|
16.8.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 293/22 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1363
tat-8 ta’ Lulju 2021
li tawtorizza lill-Finlandja biex tapplika estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikoli 2, 16 u 17 tar-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2021) 4976)
(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tal-persistenza tal-kriżi tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet, il-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport u l-estensjoni ta’ ċerti perjodi msemmija fir-Regolament (UE) 2020/698 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(8), l-Artikolu 9(4), l-Artikolu 10(4), l-Artikolu 11(4), l-Artikolu 12(5), l-Artikolu 16(4) u l-Artikolu (17)4 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-limiti taż-żmien għat-tlestija, mid-detentur ta’ ċertifikat ta’ kompetenza professjonali (“CPC”), ta’ taħriġ perjodiku li kieku skadew jew li kieku kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. L-Artikolu 2(3) ta’ dak ir-Regolament jestendi l-validità tal-immarkar korrispondenti tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”. |
|
(2) |
L-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-validità tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li kieku skadew jew li kieku kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(3) |
L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-limiti taż-żmien għat-tiġdid taċ-ċertifikati tas-sikurezza uniċi msemmija fl-Artikolu 10(13) tad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li kieku skadew jew li kieku kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(4) |
L-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-validità tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798 li kieku skadew jew li kieku kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(5) |
L-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-limiti taż-żmien għat-tiġdid taċ-ċertifikati tas-sikurezza, kif imsemmi fl-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li kieku skadew jew li kieku kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(6) |
L-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-limiti ta’ żmien għat-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza, kif imsemmi fl-Artikolu (11)2 tad-Direttiva 2004/49/KE, li kieku skadew jew li kieku kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(7) |
L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-validità tal-liċenzji tas-sewwieqa tal-ferroviji li kieku skadew jew li kieku kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(8) |
L-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-limiti taż-żmien għat-tlestija, mid-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan tal-ferroviji, ta’ kontrolli perjodiċi li kieku skadew jew li kieku kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(9) |
L-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-limiti taż-żmien għat-twettiq ta’ rieżami regolari li kieku skada jew li kieku kien jiskadi bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(10) |
L-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-validità tal-liċenzji temporanji li kieku skadew jew li kieku kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(11) |
L-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-limiti taż-żmien għat-twettiq tar-rieżami perjodiku tal-valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-faċilitajiet tal-portijiet li kieku skada jew li kieku kien jiskadi bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(12) |
L-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-limiti ta’ żmien ta’ 18-il xahar għat-twettiq tad-diversi tipi ta’ eżerċizzji msemmija fil-Parti B tat-Taqsimiet 13.7 u 18.6, tal-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li kieku skadew jew li kieku kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(13) |
L-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-limiti taż-żmien għat-twettiq tar-rieżami tal-valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-portijiet u tal-pjanijiet għas-sigurtà fil-portijiet li kieku skadew jew li kieku kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(14) |
L-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-limiti taż-żmien ta’ 18-il xahar għat-tlestija tal-eżerċizzji tat-taħriġ li kieku skadew jew li kieku kienu jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. |
|
(15) |
Permezz ta’ ittra datata s-27 ta’ Mejju 2021, il-Finlandja ssottomettiet talba motivata għal awtorizzazzjoni biex jiġu applikati estensjonijiet ta’ ċerti perjodi u skadenzi speċifikati fl-Artikolu 2(1), (3) u (5), l-Artikolu 9(1) u (2), l-Artikolu 10(1) u (2), l-Artikolu 11(1) u (2), l-Artikolu 12(1) u (2), l-Artikolu 16(1) u (2) u l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/267. Il-Finlandja pprovdiet informazzjoni addizzjonali bħala appoġġ għat-talba tagħha fl-1, fis-7, fl-10 u fl-14 ta’ Ġunju 2021. |
|
(16) |
Permezz tat-talba motivata tagħha, il-Finlandja tfittex, l-ewwel nett, awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodi bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikati fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/267, għall-finijiet ta’ dik id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 2(3), fl-Artikolu 2(5), fl-Artikolu 9(1) u (2), fl-Artikolu 10(1) u (2), fl-Artikolu 11(1) u (2), fl-Artikolu 12(1) u (2), fl-Artikolu 16(1) u (2) u fl-Artikolu 17(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament, u t-tieni, awtorizzazzjoni biex tiġi applikata estensjoni ta’ erba’ xhur tal-iskadenzi tat-30 ta’ Settembru 2021 speċifikati fl-Artikolu 16(1) u (2) u fl-Artikolu 17(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(17) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja, it-tlestija tat-taħriġ perjodiku u ċ-ċertifikazzjoni tiegħu, l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni “95” u t-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa fil-Finlandja, it-tiġdid ta’ ċertifikati tas-sikurezza uniċi, it-tiġdid ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza, it-tiġdid tal-liċenzji tas-sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomottivi u ferroviji, it-tlestija tal-kontrolli perjodiċi rilevanti, ir-rieżami regolari tal-impriżi ferrovjarji, it-tiġdid tal-liċenzji temporanji tal-impriżi ferrovjarji, it-twettiq tal-valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-faċilitajiet tal-portijiet, it-twettiq tar-rieżami tal-valutazzjonijiet tas-sigurtà tal-portijiet jew tal-pjanijiet tas-sigurtà tal-portijiet, u t-twettiq tal-eżerċizzji ta’ taħriġ rilevanti, x’aktarx li jibqgħu mhux prattikabbli fil-Finlandja wara t-30 ta’ Ġunju 2021, minħabba miżuri li tkun ħadet biex tipprevjeni jew tillimita t-tixrid tal-COVID-19. |
|
(18) |
B’mod partikolari, l-awtoritajiet tal-Finlandja jqisu li s-sitwazzjoni epidemika ma tistax tiġi prevista u li huwa possibbli li s-sitwazzjoni tista’ tmur għall-agħar. Skont dan l-Istat Membru, is-sitwazzjoni għadha instabbli, hemm differenzi reġjonali fil-mod kif tiġi mrażżna l-epidemija, u r-rati ta’ infezzjoni tal-COVID-19 kienu qed jiżdiedu fil-passat reċenti. F’każ li s-sitwazzjoni epidemika tmur għall-agħar f’daqqa fil-Finlandja, dan jista’ jirriżulta fi sfidi fit-tiġdid jew fl-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet, u fil-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku. |
|
(19) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja, fir-rigward tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/267, il-miżuri li ħadet biex tipprevjeni jew biex trażżan it-tixrid tal-COVID-19 wasslu għal restrizzjonijiet u kanċellazzjonijiet ta’ korsijiet ta’ taħriġ perjodiċi. |
|
(20) |
B’mod partikolari, ir-restrizzjonijiet fuq l-assemblaġġi ta’ nies imposti mill-awtoritajiet Finlandiżi kellhom, u għad għandhom, effett fuq l-organizzazzjoni ta’ taħriġ perjodiku għas-sewwieqa tax-xarabanks u tat-trakkijiet. Twettaq taħriġ perjodiku bħala apprendiment mill-bogħod fejn l-għalliema u l-parteċipanti jkunu f’postijiet differenti. Minħabba dawn ir-restrizzjonijiet, l-offerta ta’ taħriġ perjodiku kienet limitata. |
|
(21) |
Barra minn hekk, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja, l-għadd massimu ta’ parteċipanti permessi fil-korsijiet ta’ taħriġ varja, skont is-sitwazzjoni tal-COVID-19, minn sitta sa 20 persuna, fejn sitta hi r-regola attwalment applikabbli. Tali restrizzjonijiet ikkontribwew ukoll għal-limitazzjoni fl-għadd ta’ taħriġ perjodiku li sar fil-passat reċenti. Skont il-Finlandja, diversi organizzazzjonijiet u kumpaniji li jipprovdu taħriġ perjodiku għas-sewwieqa tal-karozzi tal-linja u tat-trakkijiet ma baqgħux jagħmlu pjanijiet għall-forniment ta’ taħriġ fl-2020-2021, peress li kien meqjus probabbli li t-taħriġ ikollu jiġi kkanċellat. Għalhekk, hemm ammont ta’ taħriġ perjodiku li għad irid isir u li għandu jiġi organizzat. |
|
(22) |
Barra minn hekk, il-Finlandja tistenna żieda fid-domanda għal taħriġ perjodiku ladarba jitneħħew ir-restrizzjonijiet, u l-estensjoni ta’ erba’ xhur mitluba tippermetti żmien għall-fornituri tat-taħriġ biex jaġġustaw l-operazzjonijiet tagħhom. Hekk kif is-sitwazzjoni tal-COVID-19 titjieb bil-mod, il-volum tat-trasport huwa mistenni jiżdied b’mod konsiderevoli, filwaqt li fl-istess ħin it-taħriġ perjodiku li ġie pospost se jkollu jitlesta. Skont il-Finlandja, il-kumpaniji se jkollhom jikkoordinaw dan b’mod li ma jipperikolax is-sigurtà tal-provvista jew tat-traffiku tal-passiġġieri, u dan jeħtieġ iż-żmien. |
|
(23) |
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja, l-estensjoni mitluba tal-perjodi ta’ referenza fl-Artikolu 2(1), għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2021/267, u fl-Artikolu 2(5) ta’ dak ir-Regolament, tikkonċerna biss perjodu ta’ referenza mill-1 ta’ Lulju 2021 sal-31 ta’ Ottubru 2021, li jkopri biss għadd limitat ta’ sewwieqa professjonali. Barra minn hekk, il-maġġoranza tas-sewwieqa li se jibbenefikaw minn tali perjodu ta’ validità estiż diġà lestew taħriġ perjodiku mill-inqas darba, u b’hekk taw prova tal-profiċjenza u tal-kompetenzi tagħhom. Barra minn hekk, l-estensjoni mitluba tikkonċerna perjodu ta’ żmien relattivament qasir u tirreferi biss għall-perjodu ta’ referenza stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/267, mhux għall-validità tad-dokumenti kkonċernati. Għalhekk, jenħtieġ li l-estensjonijiet mitluba ma jwasslux għal riskji sproporzjonati f’termini ta’ sikurezza u sigurtà tat-trasport. |
|
(24) |
Fir-rigward tal-Artikolu 16(1) u (2) u l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/267, dwar is-sigurtà marittima u tal-port, u skont l-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja, il-miżuri li ħadet biex tillimita t-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19 affettwaw spezzjonijiet u taħriġ perjodiċi, għalkemm ma waqqfithomx. |
|
(25) |
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn dak l-Istat Membru, fejn l-ispezzjonijiet fuq il-post ma kinux possibbli, l-ispezzjonijiet rilevanti twettqu mill-bogħod. Madankollu, sa mill-bidu tal-pandemija, il-portijiet iż-żgħar adottaw mudell ta’ operazzjonijiet li fih iż-żjarat kollha fil-port jew jiġu sospiżi, jew in-numru ta’ klijenti ikun limitat strettament, u dan jippermetti biss viżitatur 1 sa 3 viżitaturi fl-istess ħin. L-akbar portijiet tal-merkanzija u tal-passiġġieri – li jinsabu f’Ħelsinki, f’Turku u f’Hamina/Kotka – adottaw mudell li fih il-persunal tagħhom jaħdem f’żewġ xiftijiet, sabiex tiġi evitata t-trażmissjoni tal-virus. Tali miżuri jirriżultaw f’limitazzjonijiet ċari għall-aċċess għall-portijiet, u għalhekk jaffettwaw attivitajiet bħar-rieżami tal-valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-faċilitajiet tal-portijiet, tal-valutazzjonijiet tas-sigurtà tal-portijiet u tal-pjanijiet tas-sigurtà tal-portijiet. |
|
(26) |
Barra minn hekk, f’konformità mal-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-portijiet, huwa kruċjali li l-membri kritiċi tal-persunal fil-port ma jkunux esposti għall-virus u jitpoġġew fi kwarantina. Ċerti dmirijiet jeħtieġu l-preżenza fuq il-post tax-xogħol, li ma tistax tiġi żgurata jekk il-membri kritiċi tal-persunal ikunu esposti. Għalhekk, il-miżuri li jillimitaw il-preżenza ta’ persunal kritiku jippreżentaw diffikultajiet għat-twettiq tar-rieżami tal-valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-faċilità tal-portijiet imsemmija hawn fuq, tal-valutazzjonijiet tas-sigurtà tal-portijiet u tal-pjanijiet tas-sigurtà tal-portijiet. |
|
(27) |
Barra minn hekk, wara l-informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet tal-Finlandja, l-eżerċizzji aktar estensivi li jiġu organizzati darbtejn fis-sena u li jeħtieġu parteċipazzjoni minn diversi uffiċjali, bħall-Aġenzija Finlandiża għat-Trasport u l-Komunikazzjoni, id-Dwana, il-Pulizija, u s-Servizzi tat-Tifi tan-Nar u s-Salvataġġ, ġew sospiżi, ukoll minħabba miżuri meħuda biex jiġi evitat it-tixrid tal-COVID-19. Għalkemm huwa possibbli li tali eżerċizzji jiġu ppjanati online, it-tħejjija għalihom u t-twettiq tal-eżerċizzju f’port joħolqu theddida sinifikanti ta’ esponiment għall-virus, peress li l-għadd ta’ persuni involuti huwa ferm għoli. Skont dak l-Istat Membru, il-kumpaniji b’operazzjonijiet portwarji għandhom it-tendenza li jkollhom għadd żgħir ħafna ta’ persunal, anki jekk id-dmirijiet tagħhom huma estensivi. Bħala medja, il-kumpaniji li jimmaniġġaw it-traffiku tal-port matul is-sena kollha għandhom persunal amministrattiv ta’ 4-8 persuni, u l-iżgħar kumpaniji għandhom persunal ta’ 1-4 persuni. Għal din ir-raġuni, kull impjegat huwa ta’ importanza kritika għall-operazzjonijiet. |
|
(28) |
L-adozzjoni ta’ modi ġodda ta’ operazzjoni, meħtieġa mill-pandemija tal-COVID-19, ikkawżat ammonti sinifikanti ta’ xogħol addizzjonali, peress li l-operaturi jridu jingħataw gwida dwar liema azzjonijiet iridu jittieħdu meta jiġu ssuspettati jew irrapportati każijiet tal-COVID-19 fuq il-bastimenti. Sitwazzjonijiet fejn il-membri tal-persunal f’port ikunu ġew esposti għall-virus u tpoġġew fi kwarantina jkunu ħolqu wkoll problemi għall-operazzjonijiet tal-kumpaniji, peress li ċerti dmirijiet jeħtieġu preżenza fuq il-post tax-xogħol. |
|
(29) |
L-awtoritajiet Finlandiżi jistmaw li s-sitwazzjoni kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 jenħtieġ li tiġi normalizzata matul l-erba’ xhur li ġejjin, li huwa perjodu relattivament qasir. L-introduzzjoni tal-vaċċinazzjoni mxiet sew, u abbażi tal-istimi tal-Istitut tas-Saħħa u l-Benesseri tal-Finlandja, sal-aħħar ta’ Ottubru 2021, proporzjon sinifikanti tal-popolazzjoni se jkun imlaqqam għal kollox. Għal dawn ir-raġunijiet, l-awtoritajiet tal-Finlandja jqisu li estensjoni ta’ erba’ xhur hija ġġustifikata, u li estensjoni itwal ma hijiex meqjusa neċessarja. Barra minn hekk, dan il-perjodu addizzjonali jippermetti ż-żmien biex ċerti operazzjonijiet jirkupraw, u b’dan il-mod jiġi appoġġat ritorn għas-sitwazzjoni normali ta’ qabel il-pandemija. |
|
(30) |
Il-Finlandja teħtieġ biss estensjoni tal-perjodi bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021, u tal-iskadenzi applikabbli, u mhux tal-perjodi ta’ 10 xhur stabbiliti fl-Artikolu 16(2) u fl-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/267. Barra minn hekk, skont il-Finlandja, l-eżerċizzji tas-sigurtà xorta jistgħu jitwettqu, għalkemm f’kamp ta’ applikazzjoni iżgħar jew online. Għalhekk, jenħtieġ li l-estensjonijiet mitluba ma jwasslux għal riskji sproporzjonati f’termini ta’ sigurtà. |
|
(31) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Finlandja tiġi awtorizzata tapplika estensjoni tal-perjodi bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikati fl-Artikolu 2(1), għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 2(3), fl-Artikolu 2(5), fl-Artikolu 16(1) u (2) u fl-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/267, u estensjoni ta’ erba’ xhur tal-iskadenza tat-30 ta’ Settembru 2021 speċifikata fl-Artikolu 16(1) u (2) u fl-Artikolu 17(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(32) |
Fir-rigward tal-Artikolu 9(1) u (2), l-Artikolu 10(1) u (2), l-Artikolu 11(1) u (2) u l-Artikolu 12(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/267, l-awtoritajiet tal-Finlandja spjegaw li minkejja li l-Finlandja għandha biss ftit traffiku ferrovjarju internazzjonali intra-UE dirett (bejn Tornio/il-Finlandja u Haparanda/l-Iżvezja), it-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Finlandja u r-Russja u lejn u miċ-Ċina huwa importanti ħafna, u li t-traffiku ferrovjarju wera r-reżiljenza tiegħu matul il-pandemija tal-COVID-19. Skont l-awtoritajiet Finlandiżi, il-volumi internazzjonali tal-merkanzija bil-ferrovija saħansitra żdiedu matul il-pandemija. Għalhekk, l-estensjoni tal-awtorizzazzjonijiet tat-traffiku ferrovjarju hija kkunsidrata mill-awtoritajiet Finlandiżi kif meħtieġ. |
|
(33) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja, l-awtoritajiet Finlandiżi jqisu li hemm bżonn li tiġi żgurata l-estensjoni ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza, peress li n-numru ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet huwa l-ogħla, u peress li huma meħtieġa wkoll kontrolli perjodiċi. |
|
(34) |
L-awtoritajiet Finlandiżi infurmaw ukoll lill-Kummissjoni li kumpanija ferrovjarja speċifika adottat mudell tal-operazzjonijiet li jippermetti li jiġu organizzati dimostrazzjonijiet ta’ kompetenza fl-iskeda ppjanata f’ċirkostanzi eċċezzjonali wkoll. Dan l-Istat Membru ċċara wkoll li jistenna li ftit ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet biss jiġu mġedda jew applikati bejn il-perjodu tal-1 ta’ Lulju 2021 u tal-31 ta’ Ottubru 2021. |
|
(35) |
Minkejja diversi talbiet għal informazzjoni speċifika u għal kjarifiki addizzjonali relatati mal-ħtieġa għal estensjonijiet ta’ erba’ xhur tal-perjodi bejn l-1 ta’ Settembru 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikati fl-Artikolu 9(1) u (2), l-Artikolu 10(1) u (2), l-Artikolu 11(1) u (2), u l-Artikolu 12(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/267, il-Kummissjoni ma rċevietx l-informazzjoni meħtieġa sabiex tivvaluta t-talba motivata mressqa mill-awtoritajiet Finlandiżi, f’konformità mal-Artikolu 9(4), l-Artikolu 10(4), l-Artikolu 11(4) u mal-Artikolu 12(5) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(36) |
Il-Kummissjoni tqis li l-Finlandja ma pprovdietx informazzjoni speċifika dwar ir-raġunijiet għaliex it-tiġdid taċ-ċertifikati tas-sikurezza uniċi msemmija fl-Artikolu 9(1) u (2), it-tiġdid taċ-ċertifikati tas-sikurezza jew tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 10(1) u (2), it-tiġdid tal-liċenzji jew it-tlestija tal-kontrolli perjodiċi msemmija fl-Artikolu 11(1) u (2), it-twettiq tar-rieżamijiet regolari jew it-terminazzjoni tas-sospensjoni tal-liċenzji jew il-ħruġ ta’ liċenzji ġodda f’każijiet fejn il-liċenzji jkunu ġew revokati qabel kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/267 x’aktarx li jibqgħu imprattikabbli wara t-30 ta’ Ġunju 2021, minħabba miżuri li l-Finlandja ħadet biex tipprevjeni jew trażżan it-tixrid tal-COVID-19. Dan l-Istat Membru wkoll ma pprovdiex informazzjoni dwar għaliex l-estensjonijiet mitluba ma jwasslux għal riskji sproporzjonati f’termini tas-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport ferrovjarju. |
|
(37) |
Filwaqt li l-Finlandja bagħtet ċerta informazzjoni fir-rigward tal-miżuri adottati biex jiġi limitat it-tixrid tal-pandemija, li jista’ possibbilment jaffettwa s-settur tat-trasport ġenerali, dan l-Istat Membru ma pprovdiex informazzjoni dwar kif dawn il-miżuri affettwaw speċifikament it-tiġdid tal-liċenzji u tal-awtorizzazzjonijiet jew it-tlestija tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 9(1) u (2), l-Artikolu 10(1) u (2), l-Artikolu 11(1) u (2), u l-Artikolu 12(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/267. B’mod partikolari, ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni speċifika dwar il-miżuri li jaffettwaw it-tiġdid tal-liċenzji tas-sewwieqa tal-ferroviji, jew id-dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza ferrovjarja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni speċifika dwar il-ħtieġa li jiġi estiż il-perjodu msemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2021/267. |
|
(38) |
Il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li ssib li r-rekwiżiti stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet huma ssodisfati, jew li l-estensjonijiet mitluba ma jwasslux għal riskji sproporzjonati f’termini ta’ sikurezza u ta’ sigurtà tat-trasport ferrovjarju. Għalhekk, jenħtieġ li l-Finlandja ma tkunx awtorizzata tapplika estensjoni tal-perjodi bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikati fl-Artikolu 9(1) u (2), fl-Artikolu 10(1) u (2), fl-Artikolu 11(1) u (2), u fl-Artikolu 12(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/267. |
|
(39) |
Il-Finlandja qablet li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u nnotifikata bl-Ingliż, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Finlandja hija awtorizzata tapplika l-estensjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 kif speċifikat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/267, għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) u (3) ta’ dak ir-Regolament; |
|
(b) |
estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 kif speċifikat fl-Artikolu 2(5), l-Artikolu 16(1) u (2) u l-Artikolu 17(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament; |
|
(c) |
estensjoni sal-31 ta’ Jannar 2022 tal-iskadenza tat-30 ta’ Settembru 2021 speċifikata fl-Artikolu 16(1) u (2) u l-Artikolu 17(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament. |
Artikolu 2
Il-Finlandja ma hijiex awtorizzata biex tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur tal-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikata fl-Artikolu 9(1) u (2), fl-Artikolu 10(1) u (2), fl-Artikolu 11(1) u (2), u fl-Artikolu 12(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/267.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2021.
Għall-Kummissjoni
Adina-Ioana VĂLEAN
Membru tal-Kummissjoni
(2) Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).
(3) Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).
(4) Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil-portijiet (ĠU L 129, 29.4.2004, p. 6).