SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla Intermedja)

10 ta’ Settembru 2025 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tal-EUIPO li ma jippreżentax lill-Kunsill proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent – Deċiżjoni tal-Kunsill li ma jestendix il-mandat tar-rikorrent – Dritt għal smigħ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà”

Fil-Kawżi T‑435/23 u T‑224/24,

YL, irrappreżentat minn A. Guillerme, T. Bontinck u L. Bouchet, avukati,

rikorrent fil-Kawżi T‑435/23 u T‑224/24

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u A.-L. Meyer, bħala aġenti,

konvenut fil-Kawżi T‑435/23 u T‑224/24,

sostnut minn

Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn K. Pommere u J. Davidoviča, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u M. Horoszko, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn A. Pimenta, P. Barros da Costa, M. Ramos u V. Couto, bħala aġenti,

u minn

Ir-Repubblika tas-Slovakkja, irrappreżentata minn E. Larišová u A. Lukáčik, bħala aġenti,

intervenjenti fil-Kawża T‑435/23,

u

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Lukošiūtė, E. Lekan u G. Bertoli, bħala aġenti,

konvenut fil-Kawża T‑435/23,

sostnut minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u M. Horoszko,

u minn

Ir-Repubblika tas-Slovakkja, irrappreżentata minn E. Larišová u A. Lukáčik,

intervenjenti fil-Kawża T‑435/23,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla Intermedja),

komposta minn R. da Silva Passos, li qiegħed jaġixxi bħala President, J. Svenningsen, O. Porchia, H. Kanninen, L. Madise, N. Półtorak, P. Nihoul, S. Verschuur (Relatur) u H. Cassagnabère, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑10 ta’ April 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu fil-Kawża T‑435/23, ibbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent, YL, jitlob, fl-ewwel lok, l-annullament, l-ewwel nett, ta’ diversi deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) fit‑22 ta’ Novembru 2022, jiġifieri dik li ma tiġix ppreżentata lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu bħala direttur eżekuttiv tal-EUIPO (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent”) u dawk li titnieda l-proċedura ta’ għażla għall-pożizzjoni ta’ direttur eżekuttiv, li jinkludu l-istadji u l-kalendarju indikattiv tal-imsemmija proċedura ta’ għażla (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla”), it-tieni nett, tad-deċiżjoni meħuda mill-Bord tat-Tmexxija tal-EUIPO fis‑6 ta’ Marzu 2023 li jissospendi temporanjament is-setgħat tiegħu relatati mal-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“ATĦ”) u dawk relatati mal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ”) u, it-tielet nett, tad-deċiżjoni tal-Kunsill li ma jestendix il-mandat tiegħu, kif riflessa fl-ittra tat‑30 ta’ Mejju 2023 tal-President tal-Kunsill lill-President tal-Bord tat-Tmexxija tal-EUIPO (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat”), u, fit-tieni lok, jitlob il-kumpens għad-dannu materjali u morali allegatament imġarrab minnu.

2

Permezz tar-rikors tiegħu fil-Kawża T‑224/24, ibbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat kif ukoll il-kumpens għad-dannu materjali u morali li huwa allegatament ġarrab minħabba l-imsemmija deċiżjoni.

Fatti li wasslu għall‑kawża u fatti sussegwenti għall‑introduzzjoni tar‑rikorsi

3

Fit‑18 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrent inħatar, skont l-Artikolu 158(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), bħala direttur eżekuttiv tal-EUIPO (iktar ’il quddiem id-“direttur eżekuttiv”) għal perijodu ta’ ħames snin, mill‑1 ta’ Ottubru 2018 sat‑30 ta’ Settembru 2023.

4

Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas‑27 ta’ Lulju 2022, il-President tal-Bord tat-Tmexxija tal-EUIPO (iktar ’il quddiem il-“Bord tat-Tmexxija”) informa lir-rikorrent li, waqt il-laqgħa li jmiss tiegħu f’Novembru 2022, il-Bord tat-Tmexxija kien ser ikun obbligat jieħu deċiżjoni dwar estensjoni possibbli tal-mandat tiegħu. Fl-istess messaġġ elettroniku, il-President tal-Bord tat-Tmexxija talab lir-rikorrent jindikalu jekk xtaqx ikompli bil-funzjonijiet tiegħu fi ħdan l-EUIPO u jekk huwa kienx disponibbli. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Awwissu 2022, ir-rikorrent wieġeb fl-affermattiv.

5

Fis‑27 ta’ Ottubru 2022, is-segretarjat tal-Bord tat-Tmexxija kkomunika lir-rikorrent l-abbozz tan-nota MB/22/S14/4.1/EN(O), intitolat “Proposta ta’ estensjoni tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv tal-[EUIPO]”, li kien jinkludi, minn naħa, evalwazzjoni tal-prestazzjoni tiegħu matul l-ewwel mandat tiegħu u, min-naħa l-oħra, deskrizzjoni tal-missjonijiet u tal-isfidi futuri tal-EUIPO. Fil-messaġġ elettroniku li miegħu ntbagħat, is-segretarjat tal-Bord tat-Tmexxija indika li l-abbozz kien ser jintbagħat lill-President tal-imsemmi bord għall-approvazzjoni filgħaxija stess. Fl-istess jum, ir-rikorrent wieġeb b’xi kummenti dwar l-abbozz.

6

Fil‑31 ta’ Ottubru 2022, il-President tal-Bord tat-Tmexxija ssottometta lill-membri tal-istess bord il-verżjoni definittiva tan-nota MB/22/S14/4.1/EN(O) (iktar ’il quddiem in-“nota tal‑31 ta’ Ottubru 2022”). Din bdiet billi tispjega, minn naħa, li l-għan tagħha kien li tipprovdi lill-membri tal-Bord tat-Tmexxija l-informazzjoni rilevanti sabiex jeżaminaw il-prestazzjoni tar-rikorrent, li l-mandat tiegħu kien ser jintemm fit‑30 ta’ Settembru 2023, u, min-naħa l-oħra, il-membri tal-Bord tat-Tmexxija kienu mistiedna jadottaw deċiżjoni dwar estensjoni tal-mandat tar-rikorrent biex tiġi proposta lill-Kunsill. Ġie ppreċiżat ukoll f’din in-nota li, fil-każ li l-vot tal-Bord tat-Tmexxija ma jilħaqx il-maġġoranza meħtieġa, dan tal-aħħar jintalab jadotta deċiżjoni dwar it-tnedija tal-proċedura ta’ għażla permezz tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjoni kkonċernata. Fil-parti intitolata “Konklużjoni” tal-imsemmija nota, kien indikat li, skont il-President tal-Bord tat-Tmexxija, “l-eżami [seta’] jitqies bħala pożittiv”.

7

Waqt il-laqgħa tiegħu tat‑22 ta’ Novembru 2022, il-Bord tat-Tmexxija adotta d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent. Din id-deċiżjoni kienet ifformulata kif ġej:

“Deċiżjoni li ma tiġix ppreżentata lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea proposta ta’ estensjoni tal-mandat [tar-rikorrent] bħala Direttur Eżekuttiv għal perijodu addizzjonali ta’ ħames snin, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-eżami tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tiegħu matul l-ewwel mandat tiegħu kif ukoll tal-missjonijiet u tal-isfidi futuri tal-[EUIPO]. Id-deċiżjoni ma laħqitx il-maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri bi ħdax-il vot favur, seba’ voti kontra u tnax-il astensjoni.”

8

Fil-laqgħa tiegħu tat‑22 ta’ Novembru 2022, il-Bord tat-Tmexxija adotta wkoll id-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla.

9

Fit‑22 ta’ Novembru 2022, diversi gazzetti Spanjoli rrappurtaw il-fatt li l-Bord tat-Tmexxija kien iddeċieda li ma jippreżentax lill-Kunsill proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent bħala Direttur Eżekuttiv.

10

Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas‑7 ta’ Diċembru 2022, il-Bord tat-Tmexxija bagħat lill-Kunsill id-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent u d-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla, filwaqt li indika dan li ġej:

“Waqt [il-laqgħa tat‑22 ta’ Novembru 2022], il-[Bord tat-Tmexxija] iddeċieda li ma jippreżentax lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea proposta ta’ estensjoni tal-mandat [tar-rikorrent] bħala Direttur Eżekuttiv għal perijodu addizzjonali ta’ ħames snin, fid-dawl tal-eżami tal-evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tiegħu matul l-ewwel mandat tiegħu kif ukoll tal-missjonijiet u tal-isfidi futuri tal-[EUIPO]. Din id-deċiżjoni ttieħdet skont l-Artikolu 158(3) tar-[Regolament 2017/1001] ([d]eċiżjoni MB-22-19).

Konsegwentement, matul l-istess laqgħa, il-[Bord tat-Tmexxija] ddeċieda li jniedi l-proċedura ta’ għażla għall-pożizzjoni ta’ direttur eżekuttiv, vakanti mill‑1 ta’ Ottubru 2023, u li jadotta l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ([d]eċiżjoni MB-22-20). Il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti hija prevista f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit‑8 ta’ Diċembru 2022.

Skont l-Artikolu 158(2) tar-[Regolament 2017/1001], il-[Bord tat-Tmexxija] għandu jiddeċiedi fil-laqgħa tiegħu li jmiss, fis‑6 ta’ Ġunju 2023, fuq il-bażi ta’ lista ta’ mhux iktar minn [tliet] kandidati li għandha tiġu ppreżentata lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ħatra ta’ direttur eżekuttiv ġdid.”

11

L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit‑8 ta’ Diċembru 2022. Dan kien jipprevedi, b’mod partikolari, li l-kandidat kellu jkun f’pożizzjoni li jwettaq l-ewwel mandat sħiħ ta’ ħames snin qabel ma jilħaq l-età tal-irtirar ta’ 66 sena.

12

Matul Jannar 2023, ir-rikorrent iddeċieda li ma jġeddidx il-kuntratti ta’ sitt esperti nazzjonali kkollokati lill-EUIPO, liema kuntratti kienu waslu biex jiskadu.

13

Fil‑31 ta’ Jannar 2023, l-abbozz tal-minuti tal-laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija tat‑22 ta’ Novembru 2022 tqassmu lill-persuni li pparteċipaw fl-imsemmija laqgħa.

14

Fit‑3 ta’ Frar 2023, ir-rikorrent talab li fil-minuti tal-laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija tat‑22 ta’ Novembru 2022 jiżdiedu d-dikjarazzjonijiet li huwa kien għamel wara li sar jaf bid-deċiżjoni negattiva tal-Bord tat-Tmexxija dwar l-estensjoni possibbli tal-mandat tiegħu.

15

Fl-istess jum, l-avukati tar-rikorrent talbu lill-President tal-Bord tat-Tmexxija jindikalhom il-miżuri adottati b’reazzjoni għall-iżvelar magħmul mill-istampa dwar il-laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija tat‑22 ta’ Novembru 2022 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq).

16

Fis‑17 ta’ Frar 2023, ir-rikorrent ressaq, quddiem il-Bord tat-Tmexxija, ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) kontra d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu u d-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla u talab, f’dan ir-rigward, kumpens għad-dannu materjali tiegħu fl-ammont ta’ EUR 442 561.11, kif ukoll għad-dannu morali tiegħu fl-ammont ta’ EUR 75000.

17

Fit‑18 ta’ Frar 2023, wieħed mill-avukati tar-rikorrent, permezz ta’ messaġġ elettroniku, bagħat kopja tal-ilment ta’ dan tal-aħħar lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali u lid-Direttur Ġenerali tas-Servizz ta’ Awditu Intern tal-Kummissjoni Ewropea.

18

Fit‑22 ta’ Frar 2023, ir-rikorrent, matul konverżazzjoni telefonika, indika lill-President tal-Bord tat-Tmexxija li l-affiljazzjoni tiegħu mas-sottokumitat preparatorju għall-għażla tad-direttur eżekuttiv ġdid ma kinitx tpoġġih f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi.

19

Fl‑24 ta’ Frar 2023, il-President tal-Bord tat-Tmexxija wieġeb għall-ittra tal-avukati tar-rikorrent tat‑3 ta’ Frar 2023 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), billi indika li ma kien seħħ ebda żvelar mhux awtorizzat ta’ data.

20

Fis‑27 ta’ Frar 2023, il-President tal-Bord tat-Tmexxija bagħat nota kunfidenzjali lill-membri ta’ dan il-bord fid-dawl tal-laqgħa tas‑6 ta’ Marzu 2023. Din in-nota kienet intiża, l-ewwel nett, sabiex tinforma lill-Bord tat-Tmexxija bil-fatt li r-rikorrent kien ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu u kontra d-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla, it-tieni nett, sabiex tiġi adottata deċiżjoni sabiex ir-rikorrent jiġi eskluż mis-sottokumitat preparatorju għar-reklutaġġ ta’ direttur eżekuttiv ġdid u, it-tielet nett, sabiex tiġi adottata deċiżjoni li tissospendi, skont l-Artikolu 153(2) tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni MB-17-01 tal-Bord tat-Tmexxija, tal‑21 ta’ Marzu 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni MB-17-01”), li tirregola d-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ u mal-ASTK (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, is-“setgħat relatati mal-ATĦ”), id-delega, magħmula lir-rikorrent, tal-imsemmija setgħat kif ukoll li tillimita s-setgħat ta’ tmexxija tal-affarijiet kurrenti għall-funzjonament tal-EUIPO.

21

Fl‑1 ta’ Marzu 2023, ir-rikorrent bagħat nota lill-membri tal-Bord tat-Tmexxija sabiex jagħti spjegazzjonijiet dwar l-ilment li huwa kien ressaq fis‑17 ta’ Frar 2023 kontra d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu u d-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla (ara l-punt 16 iktar ’il fuq) u ċ-ċirkustanzi li kienu relatati miegħu u sabiex jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar l-informazzjoni informali li huwa kien irċieva dwar id-deċiżjonijiet possibbli previsti. F’din in-nota, huwa indika li kien ser jissuġġetta ruħu għad-deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija fil-każ ta’ adozzjoni ta’ mozzjoni intiża li teskludih mis-sottokumitat preparatorju għall-għażla tad-direttur eżekuttiv ġdid (ara l-punt 20 iktar ’il fuq).

22

Waqt il-laqgħa tiegħu tas‑6 ta’ Marzu 2023, il-Bord tat-Tmexxija adotta diversi deċiżjonijiet, fosthom id-deċiżjoni MB-23-03 li teskludi lir-rikorrent mis-sottokumitat preparatorju għall-għażla tad-direttur eżekuttiv ġdid u d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ. Ftit żmien wara, din l-aħħar deċiżjoni nġiebet għall-attenzjoni tal-persunal tal-EUIPO u dehru wkoll artikli dwar dan fl-istampa.

23

Fil‑15 ta’ Marzu 2023, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ikkonferma li rċieva l-messaġġ elettroniku tas‑7 ta’ Diċembru 2022 li miegħu ġew mehmuża d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent u d-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla (ara l-punt 10 iktar ’il fuq).

24

Fis‑17 ta’ Marzu 2023, ir-rikorrent, abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ressaq ilment kontra d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ u talab f’dan ir-rigward kumpens għad-dannu morali tiegħu fl-ammont ta’ EUR 50000.

25

Fit‑22 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill bagħat messaġġ elettroniku fejn talab lill-Bord tat-Tmexxija, irrappreżentat mill-President tiegħu, jippreżentalu l-eżami mwettaq skont l-Artikolu 158(3) tar-Regolament 2017/1001 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq).

26

B’risposta għall-imsemmija messaġġ elettroniku tat‑22 ta’ Marzu 2023, fil‑25 ta’ April 2023, il-President tal-Bord tat-Tmexxija bagħat in-nota tal‑31 ta’ Ottubru 2022 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), billi indika, essenzjalment, fl-ittra li takkumpanja n-nota, li, wara l-eżami tal-imsemmija nota, il-Bord tat-Tmexxija kien ċaħad il-proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu. Huwa ppreċiża li din il-proposta ma kinitx kisbet il-maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija, peress li ħdax-il membru vvutaw għat-tiġdid u sebgħa kontra, filwaqt li tnax-il membru kienu astjenew.

27

Id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat ġiet riflessa f’ittra tat‑30 ta’ Mejju 2023, ikkomunikata lill-EUIPO fl-istess jum, li fiha l-President tal-Kunsill indika li l-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tat-Tmexxija kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kunsill u li l-maġġoranza sempliċi meħtieġa għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent ma kinitx intlaħqet. Skont din l-ittra, il-Kunsill talab lill-Bord tat-Tmexxija jibgħatlu lista ta’ kandidati, biex minn fosthom huwa jagħżel id-direttur eżekuttiv ġdid.

28

Fit‑12 ta’ Ġunju 2023, il-Bord tat-Tmexxija aċċetta li jżid, fl-abbozz tal-minuti tal-laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija tat‑22 ta’ Novembru 2022, sunt tad-dikjarazzjonijiet li r-rikorrent kien talab iż-żieda tagħhom (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

29

Fis‑16 ta’ Ġunju 2023, il-Bord tat-Tmexxija ċaħad l-ilment tar-rikorrent li jirrigwarda d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta tal-estensjoni tal-mandat tiegħu u d-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

30

Fis‑17 ta’ Lulju 2023, il-Bord tat-Tmexxija ċaħad l-ilment tar-rikorrent kontra d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ (ara l-punt 24 iktar ’il fuq, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kontra d-deċiżjoni MB-23-04”).

31

Fid‑19 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill ħatar lil [kunfidenzjali] ( 1 ) bħala Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO.

32

Fis‑26 ta’ Lulju 2023, ir-rikorrent ippreżenta rikors fil-Kawża T‑435/23, kontra d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu, id-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla, id-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ u d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat.

33

Fil‑11 ta’ Awwissu 2023, ir-rikorrent ġie informat mill-Kunsill bi ksur ta’ data personali li tikkonċernah, li kien ġie skopert fis‑17 ta’ Lulju 2023. B’mod iktar preċiż, persuna mhux awtorizzata kienet niżżlet, mis-servers informatiċi tal-Kunsill, id-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent, in-nota tal‑31 ta’ Ottubru 2022 kif ukoll l-evalwazzjoni li kienet saret fir-rigward tal-ewwel mandat tar-rikorrent.

34

Fit‑30 ta’ Awwissu 2023, ir-rikorrent ressaq ilment quddiem il-Kunsill skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat u talab, f’dan ir-rigward, kumpens għad-dannu materjali tiegħu fl-ammont ta’ EUR 364 728.64 kif ukoll għad-dannu morali tiegħu fl-ammont ta’ EUR 125000.

35

Peress li ma rċeviex deċiżjoni dwar l-ilment tiegħu tat‑30 ta’ Awwissu 2023 kontra d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat qabel it-terminu ta’ erba’ xhur previst mill-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri t‑30 ta’ Diċembru 2023, ir-rikorrent qies li l-imsemmi lment kien ġie impliċitament miċħud mill-Kunsill.

36

Fis‑6 ta’ Frar 2024, fil-kuntest tal-Kawża T‑435/23, ir-rikorrent ippreżenta fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali dokument intitolat “Nota ta’ adattament”, li fih talab li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ilment li huwa kien ressaq fit‑30 ta’ Awwissu 2023 kien ġie miċħud impliċitament fit‑30 ta’ Diċembru 2023.

37

Fis‑27 ta’ Frar 2024, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tiċħad espliċitament l-ilment tar-rikorrent kontra d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat.

38

Fit‑22 ta’ April 2024, ir-rikorrent ippreżenta r-rikors fil-Kawża T‑224/24.

It-talbiet tal-partijiet

39

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat, id-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla, id-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ u d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat;

–

tikkundanna lill-EUIPO u lill-Kunsill konġuntament, fil-Kawża T‑435/23, u lill-Kunsill, fil-Kawża T‑224/24, għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu materjali mġarrab, li jammonta f’kull kawża, għal EUR 364 728.64, miżjud bil-kontribuzzjoni tal-irtirar korrispondenti, bla ħsara għal żieda matul il-proċedura u bla ħsara għall-interessi moratorji;

–

tikkundanna lill-EUIPO, fil-Kawża T‑435/23, u lill-Kunsill, fil-Kawża T‑224/24, għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu morali mġarrab, li jammonta għal EUR 125000, bla ħsara għal żieda matul il-proċedura u bla ħsara għall-interessi moratorji;

–

tikkundanna lill-EUIPO u lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha.

40

Fil-Kawża T‑435/23, il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Repubblika Portugiża u mir-Repubblika Slovakka, kif ukoll l-EUIPO, sostnut mir-Repubblika tal-Polonja u mir-Repubblika Slovakka, u, fil-Kawża T‑224/24, il-Kunsill jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli;

–

sussidjarjament, tiċħad ir-rikorsi bħala infondati;

–

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

41

Fl-istess kawża, ir-Repubblika tal-Latvja titlob li r-rikors jiġi miċħud.

Id-dritt

42

Wara li l-partijiet nstemgħu f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tas-sentenza, konformement mal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Fuq il-bażi legali tar-rikorsi

Osservazzjonijiet preliminari

43

Għandu jiġi kkonstatat li r-rikors fil-Kawża T‑435/23, li huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent, tad-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla, tad-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ u tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat, ġie ppreżentat prinċipalment abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u, sussidjarjament, sa fejn jikkonċerna d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

44

Għandu jitfakkar ukoll li r-rikors fil-Kawża T‑435/23 ġie ppreżentat wara li r-rikorrent kien ressaq, quddiem il-Bord tat-Tmexxija, ilmenti skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu, id-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla u d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ u wara li l-imsemmija lmenti kienu ġew miċħuda (ara l-punti 16, 24, 29 u 30 iktar ’il fuq), iżda mingħajr ma r-rikorrent segwa l-proċedura prekontenzjuża fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat.

45

Ir-rikorrent jispjega f’dan ir-rigward li d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu, id-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla u d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ ġew adottati fil-kuntest tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn il-Bord tat-Tmexxija aġixxa bħala ASTK fir-rigward tiegħu, kif jipprevedu espressament l-Artikolu 153(1)(h) tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni MB-17-01.

46

Fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat, ir-rikorrent isostni li r-rekwiżit li tiġi adita l-ATĦ jew l-ASTK qabel il-preżentata ta’ rikors jikkonċerna biss il-miżuri li l-imsemmija awtorità tista’ tirriforma u li, għaldaqstant, ma kienx neċessarju li jitressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-Bord tat-Tmexxija, bħala ASTK, ma setax jeżamina mill-ġdid l-imsemmija deċiżjoni.

47

Fir-rigward tar-rikors fil-Kawża T‑224/24, intiż ukoll għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat u peress li ġie ppreżentat ukoll abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, għandu jitfakkar li dan ġie ppreżentat wara li r-rikorrent kien ressaq, quddiem il-Kunsill, ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u li dan kien, impliċitament, u sussegwentement espliċitament, ġie miċħud (ara l-punti 34 sa 37 iktar ’il fuq).

48

Ir-rikorrent jispjega f’dan ir-rigward li huwa aġixxa b’dan il-mod, fid-dawl tal-inċertezza dwar il-kwistjoni jekk, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat, il-Kunsill kienx aġixxa wkoll fil-kwalità ta’ ASTK, b’tali mod li huwa, bħala miżura komplementari u kawtelatorja, xorta waħda segwa l-proċedura prekontenzjuża quddiem il-Kunsill.

49

L-EUIPO, sostnut mir-Repubblika tal-Polonja u mir-Repubblika Slovakka, kif ukoll il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika tal-Latvja, mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Repubblika Portugiża u mir-Repubblika Slovakka, isostnu li r-rikorsi fil-Kawżi T‑435/23 u T‑224/24 huma bi żball ibbażati fuq l-Artikolu 270 TFUE, sa fejn id-deċiżjonijiet kollha li huma s-suġġett tal-imsemmija kawżi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.

50

B’mod partikolari, id-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta tal-estensjoni tal-mandat tar-rikorrent, id-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla u d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat ġew adottati fil-kuntest tas-setgħat speċifiċi mogħtija lill-Bord tat-Tmexxija u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 158 tar-Regolament Nru 2017/1001, li jistabbilixxi proċess sui generis dwar il-ħatra u t-tneħħija tad-direttur eżekuttiv, filwaqt li d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 153(2) tar-Regolament 2017/1001 u tad-deċiżjoni MB-17-01, li tistabbilixxi sistema distinta dwar is-setgħat tal-ATĦ u l-eżerċizzju tagħhom fi ħdan l-EUIPO u li tagħti direttament u esklużivament lill-Bord tat-Tmexxija s-setgħa li jissospendi d-delega tal-imsemmija setgħat mogħtija lid-direttur eżekuttiv.

51

Skont l-EUIPO, sostnut mir-Repubblika tal-Polonja u mir-Repubblika Slovakka, kif ukoll il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika tal-Latvja, mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Repubblika Portugiża u mir-Repubblika Slovakka, ir-rikorsi kellhom għalhekk ikunu bbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE u, sa fejn it-talbiet diretti kontra d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent, id-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla u d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ ma tressqux fit-termini stabbiliti mill-imsemmi artikolu, dawn id-deċiżjonijiet saru definittivi u, konsegwentement, ma jistgħux jiġu kkontestati.

Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal

52

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 270 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kull tilwima bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) u li, f’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “tilwima bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha” jinftiehem b’mod estensiv mill-ġurisprudenza (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il‑Kummissjoni, T‑45/01, EU:T:2004:289, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

L-Artikolu 270 TFUE joħloq għalhekk rimedju għall-kontenzjuż tas-servizz pubbliku distint mir-rimedji ġenerali, bħar-rikors għal annullament irregolat mill-Artikolu 263 TFUE (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano, C‑54/20 P, EU:C:2022:349, punt 39).

54

F’dan ir-rigward, sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni adita skont l-Artikolu 270 TFUE, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-kliem ta’ dan l-artikolu, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, fid-dawl tar-riferiment għal dawn tal-aħħar fl-imsemmi artikolu, u, b’mod partikolari, l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jimplimentaw l-Artikolu 270 TFUE. Dawn id-dispożizzjonijiet kollha jiddefinixxu l-imsemmija ġurisdizzjoni kemm ratione personae kif ukoll ratione materiae (ara, s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano, C‑54/20 P, EU:C:2022:349, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni ratione personae tal-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 270 TFUE, l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kull tilwima bejn l-Unjoni u “kull persuna li għaliha japplikaw […] ir-Regolamenti tal-Persunal” u li tirrigwarda l-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju lil din il-persuna, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, “[k]ull persuna li japplikaw għaliha dawn ir-Regolamenti tal-Persuna” tista’ tressaq ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra kontra att li jikkawżalha preġudizzju (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano, C‑54/20 P, EU:C:2022:349, punt 45).

56

Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni ratione materiae, hija ġurisprudenza stabbilita li taqa’ taħt l-Artikolu 270 TFUE u taħt l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal kull tilwima bejn uffiċjal u l-istituzzjoni li minnha jiddependi, meta din it-tilwima toriġina mir-rabta ta’ impjieg li tgħaqqad lil dan l-uffiċjal ma’ din l-istituzzjoni (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano, C‑54/20 P, EU:C:2022:349, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal‑11 ta’ Lulju 1996, Gomes de Sá Pereira vs Il‑Kunsill, T‑30/96, EU:T:1996:107, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat dan li ġej.

58

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni ratione personae, mill-Artikolu 158(1) tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li d-direttur eżekuttiv huwa ingaġġat bħala membru tal-persunal temporanju, konformement mal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li d-direttur eżekuttiv jagħmel parti mill-persunal tal-EUIPO, li għalih, kif jirriżulta mill-Artikolu 143(1) tar-Regolament 2017/1001, japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, mill-Artikolu 153(1)(h) tar-Regolament 2017/1001 u mill-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni MB-17-01 jirriżulta li l-Bord tat-Tmexxija jinħatar bħala ASTK tad-direttur eżekuttiv, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fir-rigward tal-modalitajiet tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ direttur eżekuttiv għall-finijiet tal-funzjonament tal-EUIPO.

59

Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tal-kuntratt ta’ xogħol iffirmat bejn l-EUIPO u r-rikorrent jipprevedi espressament li dan tal-aħħar ġie ingaġġat bħala membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

60

Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni ratione materiae, għandu jitfakkar, minn naħa, li s-sospensjoni tad-delega lid-direttur eżekuttiv tas-setgħat relatati mal-ATĦ hija deċiża mill-Bord tat-Tmexxija, skont l-Artikolu 153(2) tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni MB-17-01, u, min-naħa l-oħra, li l-proċedura ta’ estensjoni tal-mandat tad-direttur eżekuttiv hija proċedura fi stadji li fiha jipparteċipa kemm il-Bord tat-Tmexxija, kif ukoll il-Kunsill, u li permezz tagħha tal-ewwel iwettaq eżami li jieħu inkunsiderazzjoni evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-direttur eżekuttiv kif ukoll tal-missjonijiet u tal-isfidi futuri tal-EUIPO, konformement mal-Artikolu 158(3) tar-Regolament 2017/2001, u tal-aħħar, billi jieħu inkunsiderazzjoni dan l-eżami, jista’ jestendi l-mandat tad-direttur eżekuttiv abbażi tal-Artikolu 158(4) tal-imsemmi regolament.

61

Fir-rigward tad-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ, għandu jiġi rrilevat li din għandha l-għan li tissospendi s-setgħat relatati mal-ATĦ li l-Bord tat-Tmexxija ddelega lir-rikorrent fil-kwalità tiegħu ta’ Direttur Eżekuttiv. Għalhekk, sa fejn it-tilwima tikkonċerna l-imsemmija deċiżjoni, din tirrigwarda r-rabta ta’ impjieg li tgħaqqad lir-rikorrent mal-EUIPO.

62

Fir-rigward tal-proċedura ta’ estensjoni tal-mandat tad-direttur eżekuttiv, għandu jingħad ukoll li, għalkemm huwa minnu li dan tal-aħħar ma għandux rabta ta’ impjieg formali mal-Kunsill, xorta jibqa’ l-fatt li din l-istituzzjoni tadotta deċiżjoni li, irrispettivament mill-kontenut tagħha, tipproduċi konsegwenzi fuq ir-rabta ta’ impjieg bejn id-direttur eżekuttiv u l-persuna li timpjegah, l-EUIPO, u, għaldaqstant, fuq l-ingaġġ tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju. Għalhekk, il-Kunsill għandu jitqies li huwa l-ASTK tad-direttur eżekuttiv f’dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu (ara, b’analoġija, id-digriet tal‑11 ta’ Lulju 1996, Gomes de Sá Pereira vs Il‑Kunsill, T‑30/96, EU:T:1996:107, punt 29).

63

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-EUIPO ma rnexxilux jispjega sa fejn il-karatteristiċi tal-funzjonijiet tad-direttur eżekuttiv, b’mod partikolari mid-definizzjoni tagħhom fl-Artikolu 157 tar-Regolament 2017/1001, kienu jimplikaw li deċiżjoni dwar l-estensjoni possibbli tal-mandat tiegħu ma kinitx taqa’ taħt l-Artikolu 270 TFUE minkejja l-istatus tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju. Fil-fatt, l-imsemmi artikolu ma jagħmel ebda distinzjoni skont in-natura tal-funzjonijiet tal-persuna kkonċernata jew il-livell tar-responsabbiltajiet li hija teżerċita.

64

Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipji stabbiliti fil-kuntest tal-kawża li tat lok għad-digriet tat‑13 ta’ Ġunju 2022, Mendes de Almeida vs Il‑Kunsill (T‑334/21, EU:T:2022:375), dwar il-prosekuturi Ewropej, ma humiex intiżi li jiġu applikati f’dan il-każ.

65

Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għad-direttur eżekuttiv (ara l-punt 58 iktar ’il fuq), konformement mad-dispożizzjonijiet tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU 2017, L 283, p. 1), il-prosekuturi Ewropej ma jagħmlux parti mill-persunal tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u, konsegwentement, ma jaqgħux taħt ir-Regolamenti tal-Persunal (digriet tat‑13 ta’ Ġunju 2022, Mendes de Almeida vs Il‑Kunsill, T‑334/21, EU:T:2022:375, punt 37).

66

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jitqies li r-rikorrent jaġixxi, għall-finijiet ta’ dawn ir-rikorsi, fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-persunal tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 270 TFUE, u bħala persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal fis-sens tal-Artikoli 90 u 91 ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, peress li s-suġġett tat-tilwima huwa s-sospensjoni ta’ wħud mis-setgħat tar-rikorrent bħala Direttur Eżekuttiv kif ukoll in-nuqqas ta’ estensjoni ta’ dan tal-aħħar, din toriġina mir-rabta ta’ impjieg li kienet torbot ir-rikorrent mal-EUIPO.

67

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dawn ir-rikorsi skont l-Artikolu 270 TFUE.

Fuq l-osservanza tal-proċedura prekontenzjuża

68

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kull persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tressaq ilment quddiem l-ATĦ kontra att li jikkawżalha preġudizzju, kemm meta l-imsemmija awtorità tkun ħadet deċiżjoni, kif ukoll meta din tkun naqset milli tadotta miżura imposta mir-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, mill-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li rikors quddiem il-Qorti Ġeneral huwa ammissibbli biss jekk qabel ikun tressaq ilment quddiem l-ATĦ skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fit-terminu mogħti u jekk dan l-ilment kien is-suġġett ta’ deċiżjoni impliċita jew espliċita ta’ ċaħda.

69

Fir-rigward tal-Kawża T‑224/24, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ippreżenta r-rikors f’din il-kawża wara li ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, quddiem il-Kunsill u wara li dan l-ilment ġie miċħud.

70

Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-proċedura prekontenzjuża ġiet osservata quddiem il-Kunsill li, fid-dawl tal-ispeċifiċità tal-proċedura ta’ estensjoni tal-mandat tad-direttur eżekuttiv, kif tirriżulta mill-punt 60 iktar ’il fuq, għall-iskop tal-imsemmija proċedura, l-ASTK hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-ilment imressaq mir-rikorrent.

71

F’dak li jirrigwarda l-Kawża T‑435/23, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ressaq ilmenti quddiem il-Bord tat-Tmexxija kontra d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu, id-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla u d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u li ppreżenta r-rikors tiegħu wara li l-ilmenti relatati magħhom kienu ġew miċħuda (ara l-punt 44 iktar ’il fuq).

72

Konsegwentement, il-proċedura prekontenzjuża ġiet osservata quddiem l-ASTK kompetenti qabel il-preżentazzjoni tar-rikors għal annullament fil-Kawża T‑435/23, sa fejn dan tal-aħħar jikkonċerna d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent, id-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla u d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ.

73

Fir-rigward tal-osservanza tal-proċedura prekontenzjuża dwar id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat fil-kuntest tar-rikors fil-Kawża T‑435/23, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-ammissibbiltà ta’ rikors tiġi evalwata fil-mument tal-preżentata tiegħu, rikorrent jista’ jadatta t-talbiet u l-motivi tiegħu, bil-għan li jindirizza atti ġodda li jkunu seħħew matul il-mori tal-kawża, biss jekk it-talba tiegħu għall-annullament tal-att inizjalment ikkontestat kien huwa stess ammissibbli fid-data tal-preżentata tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2019, ZW vs BEIT‑727/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:809, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

Issa, f’dan il-każ, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-dokument ippreżentat mir-rikorrent fis‑6 ta’ Frar 2024 jistax jitqies bħala nota ta’ adattament fis-sens tal-Artikolu 86(4) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-data tal-preżentata tar-rikors fil-Kawża T‑435/23, jiġifieri fis‑26 ta’ Lulju 2023, ir-rikorrent kien għadu ma ppreżentax l-ilment kontra d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat, peress li dan l-ilment ġie ppreżentat biss fit‑30 ta’ Awwissu 2023. Minn dan jirriżulta li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors fil-Kawża T‑435/23, it-talba tar-rikorrent intiża għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni ma kinitx ammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura prekontenzjuża.

75

Fi kwalunkwe każ, din il-konklużjoni hija irrilevanti f’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li, fil-punt 70 iktar ’il fuq, ġie deċiż li r-rikorrent kien osserva l-proċedura prekontenzjuża qabel ma ppreżenta r-rikors fil-Kawża T‑224/24 kontra d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat.

76

Minn dan jirriżulta li, għalkemm it-talbiet għal annullament kontra d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat huma inammissibbli fil-Kawża T‑435/23, għall-kuntrarju dan ma huwiex il-każ għal dawk li tressqu kontra din id-deċiżjoni fil-Kawża T‑224/24.

Fuq it-talbiet għal annullament

77

Insostenn tat-talbiet għal annullament fil-Kawża T‑435/23, ir-rikorrent jinvoka, fl-ewwel lok, l-illegalità tad-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu u tad-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla u, fit-tieni lok, l-illegalità tad-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ.

78

Insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament fil-Kawża T‑224/24, ir-rikorrent jinvoka l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat.

79

Għandhom, qabelxejn, jiġu eżaminati t-talbiet għal annullament fil-Kawża T‑435/23 sa fejn dawn huma diretti kontra, minn naħa, id-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla, sussegwentement, għandhom jiġu analizzati t-talbiet għal annullament fil-Kawża T‑224/24, li jirrigwardaw id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat, u, fl-aħħar nett, għandha tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal annullament fil-Kawża T‑435/23 sa fejn dawn huma diretti kontra d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ.

Fuq it-talbiet għal annullament fil-Kawża T‑435/23 sa fejn huma diretti kontra d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent

80

Ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu, li jqis li huwa att li jista’ jiġi kkontestat.

81

Għal dan l-għan, ir-rikorrent isostni li, billi adotta deċiżjoni li permezz tagħha l-Bord tat-Tmexxija indika lill-Kunsill li ma kienx qiegħed jipproponielu jestendi l-mandat tiegħu, mingħajr madankollu ma kienet kompetenza tiegħu, l-EUIPO de facto pprekluda din l-estensjoni u b’hekk adotta deċiżjoni li tikkawża preġudizzju.

82

L-EUIPO, sostnut mir-Repubblika tal-Polonja u mir-Repubblika Slovakka, madankollu jitlob id-dikjarazzjoni tal-inammissibbiltà tat-talba tar-rikorrent, sa fejn id-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat ta’ dan tal-aħħar tikkonkretizza l-eżami previst fl-Artikolu 158(3) tar-Regolament 2017/1001 u għalhekk għandha biss valur konsultattiv, peress li l-Kunsill huwa, fil-fatt, esklużivament kompetenti jadotta att ta’ natura deċiżjonali f’dak li jirrigwarda l-estensjoni ta’ tali mandat.

83

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent, hija ġurisprudenza stabbilita li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament l-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu. F’dan ir-rigward, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li jkunu intiżi sabiex jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, bl-esklużjoni, b’mod partikolari, ta’ miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li ma għandhomx tali effetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF,C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 158(3) tar-Regolament 2017/1001, fil-kuntest tal-proċedura ta’ estensjoni tal-mandat tad-direttur eżekuttiv, il-Bord tat-Tmexxija jwettaq biss eżami li jieħu inkunsiderazzjoni evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ dan id-Direttur Eżekuttiv kif ukoll tal-missjonijiet u tal-isfidi futuri tal-EUIPO, filwaqt li, konformement mal-Artikolu 158(4) tal-imsemmi regolament, il-Kunsill għandu, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmi eżami, jadotta d-deċiżjoni dwar l-eventwali estensjoni.

85

Issa, il-fatt li, f’dan il-każ, il-Bord tat-Tmexxija intitola d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent “Deċiżjoni li ma tiġix ippreżentata lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea proposta ta’ estensjoni tal-mandat [tar-rikorrent]” u indika, fl-ittra tiegħu tas‑7 ta’ Diċembru 2022 lill-Kunsill, it-tluq tad-Direttur Eżekuttiv u r-reklutaġġ ta’ suċċessur f’termini irriversibbli (ara l-punti 7 u 10 iktar ’il fuq), huwa, waħdu, irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni tal-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament kontra l-imsemmija deċiżjoni.

86

Fil-fatt, mill-Artikolu 158(3) u (4) tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta b’mod ċar li l-proċedura ta’ estensjoni tal-mandat tad-direttur eżekuttiv tiżvolġi f’żewġ stadji, fejn l-ewwel wieħed jikkonsisti fit-twettiq ta’ eżami mill-Bord tat-Tmexxija u t-tieni wieħed jikkonsisti fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kunsill, li tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmi eżami, mingħajr ma huwa pprovdut li l-Kunsill huwa marbut minn dan tal-aħħar (ara l-punt 60 iktar ’il fuq).

87

Issa, meta l-adozzjoni ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet isseħħ fi tmiem proċedura li tkun tinvolvi diversi fażijiet ta’ tfassil, huma biss il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedjarji preċedenti għalihom u li kellhom l-għan li jippreparawhom (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2022, LU vs BEIT‑536/20, mhux ippubblikat, EU:T:2022:40, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Peress li d-deċiżjoni finali dwar l-estensjoni possibbli tal-mandat tad-direttur eżekuttiv għandha, f’dan il-każ, fid-dawl tal-proċedura mfakkra fil-punt 86 iktar ’il fuq, tittieħed mill-Kunsill, isegwi li d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent hija att preparatorju, sa fejn din ma tipproduċi ebda effett legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwa l-interessi tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), u ma tistax taffettwa l-libertà tal-għażla tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni tal-mandat tar-rikorrent.

89

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrent fis-sens li t-trażmissjoni tardiva tan-nota tal‑31 ta’ Ottubru 2022 lill-Kunsill (ara l-punt 26 iktar ’il fuq) ma ħalliet lil dan tal-aħħar ebda għażla oħra ħlief li ma jestendix il-mandat tiegħu. Fil-fatt, ir-rikorrent, fi kwalunkwe każ, ma pproduċa ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li l-perijodu rimanenti bejn l-imsemmija trażmissjoni, fil‑25 ta’ April 2023, u t-tmiem tal-mandat tiegħu, fit‑30 ta’ Settembru 2023, ma kienx suffiċjenti sabiex jippermetti lill-Kunsill jifforma l-evalwazzjoni tiegħu stess.

90

Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent ma tipproduċi ebda effett legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwa l-interessi ta’ dan tal-aħħar, b’mod li t-talba għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni hija inammissibbli.

Fuq it-talbiet għal annullament fil-Kawża T‑435/23 sa fejn huma diretti kontra d-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla

91

Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla jippreġudikaw l-interessi tiegħu, peress li huma intrinsikament marbuta mad-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu sa fejn, sabiex jinħareġ avviż ta’ pożizzjoni vakanti, jeħtieġ li jkun hemm iċ-ċertezza li pożizzjoni hija vakanti jew ser tkun vakanti fi żmien qasir.

92

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Din l-espożizzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr ebda informazzjoni oħra ta’ sostenn. Ir-rikors għandu, għalhekk, jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’tali mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, Systema Teknolotzis vs Il‑Kummissjoni, T‑234/15, EU:T:2017:461, punt 139 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, dak li r-rikorrent kellu l-intenzjoni li jsostni għandu jirriżulta b’mod inekwivoku mir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal5 ta’ Marzu 2019, Pethke vs EUIPO, T‑169/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:135, punt 115).

93

Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma ressaq ebda argument intiż speċifikament sabiex jikkontesta l-legalità tad-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Winkler vs EUIPO, T‑369/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:334, punt 54).

94

Barra minn hekk, mistoqsi f’dan ir-rigward waqt is-seduta, ir-rikorrent ikkonferma li huwa kien qiegħed jinvoka l-illegalità tad-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla billi rrefera, b’mod ġenerali, għall-argument li huwa kien ressaq fil-kuntest tad-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu. Issa, imkien fir-rikors, l-imsemmi argument ma huwa adattat għad-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla.

95

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura ma humiex sodisfatti peress li tali riferiment ġenerali għal partijiet oħra tar-rikors iġġiegħel lill-Qorti Ġenerali tipprova tidentifika l-argumenti li jidhrulha li jistgħu jirreferu għall-allegata illegalità tad-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Ġunju 2024, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, T‑516/23, mhux ippubblikat, EU:T:2024:386, punt 24), b’tali mod li dak li r-rikorrent kellu l-intenzjoni jsostni f’dan ir-rigward ma jirriżultax b’mod inekwivoku mir-rikors.

96

Fl-aħħar nett, fil-każ fejn ir-rikorrent kellu l-intenzjoni jsostni li l-illegalità tad-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla tirriżulta direttament mill-illegalità tad-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura lanqas ma huma ssodisfatti, peress li, fl-assenza ta’ kwalunkwe spjegazzjoni f’dan ir-rigward (ara l-punt 93 iktar ’il fuq), ma huwiex stabbilit li d-difetti li allegatament jivvizzjaw din l-aħħar deċiżjoni (ara l-punt 80 iktar ’il fuq) setgħu wkoll jinvalidaw il-legalità tad-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla fid-dawl tan-natura differenti ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

97

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talbiet għal annullament fil-Kawża T‑435/23 għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn jikkonċernaw id-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla, peress li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn kinux jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura ma humiex sodisfatti.

Fuq it-talbiet għal annullament fil-Kawża T‑224/24, sa fejn dawn jirrigwardaw il-legalità tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat

98

Fil-kuntest tal-motiv uniku fil-Kawża T‑224/24, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat billi jsostni, l-ewwel nett, li din ma tosservax il-proċedura prevista fl-Artikolu 158 tar-Regolament 2017/1001 peress li hija hija vvizzjata minn nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att u minn ksur tad-dritt għal smigħ, it-tieni nett, li hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u, it-tielet nett, li din tmur kontra l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

99

Fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt għal smigħ skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandu jiġi eżaminat qabel kollox, ir-rikorrent isostni li ma ngħatax il-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat.

100

Il-Kunsill isostni li ma kienx hemm ksur tad-dritt għal smigħ u jressaq, f’dan il-kuntest, diversi argumenti.

101

L-ewwel nett, il-Kunsill isostni li d-dritt għal smigħ ma japplikax f’dan il-każ, peress li l-proċedura ta’ ħatra tad-direttur eżekuttiv u dik tal-estensjoni tal-mandat tiegħu ma jaqgħu la taħt ir-Regolamenti tal-Persunal u lanqas taħt il-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Għall-kuntrarju, il-Kunsill aġixxa bħala awtorità politika li tiddeċiedi dwar l-estensjoni possibbli ta’ mandat li timplika “responsabbiltà partikolari ta’ livell għoli fis-sistema istituzzjonali tal-Unjoni”, li fil-kuntest tagħha huwa evalwa l-missjonijiet u l-isfidi futuri tal-EUIPO u ddeċieda dwar l-għażla tal-persuna li huwa qies li kienet fl-aħjar pożizzjoni sabiex taffrontahom matul il-ħames snin li ġejjin.

102

Il-Kunsill iżid li l-proċedura dwar estensjoni possibbli tal-mandat tad-direttur eżekuttiv hija assimilata mal-proċedura ta’ għażla ta’ direttur eżekuttiv ġdid, bl-unika differenza li, matul il-proċedura dwar estensjoni possibbli tal-mandat, il-Bord tat-Tmexxija ma huwiex obbligat jistabbilixxi lista ta’ kandidati. Madankollu, fiż-żewġ każijiet, il-kandidat mhux magħżul ma jkollu ebda dritt għal smigħ.

103

It-tieni nett, il-Kunsill iqis li huwa ovvju li r-rikorrent kien instema’, peress li, fl-ewwel lok, konformement mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 157 tar-Regolament 2017/1001, bħala Direttur Eżekuttiv, huwa kien jirrapporta regolarment lill-Bord tat-Tmexxija dwar l-attivitajiet tiegħu bħala Direttur Eżekuttiv u, fit-tieni lok, huwa pparteċipa b’mod attiv fit-tħejjija tan-nota tal‑31 ta’ Ottubru 2022. Għalhekk, ir-rikorrent ammetta l-fatti u l-provi miġbura mill-Bord tat-Tmexxija u ppreżentati lill-Kunsill fil-kuntest tal-eżami mwettaq skont l-Artikolu 158(3) tal-imsemmi regolament.

104

It-tielet nett, il-Kunsill isostni li r-riżultat tal-proċedura ma kienx ikun differenti li kieku r-rikorrent instema’, peress li huwa diffiċli li wieħed jara liema elementi addizzjonali jistgħu jbiddlu sostanzjalment id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu, sa fejn, f’dan il-każ, kellha ssir għażla binarja bejn l-estensjoni u n-nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni passata tiegħu bħala Direttur Eżekuttiv kif ukoll tal-missjonijiet u l-isfidi futuri tal-EUIPO.

105

F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali fil-konfront tagħha li tolqotha b’mod negattiv.

106

Id-dritt għal smigħ jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tal-elementi meqjusa kontrihom bħala bażi għall-att kontenzjuż fil-kuntest ta’ skambju bil-miktub jew orali mibdi mill-amministrazzjoni (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Probelte vs Il‑Kummissjoni, T‑67/18, EU:T:2019:873, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2019, RY vs Il‑Kummissjoni, T‑160/17, EU:T:2019:1, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Frar 2022, Van Walle vs ECDC, T‑33/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:60, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107

Barra minn hekk, id-dritt għal smigħ jimplika li l-amministrazzjoni għandha tagħti l-attenzjoni kollha meħtieġa lill-osservazzjonijiet hekk ippreżentati mill-persuna kkonċernata billi teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u għandha tkun tista’ tinvestiga l-fajl b’mod li tieħu deċiżjoni informata u timmotiva lil din tal-aħħar b’mod xieraq, sabiex, jekk ikun il-każ, il-persuna kkonċernata tkun tista’ teżerċita b’mod validu d-dritt tagħha għal rimedju (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2019, RY vs Il‑Kummissjoni, T‑160/17, EU:T:2019:1, punti 26 u 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-applikabbiltà, f’dan il-każ, tad-dritt għal smigħ, għandu jitfakkar li l-imsemmi dritt japplika għal kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha, anki jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix dan (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, PT vs BEI, T‑571/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:301, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Awwissu 2022, ir-rikorrent ikkonferma b’mod espliċitu r-rieda tiegħu li jkompli fil-pożizzjoni tiegħu fi ħdan l-EUIPO kif ukoll id-disponibbiltà tiegħu għal dan l-għan (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), b’tali mod li d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat għandha titqies li ġiet adottata wara talba min-naħa tiegħu intiża għall-estensjoni tal-mandat tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2024, Kirimova vs EUIPO, T‑727/20 RENV, EU:T:2024:646, punti 76 u 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110

Issa, peress li deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat twassal inevitabbilment għan-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrent bħala membru tal-persunal temporanju tal-EUIPO (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2022, Van Walle vs ECDC, T‑83/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:626, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), din taffettwah b’mod sfavorevoli, b’tali mod li d-dritt għal smigħ huwa applikabbli.

111

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-argumenti mressqa mill-Kunsill.

112

Qabelxejn, il-fatt li l-Kunsill aġixxa bħala “awtorità politika” meta ddeċieda dwar l-estensjoni possibbli tal-mandat ta’ membru tal-persunal li jeżerċita “responsabbiltà partikolari ta’ livell għoli fis-sistema istituzzjonali tal-Unjoni” huwa irrilevanti, peress li d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix tali eċċezzjonijiet għad-dritt għal smigħ.

113

Sussegwentement, hija wkoll irrilevanti l-kwistjoni dwar jekk il-proċedura ta’ ħatra tad-direttur eżekuttiv u ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu, kif prevista fl-Artikolu 158(2) u (4) tar-Regolament 2017/1001, taqax taħt ir-Regolamenti tal-Persunal u taħt il-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Fil-fatt, kif huwa indikat fil-punt 108 iktar ’il fuq, id-dritt għal smigħ japplika għal kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, indipendentement mill-fatt li l-proċedura kkonċernata tkun prevista mir-Regolamenti tal-Persunal jew mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg jew jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli tkunx tipprevedi dan.

114

Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kunsill li r-rikorrent ma kellu ebda dritt għal smigħ peress li l-proċedura dwar estensjoni possibbli tal-mandat tad-direttur eżekuttiv hija simili għall-proċedura ta’ għażla ta’ direttur eżekuttiv ġdid.

115

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li proċedura ta’ għażla ta’ direttur eżekuttiv ġdid imwettqa skont l-Artikolu 158(2) tar-Regolament 2017/1001 tinkludi biss l-evalwazzjoni tal-kapaċità tad-diversi kandidati b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-għażla. Għall-kuntrarju, l-ewwel nett, proċedura dwar estensjoni possibbli tal-mandat tad-direttur eżekuttiv imwettqa skont l-Artikolu 158(3) u (4) tal-imsemmi regolament, timplika, minn naħa, evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-direttur eżekuttiv fil-kariga waqt il-mandat tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-evalwazzjoni kif ukoll tal-missjonijiet u tal-isfidi futuri tal-EUIPO. It-tieni nett, din il-proċedura hija kkaratterizzata mill-fatt li twassal għall-adozzjoni ta’ miżura individwali fis-sens tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

116

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tal-Kunsill, li jgħid li r-rikorrent, fi kwalunkwe każ, kellu l-possibbiltà jippreżenta l-perspettiva tiegħu, għandu jiġi nnotat li l-interess ta’ dan tal-aħħar li jinstema’ sar partikolarment evidenti ladarba rriżulta, fi tmiem il-laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija tat‑22 ta’ Novembru 2022, li ma kienx hemm maġġoranza fi ħdan l-imsemmi bord favur estensjoni tal-mandat tiegħu. Fil-fatt, qabel dan il-mument, ir-rikorrent kellu biss għarfien tan-nota tal‑31 ta’ Ottubru 2022, li kienet favur tiegħu u li kienet tinkludi rakkomandazzjoni, min-naħa tal-President tal-Bord tat-Tmexxija, li jiġi estiż il-mandat tiegħu. Għalhekk, il-Kunsill kellu jqiegħed lir-rikorrent f’pożizzjoni li jeżerċita b’mod utli d-dritt tiegħu għal smigħ f’mument xieraq bejn il-laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija tat‑22 ta’ Novembru 2022 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat.

117

Għall-istess raġuni, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, l-iskambju regolari bejn il-Bord tat-Tmexxija u r-rikorrent dwar l-attivitajiet tiegħu bħala Direttur Eżekuttiv u l-kollaborazzjoni tiegħu fin-nota tal‑31 ta’ Ottubru 2022 ma ppermettewx lil dan tal-aħħar jesprimi b’mod utli l-opinjoni tiegħu dwar il-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 106 iktar ’il fuq.

118

Fil-fatt, id-dritt għal smigħ jeżiġi li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li ssostni l-perspettiva tagħha fir-rigward tal-provi prodotti kontriha bħala bażi għall-att kontenzjuż (ara l-punt 106 iktar ’il fuq). Issa, minkejja li r-rikorrent seta’ jippreżenta osservazzjonijiet dwar in-nota tal‑31 ta’ Ottubru 2022, li kienet favur tiegħu, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jadotta d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat, il-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni wkoll id-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent li fir-rigward tiegħu dan tal-aħħar ma nstemax.

119

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt għal smigħ ma ġiex irrispettat.

120

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-riżultat tal-proċedura setax ikun differenti li kieku nstema’ r-rikorrent, għandu jitfakkar li, anki fil-każ fejn kien hemm ksur tad-dritt għal smigħ, jeħtieġ, sabiex il-motiv ikun jista’ jintlaqa’, li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, T‑246/04 u T‑71/05, EU:T:2007:34, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi impost fuq rikorrent li jinvoka l-ksur tad-dritt li jinstema’ tiegħu li juri li d-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex totalment eskluża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2024, Kirimova vs EUIPO, T‑727/20 RENV, EU:T:2024:646, punti 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121

F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jallega l-Kunsill, ir-rikorrent seta’ jipprovdilu spjegazzjonijiet jew kjarifiki dwar in-nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu. Fil-fatt, għalkemm deċiżjoni dwar l-estensjoni possibbli tal-mandat tad-direttur eżekuttiv tirrifletti mhux biss il-kwalitajiet personali u l-kisbiet tal-imsemmi direttur, iżda wkoll kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali, jew saħansitra ta’ natura politika, dan ma jikkontestax il-fatt li huma, mid-definizzjoni tagħhom, elementi li fir-rigward tagħhom ir-rikorrent seta’ jifformula spjegazzjonijiet potenzjalment rilevanti. Konsegwentement, ma jistax jiġi eskluż li l-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

122

Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-Istati Membri, li huma rrappreżentati kemm fil-Bord tat-Tmexxija kif ukoll fil-Kunsill, kellhom, fl-istadju tal-eżami mwettaq skont l-Artikolu 158(3) tar-Regolament 2017/1001, opinjonijiet diverġenti dwar l-estensjoni possibbli tal-mandat tar-rikorrent. Fil-fatt, fi ħdan il-Bord tat-Tmexxija, kien hemm ħdax-il vot favur tali estensjoni, seba’ voti kontra u tnax-il astensjoni. Issa, peress li l-Kunsill jadotta d-deċiżjoni, skont l-Artikolu 158(4) tar-Regolament 2017/1001, b’maġġoranza sempliċi, ma jistax jiġi eskluż li n-numru ta’ Stati Membri meħtieġ sabiex tinqaleb il-maġġoranza favur ir-rikorrent kien jinbidel wara li dawn l-Istati jkunu saru jafu bl-osservazzjonijiet addizzjonali li r-rikorrent seta’ ppreżenta f’mument xieraq bejn il-laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija tat‑22 ta’ Novembru 2022 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat.

123

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrent fil-kuntest tal-motiv uniku fil-Kawża T‑224/24.

Fuq it-talbiet għal annullament fil-Kawża T‑435/23 sa fejn huma diretti kontra d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ

124

Ir-rikorrent jitlob id-dikjarazzjoni tal-illegalità tad-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ, li tinkludi s-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ li kienet ingħatatlu, kif ukoll limitazzjoni tas-setgħat tiegħu għat-tmexxija tal-affarijiet kurrenti għall-funzjonament tal-EUIPO, sa fejn l-imsemmija deċiżjoni tikser, l-ewwel nett, id-dritt għal smigħ tiegħu, it-tieni nett, l-Artikolu 157 tar-Regolament 2017/1001 u, it-tielet nett, l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni MB-17-01 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

125

Hemm lok li jiġi eżaminat qabelxejn dan l-aħħar argument.

– Fuq il-portata tad-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ

126

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ, wara l-indikazzjoni li l-Bord tat-Tmexxija kien iddeċieda li jissospendi d-delega lir-rikorrent tas-setgħat relatati mal-ATĦ, huwa ddikjarat li “il-Bord tat-Tmexxija ddeċieda li jillimita [is-]setgħat [tar-rikorrent] għat-tmexxija tal-affarijiet kurrenti għall-funzjonament tal-[EUIPO], mingħajr impatt għall-futur tal-[EUIPO], u mingħajr obbligu għad-direttur eżekuttiv li jmiss”.

127

Madankollu, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kontra d-deċiżjoni MB-23-04, huwa ppreċiżat li hija biss id-delega lir-rikorrent tas-setgħat relatati mal-ATĦ li ġiet sospiża u li kull setgħa oħra mogħtija lil dan tal-aħħar, b’mod partikolari skont l-Artikolu 157 tar-Regolament 2017/1001, baqgħet fis-seħħ.

128

Għandu jitqies li, fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kontra d-deċiżjoni MB-23-04, li l-motivazzjoni tagħha għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑23 ta’ Marzu 2022, NV vs eu-LISA,T‑661/20, EU:T:2022:154, punti 31 u 33 (mhux ippubblikati) u l-ġurisprudenza ċċitata), hija biss id-delega lir-rikorrent tas-setgħat relatati mal-ATĦ li ġiet sospiża. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent jikkontesta biss il-legalità ta’ din is-sospensjoni.

– Fuq it-talbiet għal annullament fil-Kawża T‑435/23 sa fejn huma diretti kontra d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ u fuq l-interess ġuridiku

129

L-EUIPO jikkontesta, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ att li jikkawża preġudizzju kif ukoll dik ta’ interess ġuridiku, li jikkostitwixxu kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti għall-ammissibbiltà ta’ kull rikors għal annullament.

130

F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ att li jikkawża preġudizzju, fl-ewwel lok, għandu jitqies li, fid-dawl tan-natura u tal-portata tas-setgħat relatati mal-ATĦ, billi ssospendiet id-delega ta’ dawn tal-aħħar, id-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ ipproduċiet effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent billi biddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Pflugradt vs BĊE, T‑178/00 u T‑341/00, EU:T:2002:253, punt 81, u tal‑1 ta’ Settembru 2021, KN vs KESE, T‑377/20, EU:T:2021:528, punt 74).

131

Fit-tieni lok, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kontra d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ, il-Bord tat-Tmexxija jqajjem telf ta’ fiduċja fil-kapaċità tar-rikorrent li jeżerċita r-rwol tiegħu bħala ATĦ b’mod imparzjali u oġġettiv fl-interess tal-EUIPO, billi jinvoka ħames inċidenti marbuta mal-aġir ta’ dan tal-aħħar, li jista’ jwassal għal konsegwenzi sinjifikattivi għall-persuna kkonċernata, kemm fuq il-livell professjonali kif ukoll fuq dak personali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2000, F vs Il‑Kummissjoni, T‑211/98, EU:T:2000:153, punti 30 u 31).

132

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ tista’ tikkawża preġudizzju lir-rikorrent fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

133

Fir-rigward tal-interess ġuridiku, l-EUIPO jsostni li r-rikorrent tilef l-interess ġuridiku tiegħu, peress li d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ kienet valida sa tmiem il-mandat tiegħu u li ma għadhiex fis-seħħ. Għaldaqstant, ir-rikorrent ma jista’ jikseb ebda benefiċċju mill-annullament tagħha.

134

Ir-rikorrent isostni li l-annullament tad-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ, li tirrifletti ġudizzju ta’ valur tal-Bord tat-Tmexxija u li rċeviet ħafna attenzjoni interna u esterna, jista’ jikkontribwixxi għar-riabilitazzjoni tiegħu u jikkostitwixxi forma ta’ kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab.

135

F’dan ir-rigward, anki jekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-interess ġuridiku għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, bl-eżitu tiegħu, jagħti benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punti 42 u 43), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-interess ġuridiku ta’ rikorrent ma kienx neċessarjament jisparixxi minħabba l-fatt li l-att ikkontestat minn dan tal-aħħar kien waqaf jipproduċi effetti fil-mori tal-kawża. Fil-fatt, rikorrent jista’ jżomm interess li jikseb dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ dan l-att għall-perijodu li matulu kien applikabbli u pproduċa l-effetti tiegħu, peress li tali dikjarazzjoni żżomm tal-inqas interess bħala bażi għal possibbli rikors għad-danni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, Nemea Bank vs BĊE et, C‑181/22 P, EU:C:2024:1020, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fl‑1 ta’ Ottubru 2023, il-mandat tar-rikorrent intemm, b’tali mod li d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ ma baqgħetx tipproduċi effetti legali fir-rigward tiegħu. Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li t-talbiet għad-danni fil-Kawża T‑435/23 huma parzjalment ibbażati fuq l-allegata illegalità tal-imsemmija deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li d-dannu li r-rikorrent jallega li ġarrab f’dan ir-rigward huwa marbut mal-ħsara għar-reputazzjoni professjonali tiegħu.

137

Minn dan isegwi li annullament tad-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ jista’ jkun ta’ benefiċċju għar-rikorrent, b’tali mod li huwa żamm l-interess ġuridiku tiegħu fil-konfront ta’ din id-deċiżjoni u li l-argumenti li huwa ressaq f’dan ir-rigward għandhom jiġu eżaminati, liema eżami għandu jibda’ b’dawk dwar ksur tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni MB-17-01 kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

– Fuq il-fondatezza tat-talbiet għal annullament fil-Kawża T‑435/23 sa fejn dawn huma diretti kontra d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ

138

Kif indikat fil-punt 124 iktar ’il fuq, ir-rikorrent isostni, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ tikser l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni MB-17-01 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddeċiedi li jissospendi d-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li ma japplikawx f’dan il-każ.

139

B’mod iktar partikolari, ir-rikorrent jirreferi għall-ħames inċidenti invokati fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kontra d-deċiżjoni MB-23-04 bħala ġustifikazzjoni għas-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ li kienet ingħatatlu (ara l-punt 131 iktar ’il fuq), jiġifieri, l-ewwel wieħed, it-trażmissjoni, permezz ta’ messaġġ elettroniku minn wieħed mill-avukati tiegħu, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, b’kopja lid-Direttur Ġenerali tas-Servizz ta’ Awditu Intern ta’ din tal-aħħar ta’ kopja tal-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu u d-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla, it-tieni wieħed, it-talba tiegħu għall-emenda tal-kontenut tal-minuti tal-laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija tat‑22 ta’ Novembru 2022, it-tielet wieħed, l-ittra tat‑3 ta’ Frar 2023 tal-avukati tiegħu lill-President tal-Bord tat-Tmexxija, li permezz tagħha jistaqsi liema miżuri ttieħdu b’reazzjoni għall-iżvelar, f’diversi gazzetti Spanjoli, tal-eżitu tal-laqgħa tal-imsemmi bord tat‑22 ta’ Novembru 2022, ir-raba’ wieħed, l-assenza ta’ dikjarazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi min-naħa tiegħu fir-rigward tal-parteċipazzjoni tiegħu fis-sottokumitat preparatorju għall-għażla tad-direttur eżekuttiv ġdid u, il-ħames wieħed, id-deċiżjoni tiegħu li ma jġeddidx, f’Jannar 2023, il-kuntratti ta’ sitt esperti nazzjonali kkollokati tal-EUIPO li kienu waslu biex jiskadu.

140

Skont ir-rikorrent, l-inċidenti msemmija fil-punt 139 iktar ’il fuq ma jikkostitwixxux ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni MB-17-01 u ma jistgħux jiġġustifikaw il-legalità tas-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ li ngħatatlu.

141

Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, l-EUIPO, sostnut mir-Repubblika tal-Polonja u mir-Repubblika Slovakka, ma jikkonfutax l-argumenti mressqa mir-rikorrent dwar il-ħames inċidenti msemmija iktar ’il fuq, iżda jafferma, b’mod ġenerali, li ċerti azzjonijiet, dikjarazzjonijiet tar-rikorrent kif ukoll ċerti inċidenti li huwa fl-oriġini tagħhom ħolqu riskju għat-tmexxija tal-EUIPO.

142

Barra minn hekk, l-EUIPO jinvoka inċidenti oħra li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent u tad-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ, li juru l-attitudni vendikattiva u antagonista tar-rikorrent fir-rigward tal-Bord tat-Tmexxija.

143

Qabelxejn, ir-rikorrent allegatament ipprova juża r-riżorsi tal-EUIPO sabiex jikkontesta d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu u d-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla u sabiex jikseb l-aċċess għal dokumenti kunfidenzjali, billi talab lill-persunal tal-EUIPO jippreparalu analiżi dwar ilment possibbli kontra dawn id-deċiżjonijiet, inkluż kunflitt ta’ interessi possibbli ta’ ċerti membri tal-Bord tat-Tmexxija, u jinvestiga l-intaxxar tad-danni mħallsa wara ftehim bonarju jew abbażi ta’ sentenza. Sussegwentement, huwa allegatament esprima b’mod miftuħ in-nuqqas ta’ fiduċja tiegħu fl-affidabbiltà u fil-professjonaliżmu tal-persunal tal-imsemmi segretarjat tal-Bord tat-Tmexxija. Fl-aħħar nett, huwa kien ippreveda li jieħu miżuri ta’ ritaljazzjoni individwali kontra l-Kap tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Istituzzjonali billi studja l-possibbiltà li ma jikkonfermahiex fil-pożizzjoni tagħha fi tmiem il-perijodu ta’ prova tagħha u billi rrifjuta, wara l-approvazzjoni inizjali tiegħu, il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa annwali tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trade Marks (INTA) tal‑2023.

144

Skont l-EUIPO, il-fatti msemmija fil-punt 143 iktar ’il fuq, ikkunsidrati flimkien, juru li l-indipendenza u l-oġġettività tar-rikorrent bħala Direttur Eżekuttiv kienu kompromessi, u b’hekk inaqqsu kunsiderevolment il-fiduċja tal-Bord tat-Tmexxija fil-kapaċità tiegħu li jiġġestixxi oġġettivament is-setgħat relatati mal-ATĦ.

145

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni MB-17-01 u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 153(2) tar-Regolament 2017/1001 jipprevedu li d-delega lid-Direttur Eżekuttiv tas-setgħat relatati mal-ATĦ tista’ tiġi sospiża, b’mod temporanju, meta “ċirkostanzi eċċezzjonali” jeżiġu dan.

146

F’dan il-kuntest, il-Bord tat-Tmexxija għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa meta jevalwa l-kundizzjoni dwar iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, peress li deċiżjoni ta’ sospensjoni tas-setgħat relatati mal-ATĦ tiġi adottata fil-kuntest tal-organizzazzjoni tad-dipartimenti tiegħu. Fid-dawl tal-estent ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali dwar l-osservanza tal-kundizzjoni relatata maċ-ċirkustanzi eċċezzjonali għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk l-EUIPO baqax fil-limiti raġonevoli u użax is-setgħa ta’ evalwazzjoni b’mod manifestament żbaljat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, OW vs AESA, T‑597/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:338, punti 41 u 42).

147

F’dan il-kuntest, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kontra d-deċiżjoni MB-23-04 tipprovdi, b’mod ġenerali, li ċerti azzjonijiet u dikjarazzjonijiet tar-rikorrent, kif ukoll ċerti inċidenti li huwa fl-oriġini tagħhom, bħal talbiet lill-persunal tal-EUIPO sabiex jagħti prijorità lill-interessi personali tiegħu, peress li għamel użu mill-imsemmi persunal sabiex jikseb, għall-vantaġġ tiegħu stess, l-aċċess għal dokumenti u għal informazzjoni, ippreġudikaw ir-rwol leġittimu tal-Bord tat-Tmexxija, ħaġa li qajmet dubji serji dwar il-lealtà tiegħu lejn l-EUIPO b’mod ġenerali u lejn il-Bord tat-Tmexxija b’mod partikolari u wasslu għal telf ta’ fiduċja fil-kapaċità tiegħu li jeżerċita r-rwol tiegħu bħala ATĦ b’mod imparzjali u oġġettiv fl-interess tal-EUIPO.

148

Skont id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kontra d-deċiżjoni MB-23-04, din il-konklużjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-ħames inċidenti msemmija fil-punt 139 iktar ’il fuq.

149

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-ewwel inċident imsemmi iktar ’il fuq (ara l-punti 17 u 139 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar, preliminarjament, id-dritt leġittimu li għandu kull membru tal-persunal tal-EUIPO, bħad-direttur eżekuttiv, li jressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju, li huwa, barra minn hekk, espliċitament irrikonoxxut fid-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ, kif ukoll mill-EUIPO fir-risposta tiegħu.

150

Għalhekk, it-trażmissjoni tal-ilment kontra d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent u d-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, attribwit lir-rikorrent f’dan il-kuntest, ma tistax titqies li hija inadegwata, peress li huwa l-Kunsill li għandu jadotta, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-eżami mwettaq mill-Bord tat-Tmexxija skont l-Artikolu 158(3) tar-Regolament 2017/1001, id-deċiżjoni finali dwar l-estensjoni possibbli tal-mandat tar-rikorrent (ara l-punt 84 iktar ’il fuq), u li, għaldaqstant, ir-rikorrent kellu interess leġittimu li jiżgura li l-Kunsill kien jaf bl-allegati illegalitajiet li jivvizzjaw l-imsemmija deċiżjonijiet.

151

Fir-rigward tat-trażmissjoni tal-ilment kontra d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent u d-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla lis-Segretarju Ġenerali u lid-Direttur Ġenerali tas-Servizz ta’ Awditu Intern tal-Kummissjoni, li huwa wkoll attribwit lir-rikorrent f’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 154(1) tar-Regolament 2017/1001, għandha żewġ rappreżentanti fi ħdan il-Bord tat-Tmexxija, b’tali mod li, fi kwalunkwe każ, hija kienet ser tiġi informata bit-tressiq tal-imsemmi lment u li, għaldaqstant, din it-trażmissjoni lill-Kummissjoni ma kellha ebda konsegwenza prattika.

152

Fir-rigward tat-tieni inċident iktar ’il fuq (ara l-punti 14 u 139 iktar ’il fuq), huwa indikat fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kontra d-deċiżjoni MB-23-04 li r-rikorrent ipprova jinfluwenza l-kontenut tal-minuti tal-laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija tat‑22 ta’ Novembru 2022 u jevita l-proċedura tal-adozzjoni tagħha, billi talab li mal-minuti jiżdiedu dikjarazzjonijiet magħmula minnu matul l-imsemmija laqgħa, li ma jikkorrispondux mar-reġistrazzjonijiet.

153

Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-atti tal-proċess jirriżulta li, fit‑12 ta’ Ġunju 2023, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kontra d-deċiżjoni MB-23-04, il-Bord tat-Tmexxija kkompleta l-proċess verbal b’sunt tad-dikjarazzjonijiet li r-rikorrent kien talab iż-żieda tagħhom, b’tali mod li l-EUIPO rrikonoxxa l-leġittimità tat-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

154

Fir-rigward tat-tielet inċident iktar ’il fuq (ara l-punti 9, 15 u 139 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kontra d-deċiżjoni MB-23-04, ir-rikorrent huwa akkużat li talab lill-President tal-Bord tat-Tmexxija, permezz ta’ ittra tal-avukati tiegħu tat‑3 ta’ Frar 2023, li l-iżvelar f’diversi gazzetti Spanjoli tal-eżitu tal-laqgħa tal-imsemmi bord tat‑22 ta’ Novembru 2022, jiġi kkomunikat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) bħala ksur ta’ data personali, skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39). B’mod iktar partikolari, l-imsemmija ittra ntbagħtet tard, jiġifieri iktar minn xahrejn wara l-avveniment, u dan l-iżvelar ma jikkostitwixxix ksur ta’ data personali.

155

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-ittra tat‑3 ta’ Frar 2023, l-avukati tar-rikorrent sostnew li l-iżvelar inkwistjoni kien jikkostitwixxi, minn naħa, ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità impost fuq il-membri tal-Bord tat-Tmexxija skont l-Artikolu 15 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord tat-Tmexxija u, min-naħa l-oħra, ksur tad-data personali fis-sens tal-punt 16 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725.

156

Issa, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kontra d-deċiżjoni MB-23-04, ma huwiex ikkontestat li l-eżitu tal-laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija tat‑22 ta’ Novembru 2022 kien ġie żvelat lill-istampa Spanjola qabel ma r-rikorrent ġie informat b’dan, u lanqas li dan kien imur kontra l-Artikolu 15 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bord tat-Tmexxija. Madankollu, mingħajr ma tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi żvelar jikkostitwixxix ksur ta’ data personali fis-sens tal-punt 16 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725, huwa affermat f’din id-deċiżjoni li l-iżvelar ta’ dan it-tip ta’ informazzjoni, inklużi l-estensjonijiet tal-mandati bħalma huwa dak inkwistjoni, huwa prattika stabbilita tal-Bord tat-Tmexxija stabbilita mir-rikorrent innifsu u li ma hijiex kwistjoni ta’ data personali.

157

Issa, kif isostni r-rikorrent mingħajr ma ġie kontradett mill-EUIPO, l-iżvelar inkwistjoni ma jistax jiġi pparagunat ma’ dik ta’ membri tal-persunal jew uffiċjali oħra tal-EUIPO li l-ħatriet tagħhom ġew ikkomunikati lill-pubbliku wara li kienu saru definittivi u wara li kienu ġew informati bihom, peress li, f’dan il-każ, din hija deċiżjoni negattiva tal-Bord tat-Tmexxija li ġiet żvelata fi stadju prematur, jiġifieri qabel id-deċiżjoni definittiva tal-Kunsill dwar l-estensjoni possibbli tal-mandat tiegħu u saħansitra qabel ma kien ġie uffiċjalment informat huwa stess b’dan. Għalhekk, ma jistax jitqies bħala inadegwat min-naħa tar-rikorrent li jirrapporta l-imsemmi żvelar lill-President tal-Bord tat-Tmexxija.

158

Fir-rigward tar-raba’ inċident imsemmi iktar ’il fuq (ara l-punti 18, 21 u 139 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar li, wara li r-rikorrent indika, matul konverżazzjoni telefonika mal-President tal-Bord tat-Tmexxija fit‑22 ta’ Frar 2023, li huwa kien tal-fehma li ma kienx jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, huwa ppreċiża, fin-nota tiegħu tal‑1 ta’ Marzu 2023, indirizzata lill-membri tal-Bord tat-Tmexxija (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), li, jekk l-imsemmi Bord kellu jiddeċiedi li jeskludih mis-sottokumitat preparatorju għall-għażla tad-direttur eżekuttiv ġdid, huwa kien jaċċetta d-deċiżjoni. Fil-fatt, huwa ma ressaqx ilment kontra d-deċiżjoni MB-23-03 li tinkludi l-esklużjoni tiegħu mill-imsemmi sottokumitat.

159

Minn dan isegwi li l-uniku lment magħmul lir-rikorrent jirrigwarda l-fatt li huwa kellu opinjoni diverġenti minn dik tal-President tal-Bord tat-Tmexxija f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi, ħaġa li madankollu ma tistax tikkaratterizza aġir inadegwat min-naħa tiegħu.

160

Fir-rigward tal-ħames inċident imsemmi iktar ’il fuq (ara l-punti 12 u 139 iktar ’il fuq), ir-rikorrent indika, mingħajr ma ġie kontradett mill-EUIPO, li n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratti ta’ sitt esperti nazzjonali kkollokati tal-EUIPO ma kienx immotivat mill-fatt li dawn l-esperti nazzjonali kienu ġejjin minn Stati Membri li ma kinux sostnew l-estensjoni tal-mandat tiegħu, iżda minn raġunijiet baġitarji. Konsegwentement, ma hemm ebda prova li r-rikorrent aġixxa b’mod inadegwat fil-kuntest tal-imsemmi nuqqas ta’ tiġdid.

161

Minn dan isegwi li ebda wieħed mill-ħames inċidenti msemmija fil-punt 139 iktar ’il fuq ma jindika aġir inadegwat min-naħa tar-rikorrent, b’tali mod li dawn ma jistgħux jikkostitwixxu ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni MB-17-01.

162

Fir-rigward tal-inċidenti invokati mill-EUIPO fir-risposta tiegħu (ara l-punti 142 u 143 iktar ’il fuq), ir-rikorrent isostni li dawn huma elementi ġodda li ma jidhrux fid-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ.

163

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess ħin tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. Huwa biss meta jkun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li raġunijiet addizzjonali, ipprovduti matul il-proċedura, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-legalità tal-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punti 51 u 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

164

L-EUIPO jsostni li l-inċidenti invokati fir-risposta tiegħu jispjegaw iktar dawk inklużi fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kontra d-deċiżjoni MB-23-04, mingħajr madankollu ma jispeċifika liema aspetti tad-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ huma relatati ma’ dawn l-elementi.

165

F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra l-ħames inċidenti speċifiċi msemmija fil-punt 139 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kontra d-deċiżjoni MB-23-04 tagħmel riferiment biss għal ċerti azzjonijiet u dikjarazzjonijiet min-naħa tar-rikorrent, bħal talbiet lill-persunal tal-EUIPO sabiex jagħti prijorità lill-interessi personali tiegħu, peress li għamel użu mill-imsemmi persunal sabiex jikseb, għall-vantaġġ tiegħu stess, l-aċċess għal dokumenti u għal informazzjoni (ara l-punt 147 iktar ’il fuq).

166

Issa, l-ewwel nett, dan ir-riferiment ġenerali għall-azzjonijiet tar-rikorrent huwa inkomplet u ma ppermettiex lir-rikorrent jifhem li dan kien jirrigwarda l-ilment tal-EUIPO fis-sens li “esprima b’mod miftuħ in-nuqqas ta’ fiduċja tiegħu fl-affidabbiltà u fil-professjonaliżmu tal-persunal tal-[imsemmi] segretarjat” (ara l-punt 143 iktar ’il fuq), li huwa ekwivalenti għal assenza ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

167

It-tieni nett, l-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-ilment li r-rikorrent ħa miżuri ta’ ritaljazzjoni individwali kontra l-Kap tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Istituzzjonali (ara l-punt 143 iktar ’il fuq).

168

Barra minn hekk, fir-rigward tal-imsemmija miżuri ta’ ritaljazzjoni, ir-rikorrent spjega, mingħajr ma ġie kontradett mill-EUIPO, li mir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-imsemmija persuna responsabbli jirriżulta li l-prestazzjonijiet tagħha u l-aġir tagħha kienu diġà jikkawżaw problemi sa mill‑2022, li l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa annwali tal-INTA kienet ġiet irrifjutata prinċipalment sabiex jitnaqqsu spejjeż u li, fi kwalunkwe każ, l-EUIPO finalment ma kienx ipparteċipa fl-imsemmija laqgħa.

169

It-tielet nett, fir-rigward tal-inċident dwar allegata talba tar-rikorrent lill-persunal tal-EUIPO sabiex jippreparalu analiżi dwar ilment eventwali kontra d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu u d-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla kif ukoll biex jinvestiga l-intaxxar tad-danni mħallsa wara ftehim bonarju jew abbażi ta’ sentenza (ara l-punt 143 iktar ’il fuq), ma jistax jiġi eskluż li r-riferiment għal ċerti azzjonijiet u dikjarazzjonijiet bħalma huma talbiet lill-persunal tal-EUIPO magħmul fid-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ jirrigwarda dan l-inċident.

170

Madankollu, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi kkompletata bi spjegazzjonijiet mogħtija fil-mori tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 59). F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ebda element tal-atti tal-proċess ma jippermetti li jiġi konkluż li ċ-ċirkustanzi tal-kawża kienu tali li l-EUIPO ma kienx f’pożizzjoni li jindika b’mod suffiċjenti liema “talbiet lill-persunal” kienu involuti f’dan il-każ.

171

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-EUIPO ma pproduċa ebda prova insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet tiegħu, filwaqt li, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-rikorrent ikkontesta espliċitament l-imsemmija allegazzjonijiet u spjega li kkuntattja avukat estern għal dan l-għan.

172

Barra minn hekk, anki li kieku kellu jitqies li t-talbiet tar-rikorrent lill-persunal tal-EUIPO ttieħdu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ, għandu jiġi rrilevat li din ma tinkludi ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li s-sospensjoni tad-delega lir-rikorrent tas-setgħat relatati mal-ATĦ hija miżura proporzjonata minħabba dan l-inċident biss, peress li l-inċidenti u l-aġir l-oħra kollha allegati ma jistgħux jiġġustifikaw din is-sospensjoni, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

173

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jintlaqa’ l-argument tar-rikorrent dwar ksur tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni MB-17-01 u, konsegwentement, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrent.

Fuq it‑talbiet għal kumpens

174

Fir-rigward tad-dannu materjali, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-EUIPO u lill-Kunsill flimkien fil-Kawża T‑435/23 u lill-Kunsill fil-Kawża T‑224/24 għall-ħlas ta’ kumpens fl-ammont, f’kull kawża, ta’ EUR 364 728.64. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li d-deċiżjonijiet adottati mill-EUIPO u mill-Kunsill li wasslu għan-nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu bħala direttur eżekuttiv jikkostitwixxu dan id-dannu.

175

Fir-rigward tad-dannu morali, ir-rikorrent jitlob il-kundanna tal-EUIPO, fil-Kawża T‑435/23, u tal-Kunsill, fil-Kawża T‑224/24, għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 125 000, sa fejn id-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu, id-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla, id-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ u d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat kif ukoll l-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni ppreġudikaw ir-reputazzjoni professjonali tiegħu.

176

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors għal danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija suġġetta għall-iżvolġiment regolari tal-proċedura prekontenzjuża u għall-osservanza tat-termini li hija tipprovdi (ara d-digriet tas‑7 ta’ Frar 2017, Stips vs Il‑Kummissjoni, T‑593/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:71, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177

Il-proċedura prekontenzjuża tvarja skont jekk id-dannu li għalih jintalab il-kumpens jirriżultax minn att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew minn aġir tal-amministrazzjoni li ma huwiex ta’ natura deċiżjonali (digriet tal‑14 ta’ Diċembru 2022, Baert vs Il‑Kummissjoni, T‑111/22, mhux ippubblikat, EU:T:2022:823, punt 66).

178

Fl-ewwel wieħed mill-każijiet imsemmija fil-punt 177 iktar ’il fuq, il-persuna kkonċernata għandha l-obbligu li tadixxi, fit-termini imposti, lill-ATĦ bi lment kontra l-att inkwistjoni. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, it-talbiet intiżi għall-kumpens ta’ dannu materjali jew morali għandhom jiġu miċħuda meta jkunu marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament li, huma stess, ikunu ġew miċħuda bħala inammissibbli jew infondati (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, CX vs Il‑Kummissjoni, T‑743/16 RENV II, mhux ippubblikata, EU:T:2021:824, punt 417 u l-ġurisprudenza ċċitata).

179

Fit-tieni wieħed mill-każijiet imsemmija fil-punt 177 iktar ’il fuq, għall-kuntrarju, il-proċedura amministrattiva għandha tibda billi ssir talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jinkiseb il-kumpens u għandha tkun segwita, jekk ikun il-każ, bi lment dirett kontra d-deċiżjoni li tiċħad it‑talba (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, BK vs EASOT‑277/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:161, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

180

Huwa fid-dawl tal-elementi preċedenti li għandhom jiġu evalwati t-talbiet għal kumpens imressqa mir-rikorrent, fl-ewwel lok, fil-Kawża T‑435/23 u, fit-tieni lok fil-Kawża T‑224/24.

Fuq it-talbiet għal kumpens imressqa fil-Kawża T‑435/23

– Fuq id-dannu materjali

181

Fir-rigward tad-dannu materjali, għandu jiġi rrilevat li t-talba għad-danni hija marbuta mill-qrib mat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat u tad-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta tal-estensjoni tal-mandat tar-rikorrent kif ukoll id-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla, li madankollu huma inammissibbli (ara l-punti 74, 90 u 97 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li l-imsemmija talba hija wkoll inammissibbli.

– Fuq id-dannu morali

182

F’dak li jirrigwarda d-dannu morali, għandu jitfakkar li t-talba għad-danni hija bbażata, minn naħa, fuq l-illegalità tad-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent u tad-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla, kif ukoll fuq l-iżvelar tal-eżitu tal-vot tal-Bord tat-Tmexxija fl-istampa u, min-naħa l-oħra, fuq l-illegalità tad-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ kif ukoll fuq il-komunikazzjoni tal-kontenut ta’ din id-deċiżjoni lill-persunal tal-EUIPO u l-iżvelar sussegwenti tagħha lill-istampa.

183

Sa fejn it-talba għad-danni hija bbażata fuq l-allegata illegalità tad-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent u tad-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla, din għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 178 iktar ’il fuq, sa fejn it-talbiet għall-annullament tal-imsemmija deċiżjonijiet huma wkoll inammissibbli (ara l-punti 90 u 97 iktar ’il fuq).

184

Barra minn hekk, sa fejn it-talba għad-danni hija bbażata fuq l-iżvelar fl-istampa Spanjola tal-eżitu tal-vot fi ħdan il-Bord tat-Tmexxija (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), id-dannu allegat għandu jitqies bħala l-konsegwenza ta’ aġir tal-EUIPO distint mid-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent u tad-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla.

185

Issa, f’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-rikorrent, fl-ilment tas‑17 ta’ Frar 2023, li huwa bagħat lill-EUIPO kontra d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu u d-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla, espressament talab il-kumpens għad-dannu morali tiegħu marbut mal-iżvelar fl-istampa Spanjola tal-eżitu tal-vot tal-Bord tat-Tmexxija, xorta jibqa’ l-fatt li, wara ċ-ċaħda ta’ din it-talba fis‑16 ta’ Ġunju 2023, huwa ma ressaqx ilment kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, BK vs EASOT‑277/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:161, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186

Għalhekk, u peress li r-rikorrent ma kkonformax ruħu maż-żewġ stadji tal-proċedura prekontenzjuża msemmija fil-punt 179 iktar ’il fuq, hemm lok li din it-talba għal kumpens tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

187

Barra minn hekk, sa fejn it-talba għad-danni marbuta mad-dannu morali hija bbażata fuq l-allegata illegalità tad-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ, din hija marbuta mill-qrib mat-talba għal annullament ta’ din id-deċiżjoni, li hija ammissibbli u fondata (ara l-punti 137 u 173 iktar ’il fuq).

188

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta t-talbiet għad-danni jkunu bbażati fuq l-illegalità tal-att annullat, l-annullament deċiż mill-Qorti Ġenerali jista’ jikkostitwixxi, fih innifsu, il-kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li ġarrab dannu morali, li ma jistax jiġi kkumpensat kompletament b’dan l-annullament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2019, FV vs Il‑Kunsill, C‑188/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:690, punt 26, u s-sentenza tat‑28 ta’ April 2021, Correia vs KESE,T‑843/19, EU:T:2021:221, punt 86).

189

Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jressaq ebda argument speċifiku li juri li d-dannu morali tiegħu ma jistax jiġi kkumpensat kompletament bl-annullament tad-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ.

190

Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat dannu morali li jirriżulta mill-komunikazzjoni lill-persunal tal-EUIPO tal-kontenut tad-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ u l-iżvelar sussegwenti tagħha lill-istampa, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-rikorrent, fl-ilment tiegħu tas‑17 ta’ Marzu 2023, li huwa bagħat lill-Kunsill, talab espressament il-kumpens għad-dannu morali tiegħu marbut ma’ dawn il-fatti, li ma għandhomx rabta diretta mar-rikors għal annullament ippreżentat kontra din id-deċiżjoni, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrent, wara ċ-ċaħda ta’ din it-talba fis‑17 ta’ Lulju 2023, ma ressaqx ilment kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, BK vs EASOT‑277/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:161, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, u peress li r-rikorrent ma kkonformax ruħu maż-żewġ stadji tal-proċedura prekontenzjuża msemmija fil-punt 179 iktar ’il fuq, hemm lok li din it-talba għal kumpens tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

191

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talbiet għal kumpens fil-Kawża T‑435/23 għandhom jiġu miċħuda.

Fuq it-talbiet għal kumpens imressqa fil-Kawża T‑224/24

– Fuq id-dannu materjali

192

Fir-rigward tad-dannu materjali, għandu jitfakkar li t-talba għad-danni hija marbuta mill-qrib mat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat, li hija ammissibbli u fondata (ara l-punt 123 iktar ’il fuq).

193

F’dan il-kuntest, ir-rikorrent isostni li huwa tilef il-possibbiltà tal-estensjoni tal-mandat tiegħu sal-mument tal-irtirar tiegħu, bil-konsegwenzi materjali li jirriżultaw minn dan.

194

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni, it-telf ta’ opportunità għandu jkun reali u definittiv (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2022, SU vs AEAPP, T‑296/21, EU:T:2022:808, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

195

Sabiex tiġi ddeterminata n-natura reali tat-telf ta’ opportunità, għandu jiġi eżaminat jekk huwiex stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li r-rikorrent ġie mċaħħad mhux neċessarjament mill-estensjoni tal-mandat tiegħu, li qatt ma jista’ jipprova li dan seħħ, iżda minn possibbiltà ġenwina li l-mandat tiegħu jiġi estiż, bil-konsegwenza li huwa ġarrab dannu materjali li jikkonsisti f’telf ta’ dħul (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2022, SU vs AEAPP, T‑296/21, EU:T:2022:808, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

196

L-eżistenza ta’ opportunità ġenwina ma tiddependix mil-livell ta’ probabbiltà li din l-opportunità sseħħ, għaliex dan il-fattur imsemmi l-aħħar jittieħed inkunsiderazzjoni sussegwentement, jekk din l-eżistenza tiġi rrikonoxxuta, sabiex tiġi stabbilita l-portata tad-dannu materjali sostnut u l-kumpens tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 119).

197

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-telf ta’ opportunità tar-rikorrent kien reali, sa fejn l-eżitu tal-proċedura ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu seta’ kien differenti fl-assenza ta’ ksur tad-dritt għal smigħ (ara l-punti 121 u 122 iktar ’il fuq), b’tali mod li huwa stabbilit, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li huwa ġie mċaħħad minn opportunità ġenwina li l-mandat tiegħu jiġi estiż.

198

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li t-telf ta’ opportunità tar-rikorrent huwa definittiv, peress li l-Kunsill, fid‑19 ta’ Lulju 2023, ħatar lil [kunfidenzjali] bħala direttur eżekuttiv ġdid, b’tali mod li l-kariga li għaliha r-rikorrent kien applika kienet imtliet (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 50).

199

Fir-rigward tal-kumpens għat-telf ta’ opportunità, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens li għandu jitħallas f’dan ir-rigward, jeħtieġ, wara li tiġi identifikata n-natura reali u definittiva tal-opportunità li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikun ġie mċaħħad minnha, li tiġi ddeterminata d-data li minnha huwa seta’ jibbenefika minn din l-opportunità, imbagħad li tiġi kkwantifikata l-imsemmija opportunità u, fl-aħħar nett, li jiġi ppreċiżat liema kienu għalih il-konsegwenzi finanzjarji ta’ dan it-telf ta’ opportunità (ara s-sentenza tal‑15 ta Diċembru 2021, HB vs BEI, T‑757/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:890, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

200

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, meta dan ikun possibbli, l-opportunità li jkun ġie mċaħħad minnha uffiċjal għandha tiġi ddeterminata oġġettivament, fil-forma ta’ koeffiċjent matematiku li jirriżulta minn analiżi preċiża. Madankollu, meta din l-opportunità ma tkunx tista’ tiġi kkwantifikata b’dan il-mod, huwa aċċettat li d-dannu mġarrab jista’ jiġi evalwat ex æquo et bono (ara s-sentenza tal‑15 ta Diċembru 2021, HB vs BEI, T‑757/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:890, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

201

F’dan il-każ, anki jekk ir-rikorrent ta evalwazzjoni numerika tal-ammont li għandu jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-kumpens marbut mat-telf ta’ opportunità, li jikkorrispondi għar-remunerazzjoni netta li kien jirċievi fil-każ ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu sal-irtirar tiegħu, imnaqqsa bl-ammont totali tad-drittijiet tal-pensjoni li kien jirċievi matul dan il-perijodu, il-Qorti Ġenerali tibqa’ fl-impossibbiltà li tiffissa koeffiċjent matematiku li jirrifletti l-opportunità tar-rikorrent, peress li l-elementi ta’ analiżi pprovduti mill-partijiet f’dan ir-rigward huma nieqsa mill-preċiżjoni suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiddetermina dan il-koeffiċjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Fernández González vs Il‑Kummissjoni, T‑162/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:711, punt 120, u tat‑13 ta’ Ġunju 2019, CC vs Il‑Parlament, T‑248/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:418, punt 74).

202

Għaldaqstant, bl-użu tal-fakultà tal-Qorti Ġenerali li tevalwa d-dannu mġarrab ex æquo et bono, ir-rikorrent għandu jingħata somma f’daqqa, bħala kumpens għat-telf ta’ opportunità li huwa ġarrab minħabba l-illegalità mwettqa mill-Kunsill.

203

Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, qegħda ssir evalwazzjoni ġusta tad-dannu materjali kollu mġarrab mir-rikorrent, bil-kundanna tal-Kunsill iħallsu, ex æquo et bono, is-somma f’daqqa ta’ EUR 25000. Din is-somma għandha, konformement mat-talbiet tar-rikorrent f’dan is-sens, tiżdied bl-interessi moratorji mill-għoti ta’ din is-sentenza u sad-data tal-ħlas tas-somma totali dovuta, b’rata ugwali għal dik applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar tal-iskadenza tal-ħlas, miżjuda bi tliet punti perċentwali u nofs.

– Fuq id-dannu morali

204

F’dak li jirrigwarda d-dannu morali, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet għad-danni intiżi għall-kumpens tad-dannu morali fl-ammont ta’ EUR 125000 huma bbażati, l-ewwel nett, fuq varji istanzi ta’ aġir tal-EUIPO, jiġifieri l-adozzjoni tad-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent u tad-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla, it-tieni nett, fuq ksur tad-data personali li ġie skopert fis‑17 ta’ Lulju 2023 u, it-tielet nett, fuq l-impatt tan-nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent bħala Direttur Eżekuttiv fuq ir-reputazzjoni professjonali tiegħu.

205

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, sa fejn it-talba għad-danni hija bbażata fuq id-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent u fuq id-deċiżjonijiet MB-22–20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla, din għandha tiġi miċħuda, sa fejn l-imsemmija deċiżjonijiet ma ġewx adottati mill-Kunsill, iżda mill-EUIPO.

206

It-tieni nett, sa fejn il-ksur ta’ data personali huwa l-konsegwenza ta’ aġir tal-Kunsill li ma huwiex ta’ natura deċiżjonali, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-rikorrent, fl-ilment tiegħu tat‑30 ta’ Awwissu 2023, li huwa bagħat lill-Kunsill kontra d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat, talab espressament il-kumpens għad-dannu morali tiegħu marbut ma’ dawn il-fatti, li ma għandhomx rabta diretta mat-talbiet għal annullament imressqa kontra dan l-att, xorta jibqa’ l-fatt li, wara ċ-ċaħda ta’ din it-talba fis‑27 ta’ Frar 2024, huwa ma ressaqx ilment kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, BK vs EASOT‑277/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:161, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

207

Għalhekk, u peress li r-rikorrent ma kkonformax ruħu maż-żewġ stadji tal-proċedura prekontenzjuża msemmija fil-punt 179 iktar ’il fuq, hemm lok li din it-talba għal kumpens tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

208

Barra minn hekk, sa fejn it-talba għad-danni hija bbażata fuq l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jressaq ebda argument speċifiku li juri li d-dannu morali tiegħu ma jistax jiġi kkumpensat kompletament bl-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

209

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, it-talbiet kollha mressqa għal kumpens għad-dannu morali fil-Kawża T‑224/24 għandhom jiġu miċħuda.

210

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-deċiżjoni MB-23-04 dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat relatati mal-ATĦ, sa fejn din tissospendi temporanjament id-delega lir-rikorrent tas-setgħat relatati mal-ATĦ, kif ukoll id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat għandhom jiġu annullati. Barra minn hekk, il-Kunsill għandu jiġi kkundannat iħallas lir-rikorrent is-somma fl-ammont ta’ EUR 25000, flimkien mal-interessi moratorji mill-għoti ta’ din is-sentenza, u dan sad-data tal-ħlas tas-somma totali dovuta, b’rata ugwali għal dik applikata mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar tal-iskadenza tal-ħlas, miżjuda bi tliet punti perċentwali u nofs. Il-kumplament tar-rikorsi huwa miċħud.

Fuq l-ispejjeż

211

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ ta’ diversi partijiet telliefa, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, tbati parzjalment jew kompletament l-ispejjeż, jekk dan jidher iġġustifikat fid-dawl tal-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża, b’mod partikolari jekk hija tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li huma fiergħa jew vessatorji. Skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, tbati l-ispejjeż, parzjalment jew totalment, meta istituzzjoni jew organu tal-Unjoni jkun iffavorixxa, bl-aġir tiegħu, il-ħolqien tat-tilwima (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2015, European Dynamics Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, T‑536/11, EU:T:2015:476, punt 391 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

212

F’dan il-każ, ir-rikorrent ċertament tilef parzjalment fit-talbiet tiegħu, sa fejn kemm it-talbiet għal annullament imressqa fil-kuntest tal-Kawża T‑435/23 kontra d-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu, id-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla u dik ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat kif ukoll it-talbiet għal kumpens imressqa fil-kuntest tal-istess kawża u t-talba għad-danni intiża għall-kumpens għad-dannu morali mressqa fil-kuntest tal-Kawża T‑224/24 ġew miċħuda, b’tali mod li l-EUIPO u l-Kunsill jistgħu jitqiesu bħala partijiet rebbieħa f’dan ir-rigward.

213

Madankollu, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna għall-ispejjeż istituzzjoni li d-deċiżjoni tagħha ma tkunx ġiet annullata, minħabba l-insuffiċjenza ta’ din tal-aħħar, li setgħet wasslet lil rikorrent sabiex jippreżenta rikors (ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2016, L‑Italja u Eurallumina vs Il‑Kummissjoni, T‑60/06 RENV II u T‑62/06 RENV II, EU:T:2016:233, punt 245 u l-ġurisprudenza ċċitata).

214

Issa, id-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent u d-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla jagħtu b’mod żbaljat l-impressjoni li l-Bord tat-Tmexxija ħa deċiżjoni definittiva li ma jestendix il-mandat tar-rikorrent (ara l-punti 83 u 84 iktar ’il fuq). Fil-fatt, id-deċiżjoni MB-22-19 dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ estensjoni tal-mandat tar-rikorrent hija intitolata “Deċiżjoni li ma tiġix ippreżentata lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea proposta ta’ estensjoni tal-mandat [tar-rikorrent]”, filwaqt li, permezz tad-deċiżjonijiet MB-22-20 u MB-22-21 dwar il-proċedura ta’ għażla, il-Bord tat-Tmexxija nieda l-proċedura ta’ għażla tas-suċċessur tar-rikorrent. Din l-impressjoni żbaljata setgħet inċentivat lir-rikorrent jippreżenta r-rikorsi kontra l-imsemmija deċiżjonijiet.

215

Bl-istess mod, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ estensjoni tal-mandat, kien leġittimu għar-rikorrent li jitlob l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni kemm fil-kuntest tar-rikors fil-Kawża T‑435/23 kif ukoll f’dak fil-Kawża T‑224/24.

216

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ jekk l-EUIPO jiġi kkundannat għall-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll għal dawk tar-rikorrent fil-Kawża T‑435/23 u l-Kunsill jiġi kkundannat għall-ispejjeż tiegħu stess fil-Kawżi T‑435/23 u T‑224/24 kif ukoll għal dawk tar-rikorrent fil-Kawża T‑224/24.

217

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Slovakka, li intervjenew fil-Kawża T‑435/23, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla Intermedja)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-Kawżi T‑435/23 u T‑224/24 ingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza.

 

2)

Id-deċiżjoni MB-23-04 tal-Bord tat-Tmexxija tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas‑6 ta’ Marzu 2023 hija annullata sa fejn tissospendi temporanjament is-setgħat ta’ YL relatati mal-Awtorità tal-Ħatra u mal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ.

 

3)

Id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ma jestendix il-mandat ta’ YL bħala direttur eżekuttiv tal-EUIPO, kif riflessa fl-ittra tat‑30 ta’ Mejju 2023 tal-President tal-Kunsill lill-President tal-Bord tat-Tmexxija tal-EUIPO, hija annullata.

 

4)

Il-Kunsill huwa kkundannat iħallas lil YL somma fl-ammont ta’ EUR 25000, flimkien mal-interessi moratorji mill-għoti ta’ din is-sentenza u dan sad-data tal-ħlas tas-somma totali dovuta, b’rata ugwali għal dik applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar tal-iskadenza tal-ħlas, miżjuda bi tliet punti perċentwali u nofs.

 

5)

Il-kumplament tar-rikorsi huwa miċħud.

 

6)

L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għall-ispejjeż ta’ YL fil-Kawża T‑435/23.

 

7)

Il-Kunsill huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu fil-Kawżi T‑435/23 u T‑224/24, kif ukoll għall-ispejjeż ta’ YL fil-Kawża T‑224/24.

 

8)

Ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Polonja, Ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Slovakka huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

da Silva Passos

Svenningsen

Porchia

Kanninen

Madise

Półtorak

Nihoul

Verschuur

Cassagnabère

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Settembru 2025.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Data kunfidenzjali oskurata