex jiġi żgurat sa Marzu 2005 qafas legali ċar għad-diviżjoni tal-kompiti rispettivi u l-koperazzjoni bejn il-ġendarmerija u l-pulizija li jkopri wkoll l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni, u sabiex jiġi żviluppat u implimentat sa nofs l-2005 pjan ta' reklutaġġ ċar għaż-żewġ istituzzjonijiet bil-għan li sad-data ta' adeżjoni jkun sar żvilupp konsiderevoli fil-mili tas-7000 post battal fil-pulizija u tat-18000 post battal fil-ġendarmerija. (7) Sabiex tiġi żviluppata u implimentata strateġija koerenti pluriennali kontra l-kriminalità li tinkludi azzjonijiet konkreti għat-trażżin l-użu tar-Rumanija bħala pajjiż ta' oriġini, transitu u destinazzjoni ta' vittmi ta' traffikar u sabiex tiġi preżentata, fuq bażi annwali u minn Marzu 2005, statistika affidabbli dwar kif dan il-fenomenu ta' kriminalità qed jiġi miġġieled. II. Fir-rigward ta' Artikolu 39(3) (8) Sabiex jiġi żgurat kontroll effettiv mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni ta' kull għajnuna potenzjali mill-Istat, inkluż kontroll relattiv għall-għajnuna mill-Istat prevista permezz ta' differimenti ta' pagamenti lill-budget ta' l-Istat ta' debiti fiskali jew soċjali jew differimenti ta' debiti relattivi għall-provvista ta' l-enerġija. (9) Sabiex jiġi msaħħaħ bla dewmien ir-rekord ta' infurzar relattiv għall-għajnuna mill-Istat, u sabiex minn hemm 'il quddiem jiġi żgurat rekord sodisfaċenti ta' infurzar fl-oqsma kemm ta' anti-trust kif ukoll ta' għajnuna mill-Istat. (10) Sabiex jiġi preżentat lill-Kummissjoni, sa nofs Diċembru 2004, pjan rivedut ta' ristrutturazzjoni ta' l-industrija ta' l-azzar (li jinkludi l-Programm ta' Ristrutturazzjoni Nazzjonali u l-Pjanijiet Azjendali Individwali) konformement mal-ħtiġijiet stabbiliti fil-Protokoll 2 dwar prodotti tal-KEFA anness mal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra [1], kif ukoll mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VII, Kapitolu 4, Sezzjoni B, ma' l-Att. Sabiex jiġi kompletament rispettat l-impenn li la tingħata u lanqas titħallas għajnuna mill-Istat lill-funderiji ta' l-azzar koperti mill-Istrateġija ta' Ristrutturazzjoni Nazzjonali mill- 1 ta' Jannar 2005 sal- 31 ta' Diċembru 2008 u sabiex jiġu rispettati kompletament l-ammonti ta' għajnuna mill-Istat u l-kondizzjonijiet dwar riduzzjonijiet ta' kapaċità li għandhom jiġu deċiżi fil-kuntest tal-Protokoll 2 dwar prodotti tal-KEFA anness mal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r- Repubblika tal-Bulgarija, min-naħa l-oħra. (11) Sabiex jibqgħu jiġu provduti lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni mezzi finanzjarji adegwati u riżorsi umani suffiċjenti u adegwatament kwalifikati. [1] ĠU L 357, 31.12.1994, p. 2. Ftehim kif emendat l-aħħar mid-Deċiżjoni Nru 2/2003 tal-Kunsill ta' l-Assoċjazzjoni UE/Rumanija tal- 25.9.2003 (għadu mhux pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali). --------------------------------------------------