Official Journal L 291 , 13/11/1999 P. 0025 - 0026
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/1999 tat-12 ta' Novembru 1999 li jissupplimenta l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2301/97 dwar id-dħul ta' ċerti ismijiet fir-"Reġistru ta' ċertifikati ta' karattru speċifiku" li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/92 dwar iċ-ċertifikati ta' karattru speċifiku għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/92 ta' l-14 ta' Lulju 1992 dwar ċertifikati ta' karattru speċifiku għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel [1], u partikolarment l-Artikolu 9 (1) tiegħu, Billi: (1) Bi qbil ma' l-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 2082/92, Spanja bagħtet applikazzjoni lejn il-Kummissjoni biex isem jidħol fir-Reġistru taċ-ċertifikati ta' karattru speċifiku. (2) Id-deskrizzjoni "speċjalitá tradizzjonali garantita" tista' tintuża biss ma' l-ismijiet imdaħħla f’dak ir-Reġistru; (3) Oġġezzjoni permezz ta' l-Artikolu 8 ta' dak ir-Regolament kienet intbagħtet lejn il-Kummissjoni wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej [2] ta' l-isem elenkat fl-Anness ta' hawnhekk, iżda dik l-oġġezzjoni ġiet irtirata wara li ġew ipprovduti spjegazzjonijiet adekwati. It-terminu "Serrano" huwa kkonsidrat speċifiku minnu nnifsu skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 5(1) tar-Regolamenti (KEE) Nru 2082/92, i.e. ma jistax jiġi tradott. Għalhekk għandu jintuża kif inhu. Aktar minn hekk, it-terminu "Serrano" huwa rreġistrat mingħajr preġudizzju għall-użu tat-terminu "muntanja". Ma hemm l-ebda konflitt bejn iż-żewġ termini. (4) Bħala konsegwenza, l-isem fl-Anness għandu jkun imdaħħal fir-Reġistru taċ-ċertifikati ta' karattru speċifiku u b'hekk protett bħala speċjalità tradizzjonali ggarantita fil-Komunità permezz ta' l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2082/92. Dan ifisser li l-isem jista' jintuża biss meta jkun hemm konformità ma' l-ispeċifikazzjoni. B'dana kollu, żmien tranżitorju ta' tliet xhur għandu jkun imħolli biex jintużaw il-ħażniet tal-prodotti li ma jilħqux l-ispeċifikazzjoni; (5) L-Anness miġjub hawn jissupplimenta l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2301/97 [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2527/98 [4], ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: L-Artikolu 1 L-isem stabbilit fl-Anness miġjub hawn huwa b'hekk miżjud ma' l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2301/97 u mdaħħal fir-Reġistru ta' ċertifikati ta' karattru speċifiku kif hemm provvediment dwar dan fl-Artikolu 9(1) tar-Regolamenti (KEE) Nru 2082/92. L-Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu japplika mill-1 ta' Marzu 2000. Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, 12 ta’ Novembru 1999. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 208, 24.07.92, p. 1. [2] ĠU Ċ 371, 01.12.98, p. 3. [3] ĠU L 319, 21.11.97, p. 8. [4] ĠU L 317, 26.11.98, p. 14. -------------------------------------------------- ANNESS "Jamón Serrano" (Artikolu 13(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2082/92 [1]. [1] Il-punti ewlenija fl-ispeċifikazzjoni jinsabu fil-ĠU C 371, 1.12.1998, p. 3. --------------------------------------------------