European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1886

11.7.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1886

tal-10 ta’ Lulju 2024

li jistabbilixxi r-regoli dettaljati biex jiġi implimentat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut tat-taħriġ inizjali u kontinwu tal-uffiċjali ta’ kontroll għall-analiżi tad-data rreġistrata u għall-verifika tat-takografi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 39(3) tiegħu,

Billi:

(1)

It-takografi jaqdu rwol kruċjali fil-verifika tal-konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni applikabbli fis-settur mill-impriżi tat-trasport bit-triq u mis-sewwieqa professjonali . Għalhekk huwa essenzjali li l-infurzaturi jkollhom fehim tajjeb ħafna u komuni tar-regoli tal-Unjoni u għarfien dwar fejn jistgħu jsibu l-gwida rilevanti relatata ma’ dawn ir-regoli, l-għarfien dwar kif għandha tiġi analizzata d-data tat-takografu u kif għandhom jiġu vverifikati t-takografi, u l-għarfien tal-aħħar żviluppi teknoloġiċi u tekniki ta’ manipulazzjoni. Jenħtieġ li l-infurzaturi jkollhom ukoll il-ħiliet personali u ta’ komunikazzjoni meħtieġa matul il-verifiki, meta jintervistaw lis-sewwieqa mal-ġenb tat-triq u persunal ieħor fil-bini tal-impriżi.

(2)

Jenħtieġ li l-introduzzjoni tar-rekwiżiti ta’ taħriġ komuni għall-infurzaturi fis-settur tat-trasport bit-triq twassal għall-armonizzazzjoni tal-prattiki ta’ kontroll fl-Unjoni kollha u tikkontribwixxi għat-trattament ugwali tas-sewwieqa tat-trasport bit-triq u tal-impriżi tat-trasport meta jkunu suġġetti għall-kontrolli. Jenħtieġ ukoll li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ kultura ta’ konformità fi ħdan l-industrija u s-soċjetà kollha kemm hi.

(3)

Minn issa ’il quddiem, l-esperjenza u l-prattiki tajbin fl-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 u tad-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għinu lill-infurzaturi jikkontrollaw il-konformità mar-regoli b’mod aktar effettiv u konsistenti. Jenħtieġ għalhekk li jkunu parti mill-kontenut tat-taħriġ tal-uffiċjali ta’ kontroll, sabiex iservu bħala gwida utli għalihom meta jwettqu l-kontrolli.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 42(3) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kontenut u għoti tat-taħriġ

1.   Ir-rekwiżiti ta’ taħriġ komuni għall-uffiċjali ta’ kontroll huma stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu t-tekniki u l-materjali biex jistrutturaw u jagħtu taħriġ inizjali u kontinwu tal-uffiċjali ta’ kontroll skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri għandhom jaġġornaw regolarment il-programmi ta’ taħriġ tagħhom biex jirriflettu l-bidliet fil-liġi rilevanti tal-Unjoni u l-iżviluppi teknoloġiċi.

4.   Dan ir-Regolament ma għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jadottaw kwalunkwe rekwiżiti addizzjonali li huma jistgħu jqisu meħtieġa biex jiżguraw li l-uffiċjali tal-infurzar jitħarrġu kif xieraq biex iwettqu l-kompiti tagħhom.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 49).


ANNESS

TAĦRIĠ TAL-UFFIĊJALI TA’ KONTROLL

1.   

It-taħriġ ipprovdut lill-uffiċjali ta’ kontroll għandu jikkonsisti f’taħriġ inizjali u f’taħriġ kontinwu. It-taħriġ kontinwu huwa maħsub jaġġorna l-għarfien tal-uffiċjali ta’ kontroll, filwaqt li jqis kwalunkwe aġġornament tal-qafas regolatorju kif ukoll l-iżviluppi teknoloġiċi.

2.   

L-Istati Membri għandhom jiżguraw bilanċ bejn it-taħriġ teoretiku (fil-klassi u d-dimostrazzjonijiet) u t-taħriġ prattiku (esperjenza fuq il-post tax-xogħol), inklużi l-iskambji tal-persunal, l-internship fl-awtorità ta’ kontroll ta’ Stat Membru differenti jew it-taħriġ konġunt għall-ispetturi minn Stati Membri differenti.

3.   

It-taħriġ għall-uffiċjali ta’ kontroll għandu l-objettivi li ġejjin:

—

il-kisba ta’ fehim tajjeb tal-liġi rilevanti tal-Unjoni u b’mod partikolari tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014, tar-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009 (1), (KE) Nru 1072/2009 (2), (KE) Nru 1073/2009 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-Direttivi 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), tad-Direttivi tal-Kunsill 92/6/KEE (5), 92/106/KEE (6) u, f’dak li għandu x’jaqsam mal-istazzjonar tal-ħaddiema fit-trasport bit-triq, tad-Direttivi 96/71/KE (7), 2014/67/UE (8), (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), u tal-Ftehim Ewropew dwar il-Ħidma ta’ Ekwipaġġi ta’ Vetturi involuti fit-Trasport Internazzjonali bit-Triq (AETR) u ta’ ftehim internazzjonali rilevanti ieħor, inkluż il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE r-Renju Unit (FKK) (10), kif ukoll tal-proċeduri u tat-tekniki li jivverifikaw l-implimentazzjoni tagħhom fil-prattika,

—

il-kisba ta’ għarfien u ta’ ħiliet prattiċi fl-użu ta’ għodod, sistemi u proċeduri speċjali ta’ kontroll biex tiġi analizzata d-data tat-takografu u tiġi identifikata l-manipulazzjoni tat-takografi,

—

il-kisba tal-ħiliet għall-identifikazzjoni effettiva tal-ksur u għad-determinazzjoni tal-penali applikabbli f’konformità mal-klassifikazzjoni tal-ksur,

—

it-tisħiħ tal-ħiliet fl-imġiba professjonali u tal-ħiliet personali biex jiġu żgurati kontrolli effiċjenti, effettivi, proporzjonati u mhux diskriminatorji,

—

il-kisba ta’ għarfien tas-sistemi ta’ skambju u ta’ komunikazzjoni tad-data użati fil-qasam tal-infurzar transfruntier tar-regoli rilevanti tal-UE dwar it-trasport bit-triq,

—

il-kisba ta’ għarfien u ta’ ħiliet biex isiru midħla tal-linji gwida u man-noti ta’ kjarifika pprovduti mis-servizzi tal-Kummissjoni (11), b’mod partikolari għall-implimentazzjoni u għall-infurzar konsistenti tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014, u tad-Direttiva (UE) 2020/1057.

4.   

L-uffiċjali ta’ kontroll għandhom ikunu mħarrġa skont l-ispeċjalizzazzjoni u l-kompetenza tagħhom fl-oqsma differenti u skont it-tip ta’ kontrolli li jwettqu. F’dan ir-rigward, it-taħriġ tagħhom irid jinkludi l-ħiliet li ġejjin fit-tabella ta’ hawn taħt.

Taħriġ ewlieni — Sett komuni ta’ ħiliet ewlenin għall-kontroll mal-ġenb tat-triq u fil-bini

L-uffiċjali ta’ kontroll li jwettqu l-verifiki mal-ġenb tat-triq u/jew fil-bini għandu jkollhom għarfien tajjeb ħafna ta’:

—

id-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni li għalihom l-analiżi tat-takografi u d-data rreġistrata hija kruċjali,

—

l-AETR u r-regoli rilevanti ta’ ftehim internazzjonali ieħor, inkluż it-TCA,

—

il-linji gwida u n-noti ta’ kjarifika pprovduti mis-servizzi tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni u għall-infurzar tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014 u tad-Direttivi 2002/15/KE u (UE) 2020/1057,

—

il-karatteristiċi tal-verżjonijiet differenti ta’ takografi analogi, diġitali u intelliġenti, bħad-disinn, il-funzjonalitajiet u t-tip ta’ data tagħhom li jistgħu jirreġistraw.

L-uffiċjali ta’ kontroll li jwettqu l-verifiki mal-ġenb tat-triq u/jew fil-bini għandhom ikunu jistgħu:

—

jużaw b’mod profiċjenti software disponibbli u kwalunkwe għodda rilevanti oħra biex janalizzaw id-data tat-takografu,

—

jaqraw u janalizzaw id-data mis-software, mill-għodod u mill-kopji stampati disponibbli,

—

jkunu midħla tat-tekniki li jiffokaw il-kontrolli billi jużaw il-bażi tad-data u s-sistemi rilevanti kollha bħar-Reġistri Ewropej tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU) (12), is-sistema dwar il-klassifikazzjoni tar-riskju (13), it-TACHOnet (14) u s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) (15) b’mod effiċjenti,

—

iġibu rwieħhom f’konformità mar-rekwiżiti tal-etika professjonali,

—

jużaw it-tekniki xierqa tal-intervisti u l-ħiliet ta’ komunikazzjoni,

—

jieħdu deċiżjonijiet adegwati abbażi tal-informazzjoni u l-evidenza disponibbli (id-data tat-takografu, l-informazzjoni miġbura matul l-intervista, il-materjal fil-kabina (meta permess mid-dritt nazzjonali), iċ-ċirkostanzi tal-operazzjoni tat-trasport u l-istorja tal-imġiba ta’ konformità tas-sewwieq u tal-impriża),

—

jirrapportaw b’mod ċar bil-fomm u bil-miktub,

—

jaqsmu l-informazzjoni b’mod xieraq ma’ Stati Membri oħra, meta jkun meħtieġ.

Taħriġ għall-uffiċjali ta’ kontroll li jwettqu l-verifiki mal-ġenb tat-triq

L-uffiċjali ta’ kontroll li jwettqu l-verifiki mal-ġenb tat-triq għandu jkollhom għarfien tajjeb ħafna ta’:

—

l-installazzjoni u l-funzjonament tat-takografi,

—

ir-regoli u l-proċeduri dwar l-issiġillar u l-issiġillar mill-ġdid tat-takografi,

—

kif jaħdmu s-sessjonijiet ta’ ħidma rilevanti, bħall-mod kif iwettqu l-verifiki u l-għodod li jużaw.

B’mod partikolari, l-uffiċjali ta’ kontroll li jwettqu l-verifiki mal-ġenb tat-triq għandhom ikunu jistgħu:

—

jidentifikaw il-frodi u l-manipulazzjoni mwettqa fuq il-verżjonijiet kollha tat-takografu li qed jintużaw,

—

ikunu midħla tat-tekniki biex jimmiraw il-kontrolli billi jużaw is-sistemi għall-identifikazzjoni mill-bogħod bikrija ta’ manipulazzjoni jew ta’ użu ħażin possibbli,

—

ikunu jafu kif iwaqqfu l-vetturi għal skopijiet ta’ kontroll li jiżguraw is-sikurezza ta’ kulħadd,

—

ikunu jafu kif jittrattaw u jirreaġixxu għall-imġiba tas-sewwieqa waqt il-verifiki.

Taħriġ għall-uffiċjali ta’ kontroll li jwettqu l-verifiki fil-bini

L-uffiċjali ta’ kontroll li jwettqu l-verifiki fil-bini għandu jkollhom għarfien tajjeb ħafna ta’:

—

il-proċeduri u s-setgħat ta’ investigazzjoni għall-verifiki fil-bini. Dan jinkludi l-modi kif tinkiseb l-informazzjoni rilevanti, il-proċedura dwar id-dħul fil-bini, it-talba għall-informazzjoni u l-ispezzjoni tad-dokumenti korporattivi,

—

id-diversi strutturi tan-negozju eżistenti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak multinazzjonali.

B’mod partikolari, l-uffiċjali ta’ kontroll li jwettqu l-verifiki fil-bini għandhom ikunu jistgħu:

—

jafu kif jużaw u janalizzaw ammont kbir ta’ data u jqabblu d-data riċevuta minn għejun differenti,

—

jidentifikaw il-frodi u l-manipulazzjoni mwettqa fuq il-verżjonijiet kollha tat-takografu li qed jintużaw, speċjalment fir-rigward tal-użu mhux xieraq tal-kards tas-sewwieqa,

—

juru ħiliet komunikattivi tajbin ħafna u jadattaw it-tekniki tal-intervistar skont l-intervistat.

5.   

Sabiex jissaħħaħ aktar il-prinċipju ta’ kollaborazzjoni fost l-Istati Membri, il-korsijiet tal-lingwa rilevanti u/jew l-użu tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni u tat-traduzzjoni għandhom jiġu inklużi fil-kontenut tat-taħriġ tal-uffiċjali ta’ kontroll, b’enfasi partikolari fuq il-lingwi użati fit-twettiq tal-verifiki miftiehma u fl-ispezzjonijiet konġunti ma’ Stati Membri oħra.

6.   

Il-kontenut tat-taħriġ għandu jiġi adattat għall-grupp fil-mira u l-livell tal-klassi għandu jkun utli kemm jista’ jkun.

7.   

It-taħriġ għandu, sa fejn ikun possibbli, jibni fuq l-esperjenza tal-klassi u jħalli lok għall-iskambju tal-esperjenzi u tal-prattiki tajbin bejn l-uffiċjali ta’ kontroll.

8.   

L-użu ta’ simulaturi jew ta’ takografi attwali, għalkemm mhux obbligatorju, jista’ jkun utli għat-taħriġ effettiv tal-uffiċjali ta’ kontroll. Fil-prinċipju, għandhom jintużaw simulaturi tal-aħħar ġenerazzjoni, iżda l-uffiċjali ta’ kontroll għandhom jitħarrġu wkoll biex jidentifikaw il-frodi u janalizzaw id-data dwar il-ġenerazzjonijiet akbar ta’ takografi li għadhom iduru.

9.   

It-taħriġ jista’ jinkludi l-possibbiltà li l-uffiċjali ta’ kontroll li jkunu qed jitħarrġu jakkumpanjaw uffiċjali oħra ta’ kontroll matul il-verifiki mal-ġenb tat-triq u/jew fil-bini.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (tfassil mill-ġdid), (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88).

(4)  Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq, (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/6/KEE tal-10 ta’ Frar 1992 dwar l-istallazzjoni u l-użu ta’ apparat li jillimita l-veloċità għal ċerti kategoriji ta’ vetturi tal-mutur fil-Komunità (ĠU L 57, 2.3.1992, p. 27).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta’ Diċembru 1992 dwar l-istabbiliment ta’ regoli komuni għal ċerti tipi ta’ trasport ikkombinat tal-oġġetti bejn l-Istati Membri (ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38).

(7)  Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 49).

(10)  Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra.

(11)  In-noti ta’ gwida u ta’ kjarifika jistabbilixxu l-fehma tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ għadd ta’ dispożizzjonijiet u għandhom l-għan li jiżguraw fehim komuni u applikazzjoni armonjuża ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. L-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar mill-aħħar hija l-prerogattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(12)  Kif stabbilit fl-Artikolu 16(5) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/480 tal-1 ta’ April 2016 li jistabbilixxi regoli komuni li jikkonċernaw l-interkonnessjoni tar-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1213/2010 (ĠU L 87, 2.4.2016, p. 4).

(13)  Kif stabbilit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kundizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014 u tad-Direttiva 2002/15/KE fir-rigward tal-leġiżlazzjoni soċjali relatata ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35) u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/695 tat-2 ta’ Mejju 2022 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-formula komuni għall-kalkolu tal-klassifikazzjoni tar-riskju tal-impriżi tat-trasport (ĠU L 129, 3.5.2022, p. 33).

(14)  Kif stabbilit fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/68 tal-21 ta’ Jannar 2016 dwar il-proċeduri u l-ispeċifikazzjonijiet komuni meħtieġa għall-interkonnessjoni tar-reġistri elettroniċi tal-kards tas-sewwieqa (ĠU L 15, 22.1.2016, p. 51).

(15)  Kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1886/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)