11.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/41


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1017/2010

tal-10 ta’ Novembru 2010

li jistabbilixxi sejħiet permanenti għal offerti għall-bejgħ fis-suq intern taċ-ċereali miżmuma mill-aġenziji tal-intervent tal-Istati Membri

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u partikolarment l-Artikolu 43, il-punt f) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1272/2009 tal-11 ta' Diċembru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f'dak li għandu x'jaqsam max-xiri u l-bejgħ ta' prodotti agrikoli taħt intervent pubbliku (2), jistipula li l-bejgħ taċ-ċereali miżmuma mill-aġenziji tal-intervent isir b'sejħa għall-offerti.

(2)

L-Istati Membri għandhom ħażniet ta' intervent tal-qamħ komuni u tax-xgħir. Sabiex jinqdew il-ħtiġijiet tas-swieq, jixraq illi dawn il-ħażniet ta' ċereali tal-Istati Membri jsiru disponibbli fis-suq intern. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu stabbiliti sejħiet permanenti għal offerti għall-bejgħ mill-ġdid fis-suq intern taċ-ċereali miżmuma mill-aġenziji tal-intervent tal-Istati Membri. Kull waħda mis-sejħiet għal offerti għandha titqies bħala sejħa għaliha.

(3)

Biex tkun ikkunsidrata s-sitwazzjoni tas-suq intern, jixraq li jkun stipulat li s-sejħa għal offerti titmexxa mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandu jkun hemm dispożizzjoni għal koeffiċjent ta’ allokazzjoni għal dawk l-offerti li jinsabu fil-livell tal-prezz minimu tal-bejgħ.

(4)

Bil-għan li s-sistema titmexxa b’mod effiċjenti, jeħtieġ li jkunu stipulati l-kundizzjonijiet li bihom għandha ssir it-trażmissjoni tal-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni, kif ukoll l-iskadenza.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ambitu

Il-proċedura ta' sejħa għall-offerti għall-bejgħ mill-ġdid tal-istokkijiet ta' intervent taċ-ċereali fis-suq intern hija miftuħa, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009.

Il-kwantitajiet massimi disponibbli għal kull Stat Membru jidhru fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dati għat-tressiq tal-offerti tal-prezzijiet

1.   L-iskadenza għat-tressiq tal-offerti tal-prezzijiet għall-ewwel sejħa parzjali hija l-24 ta' Novembru 2010 fil-11:00 (ħin ta' Brussell).

L-iskadenzi għat-tressiq tal-offerti tal-prezzijiet għas-sejħiet parzjali li ġejjin jagħlqu fil-jiem ta' wara fil-11:00, (ħin ta' Brussell),

—

it-8 u l-15 ta' Diċembru 2010,

—

it-12 u s-26 ta' Jannar 2011,

—

id-9 u t-23 ta' Frar 2011,

—

id-9 u t-23 ta' Marzu 2011,

—

it-13 u s-27 ta' April 2011,

—

il-11 u l-25 ta' Mejju 2011,

—

il-15 u d-29 ta' Ġunju 2011.

2.   L-offerti jitressqu quddiem l-aġenziji tal-intervent approvati mill-Istati Membri, li l-lista tagħhom hija ppubblikata fuq l-internet (3).

Artikolu 3

Notifika lill-Kummissjoni

In-notifika stipulata fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009 għandha ssir sal-16:00 (ħin ta' Brussell) fid-data tal-għeluq għat-tressiq tal-offerti tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Deċiżjonijiet abbażi tal-offerti tal-prezzijiet

Skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 195(2), tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-Kummissjoni għandha tiffissa, għal kull ċereal konċernat u għall kull Stat Membru, il-prezz minimu għall-bejgħ, jew tiddeċiedi li ma tiħux azzjoni għall-offerti li rċeviet, skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Dacian CIOLOŞ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p 1.

(2)   ĠU L 349, 29.12.2009, p 1.

(3)  L-indirizzi tal-aġenziji tal-intervent huma disponibbli fuq is-sit tal-Kummissjoni Ewropea CIRCA (http://circa.europa.eu/Public/irc/agri/cereals/library?l=/publicsdomain/cereals/intervention_agencies&vm=detailed&sb=Title).


ANNESS

Lista tas-sejħiet għall-offerti

(tunnellati)

Stat Membru

Kwantitajiet disponibbli għall-bejgħ fis-suq intern

 

Qamħ komuni

Xgħir

Qamħirrum

Kodiċi tan-NM

1001 90

1003 00

1005 90 00

Belgique/België

—

0

—

България

0

0

—

Česká republika

60 937

136 395

—

Danmark

—

59 550

—

Deutschland

—

1 100 935

—

Eesti

—

40 060

—

Eire/Ireland

—

—

—

Elláda

—

—

—

España

—

—

—

France

—

70 385

—

Italia

—

—

—

Kypros

—

—

—

Latvija

—

0

—

Lietuva

0

91 377

—

Luxembourg

—

—

—

Magyarország

4 418

30 258

0

Malta

—

—

—

Nederland

—

—

—

Österreich

—

20 541

—

Polska

0

0

—

Portugal

—

—

—

România

—

0

—

Slovenija

—

—

—

Slovensko

0

80 112

—

Suomi/Finland

22 757

784 136

—

Sverige

—

148 260

—

United Kingdom

—

151 136

—

Is-simbolu “—” ifisser li ma hemm l-ebda ħażna ta' intervent għal dan iċ-ċereal f'dan l-Istat Membru.