12004V233

Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU III - POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI - KAPITOLU III - POLITIKA F'OQSMA OĦRA - Sezzjoni 5 - Ambjent - Artikolu III-233

Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0103 - 0103


Artikolu III-233

1. Politika ta' l-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi għat-twettiq ta' l-għanijiet li ġejjin:

a) il-preservazzjoni, l-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità ta' l-ambjent;

b) il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;

ċ) l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali;

d) il-promozzjoni ta' miżuri f'livell internazzjonali sabiex jiġu trattati problemi ambjentali reġjonali jew mad-dinja kollha.

2. Il-politika ta' l-Unjoni dwar l-ambjent għandha timmira lejn livell għoli ta' protezzjoni meta titqies id-diversità tas-sitwazzjonijiet fir-reġjuni varji ta' l-Unjoni. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni u fuq il-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva, li l-ħsara ambjentali għandha bħala prijorità tiġi rettifikata fis-sorsi tagħha u li min iniġġeż għandu jħallas.

F'dan il-kuntest, miżuri ta' armonizzazzjoni bi tweġiba għall-ħtiġiet ta' protezzjoni ambjentali għandhom jinkludu, skond il-każ, klawżola ta' salvagwardja li tippermetti lill-Istati Membri li jieħdu miżuri provviżorji, għal raġunijiet ambjentali mhux ekonomiċi, bla ħsara għal proċedura ta' spezzjoni mill-Unjoni.

3. Fil-preparazzjoni tal-politika tagħha dwar l-ambjent, l-Unjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni:

a) data disponibbli xjentifika u teknika;

b) kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni varji ta' l-Unjoni;

ċ) il-benefiċċji potenzjali u l-ispiża ta' azzjoni jew tan-nuqqas ta' azzjoni;

d) l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' l-Unjoni in ġenerali u l-iżvilupp bilanċjat tar-reġjuni tagħha.

4. Fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet kompetenti internazzjonali. L-arranġamenti għall-koperazzjoni ta' l-Unjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta' ftehim bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi konċernati.

L-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta' l-Istati Membri li jinnegozjaw f'korpi internazzjonali u li jikkonkludu ftehim internazzjonali.

--------------------------------------------------