Brussell, 11.3.2024

COM(2024) 112 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849

{SWD(2024) 50 final}


1.Introduzzjoni

Skont l-Artikolu 65(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849( 1 ) kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843( 2 ), il-Kummissjoni hija meħtieġa tfassal rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva u tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Id-dispożizzjoni telenka għadd ta’ punti li għandhom jiġu koperti fir-rapport, b’mod partikolari informazzjoni dwar (a) miżuri għall-prevenzjoni u l-indirizzar ta’ problemi emerġenti u żviluppi ġodda li jheddu s-sistema finanzjarja tal-Unjoni; (b) azzjonijiet ta’ segwitu bil-ħsieb ta’ ostakli nazzjonali għal superviżjoni effettiva; (c) aċċess għall-informazzjoni u (d) kooperazzjoni internazzjonali u skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF); (e) azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tivverifika l-konformità tal-Istati Membri mad-Direttiva u biex tivvaluta problemi emerġenti u żviluppi ġodda fl-Istati Membri; (f) informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ entitajiet korporattivi u entitajiet legali oħrajn inkorporati barra mill-UE u miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward ta’ persuni esposti politikament; u (g) ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 65(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li tagħmel proposti leġiżlattivi ġodda dwar diversi suġġetti speċifiċi, b’mod partikolari bażijiet tad-data tal-utenti tal-muniti virtwali, uffiċċji għall-irkupru tal-assi u persuni esposti politikament. Dan ir-rapport għandu l-għan li jqis l-aspetti speċifiċi kollha elenkati fl-Artikolu 65 tad-Direttiva (UE) 2015/849. Filwaqt li xi wħud mill-punti elenkati f’dak l-Artikolu huma koperti minn taqsima speċifika ta’ dan ir-rapport, punti oħrajn inġabru flimkien f’taqsimiet biex jiġu ttrattati b’mod koerenti( 3 ) .

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq informazzjoni miġbura minn diversi sorsi, jiġifieri żewġ stħarriġiet imwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni fost l-Istati Membri, kif ukoll kontribuzzjonijiet mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u studju mwettaq mill-Kunsill tal-Ewropa( 4 ): Fl-2022 il-Kummissjoni wettqet stħarriġ fost l-Istati Membri permezz tal-Grupp ta’ Esperti dwar ML/TF, kif ukoll permezz tan-network tal-EBA ta’ esperti nazzjonali tal-AML/CFT biex tiġbor kontribut dwar informazzjoni dwar l-azzjonijiet meħuda fil-livell tal-Istati Membri speċifikament mitluba mill-Artikolu 65 tad-Direttiva (UE) 2015/849. Barra minn hekk, fl-2022 il-Kummissjoni wettqet stħarriġ fost l-UIF dwar l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni rilevanti. L-EBA pprovdiet kontribuzzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-AMLD, dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-ML/TF, inklużi r-riskji emerġenti u l-mitigazzjoni tar-riskju, u dwar l-aċċess għall-informazzjoni u l-kooperazzjoni tal-NCAs u l-UIF. Il-Kunsill tal-Ewropa wettaq studju dwar l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva (UE) 2015/849 fl-Istati Membri tal-UE taħt kuntratt mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni vvalutat dawn il-kontribuzzjonijiet kollha u, wara li waslet għall-konklużjonijiet tagħha, inkludiet is-sejbiet tagħha fir-rapport. L-aħħar kontribuzzjonijiet ġew sottomessi f’Ottubru 2023 u l-informazzjoni tqieset sal-15 ta’ Settembru 2023, sabiex jitħalla żmien għall-ipproċessar tal-informazzjoni riċevuta.

Wara li d-Direttiva (UE) 2018/843, li ġiet adottata fit-30 ta’ Mejju 2018, kienet stabbiliet ir-rekwiżit li l-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, il-qafas relatat mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT) kompla jevolvi. Mill-2017, għadd ta’ każijiet prominenti ta’ ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE u professjonisti u impriżi bħal awdituri, konsulenti tat-taxxa u fornituri ta’ servizzi fiduċjarji u tal-kumpaniji żvelaw l-eżistenza ta’ dgħufijiet strutturali fis-sistema kurrenti. Sabiex tindirizza d-dgħufijiet identifikati, fis-7 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni u fl-20 ta’ Lulju 2021 ressqet pakkett ta’ proposti leġiżlattivi dwar l-AML/CFT (il-pakkett AML/CFT), li bħalissa qed jiġi nnegozjat bejn il-koleġiżlaturi( 5 ). Il-proposti jindirizzaw il-kwistjonijiet identifikati bl-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849 kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843, b’mod konsistenti mal-analiżi mwettqa fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-pakkett AML/CFT( 6 ). L-objettiv ġenerali tal-pakkett AML/CFT huwa li jinkiseb qafas regolatorju u istituzzjonali komprensiv tal-AML/CFT. Huwa jagħmel dan billi jarmonizza r-rekwiżiti applikabbli għall-entitajiet marbutin b’obbligu, kif ukoll b’rabta mat-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja tal-entitajiet legali u l-arranġamenti legali, billi jsaħħaħ il-kompiti, is-setgħat u l-għodod tas-superviżuri u tal-UIF, u jiżgura superviżjoni effettiva u konsistenti u kooperazzjoni aktar mill-qrib u skambju ta’ informazzjoni fost l-UIF permezz tal-azzjoni tal-Awtorità Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLA) futura( 7 ). B’hekk, il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-pakkett AML/CFT tantiċipa l-evalwazzjoni meħtieġa taħt bosta mill-punti elenkati fl-Artikolu 65(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 u l-pakkett AML/CFT diġà adotta u pprovda soluzzjoni għal ħafna mill-kwistjonijiet identifikati. Aktar spjegazzjonijiet dwar kif il-proposti inklużi fil-pakkett AML/CFT jindirizzaw il-kwistjonijiet speċifiċi involuti huma inklużi f’kull taqsima, fejn rilevanti.

2.L-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849 u tad-Direttiva (UE) 2018/843 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849

L-Artikolu 65(1)(e) tad-Direttiva (UE) 2015/849 jirrikjedi li l-Kummissjoni tipprovdi rendikont tal-azzjonijiet meħtieġa tal-Kummissjoni biex jiġi vverifikat li l-Istati Membri jieħdu azzjoni f’konformità mad-Direttiva dwar l-AML/CFT.

L-implimentazzjoni effettiva tibqa’ fiċ-ċentru tal-istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-AML/CFT. Il-pjan ta’ azzjoni tal-AML/CFT tagħha adottat f’Mejju 2020( 8 ) diġà identifika l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas eżistenti tal-UE dwar l-AML/CFT bħala l-prijorità ewlenija tiegħu. Ir-regoli tal-UE dwar l-AML/CFT jeħtieġ li jiġu trasposti mill-Istati Membri u implimentati b’mod effettiv mill-awtoritajiet kompetenti u mill-entitajiet marbutin b’obbligu. It-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849 u tad-Direttiva (UE) 2018/843, li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849, bħalissa ġiet iddikjarata kompluta mill-Istati Membri kollha.

Fir-rigward tad-Direttiva (UE) 2015/849, il-Kummissjoni kkonkludiet il-valutazzjoni tat-traspożizzjoni u bdiet proċedimenti ta’ ksur, fejn applikabbli. Mill-34 każ ta’ ksur li nfetħu inizjalment( 9 ), fil-15 ta’ Settembru 2023, żewġ każijiet biss għadhom miftuħa.

Fir-rigward tad-Direttiva (UE) 2018/843, il-Kummissjoni kkonkludiet il-valutazzjoni tal-kompletezza tat-traspożizzjoni fi tmiem l-2022. Fir-rigward tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni, wara li l-iskadenza għat-traspożizzjoni għaddiet fl-20 ta’ Jannar 2020, fi Frar 2020 intbagħtu tmien ittri ta’ intimazzjoni. F’Mejju 2020 intbagħtu ittri ta’ intimazzjoni lil tmien Stati Membri addizzjonali għal raġunijiet ta’ traspożizzjoni parzjali. F’ħames każijiet, il-proċedimenti laħqu l-istadju ta’ opinjoni motivata. L-ebda wieħed minn dawn il-każijiet ma għadu miftuħ bħalissa. Każ ieħor inbeda fi Frar 2023. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità, infetħu erba’ każijiet ta’ ksur, li jinsabu fl-istadju tal-ittra ta’ intimazzjoni fil-15 ta’ Settembru 2023. Il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha sa tmiem l-2023.

Lil hinn mill-infurzar ġuridiku, l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas tal-AML/CFT hija indirizzata wkoll permezz ta’ diversi għodod oħrajn. Dawn jinkludu l-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar l-AML/CFT bħala parti mis-Semestru Ewropew, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ objettivi intermedji u proġetti speċifiċi fil-livell nazzjonali biex tittejjeb l-effettività tas-sistemi AML/CFT tal-Istati Membri taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Ewropa wettaq studju dwar l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva (UE) 2015/849 fl-Istati Membri tal-UE( 10 ) . Il-proġett, li sar taħt kuntratt mal-Kummissjoni, beda fl-24 ta’ Lulju 2019 u dam għaddej għal aktar minn 3 snin. Fir-rapport ta’ studju, il-Kunsill tal-Ewropa ġabar fil-qosor is-sejbiet u l-prattiki tajbin fl-Istati Membri. Huwa kkonkluda li kien sar ammont sinifikanti ta’ xogħol mill-Istati Membri biex jimplimentaw b’mod effettiv id-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva (UE) 2015/849. L-Istati Membri huma impenjati fil-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja, u l-indirizzar effettiv tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ML/TF) sar waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħhom. Madankollu, ġew identifikati diversi lakuni li jeħtieġ li jiġu indirizzati mill-Istati Membri biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u konkreta tad-dispożizzjonijiet ivvalutati tad-Direttiva (UE) 2015/849 fil-prattika. Il-Kummissjoni qed issegwi b’mod proattiv u sistematiku s-sejbiet tal-istudju. 

L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), f’konformità mal-mandat legali tagħha( 11 ) biex tmexxi, tikkoordina u timmonitorja l-isforzi tal-AML/CFT tas-settur finanzjarju fl-UE kollha, stabbiliet qafas regolatorju komprensiv li jistabbilixxi standards komuni għall-istituzzjonijiet finanzjarji u s-superviżuri tagħhom dwar il-passi li għandhom jieħdu biex jindirizzaw ir-riskju ta’ ML/TF. Hija ħadmet ukoll biex tappoġġa l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-qafas billi ppromwoviet il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri prudenzjali u tal-AML/CFT, l-UIF u partijiet ikkonċernati oħrajn permezz tal-bini tal-kapaċità, it-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni, u billi wettqet rieżamijiet fil-fond tal-approċċi tas-superviżuri nazzjonali lejn l-indirizzar tar-riskju ta’ ML/TF. L-EBA pprovdiet rakkomandazzjonijiet immirati lill-awtoritajiet kompetenti bħala parti mir-rieżamijiet tagħha biex issaħħaħ l-approċċi tagħhom u tagħmilhom aktar effettivi.

Punt speċifiku li għandu jiġi kopert fir-rapport skont l-Artikolu 65(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/849 jindirizza l-azzjonijiet ta’ segwitu meħuda fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri abbażi tat-tħassib miġjub għall-attenzjoni tagħhom, inklużi lmenti relatati mal-liġijiet nazzjonali li jfixklu s-setgħat superviżorji u investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti u tal-korpi awtoregolatorji. Fil-livell tal-UE, ħafna minn dawk l-isfidi huma mwieġba mill-pakkett AML/CFT tal-2021. Dan huwa partikolarment minnu għall-mistoqsija msemmija hawn fuq dwar l-ostakli nazzjonali għal superviżjoni effettiva, billi l-leġiżlazzjoni proposta tipprovdi qafas koerenti tal-UE, b’mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni kkomplementati mir-rwol tal-awtorità tal-AML futura li se tegħleb il-frammentazzjoni nazzjonali. Fil-livell tal-Istati Membri, fir-rigward ta’ dan il-punt, l-ebda wieħed mis-27 Stat Membru ma rrapporta azzjonijiet ta’ segwitu bħal dawn. Barra minn hekk, l-ebda Stat Membru ma rrapporta xi lmenti relatati mal-liġijiet nazzjonali li jfixklu jew jistgħu jfixklu s-superviżjoni. Madankollu, bosta Stati Membri rrapportaw diversi azzjonijiet ta’ segwitu li għandhom l-għan li jtejbu l-effettività tas-superviżjoni u l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet superviżorji tagħhom, bħal inizjattivi biex itejbu l-kooperazzjoni bejn is-superviżuri.

3.Valutazzjoni tar-riskju u mitigazzjoni tar-riskju

L-Artikolu 65(1)(e) tad-Direttiva (UE) 2015/849 jirrikjedi li l-Kummissjoni tipprovdi rendikont tal-azzjonijiet meħtieġa tal-Kummissjoni biex tivvaluta l-problemi emerġenti u l-iżviluppi ġodda fl-Istati Membri. L-Artikolu 65(1)(a) jitlob rendikont tal-miżuri speċifiċi adottati u l-mekkaniżmi stabbiliti fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex jipprevjenu u jindirizzaw problemi emerġenti u żviluppi ġodda li jippreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

F’Ottubru 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-valutazzjoni tar-riskju supranazzjonali, li tivvaluta r-riskju ta’ ML/TF li jaffettwa s-suq intern u li huwa relatat mal-attivitajiet transfruntieri. Dan huwa t-tielet rapport( 12 ) ta’ dan it-tip, wara l-verżjonijiet tal-2017 u l-2019. Il-valutazzjoni tiffoka fuq il-vulnerabbiltajiet fil-livell tal-UE f’termini kemm tal-qafas legali kif ukoll tal-applikazzjoni effettiva tiegħu. Hija tippreżenta r-riskji ewlenin għas-suq intern f’firxa wiesgħa ta’ setturi u l-vulnerabbiltajiet orizzontali li jistgħu jaffettwaw lil dawk is-setturi. Hija tistabbilixxi l-miżuri ta’ mitigazzjoni li għandhom jittieħdu fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali biex jiġu indirizzati r-riskji u tagħmel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għad-diversi partijiet ikkonċernati.

Fil-livell tal-UE, ġew adottati miżuri speċifiċi u ġew stabbiliti mekkaniżmi biex jipprevjenu u jindirizzaw problemi emerġenti u żviluppi ġodda li jippreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-UE: id-Direttiva (UE) 2015/849 stabbiliet l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju fid-dritt tal-UE. Hija talbet ukoll lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE)( 13 ) joħorġu linji gwida biex jippromwovu fehim komuni tal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-AML/CFT mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji u mis-superviżuri tal-AML/CFT tagħhom. Bħala parti minn dan, l-ASE ħarġu linji gwida dwar il-fatturi li għandhom jikkunsidraw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji meta jivvalutaw ir-riskju ta’ ML/TF assoċjat ma’ relazzjoni kummerċjali jew tranżazzjoni okkażjonali, u l-passi li għandhom jieħdu biex jiġġestixxu dawk ir-riskji( 14 ). Huma ħarġu wkoll linji gwida dwar il-karatteristiċi ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju għas-superviżjoni tal-AML/CFT, indirizzati lis-superviżuri( 15 ). Minn dak iż-żmien ’il hawn, l-EBA aġġornat iż-żewġ linji gwida biex tqis riskji ġodda u tipprovdi soluzzjonijiet għall-isfidi komuni tal-implimentazzjoni. Hija kkomplementathom ukoll b’linji gwida u opinjonijiet fuq inizjattiva proprja tagħha dwar aspetti speċifiċi tar-reġim tal-AML/CFT tal-Ewropa, kif meħtieġ, biex jiġi żgurat approċċ konsistenti, pereżempju dwar l-onboarding mill-bogħod( 16 ) u dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-uffiċjal għall-konformità tal-AML/CFT( 17 ).

Mill-2017, l-ASE ħarġu opinjonijiet dwar ir-riskji ta’ ML/TF li jaffettwaw is-suq intern kull sentejn. L-EBA, taħt il-mandat rivedut tagħha bħala l-uniku korp responsabbli tal-UE għall-AML/CFT, kif mogħti lilha f’Jannar 2020, ippubblikat it-tielet Opinjoni dwar ir-riskji ta’ ML/TF fl-2021( 18 ). L-aktar riskji sinifikanti fl-2021 kienu relatati ma’ muniti virtwali u servizzi finanzjarji innovattivi. It-tneħħija tar-riskji ġiet identifikata wkoll bħala tħassib, u l-EBA ppubblikat rapport u opinjoni dwar is-suġġett f’Jannar 2022 u ħarġet linji gwida f’Marzu 2023( 19 ). Ir-raba’ Opinjoni dwar ir-riskji ta’ ML/TF ġiet ippubblikata f’Lulju 2023( 20 ).

Minn Jannar 2020, l-EBA ngħatat għodod u setgħat ġodda biex teżegwixxi l-funzjonijiet tagħha. Pereżempju, l-Artikolu 9(a) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 ta mandat lill-EBA biex “twettaq valutazzjonijiet tar-riskji tal-istrateġiji, il-kapaċitajiet u r-riżorsi tal-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw l-aktar riskji emerġenti importanti relatati mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fil-livell tal-Unjoni kif identifikati fil-valutazzjoni tar-riskji supranazzjonali”, minbarra l-mandati eżistenti tagħha ta’ valutazzjoni tar-riskju.

Tali valutazzjonijiet tar-riskji kienu jinkludu r-riskji tal-kriminalità finanzjarja assoċjati mal-pandemija tal-COVID-19( 21 ) ( 22 ), il-frodi tat-taxxa fuq id-dividendi “cum-ex” u r-reazzjonijiet tal-awtoritajiet Ewropej għall-hekk imsejħa “Luanda Leaks”( 23 ). Wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna f’Marzu 2022, l-EBA ħarġet dikjarazzjoni li tenfasizza l-importanza tal-konformità mal-miżuri restrittivi kontra r-Russja u l-protezzjoni, l-appoġġ u l-faċilitazzjoni temporanji tal-aċċess finanzjarju għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna bħala konsegwenza tal-gwerra( 24 ), u ħarġet struzzjonijiet aktar dettaljati dwar dan il-punt f’April 2022. L-aktar valutazzjoni tar-riskju reċenti tal-EBA skont l-Artikolu 9a(5) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tiffoka fuq ir-riskji ta’ ML/TF assoċjati mal-istituzzjonijiet ta’ pagament u ġiet ippubblikata f’Ġunju 2023( 25 ).

Barra minn hekk, ħafna kwistjonijiet ġew indirizzati mill-pakkett leġiżlattiv AML/CFT, bħal permezz ta’ żidiet mal-lista ta’ entitajiet marbutin b’obbligu, inklużi VASPs, fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, negozjanti ta’ metalli u ħaġar prezzjużi u operaturi li jassistu fir-residenza b’investiment. Barra minn hekk, il-pakkett AML/CFT jipprevedi dispożizzjonijiet ġodda dwar l-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tar-rekwiżiti għall-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali (il-frekwenza, iż-żieda ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ persuni ġuridiċi, il-kopertura tar-riskji ta’ evażjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni), li żżid il-kapaċità tal-UE li tidentifika riskji emerġenti u ttaffihom( 26 ).

Fil-livell tal-Istati Membri, skont l-istħarriġ tal-2022 imwettaq mill-Kummissjoni fost l-Istati Membri, l-Istati Membri kollha wettqu mill-inqas valutazzjoni tar-riskju nazzjonali waħda mill-2018. Il-frekwenza li biha jiġu aġġornati tvarja sostanzjalment bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, it-tweġibiet għall-istħarriġ juru li l-awtoritajiet tal-AML/CFT u l-UIF fasslu valutazzjonijiet tar-riskji tematiċi jew settorjali differenti. L-UIF fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ħarġu analiżijiet strateġiċi dwar riskji emerġenti jew speċifiċi, b’mod partikolari dwar fornituri ta’ servizzi tal-assi virtwali (VASPs), operazzjonijiet ta’ flus kontanti, frodi u abbuż tat-taxxa.

Barra minn hekk, maġġoranza kbira tal-Istati Membri rrapportaw fl-istħarriġ tal-2022 li huma żiedu fornituri ta’ servizzi tal-assi virtwali mal-lista ta’ entitajiet marbutin b’obbligu mill-2018 skont il-liġi nazzjonali rilevanti dwar l-AML/CFT. Diversi Stati Membri żiedu wkoll fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, klabbs tal-futbol professjonali jew partiti politiċi, u xi wħud żiedu negozjanti ta’ xogħlijiet tal-arti, fornituri ta’ servizzi ta’ uffiċċju jew intermedjarji u żviluppaturi tal-proprjetà immobbli.

Skont l-istħarriġ tal-2022, maġġoranza kbira tal-Istati Membri ħarġu linji gwida jew ċirkolari dwar il-proċeduri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti u l-fatturi ta’ riskju għall-prevenzjoni tar-riskji ta’ ML/TF. Xi Stati Membri marru saħansitra lil hinn, billi introduċew reġimi mfassla apposta u regoli dwar l-AML/CFT għal setturi speċifiċi (eżempju VASPs, negozjanti ta’ metalli u ħaġar prezzjużi, aġenti tal-proprjetà immobbli).

4.Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti u UIF — Aċċess għall-informazzjoni u kooperazzjoni, inkluż fil-livell internazzjonali

L-Artikolu 65(1)(c) tad-Direttiva (UE) 2015/849 jirrikjedi li l-Kummissjoni tipprovdi rendikont tad-disponibbiltà ta’ informazzjoni rilevanti għall-awtoritajiet kompetenti u l-UIF tal-Istati Membri, għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, filwaqt li l-Artikolu 65(1)(d) jitlob rendikont tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-UIF.

Sar bosta titjib fl-oqsma tal-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni. L-istudju tal-Kunsill tal-Ewropa kkonkluda li kważi l-Istati Membri kollha stabbilew kumitati jew korpi fil-livell nazzjonali biex jippromwovu kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti biex jidentifikaw, jivvalutaw u jifhmu r-riskji ta’ ML/TF li jiffaċċja l-Istat Membru u jiżguraw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni effettivi tal-istrateġiji relatati mal-AML/CFT.

Għas-settur finanzjarju, ittieħdu passi importanti minn mindu ġew adottati d-Direttivi (UE) 2015/849 u (UE) 2018/843 biex jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni u l-kooperazzjoni superviżorja. B’mod partikolari, il-pubblikazzjoni tal-Linji Gwida Konġunti tal-ASE tal-2019 dwar il-Kulleġġi tal-AML/CFT ( 27 ), il-Ftehim Multilaterali tal-2019 bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti, il-Linji Gwida tal-EBA tal-2021 dwar il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri prudenzjali u tal-AML/CFT u l-UIF( 28 ), l-istabbiliment tal-EuReCA, il-bażi tad-data tal-AML/CFT tal-EBA, u l-ħidma fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn is-superviżuri prudenzjali u tal-AML/CFT.

It-tliet Linji Gwida Konġunti tal-ASE dwar il-Kulleġġi tal-AML/CFT joħolqu qafas għall-kooperazzjoni superviżorja fil-kuntest transfruntier. L-EBA ffaċilitat l-istabbiliment ta’ kulleġġi ta’ superviżuri tal-AML/CFT u timmonitorja l-funzjonament tagħhom( 29 ). Sal-15 ta’ Settembru 2023, ġew stabbiliti 274 kulleġġ. Il-pakkett AML/CFT se jkompli jsaħħaħ dan il-qafas billi jinkludi obbligu legali li jiġu stabbiliti kulleġġi tal-AML/CFT għal istituzzjonijiet ta’ kreditu jew finanzjarji transfruntieri li joperaw f’diversi Stati Membri.

Il-Linji Gwida tal-EBA dwar il-Kooperazzjoni fl-AML/CFT, maħruġa f’Diċembru 2021, jipprovdu gwida dwar it-termini prattiċi ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni fost is-superviżuri prudenzjali, is-superviżuri tal-AML/CFT u l-UIF fil-livell tal-Istati Membri u madwar l-UE. Dawn il-linji gwida, ibbażati fuq l-Artikolu 117(6) tad-Direttiva 2013/36/UE, ikopru ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja superviżorja u jġibu ċarezza dwar liema informazzjoni għandha tiġi skambjata ma’ min u f’liema stadju.

L-Artikolu 57a(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 introdott bid-Direttiva (UE) 2018/843 introduċa titjib ieħor fil-kooperazzjoni superviżorja u fl-iskambju ta’ informazzjoni. Dan jirrikjedi li l-ASE jiffaċilitaw ftehim bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-AML/CFT. F’Jannar 2019, l-EBA ppubblikat ftehim multilaterali li ġie ffirmat mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u aktar minn 50 superviżur nazzjonali tal-AML/CFT fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Dan jinkludi sottomissjonijiet regolari u ad hoc fuq iż-żewġ naħat relatati ma’ entitajiet marbutin b’obbligu (sa issa saru aktar minn 1 000 skambju ta’ informazzjoni individwali).

Sabiex tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fl-UE kollha, l-EBA nediet l-ewwel bażi tad-data Ewropea dwar l-AML/CFT f’Jannar 2022, imsejħa EuReCA. Din fiha informazzjoni dwar dgħufijiet materjali tal-AML/CFT li s-superviżuri identifikaw f’istituzzjonijiet finanzjarji individwali, kif ukoll dwar miżuri speċifiċi li s-superviżuri ħadu b’reazzjoni għal dawn id-dgħufijiet. L-obbligi ta’ rapportar ma humiex limitati għas-superviżuri tal-AML/CFT, iżda jestendu għas-superviżuri kollha tas-settur finanzjarju. L-EBA tista’ tikkondividi informazzjoni mill-EuReCA ma’ awtoritajiet kompetenti individwali fuq inizjattiva tagħha stess u fuq talba ta’ superviżur biex tappoġġahom fl-istadji kollha tal-proċess superviżorju. L-EBA tużaha wkoll biex tidentifika riskji u xejriet speċifiċi fil-livell settorjali u Ewropew. Fil-15 ta’ Settembru 2023, l-EuReCA rċeviet 924 sottomissjoni b’kollox minn 36 awtorità prudenzjali u tal-AML/CFT (inkluż il-BĊE), inklużi 608 dgħufijiet materjali u 316-il miżura li jikkonċernaw 210 entitajiet (prinċipalment istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet ta’ pagament)( 30 ).

F’Marzu 2022, l-EBA ppubblikat Linji Gwida riveduti dwar proċeduri u metodoloġiji komuni għall-proċess ta’ rieżami u evalwazzjoni superviżorji( 31 ), li ġew emendati biex jistabbilixxu kif is-superviżuri prudenzjali għandhom iqisu r-riskji ta’ ML/TF fil-ħidma superviżorja prudenzjali tagħhom. Il-linji gwida riveduti jikkomplementaw il-ħidma usa’ tal-EBA dwar l-indirizzar tar-riskju ta’ ML/TF permezz ta’ superviżjoni prudenzjali, li tinkludi Linji Gwida dwar il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-membri tal-korp maniġerjali u tad-detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin( 32 ) u Linji Gwida dwar il-governanza interna( 33 ).

Bis-saħħa tal-isforzi li l-EBA poġġiet fl-inkorporazzjoni tar-riskji ta’ ML/TF fl-oqsma kollha tal-ħidma superviżorja tagħha, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn is-superviżuri nazzjonali tal-AML/CFT u s-superviżuri prudenzjali qed jitjiebu. Madankollu, l-EBA tosserva wkoll li għad hemm ostakli kulturali u proċedurali u dawn jistgħu jfixklu l-kollaborazzjoni effettiva u l-eżiti superviżorji. Hija tistenna li dawn in-nuqqasijiet jiġu indirizzati hekk kif l-awtoritajiet prudenzjali jimplimentaw il-linji gwida rilevanti.

L-istħarriġ tal-2022 tal-Istati Membri jindika li l-kooperazzjoni bejn is-superviżuri fis-settur mhux finanzjarju (li jinkludi diversi tipi ta’ entitajiet marbutin b’obbligu bħal avukati, nutara, konsulenti tat-taxxa u kontabilisti, iżda wkoll aġenti tal-proprjetà immobbli, fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard u ċerti kummerċjanti tal-oġġetti) hija inqas formalizzata milli fis-settur finanzjarju. Dan huwa dovut ukoll għall-fatt li s-superviżuri fis-settur mhux finanzjarju mhux dejjem jistgħu jidentifikaw il-kontropartijiet faċilment, minħabba n-nuqqas ta’ regoli ċari u awtorità fil-livell tal-UE b’mandat ta’ AML/CFT għal dawn is-setturi. Barra minn hekk, l-iskambji bejn korpi awtoregolatorji, li f’xi Stati Membri jkunu ġew awtorizzati jissorveljaw il-professjonijiet legali u l-aġenti tal-proprjetà immobbli, ma’ superviżuri oħrajn tal-AML/CFT, għandhom it-tendenza li jseħħu b’mod pjuttost informali u fuq bażi ta’ każ b’każ.

Sfida speċifika hija li jiġu żgurati skambji bla xkiel ta’ informazzjoni bejn is-superviżuri tal-AML/CFT u l-entitajiet marbutin b’obbligu li joperaw stabbilimenti fi Stat Membru iżda li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f’pajjiż ieħor, bħal fornituri ta’ servizzi ta’ pagament u emittenti tal-flus elettroniċi preżenti permezz ta’ aġenti u distributuri fis-settur finanzjarju. L-istħarriġ tal-2022 juri li n-nomina ta’ rappreżentanti li jaġixxu bħala punti ta’ kuntatt hija mezz effettiv u li jintuża ħafna biex tinkiseb l-informazzjoni. Bħala parti mill-pakkett AML/CFT, il-Kummissjoni pproponiet li testendi għall-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi l-possibbiltà li l-Istati Membri jirrikjedu l-ħatra ta’ punt ta’ kuntatt ċentrali, li diġà jeżisti għall-emittenti tal-flus elettroniċi u għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jaġixxu permezz ta’ aġenti jew distributuri.

Fir-rigward tal-UIF, dawn intalbu fi stħarriġ addizzjonali mwettaq mill-Kummissjoni fl-2022 biex jindikaw jekk għandhomx aċċess dirett jew indirett għal ċerti sorsi ta’ informazzjoni finanzjarja, amministrattiva u tal-infurzar tal-liġi. Ir-riżultati ta’ din l-analiżi jenfasizzaw xi diverġenzi fis-setgħat tal-UIF biex jaċċessaw l-informazzjoni li jista’ jkollha impatt fuq il-kapaċità tagħhom li jwettqu analiżijiet effettivi u jikkooperaw ma’ xulxin. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva ġdida dwar l-AML/CFT tfittex li tappoġġa analiżi effettiva mill-UIF tal-UE billi tawtorizza lista minima ta’ informazzjoni li l-UIF għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-iskambju ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma’ pajjiżi terzi, punt li huwa kopert fl-Artikolu 65(1)(d), ir-riżultati tal-istħarriġ tal-2022 juru li mhux is-superviżuri nazzjonali kollha tal-AML tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji għamlu użu mill-Artikolu 57a(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 biex jikkonkludu ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi. Dan għaliex jeżistu alternattivi: fil-prattika, is-superviżuri jidhru li jinkludu dispożizzjonijiet rilevanti dwar l-AML/CFT fi ftehimiet bilaterali u multilaterali oħrajn (pereżempju, il-memorandum ta’ qbil multilaterali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli). Barra minn hekk, f’konformità mal-linji gwida tal-ASE, il-kulleġġi superviżorji tal-AML/CFT jipprevedu l-parteċipazzjoni tas-superviżuri minn pajjiżi terzi bħala osservaturi, fejn rilevanti, u s-sejbiet mill-monitoraġġ tal-EBA tal-kulleġġi tal-AML/CFT jissuġġerixxu li dan iseħħ fil-prattika. Bħala parti mill-pakkett AML/CFT, l-Istati Membri jkunu jistgħu jawtorizzaw lis-superviżuri kollha tas-settur finanzjarju biex jikkonkludu ftehimiet ta’ kooperazzjoni.

Fis-settur mhux finanzjarju, ma ġie rrapportat l-ebda arranġament individwali għall-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Dan jista’ jiġi spjegat parzjalment mill-fatt li ħafna entitajiet marbutin b’obbligu fis-settur mhux finanzjarju joperaw fil-livell lokali u fil-fruntieri nazzjonali, kif ukoll mir-rekwiżiti speċifiċi li japplikaw għall-forniment ta’ servizzi bejn il-fruntieri, li jistgħu jinkludu l-liċenzjar mill-ġdid. F’dan il-każ, l-informazzjoni tiġi skambjata ma’ awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi fuq bażi ta’ każ b’każ.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-iskambju ta’ informazzjoni tal-UIF, id-Direttiva (UE) 2015/849 la tindirizza u lanqas tirregola l-kooperazzjoni tal-UIF fl-Istati Membri tal-UE mal-UIF f’pajjiżi terzi. Madankollu, l-UIF fl-Istati Membri kollha jiskambjaw informazzjoni mal-UIF f’pajjiżi terzi fuq bażi regolari. Dan isir abbażi tal-Karta tal-Grupp Egmont, ftehimiet bilaterali jew memoranda ta’ qbil. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-memoranda ta’ qbil ivarja f’termini ta’ fokus ġeografiku. UIF waħda, pereżempju, irrapportat li kkonkludiet aktar minn mitt arranġament bħal dan, filwaqt li UIF oħrajn ikkonkludew inqas.

5.Informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja (BO) rigward entitajiet inkorporati barra mill-UE

L-Artikolu 65(1)(f) jitlob analiżi tal-fattibbiltà ta’ miżuri u mekkaniżmi speċifiċi fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri dwar il-possibbiltajiet li tinġabar u tiġi aċċessata l-informazzjoni dwar il-BO ta’ entitajiet korporattivi u legali oħrajn inkorporati barra mill-Unjoni.

It-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-BO huma element ewlieni tal-qafas AML/CFT tal-UE. Filwaqt li l-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2015/849 jistabbilixxi regoli biex tiġi żgurata t-trasparenza tal-BO ta’ entitajiet korporattivi u legali oħrajn inkorporati fl-UE, ma tapplika l-ebda regola ta’ trasparenza bħal din għal entitajiet korporattivi barranin. Dan jagħmilha aktar diffiċli għall-UIF u għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li janalizzaw jew jinvestigaw entitajiet legali involuti fi skemi kriminali possibbli biex jidentifikaw lil dawk li jikkontrollawhom.

L-istħarriġ tal-2022 juri li l-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri (23) bħalissa ma jirrikjedux il-ġbir ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja dwar entitajiet legali barranin. Xi Stati Membri (12) enfasizzaw li din l-informazzjoni tista’ tkun disponibbli sa ċertu punt abbażi tar-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti tal-entitajiet marbutin b’obbligu u/jew fejn entità barranija u s-sid/sidien benefiċjarju/i tagħha jkollhom u/jew jikkontrollaw entità legali nazzjonali u, għalhekk, jiġu rreġistrati fir-reġistru nazzjonali tal-BO. Għadd żgħir biss ta’ Stati Membri (5) jiġbru b’mod proattiv informazzjoni dwar il-BO dwar entitajiet legali barranin. Abbażi tat-tweġibiet, dan ir-rekwiżit ta’ divulgazzjoni għal entitajiet barranin jiġi attivat mill-akkwist ta’ proprjetà immobbli jew meta l-entità legali barranija tkun qed topera permezz ta’ stabbiliment fl-Istat Membru u tiġġenera attività ekonomika jew obbligi fiskali.

Il-pakkett AML/CFT jinkludi dispożizzjonijiet biex jindirizzaw u jtaffu r-riskji ta’ ML/TF marbuta ma’ entitajiet legali barranin. Dawn jikkomplementaw ir-rekwiżit eżistenti li tinkiseb u tinżamm informazzjoni dwar il-BO dwar trusts fejn il-post tal-istabbiliment jew tar-residenza tal-fiduċjarju jew tal-persuna li jkollha pożizzjoni ekwivalenti f’arranġament legali simili jkun barra mill-UE fl-Artikolu 31(3a) tad-Direttiva (UE) 2015/849. B’mod speċifiku, ir-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja dwar entitajiet legali inkorporati barra mill-UE hija meħtieġa meta jidħlu f’relazzjoni kummerċjali ma’ entità marbuta b’obbligu jew jakkwistaw proprjetà immobbli fi Stat Membru. Il-proposta antiċipat ir-Rakkomandazzjoni 24 riveduta tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF), il-korp internazzjonali li jiffissa l-istandards fil-qasam tal-AML/CFT, adottata f’Marzu 2022, li tirrikjedi fost l-oħrajn li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar il-BO dwar kumpaniji u entitajiet legali oħrajn li ma humiex inkorporati fil-pajjiż, iżda li għandhom rabta suffiċjenti miegħu u jippreżentaw riskji ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

6.Persuni Esposti Politikament – Miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa

L-Artikolu 65(1)(f) jitlob ukoll analiżi tal-proporzjonalità tal-miżuri msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 20. Dan jistabbilixxi l-miżuri addizzjonali ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti li għandhom jitwettqu f’każijiet ta’ relazzjonijiet kummerċjali ma’ persuni esposti politikament, jiġifieri l-approvazzjoni tal-maniġment superjuri għall-istabbiliment jew għat-tkomplija ta’ relazzjonijiet kummerċjali ma’ tali persuni, miżuri adegwati biex jiġu stabbiliti s-sors tal-ġid u s-sors tal-fondi li huma involuti f’relazzjonijiet kummerċjali jew tranżazzjonijiet, u monitoraġġ kontinwu mtejjeb ta’ dawk ir-relazzjonijiet kummerċjali. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 65(1) jitlob ukoll li r-rapport ikun jirrikjedi li jkun akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposti leġiżlattivi xierqa, inkluż, fejn xieraq, dwar applikazzjoni bbażata fuq ir-riskju ta’ dawn il-miżuri.

Ir-rekwiżiti tal-FATF dwar persuni esposti politikament (PEPs) ġew implimentati fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-AML/CFT, b’mod partikolari fl-Artikolu 3(9), l-Artikolu 3(10) u l-Artikolu 3(11) tad-Direttiva (UE) 2015/849 dwar id-definizzjonijiet, kif ukoll fl-Artikolu 20 tad-Direttiva (UE) 2015/849 dwar miżuri addizzjonali ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti. Il-FATF tiddefinixxi PEP bħala individwu li huwa jew li kien fdat b’funzjoni pubblika prominenti. Il-motiv għall-applikazzjoni ta’ miżuri addizzjonali għall-PEPs huwa li dawn għandhom riskju akbar li jwettqu reati ta’ ML/TF minħabba l-pożizzjoni u l-influwenza vantaġġużi tagħhom. Għalhekk, il-FATF tiddeskrivi fir-Rakkomandazzjoni 12 lista ta’ rekwiżiti preventivi biex jittaffew dawn ir-riskji( 34 ). Hija tirrikjedi li l-istituzzjonijiet finanzjarji, minbarra li jwettqu miżuri normali ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni 10, għandu jkollhom sistemi xierqa ta’ ġestjoni tar-riskju biex jiddeterminaw jekk il-klijent jew is-sid benefiċjarju tiegħu huwiex PEP barranija. Dan ifisser li għandhom jittieħdu passi proattivi, bħall-valutazzjoni tal-klijenti abbażi tal-kriterji tar-riskju, il-profili tar-riskju, il-mudell tan-negozju u l-verifika tal-informazzjoni dwar id-diliġenza dovuta tal-klijenti( 35 ). Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna hijiex PEP domestika jew PEP fil-livell ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, ir-Rakkomandazzjoni 12 tirrikjedi li jittieħdu miżuri raġonevoli bbażati fuq il-valutazzjoni tal-livell tar-riskju tar-relazzjoni kummerċjali, li jfisser li tiġi rieżaminata l-informazzjoni dwar id-diliġenza dovuta tal-klijenti miġbura f’konformità mar-Rakkomandazzjoni 10. Jekk klijent jitqies bħala PEP barranija jew jekk ikun hemm relazzjoni kummerċjali b’riskju ogħla mal-PEPs ta’ organizzazzjonijiet domestiċi jew internazzjonali, għandhom jiġu applikati miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju msaħħa f’konformità mar-Rakkomandazzjoni 12. Dawn il-miżuri jinkludu l-kisba ta’ approvazzjoni tal-maniġment superjuri għall-istabbiliment jew it-tkomplija ta’ tali relazzjonijiet kummerċjali, it-teħid ta’ miżuri raġonevoli biex jiġu stabbiliti s-sors tal-ġid u s-sors tal-fondi, u t-twettiq ta’ monitoraġġ kontinwu mtejjeb tar-relazzjoni kummerċjali. Ir-rekwiżiti għat-tipi kollha ta’ PEP għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja jew l-assoċjati mill-qrib tagħhom.

L-Artikolu 20 tad-Direttiva (UE) 2015/849 jadotta l-miżuri kollha ta’ diliġenza dovuta msaħħa meħtieġa mill-FATF mingħajr ma jiddistingwi bejn PEPs barranin u domestiċi.

7.Drittijiet fundamentali

L-Artikolu 65(1)(g) jitlob evalwazzjoni ta’ kif id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġew irrispettati. Id-drittijiet fundamentali kif stipulati fil-Karta huma s-sinsla tas-sistema legali tal-UE u jridu jiġu rrispettati dejjem. Id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-UE fl-azzjonijiet kollha tagħhom, kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-UE. Il-Karta tipproteġi lill-individwi u lill-entitajiet legali kontra azzjonijiet minn dawn l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet li jiksru d-drittijiet fundamentali.

Id-drittijiet u l-prinċipji minquxa fil-Karta jeħtieġ li jitqiesu f’kull pass tal-proċess leġiżlattiv tal-UE. Sabiex jiġi żgurat li l-proposti kollha għal-leġiżlazzjoni tal-UE jirrispettaw il-Karta, il-Kummissjoni diġà trid tivvaluta l-impatt ta’ proposti ġodda fuq id-drittijiet fundamentali meta tħejjihom. Matul il-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni taħdem mal-koleġiżlaturi biex tiżgura li d-dritt tal-UE jkun konformi mal-Karta. Fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tar-regoli fl-UE kollha, il-Kummissjoni, wara l-adozzjoni ta’ proposti għal att leġiżlattiv, għandha tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar jekk hemmx impatt fuq il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali( 36 ). F’Settembru 2021, il-Kontrollur ħareġ Opinjoni dwar il-pakkett leġiżlattiv AML/CFT tal-Kummissjoni( 37 ), li fiha laqa’ l-objettivi segwiti mill-proposti b’mod ġenerali.

Fir-rigward tal-ksur tal-Karta, għandna niddistingwu bejn diversi każijiet: jekk l-azzjonijiet minn istituzzjoni tal-UE jiksru d-drittijiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE għandha s-setgħa li tirrieżamina l-legalità tal-att. Jekk awtorità nazzjonali tikser id-drittijiet skont il-Karta meta timplimenta d-dritt tal-UE, l-imħallfin nazzjonali għandhom is-setgħa li jiżguraw li l-Karta tiġi rrispettata, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Il-Kummissjoni tista’ tressaq Stat Membru l-qorti għal ksur tad-drittijiet fundamentali meta jimplimenta d-dritt tal-UE, pereżempju, jekk miżura nazzjonali tapplika d-dritt tal-UE b’mod inkompatibbli mal-Karta.

B’rabta mar-rekwiżiti tal-AML/CFT, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali f’kuntesti differenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-Karta dwar ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u l-Artikolu 8 dwar il-protezzjoni ta’ data personali, kif ukoll l-Artikolu 12 dwar il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni.

Fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8, il-Qorti tal-Ġustizzja tat sentenza dwar id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja għal entitajiet korporattivi u entitajiet legali oħrajn fil-prevenzjoni ta’ ML/TF( 38 ). Fis-sentenza tagħha, il-Qorti invalidat id-dispożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849 li permezz tagħha l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-BO dwar entitajiet korporattivi u entitajiet legali oħrajn inkorporati fit-territorju tagħhom tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha għal kwalunkwe membru tal-pubbliku (il-punt c tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843). Il-Qorti sabet li tali aċċess indiskriminat kien jikkostitwixxi interferenza serja mad-drittijiet fundamentali għar-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ data personali. Fil-każ inkwistjoni, din l-interferenza ma setgħetx titqies ġustifikata minħabba li ma ssodisfatx it-testijiet applikabbli tan-neċessità u tal-proporzjonalità.

Fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali u d-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tat ukoll sentenza dwar ir-restrizzjonijiet imposti minn Stat Membru fuq il-finanzjament ta’ organizzazzjonijiet ċivili minn persuni stabbiliti barra dak l-Istat Membru( 39 ). Fis-sentenza tagħha, il-Qorti sostniet li l-Istat Membru kien introduċa restrizzjonijiet diskriminatorji u mhux ġustifikati li kienu jmorru kontra l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital stipulati fl-Artikolu 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 7, 8 u 12 tal-Karta. Fir-rigward ta’ ġustifikazzjoni possibbli għal dik ir-restrizzjoni, il-Qorti nnotat li jistgħu jiġu invokati raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, li jkopru b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Madankollu, dawk ir-raġunijiet ma jistgħux jiġu invokati sakemm ma kienx hemm theddida ġenwina, preżenti u serja biżżejjed għall-interessi fundamentali tas-soċjetà li ma tkunx intweriet mill-Istat Membru f’dak il-każ speċifiku.

Fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta fil-livell nazzjonali, l-istħarriġ tal-2022 tal-Istati Membri staqsa b’mod partikolari dwar interferenzi potenzjali tar-rekwiżiti tal-AML mad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li ġejjin minquxa fil-Karta: (i) l-Artikolu 7 dwar ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja; (ii) l-Artikolu 8 dwar il-protezzjoni ta’ data personali; (iii) l-Artikolu 11 dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni; (iv) l-Artikolu 12 dwar il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni; (v) l-Artikolu 16 dwar il-libertà ta’ intrapriża; (vi) l-Artikolu 17 dwar id-dritt għall-proprjetà; (vii) l-Artikolu 20 dwar l-ugwaljanza quddiem il-liġi; (viii) l-Artikolu 21 dwar in-nondiskriminazzjoni; (ix) l-Artikolu 47 dwar id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust; (x) l-Artikolu 48 dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża; (xi) l-Artikolu 49 dwar il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità tar-reati u l-pieni kriminali; u (xii) l-Artikolu 50 dwar id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew ikkastigat darbtejn fi proċedimenti kriminali għall-istess reat kriminali. Tmien Stati Membri rrapportaw proċedimenti mibdija quddiem qrati nazzjonali relatati ma’ dan it-tip ta’ interferenza. Stati Membri oħrajn li wieġbu għall-mistoqsija ma kinux konxji ta’ tali kawżi.

L-Istati Membri ma rrapportawx dwar kawżi li jirrigwardjaw interferenza ma’ drittijiet fundamentali oħrajn għajr dawk imsemmija hawn fuq. Fir-rigward tad-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali, l-istħarriġ tal-2022 wera dan li ġej: tressqu lmenti amministrattivi dwar ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849 lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data fil-maġġoranza tal-Istati Membri (17). L-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data ġew ikkonsultati fil-kuntest tat-tħejjija ta’ atti nazzjonali biex jittrasponu jew jimplimentaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2015/849 fi kważi l-Istati Membri kollha (24). Disa’ Stati Membri elenkaw tipi oħrajn ta’ lmenti mressqa jew konsultazzjonijiet imwettqa ma’ awtoritajiet nazzjonali oħrajn li għandhom effett fuq l-interazzjoni bejn ir-rekwiżiti tal-AML/CFT u d-drittijiet fundamentali.

8.Rekwiżiti rigward proposti leġiżlattivi potenzjali skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 65(1)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 65(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li jsiru proposti leġiżlattivi ġodda dwar diversi suġġetti speċifiċi, b’mod partikolari bażijiet tad-data tal-utenti tal-muniti virtwali, uffiċċji għall-irkupru tal-assi u persuni esposti politikament. Din l-aħħar kategorija kienet diġà indirizzata fit-taqsima 6.

8.1.Bażijiet tad-data tal-utenti tal-muniti virtwali

Fir-rigward tal-muniti virtwali, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 65(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 jirrikjedi li l-Kummissjoni tfassal proposta leġiżlattiva – jekk xieraq – inklużi setgħat biex tistabbilixxi u żżomm bażi tad-data ċentrali li tirreġistra l-identitajiet u l-indirizzi tal-kartieri tal-utenti tal-muniti virtwali aċċessibbli għall-UIF u inklużi formoli ta’ awtodikjarazzjoni għall-użu tal-utenti tal-muniti virtwali.

Il-ħolqien ta’ bażi tad-data ċentrali fil-livell tal-UE jirrikjedi li l-Istati Membri diġà jkollhom tali reġistri fis-seħħ, li mbagħad jistgħu jiġu interkonnessi biex jiddaħħlu f’reġistru ċentrali, jew inkella dak il-mezz ikun allokat fil-livell tal-UE biex jinħoloq reġistru ċentrali direttament( 40 ). L-istħarriġ tal-2022 juri li l-Istati Membri bħalissa ma għandhomx reġistri tal-kontijiet tal-kriptoassi fis-seħħ. Ir-regolamentazzjoni tal-muniti virtwali fil-livell Ewropew u internazzjonali għaddiet minn diversi bidliet minn mindu ġiet adottata d-Direttiva (UE) 2018/843, li introduċiet ir-referenza għal proposta leġiżlattiva potenzjali dwar bażi tad-data tal-utenti tal-muniti virtwali.

Il-FATF adottat standards ġodda dwar teknoloġiji ġodda f’Ġunju 2019, li jirrikjedu li l-ġuriżdizzjonijiet jirregolaw il-fornituri ta’ servizzi tal-assi virtwali (imsejħa wkoll fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi fil-qafas legali tal-UE) għall-finijiet ta’ AML/CFT u li dawn jiġu liċenzjati jew irreġistrati u jkunu soġġetti għal sistemi effettivi għall-monitoraġġ u l-iżgurar tal-konformità mal-miżuri rilevanti mitluba fir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF. Dawn l-istandards jirrikjedu wkoll traċċabbiltà għal trasferimenti ta’ assi virtwali. B’mod speċifiku, il-fornituri tas-servizzi tal-assi virtwali jridu jakkumpanjaw it-trasferimenti b’informazzjoni ddettaljata dwar l-oriġinaturi u l-benefiċjarji tagħhom (ir-“regola tal-ivvjaġġar”). Dan ir-rekwiżit qed jiġi introdott fid-dritt tal-UE bir-Regolament (UE) 2023/1113 tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u ta’ ċerti kriptoassi (ir-Regolament TFR)( 41 ), li huwa riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi( 42 ).

Il-pakkett leġiżlattiv AML/CFT tal-2021 jinvolvi diversi proposti ulterjuri biex jiġu indirizzati u mtaffija r-riskji ta’ ML/TF marbuta mal-użu ta’ muniti virtwali. L-ewwel nett, il-fornituri tas-servizzi kollha ta’ assi virtwali li x’aktarx jiġġeneraw riskji ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu jiżdiedu mal-lista ta’ entitajiet marbutin b’obbligu. It-tieni, huwa jipproponi l-projbizzjoni tal-forniment u tal-kustodja ta’ kartieri anonimi tal-kriptoassi, minħabba li dawn ma jippermettux li t-trasferimenti tal-kriptoassi jiġu traċċati u jġorru riskju akbar ta’ użu ħażin għal finijiet kriminali.

F’livell aktar ġenerali, ir-Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi għandu l-għan li jipprovdi qafas legali ċar, iddedikat u armonizzat fl-UE għall-kriptoassi u għall-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi billi jirrikjedi li jkunu awtorizzati minn awtorità nazzjonali kompetenti biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom. Dan ir-Regolament se jistabbilixxi wkoll protezzjoni adegwata għall-konsumaturi kollha hekk kif jgħaddu minn skambji, kartieri u pjattaformi ta’ negozjar awtorizzati biex jixtru, jinnegozjaw u jittrasferixxu l-kriptoassi.

B’mod ġenerali, ir-Regolament il-ġdid dwar is-Swieq fil-Kriptoassi u r-Regolament TFR se jżidu b’mod sinifikanti l-monitoraġġ tat-trasferimenti tal-kriptoassi għal ML/TF mill-awtoritajiet kompetenti fl-UE kollha. Ir-Regolament AML il-ġdid se jkompli jtaffi r-riskji ta’ ML/TF relatati mal-użu ta’ muniti virtwali, filwaqt li ma jipprevedix il-ħolqien ta’ bażi tad-data ċentrali kif imsemmi fl-Artikolu 65(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849. Bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2023/113, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi se jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji skont it-tifsira tad-Direttiva AML, u b’hekk ikunu soġġetti għar-regoli kollha tal-AML/CFT applikabbli għas-settur finanzjarju, li se jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-UIF, ikunu jistgħu jaċċessaw malajr l-informazzjoni dwar id-detenturi ta’ kartieri tal-kriptoassi ta’ kustodja.

8.2.Kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 65(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 jitlob lill-Kummissjoni tressaq, jekk ikun xieraq, proposta leġiżlattiva biex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri.

Fil-25 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva ġdida dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi( 43 ). Din tipprovdi sett komprensiv ta’ regoli li jindirizzaw l-irkupru tal-assi mill-bidu sat-tmiem — mit-traċċar u l-identifikazzjoni, l-iffriżar u l-ġestjoni, sal-konfiska u d-disponiment finali tal-assi. B’mod partikolari, il-proposta għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċità tal-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi li jittraċċaw u jidentifikaw ir-rikavati mill-kriminalità, billi tipprovdilhom aċċess usa’ għall-informazzjoni meħtieġa, tiżgura skambju rapidu ta’ informazzjoni fost dawn l-uffiċċji u tippermettilhom jiffriżaw il-proprjetà b’mod urġenti meta jkun hemm riskju li l-assi jistgħu jiddissipaw.

9.Konklużjoni u prospettiva

L-aħħar ftit snin kienu kkaratterizzati minn ħafna sfidi fil-qasam tal-AML/CFT. Filwaqt li l-ambjent tar-riskju nbidel b’mod konsiderevoli, il-Kummissjoni rreaġixxiet kontinwament għal dawn il-bidliet billi analizzat regolarment ir-riskju, ipprovdiet gwida bil-miktub lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati u intervjeniet f’każijiet ta’ traspożizzjoni skorretta jew mhux kompluta mill-Istati Membri. L-EBA kkontribwiet għal approċċi armonizzati u konverġenza superviżorja permezz tal-ħidma tagħha fuq rieżamijiet bejn il-pari ta’ prattiki superviżorji, bosta linji gwida u opinjonijiet fil-qasam tal-applikazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq ir-riskju minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji, kif ukoll ħidma fuq il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri. Matul dawn l-aħħar ftit snin, sar titjib sostanzjali b’mod partikolari fl-oqsma tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn is-superviżuri tal-AML/CFT fis-settur finanzjarju.

Sabiex tindirizza l-kwistjonijiet identifikati dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849, il-Kummissjoni pproponiet pakkett leġiżlattiv ambizzjuż tal-AML/CFT fl-2021. Dan jintroduċi riforma komprensiva, kemm minn perspettiva regolatorja kif ukoll minn dik istituzzjonali, tal-qafas AML/CFT tal-UE. Taħt dan il-pakkett, parti sostanzjali mid-Direttiva se titmexxa għal Regolament sabiex l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu soġġetti għal regoli applikabbli direttament. Dan se jneħħi l-ħtieġa għat-traspożizzjoni u jtemm il-possibbiltà ta’ varjazzjonijiet nazzjonali u fl-istess ħin inaqqas id-dewmien fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE. Ir-Regolament AML jipprevedi rekwiżiti armonizzati għall-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli interni u d-diliġenza dovuta tal-klijenti, jispeċifika wkoll ir-regoli dwar it-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja tal-entitajiet legali u tal-arranġamenti legali u jestendi l-lista ta’ entitajiet marbutin b’obbligu fost l-oħrajn għall-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi. Il-proposta għal Direttiva AML/CFT riveduta ssaħħaħ il-kompiti, is-setgħat u l-għodod tas-superviżuri u tal-UIF biex itejbu l-funzjonament tagħhom. Hija għandha wkoll l-għan li tistabbilixxi regoli ċari għall-awtoritajiet kollha biex jiżguraw kooperazzjoni effettiva u kondiviżjoni tal-informazzjoni. Dan kollu se jipprovdi lill-UE b’sistema komprensiva u integrata li tkun proporzjonata mal-integrazzjoni tas-suq intern tagħha. Is-sistema superviżorja integrata l-ġdida tal-AML/CFT se tkun tikkonsisti fl-Awtorità Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLA) il-ġdida fiċ-ċentru tagħha u fl-awtoritajiet nazzjonali b’mandat superviżorju tal-AML/CFT u se tkun ibbażata fuq approċċi superviżorji komuni u metodoloġiji tal-valutazzjoni tar-riskju. Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effettiva u konsistenti, l-AMLA se tissorvelja direttament l-aktar entitajiet finanzjarji transfruntieri riskjużi u tikkoordina l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-azzjonijiet superviżorji, inkluż għas-settur mhux finanzjarju. L-AMLA se tiġi fdata wkoll b’funzjoni ta’ koordinazzjoni tal-UIF. Billi l-każijiet ewlenin reċenti kollha ta’ ħasil tal-flus irrapportati fl-UE kellhom dimensjoni transfruntiera, dan l-approċċ għandu l-għan li jiżgura kooperazzjoni aktar mill-qrib u skambju ta’ informazzjoni fost l-UIF, kif ukoll li jikseb sinerġiji bejn is-superviżuri u l-UIF. Għalhekk, l-eżistenza tal-AMLA se jkollha rwol sinifikanti fil-prevenzjoni u l-iskoperta tal-ħasil tal-flus, tar-reati predikati tiegħu u tal-finanzjament tat-terroriżmu, u se tifforma l-qalba ta’ qafas AML/CFT robust tal-UE.

(1) ()    Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
(2) ()    Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43).
(3) ()    Il-punti elenkati fl-Artikolu 65(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 ġew koperti f’dan ir-rapport kif ġej: It-Taqsima 2 tar-rapport tkopri l-ewwel parti tal-punt (e) tal-Artikolu 65(1) dwar rendikont tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex jiġi vverifikat li l-Istati Membri jieħdu azzjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva, kif ukoll il-punt (b) tal-Artikolu 65(1), it-Taqsima 3 dwar il-valutazzjoni tar-riskju u l-mitigazzjoni tar-riskju tkopri t-tieni parti tal-punt (e) dwar l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex jiġu vvalutati l-problemi emerġenti u l-iżviluppi ġodda fl-Istati Membri, kif ukoll il-punt (a) tal-Artikolu 65(1), it-Taqsima 4 dwar l-aċċess għall-informazzjoni u l-kooperazzjoni, inkluż fil-livell internazzjonali, għall-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti u l-UIF tkopri l-punt (c), it-Taqsima 5 dwar l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja rigward entitajiet inkorporati barra mill-Unjoni tkopri l-ewwel parti tal-punt (f), it-Taqsima 6 dwar miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti msaħħa għal persuni esposti politikament tkopri t-tieni parti tal-punt (f), it-Taqsima 7 dwar id-drittijiet fundamentali tkopri l-punt (g) u t-Taqsima 8 tkopri t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 65(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 li tipprovdi valutazzjoni tal-ħtieġa li jsiru proposti leġiżlattivi ġodda dwar il-bażijiet tad-data tal-utenti tal-muniti virtwali u l-uffiċċji għall-irkupru tal-assi.
(4) ()    Is-sommarji tar-riżultati tal-istħarriġiet u l-kontribuzzjonijiet ipprovduti mill-EBA huma inklużi fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja r-rapport. L-istudju mwettaq mill-Kunsill tal-Ewropa huwa disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea mid-data tal-pubblikazzjoni tar-rapport.
(5) ()     https://finance.ec.europa.eu/publications/anti-money-laundering-and-countering-financing-terrorism-legislative-package_en
(6) ()    Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-pakkett għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, SWD (2021) 190 final. Partijiet mill-pakkett leġiżlattiv AML/CFT għadhom qed jiġu nnegozjati (fil-15 ta’ Settembru 2023).
(7) ()    Għal aktar informazzjoni ta’ sfond introduttorja, ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.
(8) ()    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, 2020/C 164/06.
(9) ()    28 każ għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni u sitta għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ konformità.
(10) ()     L-istudju mwettaq mill-Kunsill tal-Ewropa huwa disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea mid-data tal-pubblikazzjoni tar-rapport.
(11) ()    Ir-Regolament EBA (UE) 1093/2010 https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:02010R1093-20210626&qid=1680524907642&from=en
(12) ()    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati mal-attivitajiet transfruntieri, COM (2022) 554 final.
(13) ()    L-ASE, jiġifieri l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), jaħdmu primarjament fuq l-armonizzazzjoni tas-superviżjoni finanzjarja fl-UE billi jiżviluppaw ġabra unika tar-regoli, sett ta’ standards prudenzjali għal istituzzjonijiet finanzjarji individwali. L-ASE jgħinu biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tal-ġabra unika tar-regoli biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi. Huma għandhom ukoll il-mandat li jivvalutaw ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet fis-settur finanzjarju.
(14) ()    EBA/GL/2021/02 tal-1 ta’ Marzu 2021: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Guidelines/2021/963637/Final%20Report%20on%20Guidelines%20on%20revised%20ML%20TF%20Risk%20Factors.pdf
(15) ()    EBA/GL/2021/16 tas-16 ta’ Diċembru 2021: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Guidelines/2021/EBA-GL-2021-16%20GL%20on%20RBA%20to%20AML%20CFT/1025507/EBA%20Final%20Report%20on%20GL%20on%20RBA%20AML%20CFT.pdf  
(16) ()    EBA/GL/2022/15 tat-22 ta’ Novembru 2022: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Guidelines/2022/EBA-GL-2022-15%20GL%20on%20remote%20customer%20onboarding/1043884/Guidelines%20on%20the%20use%20of%20Remote%20Customer%20Onboarding%20Solutions.pdf  
(17) ()    EBA/GL/2022/05 tal-14 ta’ Ġunju 2022: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Guidelines/2022/EBA-GL-2022-05%20GLs%20on%20AML%20compliance%20officers/1035126/Guidelines%20on%20AMLCFT%20compliance%20officers.pdf  
(18) ()    L-aktar reċenti hija EBA/Op/2021/04 tat-3 ta’ Marzu 2021: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Opinions/2021/963685/Opinion%20on%20MLTF%20risks.pdf  
(19) ()    EBA/GL/2023/04 tal-31 ta’ Marzu 2023: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Guidelines/2023/1054144/Guidelines%20on%20MLTF%20risk%20management%20and%20access%20to%20financial%20services.pdf u Opinjoni dwar “it-tneħħija tar-riskji”, EBA/Op/2022/01, il-5 ta’ Jannar 2022: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Opinions/2022/Opinion%20on%20de-risking%20%28EBA-Op-2022-01%29/1025705/EBA%20Opinion%20and%20annexed%20report%20on%20de-risking.pdf
(20) ()     https://www.eba.europa.eu/eba-publishes-fourth-opinion-%C2%A0-money-laundering-and-terrorist-financing-risks-across-eu  
(21) ()    Dikjarazzjoni tal-EBA dwar azzjonijiet biex jittaffew ir-riskji tal-kriminalità finanzjarja fil-pandemija tal-COVID-19, maħruġa fil-31 ta’ Marzu 2020: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/News%20and%20Press/Press%20Room/Press%20Releases/2020/EBA%20provides%20additional%20clarity%20on%20measures%20to%20mitigate%20the%20impact%20of%20COVID-19%20on%20the%20EU%20banking%20sector/Statement%20on%20actions%20to%20mitigate%20financial%20crime%20risks%20in%20the%20COVID-19%20pandemic.pdf
(22) ()    Bullettin tal-EBA dwar l-AML/CFT, l-Ewwel Ħarġa, il-15 ta’ Mejju 2020: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Other%20publications/2020/883686/EBA%20AML%20Newsletter_Issue%201-.pdf  
(23) ()    EBA/REP/2022/05 tat-22 ta’ Frar 2022: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Reports/2022/1027361/Report%20Risk%20assessment%20on%20Luanda%20Leaks%20under%20art%209a.pdf  
(24) ()     http:// www.eba.europa.eu/eba-calls-financial-institutions-and-supervisors-provide-access-eu-financial-system  
(25) ()    Rapport dwar ir-riskji ta’ ML/TF assoċjati mal-istituzzjonijiet ta’ pagament: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Reports/2023/1056453/Report%20on%20ML%20TF%20risks%20associated%20with%20payment%20institutions.pdf  
(26) ()    Din il-parti tal-pakkett leġiżlattiv AML/CFT għadha qed tiġi nnegozjata (fil-15 ta’ Settembru 2023).
(27) ()    Linji Gwida Konġunti dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, JC 2019 81 tas-16 ta’ Diċembru 2019: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library//Joint%20Guidelines%20on%20cooperation%20and%20information%20exchange%20on%20AML%20-%   https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Guidelines/2021/EBA-GL-2021-15%20GL%20on%20CFT%20cooperation/1025384/Final%20AML-CFT%20Cooperation%20Guidelines.pdf20CFT.pdf
(28) ()     https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Guidelines/2021/EBA-GL-2021-15%20GL%20on%20CFT%20cooperation/1025384/Final%20AML-CFT%20Cooperation%20Guidelines.pdf  
(29) ()    Ara r-rapporti tal-EBA dwar il-kulleġġi tal-AML/CFT: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Reports/2020/961425/Report%20o.n%20the%20functioning%20of%20AML%20Colleges%20.pdf u https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Reports/2022/1038179/Report%20on%20functionion%20of%20AML%20CFT%20Colleges.pdf  
(30) ()    Ir-rapportar tal-EuReCA fil-15 ta’ Settembru 2023.
(31) ()    EBA/GL/2022/03 tat-18 ta’ Marzu 2022, Linji Gwida dwar il-proċess ta’ rieżami u evalwazzjoni superviżorji — SREP: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Guidelines/2022/EBA-GL-2022-03%20Revised%20SREP%20Guidelines/1028500/Final%20Report%20on%20Guidelines%20on%20common%20procedures%20and%20methodologies%20for%20SREP%20and%20supervisory%20stress%20testing.pdf  
(32) ()    Linji Gwida konġunti tal-ESMA u tal-EBA dwar il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-membri tal-korp maniġerjali u tad-detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin skont id-Direttiva 2013/36/UE u d-Direttiva 2014/65/UE, EBA/GL/2021/06 tat-2 ta’ Lulju 2021: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Guidelines/2021/EBA-GL-2021-06%20Joint%20GLs%20on%20the%20assessment%20of%20suitability%20%28fit%26propoer%29/1022127/Final%20report%20on%20joint%20EBA%20and%20ESMA%20GL%20on%20the%20assessment%20of%20suitability.pdf  
(33) ()    Linji Gwida dwar il-governanza interna skont id-Direttiva 2013/36/UE, EBA/GL/2021/05 tat-2 ta’ Lulju 2021: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/files/document_library/Publications/Guidelines/2021/1016721/Final%20report%20on%20Guidelines%20on%20internal%20governance%20under%20CRD.pdf
(34) ()    Il-FATF (2012-2023), l-Istandards Internazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni, il-FATF, Pariġi, Franza, www.fatf-gafi.org/recommendations.html
(35) ()    Gwida tal-FATF dwar Persuni Esposti Politikament (Rakkomandazzjonijiet 12 u 22), Ġunju 2013. GWIDA TAL-FATF (fatf-gafi.org) GWIDA TAL-FATF (fatf-gafi.org)
(36) ()    L-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(37) ()    Opinjoni 12/2021, https://edps.europa.eu/system/files/2021-09/21-09-22_edps-opinion-aml_en.pdf  
(38) ()    Sentenza tal-Qorti tat-22 ta’ Novembru 2022 fil-kawżi magħquda WM (C-37/20) u SOVIM SA (C-601/20) vs Luxembourg Business Registers: https://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?text=&docid=268059&pageIndex=0&doclang=mt&mode=lst&dir=&occ=first&part=1&cid=1503497
(39) ()    Sentenza tal-Qorti tat-18 ta’ Ġunju 2020 fil-kawża (C-78/18 “Il-Kummissjoni Ewropea vs l-Ungerija”): https://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf;jsessionid=98151443F97F6BA2D856266F83B1C03F?text=&docid=227569&pageIndex=0&doclang=mt&mode=req&dir=&occ=first&part=1&cid=112968  
(40) ()    Ara “Study on developments with regard to virtual assets users and the possibility to set-up and maintain a central database registering users’ identities and wallet addresses accessible to financial intelligence units (FIUs)”, ippubblikat fl-2021.
(41) ()    Ir-Regolament (UE) 2023/1113 tal-31 ta’ Mejju 2023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u ta’ ċerti kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2015/849 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 1).
(42) ()    Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).
(43) ()    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi, COM/2022/245 final.