European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2256

10.10.2024

RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2256 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-11 ta’ April 2024

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) għas-sena finanzjarja 2022

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2022,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 03/2023 tal-Qorti tal-Awdituri;

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0120/2024),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2022 kien jammonta għal EUR 24 827 843, u dan jirrappreżenta żieda ta’ 5,25 % meta mqabbel mal-2021; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa ffinanzjat prinċipalment minn żewġ sorsi ta’ dħul, jiġifieri t-tariffi miġbura u l-kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2022 (ir-“rapport tal-Qorti”), tiddikjara li l-Qorti kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2022 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena attwali ta’ 99,26 %, u din tirrappreżenta żieda ta’ 5,20 % meta mqabbla ma’ dik tal-2021; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 70,12 % (inqas mill-mira ppjanata ta’ 75 % tal-Aġenzija), u din tirrappreżenta żieda ta’ 4,16 %, meta mqabbla ma’ dik tal-2021;

2.

Jinnota bi tħassib li l-Aġenzija kellha rata għolja ta’ riporti tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn għal diversi snin konsekuttivi, EUR 7,2 miljun fl-2022 (29,4 %), żieda żgħira meta mqabbla ma’ dik tal-2021 (29,9 %); ifakkar li l-awtorità ta’ kwittanza talbet lill-Aġenzija ssolvi l-kwistjoni; jinnota wkoll li EUR 5,5 miljun (jew 66,2 %) ta’ approprjazzjonijiet taħt it-Titolu III, kienu relatati man-nefqa operazzjonali, prinċipalment attivitajiet ewlenin tal-Aġenzija skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (66,4 % fl-2021); jinsisti li rati għolja rikorrenti ta’ riporti jistgħu jindikaw kwistjoni strutturali, ippjanar baġitarju dgħajjef, jew possibbilment ksur tal-prinċipju tal-annwalità tal-baġit; jinnota li mill-2023 l-Aġenzija introduċiet sessjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni trimestrali għall-maniġers tal-linja baġitarja tagħha li jitwettqu qabel kull rieżami baġitarju bl-għan li ttejjeb l-ippjanar tal-baġit u l-implimentazzjoni f’waqtha kemm tal-baġit kif ukoll tal-pjan tal-akkwist f’konformità mal-prinċipju tal-annwalità;

Prestazzjoni

3.

Jinnota li, bħal fis-snin preċedenti, il-maniġment tal-Aġenzija mmonitorja l-kisba tal-objettivi tal-programm ta’ ħidma permezz tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) tal-Aġenzija bl-użu tas-sistema ta’ “dwal tat-traffiku” tal-Aġenzija; jinnota wkoll li skont l-Aġenzija l-maġġoranza tal-KPIs normalment jibqgħu l-istess minn sena għal sena biex tiġi żgurata l-konsistenza fil-paraguni, iżda l-miri li għandhom jintlaħqu fis-sena inkwistjoni jiġu stabbiliti fuq bażi annwali; jirrakkomanda madankollu li l-Aġenzija tindirizza l-indikaturi li għadhom ma nkisbux jew li waqgħu lura u li l-Aġenzija tirfina l-KPIs fuq bażi regolari sabiex tottimizza l-prestazzjoni tagħha;

4.

Josserva li 82 % tal-programm ta’ ħidma nkiseb jew inkiseb b’xi problema żgħira u 18 % ma nkisibx jew il-kompiti relatati ġew deprijoritizzati jew posposti minħabba l-limitazzjoni fir-riżorsi umani disponibbli; jirrakkomanda li l-Aġenzija tivvaluta mill-ġdid il-fattibbiltà tal-programm ta’ ħidma fir-rigward tar-riżorsi umani disponibbli, peress li l-limitazzjoni ta’ riżorsi umani wriet li hija fattur ta’ spjegazzjoni fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma fis-snin preċedenti wkoll; jinnota, barra minn hekk, li l-miri tal-KPI ntlaħqu, bl-eċċezzjoni tar-rata tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament li laħqet 70,1 % (mira ta’ 75 %) fl-2022 meta mqabbla ma’ 65,9 % fl-2021;

5.

Jirrikonoxxi li l-invażjoni Russa tal-Ukrajna kienet teħtieġ azzjonijiet ta’ politika straordinarji biex tiġi ppreservata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u jiġu protetti l-konsumaturi, u dan żied ir-responsabbiltajiet tal-Aġenzija u affettwa l-ħidma tal-Aġenzija b’diversi modi; jinnota li f’dan il-kuntest ġew assenjati diversi kompiti komprensivi addizzjonali lill-Aġenzija matul is-sena (eż. il-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni finali tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa tal-Unjoni, il-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni jew tal-parametru referenzjarju tal-prezz tal-gass naturali likwifikat u l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq); jilqa’ l-isforzi tal-Aġenzija biex twettaq dawk il-kompiti addizzjonali u l-appoġġ addizzjonali lil dawk li jfasslu l-politika pprovdut fl-ambjent ta’ enerġija bi prezz għoli;

6.

Jieħu nota tal-osservazzjoni tal-Qorti fir-Rapport Speċjali Nru 03/2023 tagħha dwar is-suq intern tal-elettriku li tirreferi għal dgħufijiet fil-qafas ta’ monitoraġġ u rappurtar tal-Aġenzija; ifakkar li għalkemm il-programmi ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija semmew b’mod konsistenti li l-monitoraġġ huwa kompitu kritiku, il-programmi ta’ ħidma mhumiex espliċiti biżżejjed sabiex jiġi ċċarat kif huma ppjanati li jsiru l-monitoraġġ u r-rappurtar, minkejja l-obbligu tal-Aġenzija li tippreżenta l-eżiti kollha mistennija; jenfasizza li dan jaf idgħajjef l-akkontabbiltà tal-Aġenzija u jista’ jfixkel ukoll il-fehim mill-partijiet ikkonċernati rigward il-ħtiġijiet ta’ data tal-Aġenzija u l-involviment tagħha fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni;

Effiċjenza u titjib

7.

Josserva li l-Aġenzija, fuq bażi regolari, tivvaluta mill-ġdid, tottimizza u tissimplifika l-funzjonijiet ta’ appoġġ u l-proċessi amministrattivi tagħha b’diversi mezzi: il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-introduzzjoni tal-aħjar prattiki minn aġenziji oħra, ir-rieżami, id-dokumentazzjoni u l-awtomatizzazzjoni ta’ ċerti proċessi u ċ-ċentralizzazzjoni ta’ ċerti funzjonijiet ta’ appoġġ;

8.

Jieħu nota li l-Aġenzija wettqet analiżi tal-attività tat-tagħbija tax-xogħol (workload activity analysis) bl-appoġġ ta’ kumpanija ta’ konsulenza esterna biex tivvaluta l-istat attwali tagħha fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-kompiti jew tal-attivitajiet u biex tidentifika kemm il-lakuni u l-kwistjonijiet organizzattivi potenzjali, kif ukoll l-opportunitajiet ta’ sinerġiji u ambiti mtejba ta’ kontroll u allokazzjoni tal-kompiti; jinnota li dan irriżulta fi pjan ta’ azzjoni li jiġi mmonitorjat matul il-laqgħat tal-maniġment superjuri u sessjonijiet iddedikati għal dan l-għan;

9.

Jilqa’ l-użu mill-Aġenzija ta’ għadd ta’ għodod tal-IT għall-proċessi tal-akkwist (il-portal e-Submission, il-portal e-Tendering, e-Notices u e-Invoicing għal fatturi fl-ambitu tal-kuntratti DIGIT); jinnota li l-Aġenzija tuża wkoll Sysper, ARES (inkluża l-firma elettronika kwalifikata) u MiPS; jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa l-proċessi interni tagħha billi tagħmel użu mid-diġitalizzazzjoni, speċjalment meta din tiġġenera l-effiċjenza u l-iffrankar fil-kostijiet operattivi;

10.

Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f’termini ta’ operazzjoni u ġestjoni interni iżda wkoll sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tkompli tkun proattiva f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata, u jinsisti fuq il-ħtieġa li tiżdied l-azzjoni kontra l-attakki ċibernetiċi jew it-tentattivi ta’ infiltrazzjoni li joriġinaw b’mod partikolari mir-Russja jew miċ-Ċina;

Politika dwar il-persunal

11.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2022, 97,40 % tat-tabella tal-persunal kienet ġiet implimentata, u nħatru 74 aġent temporanju mis-76 aġent temporanju awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni (imqabbla ma’ 71 pożizzjoni awtorizzata fl-2021); jinnota li, barra minn hekk, 38 aġent kuntrattwali, seba’ esperti nazzjonali sekondati u 19-il membru tal-persunal interim u żewġ konsulenti ħadmu għall-Aġenzija fl-2022; itenni r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti dwar l-assenjazzjoni ta’ kompiti permanenti u kontinwi lil membri tal-persunal impjegati direttament;

12.

Jinnota li minħabba l-kuntratti fit-tul tal-membri tal-maniġment superjuri tal-Aġenzija (bl-esklużjoni ta’ dak tad-Direttur, li ma jintgħażilx mill-Aġenzija u għandu mandat b’terminu fiss), l-Aġenzija bħalissa mhijiex f’pożizzjoni li tbiddel fi żmien qasir il-bilanċ eżistenti bejn il-ġeneri tal-maniġment superjuri tagħha; jinnota li l-bord tal-amministrazzjoni tal-Aġenzija huwa magħmul minn għaxar nisa (53 %) u disa’ rġiel (47 %); itenni li fost il-persunal tiegħu b’mod ġenerali, is-sottorappreżentanza tan-nisa għadha tippersisti, 40 mara (35 %) għal 73 raġel (65 %), (37 % u 63 % fl-2021); ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal u jistieden lill-Aġenzija tqis dan l-aspett fir-rigward ta’ reklutaġġi ta’ persunal u ħatriet futuri fi ħdan il-maniġment superjuri tagħha; huwa konxju li l-Aġenzija approvat il-karta dwar id-diversità u l-inklużjoni, u kkonfermat l-impenn tagħha li ttejjeb il-politika u l-isforzi tagħha fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-diversità u l-inklużjoni; itenni t-talba tiegħu għal sforzi konċertati biex tiġi indirizzata s-sottorappreżentanza tan-nisa u jsir rapportar lura lill-awtorità ta’ kwittanza dwar miri kwantifikabbli biex dan jitwettaq fi ħdan l-Aġenzija;

13.

Jinnota li l-Aġenzija għandha politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali, u li l-Aġenzija hija parti minn task force interaġenzjali ta’ konsulenti kunfidenzjali; jistenna bil-ħerqa li jirċievi r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom; jinnota li ma kien hemm l-ebda każ irrappurtat ta’ fastidju fl-2022 u jħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli u tiżviluppa l-ħidma biex tipprevjeni każijiet fil-futur ukoll;

14.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija timmira li tiżviluppa qafas ta’ politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità;

Akkwist

15.

Jieħu nota li l-Aġenzija solviet parzjalment id-dgħufijiet preċedenti fl-akkwist identifikati mill-Qorti, speċjalment rigward l-ordnijiet tagħha ta’ oġġetti mhux koperti mil-listi tal-prezzijiet li rriżultaw f’opinjoni kwalifikata; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija għandha fis-seħħ sett sħiħ ta’ linji gwida għall-maniġers tal-proġetti tagħha inklużi mudelli u struzzjoni dettaljata għall-flussi tax-xogħol fis-seħħ f’konformità mar-rekwiżiti tar-regolament finanzjarju fil-qasam tal-akkwist pubbliku; jinnota li l-osservazzjoni tal-Qorti se tinżamm miftuħa sakemm jiskadu l-kuntratti qafas sottostanti;

16.

Jinnota li għadd totali ta’ 246 proċedura ta’ akkwist ta’ tipi differenti ġew konklużi fl-2022, meta mqabbel ma’ 200 fl-2021; ifakkar fl-importanza li l-proċeduri kollha ta’ akkwist jiżguraw kompetizzjoni ġusta bejn l-offerenti u jakkwistaw oġġetti u servizzi bl-aħjar prezz biex jiżguraw l-użu effiċjenti tal-baġit disponibbli, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji ta’ trasparenza, proporzjonalità, trattament ugwali u nondiskriminazzjoni; jinnota bi tħassib l-osservazzjoni tal-Qorti rigward id-dgħufijiet fl-akkwist pubbliku li qed jiżdiedu u li għadhom l-akbar sors ta’ pagamenti irregolari għall-biċċa l-kbira tal-aġenziji;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

17.

Jinnota li fl-2022 l-Aġenzija kompliet timplimenta l-politika komprensiva tagħha għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, inklużi dispożizzjonijiet relatati mal-persunal, il-bordijiet, il-gruppi ta’ ħidma u t-task forces tagħha; jinnota wkoll li f’Diċembru 2022 il-Bord tal-Amministrazzjoni adotta Linji Gwida aktar stretti dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess għall-Bord tal-Amministrazzjoni u l-Bord tal-Appell; jinnota, barra minn hekk, li l-Linji Gwida jikkomplementaw il-politika ġenerali eżistenti tal-Aġenzija dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess li ġiet stabbilita fl-2015 u jipprovdu fehim addizzjonali lill-membri tal-Bord fit-twettiq ta’ dmirijiethom skont il-politika tal-Aġenzija dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, filwaqt li jipprovdu wkoll linji gwida addizzjonali lill-Bord ta’ Rieżami fil-valutazzjoni taċ-ċirkostanzi li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta’ interess;

18.

Josserva li fl-2022 ġie indikat każ wieħed ta’ kunflitt ta’ interess li jikkonċerna membru tal-persunal; jieħu nota li l-Kap tad-Dipartiment iddeċieda li l-membru tal-persunal ma għandux ikun involut f’ċerti każijiet li jinvolvu l-impjegatur preċedenti tiegħu u, barra minn hekk, dan ġie kkonfermat mis-servizzi legali tal-Aġenzija, il-korrispondent tal-etika u r-riżorsi umani u ġie rifless f’Nota għall-Fajl;

19.

Jiddispjaċih li, skont ir-Rapport Speċjali Nru 03/2023 tal-Qorti dwar is-suq intern tal-elettriku, is-sit web tal-Aġenzija jitħaddem b’mod ineffettiv peress li d-dokumenti ewlenin għall-partijiet ikkonċernati u għall-pubbliku ġenerali mhumiex aċċessibbli faċilment, jew lanqas biss jiġu ppubblikati; jinnota, barra minn hekk, li s-sit web ma għandux it-trasparenza meħtieġa għal għodda ta’ komunikazzjoni u f’ċerti każijiet, lanqas biss jikkonforma mar-rekwiżiti regolatorji; jitlob lill-Aġenzija ttejjeb b’urġenza t-trasparenza u l-akkontabbiltà ta’ xogħolha billi tiffaċilita l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u d-data li jinsabu fis-sit web tagħha, tiżgura l-pubblikazzjoni sħiħa u f’waqtha tad-deċiżjonijiet u tad-data tagħha skont ir-rekwiżiti legali, u tintroduċi politika ta’ trasparenza definita b’mod ċar ibbażata fuq l-aħjar prattiki;

20.

Jinsab imħasseb dwar l-osservazzjonijiet fir-Rapport Speċjali Nru 03/2023 tal-Qorti dwar is-suq intern tal-elettriku, li jindikaw li l-istruttura ta’ governanza tal-Aġenzija xxekkel l-effikaċja u l-indipendenza tagħha; jinnota li, kif enfasizzat mill-Qorti, id-Direttur tal-Aġenzija jeħtieġlu jikseb approvazzjoni mill-Bord tar-Regolaturi għal outputs regolatorji ewlenin; jinnota, barra minn hekk, li minkejja li l-Bord tar-Regolaturi huwa magħmul minn rappreżentant wieħed tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali (ARN) għal kull Stat Membru u għandu l-kompitu li jaġixxi fl-interess uniku tal-UE kollha kemm hi, ir-Regolament tal-Aġenzija ma għandu l-ebda salvagwardja leġiżlattiva biex jevita l-involviment tar-rappreżentanti fid-deċiżjonijiet tal-Bord tar-Regolaturi li jmorru kontra deċiżjonijiet speċifiċi tal-ARN jew l-interessi nazzjonali (meta jiġu difiżi mill-ARN skont l-istatus legali tagħhom); jinnota wkoll li l-għarfien espert estern fl-Aġenzija jiddependi ħafna mill-involviment tal-esperti tal-ARN fil-gruppi ta’ ħidma u t-task forces u li għalkemm l-esperti tal-ARN jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal kunflitti ta’ interess, ma huma meħtieġa jiffirmaw l-ebda dikjarazzjoni dwar il-kunflitti ta’ interess; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u tipproponi titjib fil-governanza tal-Aġenzija billi ssaħħaħ l-indipendenza mill-ARN u l-interessi nazzjonali, is-setgħat tal-infurzar, u l-għodod ta’ konverġenza;

21.

Josserva li fir-rapport speċjali msemmi hawn fuq, il-Qorti nnutat ukoll dgħufijiet fl-implimentazzjoni tar-regoli interni tal-Aġenzija dwar il-ġestjoni u l-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi għall-membri tal-Bord tar-Regolaturi u tal-Bord tal-Amministrazzjoni; jenfasizza li jekk ikun hemm aktar trasparenza fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet u tal-gruppi ta’ ħidma tal-Aġenzija dan jista’ jikkontribwixxi għall-iskrutinju pubbliku tal-interessi konfliġġenti (eż. il-pubblikazzjoni tal-minuti u r-riżultati tal-votazzjoni);

22.

Jieħu nota li l-laqgħat tal-Aġenzija mal-lobbisti jiġu rreġistrati fil-livell tal-laqgħat tad-direttur u jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija;

23.

Ifakkar ukoll fl-importanza li l-Aġenzija tiżviluppa viżibbiltà akbar fil-media, l-internet u l-media soċjali sabiex tagħmel xogħolha magħruf maċ-ċittadini;

Kontroll intern

24.

Jinnota li bl-għan li tissaħħaħ is-sistema ta’ kontroll intern, matul l-2022 ġew riveduti għadd ta’ politiki interni inkluża d-Deċiżjoni tad-Direttur 2022–14 tat-13 ta’ Settembru 2022 li tistabbilixxi r-reġistru tal-eċċezzjonijiet u l-avvenimenti ta’ nuqqas ta’ konformità, li tistabbilixxi l-proċedura għat-talba ta’ eċċezzjonijiet u r-rappurtar ta’ avvenimenti ta’ nuqqas ta’ konformità; Id-Deċiżjoni tad-Direttur 2022–08 tal-21 ta’ Ġunju 2022 li tadotta l-politika u l-proċedura għall-ġestjoni ta’ funzjonijiet sensittivi u tħassar id-Deċiżjoni tad-Direttur 2019–06 tat-2 ta’ April 2019 dwar l-adozzjoni tal-Politika u l-proċedura għall-ġestjoni ta’ funzjonijiet sensittivi; u d-deċiżjoni tal-bord amministrattiv li temenda d-Deċiżjoni Nru 17/2022 tal-bord amministrattiv tat-13 ta’ Diċembru 2018 dwar il-qafas ta’ kontroll intern tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija;

25.

Jieħu nota li skont ir-rapport annwali tal-Qorti, f’Diċembru 2022, ġiet awtorizzata ordni ta’ pagament ta’ EUR 714 720 minn uffiċjal awtorizzanti b’delega li s-setgħat ta’ awtorizzazzjoni tiegħu kienu limitati għal EUR 500 000; jenfasizza li dan jindika dgħufija fil-kontrolli interni tal-Aġenzija fir-rigward tad-delega tas-setgħat għall-awtorizzazzjoni tal-pagamenti; jitlob lill-Aġenzija tieħu passi biex tiżgura li l-limiti jiġu infurzati għal kull ordni ta’ pagament;

Kummenti oħra

26.

Jinnota b’apprezzament li fl-2022 l-Aġenzija bdiet timplimenta pjan ta’ Ttestjar tal-Penetrazzjoni biex tirrieżamina l-applikazzjonijiet eżistenti u mibnija ġodda kollha esposti għall-internet bl-għan li jsir ittestjar regolari tal-penetrazzjoni mill-inqas darba kull tliet snin;

27.

Jilqa’ l-fatt li fl-2022 l-Aġenzija ffirmat il-kuntratt qafas interistituzzjonali dwar is-servizzi ta’ konsulenza għall-implimentazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ sistema ta’ ġestjoni ambjentali (EMAS); jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija kompliet l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar l-Ekoloġizzazzjoni 2021-2022 u eżaminat il-possibbiltà li tieħu passi ulterjuri biex tissodisfa aħjar l-istandards EMAS flimkien ma’ sid il-kera minħabba l-limitazzjonijiet u r-restrizzjonijiet imposti mill-ispeċifiċitajiet tal-bini mikri;

28.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ April 2024 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 38, 31.1.2023, p. 87.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).

(3)  Testi adottati, P9_TA(2024)0280.


ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2256/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)