8.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 5/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/15

tas-7 ta' Jannar 2016

li japprova l-programm ta' kontroll għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għas-Salmonella fit-tiġieġ tal-bajd u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 fir-rigward tal-entrata għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-lista ta' pajjiżi terzi li minnhom jista' jiġi introdott fl-Unjoni l-bajd tal-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-frażi introduttorja tal-Artikolu 8, l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 8, il-punti 3 u 4 tal-Artikolu 8, u l-Artikolu 9(2)(b) u l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 fuq il-kontroll tas-salmonella u aġenti żoonotiċi oħra speċifiċi li jkun hemm ġewwa l-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 (4) jipprevedi li t-tjur u l-prodotti tat-tjur (“il-komoditajiet”) għandhom ikunu importati fl-Unjoni, u jgħaddu biss bi tranżitu mill-pajjiżi terzi, mit-territorji, miż-żoni jew mill-kompartimenti li huma elenkati fil-kolonni 1 u 3 tat-tabella li tinsab fil-Parti 1 tal-Anness I tiegħu.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 798/2008 jistipula wkoll ir-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni veterinarja għall-komoditajiet konċernati. Dawk ir-rekwiżiti jqisu jekk humiex meħtieġa kundizzjonijiet speċifiċi jew le minħabba l-istat tal-mard ta' dawk il-pajjiżi terzi, it-territorji, iż-żoni jew il-kompartimenti. Dawk il-kundizzjonijiet speċifiċi, kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji li jridu jakkumpanjaw l-importazzjonijiet ta' dawk il-komoditajiet, huma stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness I ta' dak ir-Regolament.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jistipula regoli għall-kontroll tas-Salmonella f'popolazzjonijiet differenti ta' tjur fl-Unjoni. Dan jipprevedi li l-ammissjoni jew iż-żamma fil-listi ta' pajjiżi terzi previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għall-ispeċijiet jew il-kategoriji rilevanti, li minnhom l-Istati Membri huma awtorizzati li jimportaw bajd tal-ikel minn tjur koperti minn dak ir-Regolament huma suġġetti għas-sottomissjoni lill-Kummissjoni mill-pajjiż terz ikkonċernat ta' programm ta' kontroll tas-Salmonella b'garanziji ekwivalenti għal dawk li jinsabu fil-programmi ta' kontroll nazzjonali għas-Salmonella fl-Istati Membri. F'dak ir-rigward huma inklużi wkoll il-garanziji u l-informazzjoni rilevanti fil-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji rilevanti għal dawk il-prodotti stipulati fil-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008.

(4)

L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (5) introduċiet talba għall-awtorizzazzjoni tal-importazzjonijiet tal-bajd għall-konsum mill-bniedem u tal-laħam tat-tjur fl-Unjoni. Il-Kummissjoni evalwat b'mod pożittiv l-informazzjoni sottomessa fir-rigward tal-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali f'dak il-pajjiż terz meħtieġa għall-importazzjoni u t-tranżitu ta' dawn il-komoditajiet. Ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjonijiet tal-laħam tat-tjur frisk fl-Unjoni huma iktar strinġenti minn dawk għal bajd għall-konsum mill-bniedem minħabba l-possibbiltà ta' riskju ikbar tat-trażmissjoni tal-mard marbut ma' dik il-komodità. Fl-2016 hemm skedata verifika tal-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju sabiex tivvaluta kompletament l-istat tas-saħħa tat-tjur u l-kundizzjonijiet għall-importazzjonijiet tal-laħam tat-tjur. Sakemm issir dik il-verifika, jixraq li l-awtorizzazzjoni tal-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-bajd tal-ikel għall-konsum uman tkun limitata.

(5)

L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ssottomettiet il-programm ta' kontroll tagħha għas-Salmonella fil-qatgħat li jbidu tal-ispeċi Gallus gallus lill-Kummissjoni. Instab li dan il-programm jipprovdi garanziji ekwivalenti għall-garanziji previsti fir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 u għalhekk għandu jiġi approvat.

(6)

L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja hija elenkata fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/163/UE (6) u għandha pjan ta' monitoraġġ għar-residwi approvat għall-bajd.

(7)

B'konsegwenza tal-ekwivalenza tal-programm ta' kontroll għas-Salmonella, l-importazzjonijiet tal-bajd tal-ikel mill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandhom ikunu awtorizzati. Għalhekk l-entrata għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 għandha tiġi emendata skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni tal-programm ta' kontroll

Il-programm ta' kontroll sottomess mill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja f'konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 huwa b'dan approvat fir-rigward tas-Salmonella fil-qatgħat li jbidu ta' Gallus gallus.

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 798/2008

L-entrata għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 hija emendata f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)   ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1.

(3)   ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 tat-8 ta' Awwissu 2008 li jistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kompartimenti li minnhom jistgħu jiġu importati u jsir tranżitu ta' tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1).

(5)  L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; kodiċi provviżorju li ma jippreġudika bl-ebda mod in-nomenklatura definittiva għal dan il-pajjiż, li tiġi miftiehma wara l-konklużjoni tan-negozjati li fil-preżent qed isiru dwar dan is-suġġett fin-Nazzjonijiet Uniti.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/163/UE tas-16 ta' Marzu 2011 dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet sottomessi mill-pajjiżi terzi skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE (ĠU L 70, 17.3.2011, p. 40).


ANNESS

Fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008, l-entrata għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tinbidel b'dan li ġej:

Kodiċi ISO u isem tal-pajjiż terz jew tat-territorju

Kodiċi tal-pajjiż terz, tat-territorju, taż-żona jew tal-kompartiment

Deskrizzjoni tal-pajjiż terz, tat-territorju, taż-żona jew tal-kompartiment

Ċertifikat veterinarju

Kundizzjonijiet speċifiċi

Kundizzjonijiet speċifiċi

Stat tas-sorveljanza tal-influwenza avjarja

Stat tat-tilqim kontra l-influwenza avjarja

Stat tal-kontroll tas-salmonella

Mudell(i)

Garanziji addizzjonali

Data tal-għeluq (1)

Data tal-ftuħ (2)

1

2

3

4

5

6

6 A

6 B

7

8

9

“MK — l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (4)

MK-0 (4)

Il-pajjiż kollu

E, EP”