16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

339


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ DARFUR/3/2006

tal-25 ta’ Lulju 2006

li taħtar Konsulent Militari għar-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għas-Sudan

(2006/634/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 25(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/557/PESK tat-18 ta’ Lulju 2005 dwar l-azzjoni ta’ appoġġ ċivili-militari ta’ l-Unjoni Ewropea għall-missjoni ta’ l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Lulju 2006 il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/468/PESK (2) li temenda u tirrevedi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għas-Sudan.

(2)

Ir-Rappreżentant Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Sudan inter alia jiżgura l-koordinazzjoni u l-koerenza tal-kontributi ta’ l-Unjoni għall-missjoni ta’ l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur fis-Sudan (AMIS). Skond l-Artikolu 5 (2) ta’ l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK, Ċellula ta’ Koordinazzjoni ta’ l-UE f'Addis Ababa (ACC) taħt l-awtorità tar-RSUE, li tinkludi konsulent politiku, konsulent militari u konsulent tal-pulizija, tamministra l-koordinazzjoni ta’ kuljum ma' l-atturi rilevanti kollha ta’ l-UE u maċ-Ċentru ta’ Kontroll Amministrattiv u ta’ Maniġġar (ACMC) fil-katina ta’ kmand ta’ l-Unjoni Afrikana f'Addis Ababa sabiex jiġu żgurati l-koerenza u appoġġ f'waqtu ta’ l-UE lill-AMIS.

(3)

Skond l-Artikolu 4 ta’ l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà sabiex jaħtar il-konsulent militari għar-RSUE fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-RSUE.

(4)

Is-SĠ/RGħ, wara r-rakkomandazzjoni tar-RSUE, ippropona li l-Kurunell Marc BOILEAU għandu jinħatar bħala l-Konsulent Militari l-ġdid għar-RSUE.

(5)

Skond l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Kurunell Marc BOILEAU huwa b'dan maħtur Konsulent Militari għar-RSUE għas-Sudan.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-28 ta’ Lulju 2006.

Magħmula fi Brussel, il-25 ta’ Lulju 2006.

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

T. TANNER


(1)   ĠU L 188, 20.7.2005, p. 46.

(2)   ĠU L 184, 6.7.2006, p. 38.