|
26.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 421/14 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2065
tal-25 ta’ Awwissu 2021
li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għas-sajd tal-barbuni imperjali fil-Baħar l-Iswed
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 15(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-għan tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 huwa l-eliminazzjoni b’mod gradwali tal-iskart fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art. |
|
(2) |
Fir-rigward tal-Baħar l-Iswed, l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistabbilixxi obbligu ta’ ħatt l-art għall-qabdiet tal-ispeċijiet kollha li huma soġġetti għal-limiti fuq il-qbid. Skont l-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta’ ħatt l-art għandu japplika għall-ispeċijiet li jiddefinixxu s-sajd sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2017. Il-barbun imperjali huwa wieħed minn dawk l-ispeċijiet. |
|
(3) |
Fl-20 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2017/87 (2) li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed, li jipprevedi eżenzjoni tas-sopravivenza tal-barbun imperjali li jinqabad bl-għeżula tal-qiegħ. Dan kien japplika mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2019. |
|
(4) |
Il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom interess ta’ ġestjoni dirett tas-sajd fl-isfruttar tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed. Fit-12 ta’ Frar 2021, dawk l-Istati Membri ppreżentaw rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni, fejn talbu t-tiġdid tal-pjan għall-iskartar u għall-eżenzjoni tas-sopravivenza tal-barbun imperjali li jinqabad bl-għeżula tal-qiegħ fil-Baħar l-Iswed. Fil-15 ta’ Lulju 2021, dawk l-Istati Membri ppreżentaw rakkomandazzjoni konġunta aġġornata. Inkisbet kontribuzzjoni xjentifika minn korpi xjentifiċi rilevanti fir-rigward tar-rati għoljin ta’ sopravivenza ta’ din l-ispeċi. |
|
(5) |
Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (3) (“STECF”) ivvaluta r-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata ppreżentata u nnota li huwa meħtieġ titjib fl-informazzjoni pprovduta. Il-Kummissjoni tagħraf l-eżistenza tal-istudji xjentifiċi (4) li juru s-sopravivenza għolja tal-barbun imperjali li jinqabad minn bastimenti minn pajjiżi mhux tal-UE bl-użu tal-għeżula tal-qiegħ fil-Baħar l-Iswed. Peress li l-istudji huma relatati mal-istess baċir tal-baħar, mal-ispeċijiet u mal-irkapti bħal dawk inklużi fl-eżenzjoni mitluba mill-Bulgarija u mir-Rumanija, il-Kummissjoni tqis li dan l-istudju jenħtieġ li jitqies għall-fini tal-eżenzjoni. |
|
(6) |
Abbażi tal-evidenza xjentifika u l-valutazzjoni tal-STECF, jenħtieġ li l-eżenzjoni tas-sopravivenza permessa skont l-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tiġi inkluża f’dan ir-Regolament għal sena. |
|
(7) |
Sal-1 ta’ Mejju 2022, jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jippreżentaw data addizzjonali dwar l-estimi tas-sopravivenza relatati mas-sajd tal-għażel għall-barbun imperjali. |
|
(8) |
Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-ippjanar ta’ dan l-istaġun tas-sajd, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara li jiġi ppubblikat. F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet konġunti u meta jitqies il-qafas ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2022, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art
L-obbligu ta’ ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika fil-Baħar l-Iswed għas-sajd tal-barbun imperjali (Psetta maxima) li jinqabad bl-għeżula tal-qiegħ (kodiċi tal-irkaptu (5) GNS), f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Definizzjoni
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “il-Baħar l-Iswed” tfisser l-ilmijiet marittimi fis-Subżona Ġeografika 29 tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (“GFCM”) kif iddefinit fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).
Artikolu 3
Eżenzjoni tas-sopravivenza
1. L-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art skont l-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ispeċijiet li dwarhom l-evidenza xjentifika turi rati għolja ta’ sopravivenza, għandha tapplika fl-2022 għall-barbun imperjali (Psetta maxima) li jinqabad bl-għeżula tal-qiegħ (GNS) fil-Baħar l-Iswed.
2. Il-barbun imperjali (Psetta maxima) li jinqabad fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi rilaxxat minnufih fiż-żona fejn ikun inqabad.
3. Sal-1 ta’ Mejju 2022, l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed għandhom jippreżentaw data addizzjonali lill-Kummissjoni dwar l-estimi tas-sopravivenza relatata mas-sajd tal-għeżula għall-barbun imperjali u informazzjoni xjentifika rilevanti oħra li tappoġġa l-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1. L-STECF għandu jivvaluta dik id-data sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju 2022.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2022.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Awwissu 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/87 tal-20 ta’ Ottubru 2016 li jistabbilixxi pjan ta’ skartar għas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed (ĠU L 14, 18.1.2017, p. 9).
(3) Rapporti tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) — Evaluation of the landing obligation joint recommendations (STECF-21-05) 2021. L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu. Disponibbli hawn: https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf
(4) Basaran, F. and N. Samsun, 2004, Survival rates of Black Sea Turbot (Psetta maxima maeotica, L. 1758) broodstock captured by gill nets from different depths and their adaptation culture conditions, Aquaculture International 12: 321–331, 2004; Giragosov, V. and A. Nikolayevna Khanaychenko, 2012, The State-of-Art of the Black Sea Turbot Spawning Population off Crimea (1998-2010), Turkish Journal of Fisheries and Aquatic Sciences, Settembru 2012, DOI: 10.4194/1303-2712-v12_2_25; Samsun, N. and F. Kalayci, 2005, Survival Rates of Black Sea Turbot (Scophthalmus maeoticus Pallas, 1811), Captured by Bottom Turbot Gillnets in Different Depths and Fishing, Seasons Between 1999 and 2004, Turkish Journal of Fisheries and Aquatic Sciences 5: 57–62, 2005;
(5) Il-kodiċijiet tal-irkapti użati f’dan ir-Regolament jirreferu għal dawk il-kodiċijiet fl-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1). Għall-bastimenti li t-tul kumplessiv tagħhom huwa inqas minn 10 metri, il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f’din it-tabella jirreferu għall-kodiċijiet mill-klassifikazzjoni tal-irkaptu tal-FAO.
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).