10.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 215/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1354

tal-5 ta' Awwissu 2016

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, b'mod parzjali jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid xi sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu klassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu klassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Awwissu 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett (hekk imsejjaħ “kartriġ tal-linka”) li jikkonsisti minn reċipjent rettangolari tal-plastik b'qisien ta' madwar 11 cm × 11 cm × 7 cm mimli bit-toner. Il-kartriġ huwa mgħammar b'roti bis-snien esterni ddiżinjati speċifikament biex jaħdmu flimkien ma' ċerti partijiet mekkaniċi ta' printer speċifiku. Fuq ġewwa, il-kartriġ mgħammar b'mekkaniżmu li jdur u li jaħdem flimkien mar-roti. Meta l-kartriġ jitqiegħed fi printer, ir-rotazzjoni żżomm it-toner milli jagħqad. It-toner joħroġ mill-kartriġ permezz tal-attrazzjoni elettrostatika.

8443 99 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, min-Nota 2(b) tat-Taqsima XVI u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 8443 , 8443 99 u 8443 99 90 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 3707 bħala preparazzjonijiet kimiċi għal użi fotografiċi hija eskluża minħabba li l-kartriġ jinkludi mhux biss it-toner, iżda wkoll komponenti mekkaniċi bħar-roti bis-snien u mekkaniżmu li jdur.

Il-preżenza tar-roti apposta mfasslin b'mod speċifiku tindika li l-kartriġ maħsub biex jintuża fi printer speċifiku. Dan huwa essenzjali għall-funzjonament mekkaniku proprju tal-printer, billi l-partijiet mekkaniċi tal-printer jaħdmu flimkien mal-partijiet mekkaniċi tal-kartriġ, u l-printer ma jistax jitħaddem mingħajr dan il-kartriġ speċifiku (ara wkoll l-opinjonijiet 8443.99/2 u 8443.99/3 tad-WCO dwar il-klassifikazzjoni).

Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 8443 99 90 bħala parti minn printer.