Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Awwissu 2011 li tistabbilixxi l-Bord taż-Żona Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni
Official Journal C 243 , 20/08/2011 P. 0012 - 0015
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Awwissu 2011 li tistabbilixxi l-Bord taż-Żona Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2011/0000/) Il-KUMMISSJONI EWROPEA, Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, Billi: (1) Sabiex jingħata parir lill-Kummissjoni dwar il-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, filwaqt li jqis l-għanijiet imniżżla fil-Green Paper tal-Kummissjoni msejħa "Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda" [1] il-Bord taż-Żona Ewropea għar-Riċerka (ERAB) ġie stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/111/KE, Euratom [2]; (2) Id-Deċiżjoni 2008/111/KE se tiskadi fid- 29 ta' Frar 2012; (3) Wara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" [3], il-Kunsill ta l-approvazzjoni politika tiegħu dwar l-istrateġija l-ġdida fis- 17 ta' Ġunju 2010; (4) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: l-Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni għall-Innovazzjoni [4] li ġiet addottata mill-Kummissjoni Ewropea fis- 6 ta' Ottubru 2010, tgħaqqad flimkien il-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni f'qafas uniku u hija komponent kritiku għall-istrateġija globali tal-Ewropa 2020 u tikkontribwixxi għat-tliet pilastri tagħha, li huma tkabbir li huwa intelliġenti, sostenibbli u inklussiv; (5) Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Ewlenija Ewropa Unjoni għall-Innovazzjoni ħabbret li se tespandi r-responsabbiltà tal-ERAB kif stabbilit bid-Deċiżjoni tagħha 2008/111/KE, Euratom, biex tevalwa l-Unjoni għall-Innovazzjoni fuq bażi kontinwa, u tipprovdi rakkomandazzjonijiet fuq il-prijoritajiet u l-azzjonijiet; (6) Il-Bord taż-Żona Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (il-Bord) għandu jappoġġa l-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tilħaq l-għanijiet speċifikati fid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) [5] u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/970/Euratom tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta' taħriġ (2007-2011) [6] kif ukoll fil-programmi sussegwenti tal-Unjoni Ewropea u l-programm Kwadru tal-Euratom; (7) Il-President u l-membri tal-Bord għandhom jiġu proposti lill-Kummissjoni minn Kumitat ta' Identifikazzjoni Indipendenti ta' Livell Għoli magħmul minn rappreżentanti min-negozji u mill-akkademja. (8) Sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Bord u biex tiġi żgurata l-kontinwità, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jaħtru membri onorarji fil-Bord abbażi tal-mertu u s-servizzi mogħtija mill-membri li temmew it-term tagħhom. (9) Bla ħsara għar-regoli dwar is-sigurtà annessi għar-Regoli tal-Kummissjoni tal-proċedura, għandhom jiġu provduti regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni mill-membri tal-Bord bid-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom [7]; (10) Dejta personali relatata ma' membri tal-Bord għandha tiġi proċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2000"dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data (dejta) personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (dejta)" [8]. (11) Huwa xieraq li jiġi ffissat perjodu għall-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Meta jkun il-waqt propizju, il-Kummissjoni se tikkunsidra jkunx għaqli li dan il-perjodu jiġi estiż. ADDOTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-Bord taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni Il-Bord taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Bord", ġie stabbilit fl- 1 ta' Marzu 2012. Artikolu 2 Kompiti 1. Il-kompiti tal-Bord għandhom ikunu dawn li ġejjin: (a) Li jagħti parir lill-Kummissjoni Ewropea dwar Kwistjonijiet dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka, li jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar prijoritajiet u azzjonijiet b'mod partikolari dwar kif jiżdied l-impatt tal-innovazzjoni u kif għandha tiġi evalwata l-parti rilevanti tal-Inizjattivi Ewlenin tal-Unjoni għall-Innovazjoni fuq bażi kontinwa. (b) Li, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tal-istess Bord, jagħti opinjonijiet dwar l-iżvilupp u l-ħolqien ta' Żona Ewropea tar-Riċerka; (c) Li jipprovdi rapport annwali lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u tal-Unjoni għall-Innovazzjoni; (d) Li jirrifletti fuq xejriet ġodda fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka u tal-Unjoni għall-Innovazzjoni. 2. Il-Bord għandu jiġi mgħarraf regolarment dwar żviluppi u azzjonijiet relevanti. 3. L-opinjonijiet tal-Bord għandhom jingħataw fil-limitu taż-żmien stipulat mill-Kummissjoni. Artikolu 3 Konsultazzjoni 1. Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta l-Bord dwar kwalunkwe kwistjoni li għandha x'taqsam mal-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Unjoni għall-Innovazzjoni. 2. Il-President tal-Bord jista’ jagħti parir lill-Kummissjoni biex tikkonsulta l-Bord fuq xi kwistjoni speċifika. Artikolu 4 Kompożizzjoni – Ħatra 1. Il-Bord għandu jkun iffurmat minn 11-il membru. 2. Il-President u l-membri tal-Bord għandhom jinħatru mill-Kummissjoni. Is-sett ta' kriterji li jrid jiġi applikat matul il-proċess tal-għażla u tan-nominazzjoni tal-membri tal-Bord huwa dan li ġej: - riċerka prominenti u/jew profil fl-innovazzjoni, inkluż l-esperjenza fl-innovazzjoni mhux teknoloġika; - esperjenza fit-tfassil, fil-ġestjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika ta' riċerka u/jew tal-innovazzjoni; - esperjenza konsultattiva fuq livell Ewropew jew internazzjonali, - bilanċ fost id-dixxiplini tar-riċerka u tat-teknoloġija, inkluż persuni b’esperjenza speċifika universitarja u tal-industrija; - bilanċ ġeografiku, billi jitqiesu l-pajjiżi assoċjati fil-Programmi Kwadru; - bilanċ ta' sess xieraq. 3. Applikanti meqjusin bħala addattati imma li ma jinħatrux jistgħu jitniżżlu fuq lista ta’ riżerva, li l-Kummissjoni tista’ tuża biex taħtar sostituti. 4. Il-membri jinħatru mill-Kummissjoni fil-kapaċità personali tagħhom u għandhom jagħtu parir lill-Kummissjoni indipendentement minn kull influwenza esterna. 5. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fi żmien xieraq b'kull kunflitt ta' interessi li jista' jikkomprometti l-imparzjalità tagħhom. 6. Il-membri għandhom jinħatru għal perjodu ta' madnat ta' erba' snin u għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jintemm il-mandat tagħhom jew sakemm jiġu sostitwiti skont il-paragrafu 7. 7. Il-membri jistgħu jinbidlu għall-bqija tal-mandat tagħhom fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin: (a) meta l-membru jirriżenja; (b) meta l-membru ma jkunx għadu kapaċi aktar li jikkontribwixxi b'mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-Bord; (c) meta l-membru ma josservax l-Artikolu 339 tat-TFUE dwar l-iżvelar ta' informazzjoni; (d) meta, għall-kuntrarju ta' paragrafu 4, il-membru ma jkunx indipendenti minn kull influwenza esterna; (e) meta, kuntrarju għal paragrafu 5, il-membru jonqos milli javża lill-Kummissjoni fi żmien xieraq dwar kunflitt ta’ interessi. 8. L-ismijiet tal-membri tal-Bord għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u ta' entitajiet simili ("ir-Reġistru") u fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. L-ismijiet tal-membri għandhom jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001. Artikolu 5 Membri onorarji Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jaħtru membri li temmew il-mandati tagħhom fil-Bord bħala membri onorarji mingħajr drittijiet għal-vot. L-istatus ta' membri onorarji huwa daqs dak tal-osservaturi Dawn il-ħatriet isiru abbażi tal-merti u s-servizzi mogħtija. Il-membri onorarji għandhom jinħatru għal mandat ta' mhux iktar minn erba' snin. Artikolu 6 Operat 1. Il-Bord għandu jeleġġi żewġ Viċi Presidenti minn fost il-membri b'maġġoranza sempliċi sabiex jifforma b'mod kollettiv mal-President maħtur tal-Uffiċċju tal-Bord. 2. Il-Bureau għandu jorganizza x-xogħol tal-Bord, kooperazzjoni mal-Kummissjoni. 3. Bi ftehim mal-Kummissjoni, il-Bord jista' jwaqqaf sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi skont it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-Bord. Hekk kif itemmu l-mandat tagħhom, dawn is-sottogruppi għandhom jiġu xolti. 4. Il-Kummissjoni tista’ tistaqsi lil xi esperti jew osservaturi b’kompetenza speċifika f’suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Bord jew fid-deliberazzjonijiet jew fil-ħidma ta’ sottogrupp meta, fil-fehma tal-Kummissjoni, dan ikun neċessarju jew utli. 5. Il-membri tal-Bord, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, għandhom jimxu mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti mit-Trattati u r-regoli ta' implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-UE, stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom [9]. Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri x-xierqa kollha. 6. Il-Bord u s-sottogruppi tiegħu għandhom normalment jiltaqgħu fil-bini tal-Kummissjoni skont il-proċeduri u l-iskeda stabbilita mill-Bord. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-segretarjat. 7. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni u appoġġ espert meħtieġa għall-ħidma tal-Bord, sabiex dan ikun jista' jopera f'kundizzjonijiet ta' awtonomija u indipendenza. L-appoġġ espert jiġi provdut permezz ta' għotjiet jew akkwist pubbliku previsti fil-programm ta' ħidma rilevanti. 8. Rappreżentanti mill-Kummissjoni għandhom jattendu l-laqgħat tal-Bord u tas-sottogruppi tiegħu. 9. Il-Bord għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura fuq il-bażi ta' abbozz imressaq mill-Kummissjoni. 10. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni rilevanti dwar l-attivitajiet imwettqa mill-grupp jew billi tinkludiha fir-Reġistru jew permezz ta' ħolqa mir-Reġistru għal websajt iddedikat. Artikolu 7 Onorarja u spejjeż tal-laqgħat 1. Il-membri tal-Bord għandhom ikunu kkumpensati għall-kompiti li jwettqu permezz ta' onorarju għall-attendenza fil-laqgħat plenarji tal-Bord, li jirrifletti r-responsabbiltajiet tagħhom u li jkun imkejjel ma' dispożizzjonijiet simili f'entitajiet simili u Stati Membri. L-ammont ta' onorarja u regoli ta' implimentazzjoni relatati huwa stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni. 2. L-osservaturi u l-membri onorarji ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu. 3. Fir-rigward tal-laqgħat meħtieġa sabiex titwettaq il-ħidma tal-Bord, minbarra fil-każ tal-laqgħat plenarji inklużi dawk previsti fl-Artikolu 6, il-Kummissjoni għandha tirrimborża l-ispejjeż tal-ivjaġġar, u fejn xieraq spejjeż għas-sussistenza lill-membri u lill-esperti mistiedna b'rabta mal-attivitajiet tal-Bord skont ir-regoli tal-Kummissjoni dwar il-kumpens lill-esperti esterni. Artikolu 8 Skadenza Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fid- 29 ta’ Frar 2016. Magħmul fi Brussell, id- 19 ta’ Awwissu 2011. Għall-Kummissjoni Máire Geoghegan-Quinn Membru tal-Kummissjoni [1] COM(2007) 161 finali, 4.4.2007. [2] ĠU L 40, 14.2.2008, p. 7. [3] COM(2010) 2020 finali, 3.3.2010. [4] COM(2010) 546 finali, 6.10.2010. [5] ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1. [6] ĠU L 400, 30.12.2006, p. 60. Verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 54, 22.2.2007, p. 21. [7] ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. [8] ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1. [9] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura, (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1). --------------------------------------------------