European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1810

12.9.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1810

tal-11 ta’ Settembru 2025

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1668 fir-rigward tal-istandards armonizzati dwar tagħmir ta’ applikazzjoni għal materjali tal-kisi, makkinarju għall-provvista u għaċ-ċirkolazzjoni ta’ materjali tal-kisi likwidi, sistemi ta’ soppressjoni tal-isplużjonijiet u sistemi ta’ applikazzjonijiet elettrostatiċi awtomatiċi għal materjali tal-kisi likwidi li jaqbdu malajr

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-prodotti li jkunu konformi ma’ standards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġu preżunti konformi mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva koperti minn dawk l-istandards jew minn partijiet minnhom.

(2)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 4798 (3), il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) għar-reviżjoni tal-istandards armonizzati u għat-tlestija tal-ħidma fuq l-abbozzi tal-istandards b’appoġġ għad-Direttiva 2014/34/UE (it-“talba”). L-istandards armonizzati mitluba kellhom jindirizzaw ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/34/UE u fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Abbażi tat-talba, is-CEN irreveda l-istandard armonizzat li ġej, li r-referenza tiegħu hija ppubblikata fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1668 (4): EN 1953:2013 – Tagħmir li jatomizza u jisprejja għal materjali tal-kisi - Rekwiżiti ta’ sikurezza. Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard armonizzat EN 1953:2025 – Tagħmir ta’ applikazzjoni għal materjali tal-kisi – Rekwiżiti ta’ sikurezza.

(4)

Abbażi tat-talba, is-CEN irreveda l-istandard armonizzat li ġej, li r-referenza tiegħu hija ppubblikata fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1668: EN 12621:2006+A1:2010 – Magni għall-provvista u/jew ċirkolazzjoni ta’ materjali tal-kisi taħt pressjoni – Rekwiżiti ta’ sikurezza. Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard armonizzat EN 12621:2025 – Makkinarju għall-provvista u għaċ-ċirkolazzjoni ta’ materjali tal-kisi likwidi – Rekwiżiti ta’ sikurezza.

(5)

Abbażi tat-talba, is-CEN irreveda u emenda l-istandard armonizzat li ġej, li r-referenza tiegħu hija ppubblikata fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1668: EN 14373:2021 – Sistemi ta’ soppressjoni tal-isplużjonijiet. Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard armonizzat EN 14373:2021/A1:2025 – Sistemi ta’ soppressjoni tal-isplużjonijiet.

(6)

Abbażi tat-talba, is-CEN irreveda l-istandard armonizzat li ġej, li r-referenza tiegħu hija ppubblikata fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1668: EN 50176:2009 – Tagħmir stazzjonarju ta’ applikazzjonijiet elettrostatiċi għal materjal tal-kisi likwidu li jaqbad malajr – Rekwiżiti ta’ sikurezza. Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard armonizzat EN 50176:2025 – Sistema ta’ applikazzjonijiet elettrostatiċi awtomatiċi għal materjali tal-kisi likwidi li jaqbdu malajr – Rekwiżiti ta’ sikurezza.

(7)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandards EN 1953:2025, EN 12621:2025, EN 14373:2021/A1:2025 u EN 50176:2025 jikkonformawx mat-talba.

(8)

L-istandards EN 1953:2025, EN 12621:2025, EN 14373:2021/A1:2025 u EN 50176:2025 jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru u li huma stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2014/34/UE. Għalhekk, jixraq li r-referenzi għal dawk l-istandards jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(9)

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1668 jipprovdi r-referenzi għall-istandards armonizzati li jikkonferixxu preżunzjoni ta’ konformità mad-Direttiva 2014/34/UE. Sabiex jiġi żgurat li r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/34/UE jiġu elenkati f’att wieħed, jenħtieġ li r-referenzi tal-istandards armonizzati EN 1953:2025, EN 12621:2025, EN 14373:2021/A1:2025 u EN 50176:2025 jiġu inklużi f’dak l-Anness.

(10)

Jeħtieġ li r-referenzi tal-istandards armonizzati EN 1953:2013, EN 12621:2006+A1:2010, EN 14373:2021 u EN 50176:2009 jiġu rtirati mis-serje L ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, peress li ġew riveduti. Għalhekk, jixraq li dawk ir-referenzi jitħassru mill-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1668.

(11)

Sabiex il-manifatturi jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għall-applikazzjoni tal-istandards armonizzati EN 1953: 2025, EN 12621: 2025, EN 14373: 2021/A1: 2025 u EN 50176: 2025, jeħtieġ li l-irtirar tar-referenzi tal-istandards armonizzati EN 1953: 2013, EN 12621: 2006 + A1: 2010, EN 14373: 2021 u EN 50176: 2009 jiġi differit.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1668 tiġi emendata kif xieraq.

(13)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tagħti preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1668 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt (1) tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandu japplika mit-12 ta’ Marzu 2027.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj.

(2)  Id-Direttiva 2014/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 309, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/34/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 4798 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika Standardizzazzjoni fir-rigward ta’ tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi b’sostenn għad-Direttiva 2014/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1668 tat-28 ta’ Settembru 2022 dwar standards armonizzati għal tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment splussivi mfassla b’sostenn għad-Direttiva 2014/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 251, 29.9.2022, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1668/oj).


ANNESS

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1668 huwa emendat kif ġej:

(1)

jitħassru r-ringieli 10, 12, 28 u 61;

(2)

ir-ringieli li ġejjin jiddaħħlu f’ordni sekwenzjali:

“10a.

EN 1953:2025

Tagħmir ta’ applikazzjoni għal materjali tal-kisi – Rekwiżiti ta’ sikurezza.”

“12a.

EN 12621:2025

Makkinarju għall-provvista u għaċ-ċirkolazzjoni ta’ materjali tal-kisi likwidi – Rekwiżiti ta’ sikurezza.”

“28a.

EN 14373:2021/A1:2025

Sistemi ta’ soppressjoni tal-isplużjonijiet.”

“61a.

EN 50176:2025 – Sistemi ta’ applikazzjonijiet elettrostatiċi awtomatiċi għal materjali tal-kisi likwidi li jaqbdu malajr – Rekwiżiti ta’ sikurezza.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1810/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)