European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2025

3.10.2025

Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emendar tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra

A.   Ittra mill-Unjoni

Sinjur,

Għandi l-unur nirreferi għan-negozjati li saru fil-qafas tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni”), dwar l-emendar ta' xi protokolli ta' dan il-Ftehim.

Wara n-negozjati, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu li:

Iż-żewġ partijiet jirreferu għad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Unjoni Ewropea u tal-Marokk wara l-14-il laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, li saret fis-27 ta’ Ġunju 2019 fi Brussell, u għall-pożizzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni kif espressi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom.

L-Unjoni Ewropea, b’referenza għad-dikjarazzjoni tagħha li saret mal-iffirmar, qablet mar-Renju tal-Marokk li jdaħħal id-Dikjarazzjoni Konġunta li ġejja wara l-Protokoll 4 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni:

“Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-applikazzjoni tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (‘il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni’)

1.   

Il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent li huma suġġetti għall-kontroll tal-awtoritajiet doganali tar-Renju tal-Marokk għandhom jibbenefikaw mill-istess preferenzi kummerċjali bħal dawk mogħtija mill-Unjoni Ewropea għall-prodotti koperti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

2.   

Il-Protokoll Nru 4 għandu japplika mutatis mutandis għall-iskop li tiġi jiġi ddefinit il-karattru tal-oriġini tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 inkluż fir-rigward tal-provi tal-oriġini (1).

3.   

L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju tal-Marokk għandhom ikunu responsabbli għall-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 4 għal dawn il-prodotti.

4.   

L-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu li jippermettu l-identifikazzjoni tal-prodotti msemmijin fil-paragrafu 1 billi ssir referenza għar-reġjun tal-oriġini fil-provi tal-oriġini previsti fil-Protokoll 4.

5.   

L-Unjoni Ewropea tista’ tagħti, għall-prodotti msemmija fil-paragrafu 1, lill-awtoritajiet Marokkini responsabbli għal dan l-għan, l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għat-tħejjija taċ-ċertifikati ta’ konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

6.   

L-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk jaqblu li l-prodotti tas-settur tal-frott u l-ħaxix koperti minn dan il-Ftehim għandhom jiġu ttikkettati b’indikazzjoni tal-post tal-oriġini tagħhom kif indikat fiċ-ċertifikati tal-oriġini skont il-paragrafu 4 ta’ hawn fuq.”

L-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li japplikaw il-protokolli skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni dwar ir-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem.

L-inklużjoni ta' din id-dikjarazzjoni konġunta hija bbażata fuq is-sħubija privileġġjata stabbilita sew bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, kif b'mod partikolari stabbilita permezz tal-istatus avvanzat mogħti lil dan tal-aħħar, kif ukoll fuq l-ambizzjoni komuni tal-Partijiet li japprofondixxu din is-sħubija u jwessgħuha.

F'dan l-ispirtu ta' sħubija u sabiex il-Partijiet ikunu jistgħu jevalwaw l-impatt ta' dan il-Ftehim, b'mod partikolari fuq l-iżvilupp sostenibbli u fir-rigward tal-vantaġġi skont dan il-Ftehim u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu b'mod reċiproku li jiskambjaw informazzjoni fil-qafas tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni mill-inqas darba fis-sena.

Il-modalitajiet speċifiċi ta' dan l-eżerċizzju ta' evalwazzjoni ser jiġu determinati sussegwentement bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħhom mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni mhux aktar tard minn xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

Dan il-Ftehim jista' jkun applikat fuq bażi provviżorja bi ftehim reċiproku permezz ta' skambju ta' notifiki bejn iż-żewġ Partijiet mid-data tal-iffirmar awtorizzat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara d-data li fih iż-żewġ Partijiet ikunu nnotifikaw it-tlestija tal-proċeduri interni għall-adozzjoni tiegħu.

Dan il-Ftehim jissostitwixxi l-Ftehim tal-2018.

Napprezza jekk tikkonferma li l-Gvern tiegħek jaqbel ma’ dan ta’ hawn fuq.

Jekk jogħġbok, Sinjur, aċċetta l-ogħla stima tiegħi.

Image 1

Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emendar tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra

F’konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”) tal-4 ta’ Ottubru 2024 fil-kawżi magħquda C-779/21 P u C-799/21 P, u bil-ħsieb li jiġu pprovduti benefiċċji speċifiċi, konkreti, sostanzjali, u verifikabbli lill-grupp ta’ benefiċjarji msemmi fil-paragrafu 153 ta’ dik is-sentenza, l-Unjoni Ewropea l-ewwel se tipprovdi finanzjament għar-reġjun li jiffoka fuq setturi ewlenin, bħall-ilma inklużi l-irrigazzjoni, l-enerġija, il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, u d-desalinizzazzjoni tal-ilma f’konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli. Il-mekkaniżmu ta’ valutazzjoni konġunta previst fl-iskambju ta’ ittri se jiġi implimentat mill-partijiet.

Fl-istess ħin, l-Unjoni Ewropea ser tintensifika l-assistenza umanitarja tagħha għall-kampijiet ta’ Tindouf. Din l-għajnuna se titwassal permezz tal-mekkaniżmi rilevanti tal-Unjoni Ewropea u n-NU, u se tkun irregolata mill-istess modus operandi li dejjem irregola l-azzjoni umanitarja.

Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea se tappoġġa programmi xierqa f’setturi bħall-edukazzjoni, il-kultura u l-ħiliet.

Se jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ monitoraġġ regolari f’konformità mal-paragrafu 153 tas-sentenza msemmija hawn fuq, inkluż il-mekkaniżmu ta’ valutazzjoni konġunta.

B.   Ittra mir-Renju tal-Marokk

Sinjur,

Għandi l-unur ngħarrfek li rċevejt l-ittra tiegħek bid-data tal-lum, li l-kontenut tagħha huwa dan:

“Sinjur,

Għandi l-unur nirreferi għan-negozjati li saru fil-qafas tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (‘il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni’), dwar l-emendar ta' xi protokolli ta' dan il-Ftehim.

Wara n-negozjati, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu li:

Iż-żewġ partijiet jirreferu għad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Unjoni Ewropea u tal-Marokk wara l-14-il laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, li saret fis-27 ta’ Ġunju 2019 fi Brussell, u għall-pożizzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni kif espressi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom.

L-Unjoni Ewropea, b’referenza għad-dikjarazzjoni tagħha li saret mal-iffirmar, qablet mar-Renju tal-Marokk li jdaħħal id-Dikjarazzjoni Konġunta li ġejja wara l-Protokoll 4 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni:

“Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-applikazzjoni tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (‘il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni’)

1.   

Il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent li huma suġġetti għall-kontroll tal-awtoritajiet doganali tar-Renju tal-Marokk għandhom jibbenefikaw mill-istess preferenzi kummerċjali bħal dawk mogħtija mill-Unjoni Ewropea għall-prodotti koperti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

2.   

Il-Protokoll Nru 4 għandu japplika mutatis mutandis għall-iskop li tiġi jiġi ddefinit il-karattru tal-oriġini tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 inkluż fir-rigward tal-provi tal-oriġini (2).

3.   

L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju tal-Marokk għandhom ikunu responsabbli għall-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 4 għal dawn il-prodotti.

4.   

L-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu li jippermettu l-identifikazzjoni tal-prodotti msemmijin fil-paragrafu 1 billi ssir referenza għar-reġjun tal-oriġini fil-provi tal-oriġini previsti fil-Protokoll 4.

5.   

L-Unjoni Ewropea tista’ tagħti, għall-prodotti msemmija fil-paragrafu 1, lill-awtoritajiet Marokkini responsabbli għal dan l-għan, l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għat-tħejjija taċ-ċertifikati ta’ konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

6.   

L-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk jaqblu li l-prodotti tas-settur tal-frott u l-ħaxix koperti minn dan il-Ftehim għandhom jiġu ttikkettati b’indikazzjoni tal-post tal-oriġini tagħhom kif indikat fiċ-ċertifikati tal-oriġini skont il-paragrafu 4 ta’ hawn fuq.”

L-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li japplikaw il-protokolli skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni dwar ir-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem.

L-inklużjoni ta' din id-dikjarazzjoni konġunta hija bbażata fuq is-sħubija privileġġjata stabbilita sew bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, kif b'mod partikolari stabbilita permezz tal-istatus avvanzat mogħti lil dan tal-aħħar, kif ukoll fuq l-ambizzjoni komuni tal-Partijiet li japprofondixxu din is-sħubija u jwessgħuha.

F'dan l-ispirtu ta' sħubija u sabiex il-Partijiet ikunu jistgħu jevalwaw l-impatt ta' dan il-Ftehim, b'mod partikolari fuq l-iżvilupp sostenibbli u fir-rigward tal-vantaġġi skont dan il-Ftehim u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu b'mod reċiproku li jiskambjaw informazzjoni fil-qafas tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni mill-inqas darba fis-sena.

Il-modalitajiet speċifiċi ta' dan l-eżerċizzju ta' evalwazzjoni ser jiġu determinati sussegwentement bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħhom mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni mhux aktar tard minn xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

Dan il-Ftehim jista' jkun applikat fuq bażi provviżorja bi ftehim reċiproku permezz ta' skambju ta' notifiki bejn iż-żewġ Partijiet mid-data tal-iffirmar awtorizzat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara d-data li fih iż-żewġ Partijiet ikunu nnotifikaw it-tlestija tal-proċeduri interni għall-adozzjoni tiegħu.

Dan il-Ftehim jissostitwixxi l-Ftehim tal-2018.

Napprezza jekk tikkonferma li l-Gvern tiegħek jaqbel ma’ dan ta’ hawn fuq.

Jekk jogħġbok, Sinjur, aċċetta l-ogħla stima tiegħi.”

Nista’ nikkonferma li l-Gvern tiegħi jieħu nota tal-elementi kollha ta’ hawn fuq u jesprimi l-qbil tiegħu mal-kontenut ta’ din l-ittra.

Jekk jogħġbok, Sinjur, aċċetta l-ogħla stima tiegħi.

Image 2


(1)  L-awtoritajiet doganali tar-Renju tal-Marokk għandhom ikunu responsabbli għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 4 għall-prodotti msemmijin fil-paragrafu 1.

(2)  L-awtoritajiet doganali tar-Renju tal-Marokk għandhom ikunu responsabbli għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 4 għall-prodotti msemmijin fil-paragrafu 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/agree/2025/2025/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)