European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/1592

5.3.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Reviżjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi”

(COM(2023) 424 final — 2023/0250 (COD))

(C/2024/1592)

Relatur:

Dovilė JUODKAITĖ

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.8.2023

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

21.11.2023

Adozzjoni fil-plenarja

14.12.2023

Sessjoni plenarja Nru

583

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

206/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ r-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi. Din il-Proposta tista’ tikkontribwixxi biex jitjiebu d-drittijiet tal-vittmi u biex l-istituzzjonijiet ġudizzjarji isiru aktar effiċjenti u kosteffettivi fit-tul.

1.2.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-emendi biex jittejbu l-valutazzjoni individwali tal-vittmi u l-appoġġ tagħhom matul il-proċess ġudizzjarju kollu. Filwaqt li ma għandu jkun hemm l-ebda ġerarkija fost il-vittmi u t-tipi ta’ reati, xi vittmi jistgħu jeħtieġu appoġġ u miżuri ta’ protezzjoni addizzjonali. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida dettaljati mal-Istati Membri dwar l-awtoritajiet differenti li għandhom iwettqu l-valutazzjoni.

1.3.

Il-KESE jirrakkomanda li jiġu previsti obbligi aktar b’saħħithom dwar it-taħriġ tal-professjonisti dwar id-drittijiet tal-vittmi, u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa gwida u standards ta’ kwalità għall-appoġġ. L-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ kwalità, inkluż dwar it-taħriġ ta’ psikologi u professjonisti, għandu jitħeġġeġ fost l-Istati Membri.

1.4.

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jinħoloq qafas ta’ komunikazzjoni komprensiv f’kull Stat Membru bil-għan li jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni.

1.5.

Il-KESE huwa diżappuntat li kwistjonijiet ta’ saħħa mentali ġew inklużi fil-lista ta’ reati u mġiba perikoluża fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju li jirriżulta mit-trasgressur fil-kuntest tal-valutazzjoni individwali. Din ir-referenza għandha titneħħa mit-test.

1.6.

Il-KESE jilqa’ d-dritt għal rieżami tad-deċiżjonijiet meħuda matul il-proċedimenti tal-qorti, inklużi deċiżjonijiet dwar l-interpretazzjoni matul is-seduti tal-qorti, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi jiġu infurmati kif xieraq dwar dan id-dritt u jieħdu miżuri biex jiżguraw li tali rieżamijiet jitwettqu mingħajr dewmien.

1.7.

Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni li jittejjeb l-aċċess għal kumpens għall-vittmi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jikkondividu l-prattiki tajbin tagħhom fl-iżvilupp ta’ skemi b’saħħithom ta’ kumpens, u fl-istess ħin jitqiesu l-impatti finanzjarji ta’ skemi bħal dawn.

1.8.

Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jallokaw biżżejjed fondi għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva u biex il-Kummissjoni tiggarantixxi li l-finanzjament tal-UE jissaħħaħ u jintuża biex tiġi implimentata.

1.9.

Biex timmonitorja l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tappoġġja lill-Istati Membri fil-ġbir tad-data, inkluż fit-tfassil ta’ standards komuni, fid-diżaggregazzjoni u fil-formati ta’ rapportar.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

2.1.

Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi (1) ġiet adottata fl-2012 biex jiġu stabbiliti standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità fl-Unjoni Ewropea (2). Il-bażi legali biex jiġu stabbiliti standards minimi dwar id-drittijiet kemm tal-individwi fil-proċedimenti kriminali kif ukoll tal-vittmi tal-kriminalità hija minquxa fl-Artikolu 82(2)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

2.2.

Fl-2020, il-Kummissjoni Ewropea wettqet valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, u adottat ir-rapport ta’ evalwazzjoni fil-11 ta’ Mejju 2020 (3). Ir-rapport żvela li ħafna Stati Membri ma kinux ittrasponew kompletament id-Direttiva sal-iskadenza tat-traspożizzjoni tas-16 ta’ Novembru 2015. B’kollox kien hemm 26 proċedura ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni għal traspożizzjoni mhux kompluta (4), li l-maġġoranza tagħhom issa ngħalqu. Il-kwistjonijiet varjaw min-nuqqas ta’ konformità mad-definizzjoni; diffikultajiet fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni; kwistjonijiet relatati mad-drittijiet proċedurali (5), u l-prevenzjoni ta’ vittimizzazzjoni sekondarja matul l-investigazzjoni kriminali; il-valutazzjoni individwali tal-vittmi; u protezzjoni speċifika għall-vittmi bi bżonnijiet speċjali; sa ġbir ta’ data.

2.3.

Biex ittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva u tipprovdi protezzjoni aħjar lill-vittmi tar-reati kollha fl-UE, il-Kummissjoni adottat l-ewwel strateġija tal-UE tagħha dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) fl-24 ta’ Ġunju 2020. Fl-istrateġija, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tivvaluta l-istrumenti tal-UE u n-nuqqasijiet possibbli tagħhom u, fejn ikun meħtieġ, tressaq proposti leġiżlattivi sal-2022 biex issaħħaħ aktar id-drittijiet tal-vittmi.

2.4.

Ir-reviżjoni tad-Direttiva involviet proċess ta’ konsultazzjoni bir-reqqa, inklużi konsultazzjoni pubblika u konsultazzjoni mmirata mal-partijiet ikkonċernati tal-Pjattaforma tad-Drittijiet tal-Vittmi. Il-KESE jilqa’ dan il-proċess u jinnota li l-l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-vittmi u tas-soċjetà ċivili talbu li l-Proposta tiġi ppubblikata (6).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ l-Proposta għal reviżjoni tad-Direttiva, li tinkludi emendi biex jissaħħu d-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità f’diversi oqsma u diversi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni, li ser jikkontribwixxu għal soċjetajiet aktar reżiljenti u funzjonament aħjar tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji.

3.2.

Ir-reviżjoni tad-Direttiva hija konsistenti ma’ leġiżlazzjoni u politiki oħra tal-UE, inkluża mal-istrateġija biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (7), u mal-isforzi biex id-drittijiet u l-valuri tal-UE jsiru aktar tanġibbli f’oqsma bħad-drittijiet tal-vittmi u l-aċċess għall-ġustizzja, kif innotat mill-KESE fl-opinjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (8).

3.3.

Il-KESE jfaħħar lill-Kummissjoni talli fil-Proposta qieset id-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda. L-użu ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni skont l-Artikolu 26(b) jista’ jgħin biex il-vittmi jitqarrbu lejn il-ġustizzja, u huwa konformi mal-politika ta’ diġitalizzazzjoni tal-Kummissjoni, inkluża d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja.

3.4.

Minkejja dawn l-aspetti pożittivi, il-KESE jirrimarka li l-użu ta’ għodod u teknoloġiji diġitali għandu dejjem ikun fakultattiv għall-vittmi. Xi vittmi, inklużi persuni mingħajr litteriżmu diġitali jew b’litteriżmu diġitali limitat, jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jużaw dawn l-għodod u t-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni. L-għażliet mhux diġitali għandhom dejjem ikunu disponibbli għall-vittmi tal-kriminalità.

3.5.

Għalkemm id-Direttiva hija orizzontali u tapplika għall-vittmi kollha tal-kriminalità, huwa importanti li nżommu f’moħħna li l-gruppi emarġinati huma f’riskju ogħla li jisfaw vittmi – inkluż ta’ reati vjolenti u ta’ mibegħda, u li hemm inqas probabbiltà li jirrapportaw reati, jaċċessaw il-ġustizzja u jirċievu appoġġ adegwat. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu previsti drittijiet tal-vittmi, u appoġġ u servizzi komprensivi li jindirizzaw id-diversità tal-vittmi u d-diversità tar-reati, anke permezz ta’ azzjonijiet immirati.

3.6.

Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għal aktar enfasi fuq il-vittmi vulnerabbli, inkluż billi tissaħħaħ il-valutazzjoni individwali dwar il-ħtiġijiet speċifiċi, tiġi prevista għajnuna psikoloġika mingħajr ħlas, u jiżiedu l-miżuri u rekwiżiti speċifiċi għall-vittmi tfal u l-vittmi b’diżabilità. Il-KESE jilqa’ wkoll id-deċiżjoni li r-rapportar tal-kriminalità jsir aktar faċli għall-migranti irregolari, u fl-istess ħin jiġi pprojbit it-trasferiment ta’ data personali dwar l-istatus ta’ residenza tal-vittma lill-awtoritajiet tal-migrazzjoni jekk din id-data tkun inġabret bħala riżultat tar-rapportar tal-kriminalità.

3.7.

Il-KESE jinnota li filwaqt li l-Proposta tirrikjedi li l-awtoritajiet jiżguraw li l-valutazzjonijiet individwali jqisu l-karatteristiċi personali tal-vittmi, inklużi s-sess u l-ġeneru, hija tonqos milli tinkludi perspettiva komprensiva tal-ġeneru jew tipprovdi approċċ ibbażat fuq il-ġeneru għal appoġġ li jmur lil hinn mill-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru. In-nisa fid-diversità kollha tagħhom huma vittmi tal-kriminalità li mhumiex biss il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u dik domestika, għalhekk is-servizzi u t-taħriġ tal-professjonisti għandhom jinkludu dimensjoni tal-ġeneru biex jiġu indirizzati d-drittijiet u l-ħtiġijiet tagħhom.

3.8.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-Artikolu 26d dwar ir-rimedji, li ser jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi jkollhom rimedju effettiv skont il-liġi nazzjonali f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jinfurmaw lill-vittmi dwar id-dritt tagħhom għal rimedju, u biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet u l-għoti ta’ rimedji jsiru malajr.

4.   Kummenti speċifiċi dwar il-ħames kategoriji ewlenin tad-drittijiet tal-vittmi

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li r-reviżjoni tad-Direttiva ssegwi objettivi speċifiċi li għandhom l-għan li jtejbu l-ħames kategoriji ta’ drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità, jiġifieri d-dritt għall-informazzjoni, id-dritt għall-appoġġ u għall-protezzjoni bbażati fuq il-ħtiġijiet individwali tal-vittmi, id-drittijiet proċedurali, u d-dritt li jirċievu deċiżjoni dwar il-kumpens. Dawn id-drittijiet huma fundamentali biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-vittmi jkunu protetti mill-mument li jseħħ reat sa tmiem proċediment legali.

4.2.

Id-dritt għall-informazzjoni huwa msaħħaħ permezz ta’ diversi dispożizzjonijiet. L-Artikolu dwar “protokolli permezz ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni nazzjonali” jispeċifika li protokolli speċifiċi għandu jkollhom l-għan li jiżguraw id-dritt għall-informazzjoni għall-vittmi, inklużi l-vittmi f’detenzjoni. L-informazzjoni trid tiġi adattata għall-ħtiġijiet individwali li jinbidlu tal-vittmi, “billi din l-informazzjoni għandha tkun sempliċi u faċli biex tinftiehem, ipprovduta f’waqtha, ripetuta matul iż-żmien, f’formati multipli inkluż bil-fomm, bil-miktub u b’mod diġitali”. Il-Proposta tipprevedi wkoll obbligi ġodda rigward l-użu ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni u l-ħolqien ta’ helplines u websites biex jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni. Barra minn hekk tipprevedi obbligu li jiġi żgurat li l-vittmi jkunu jistgħu jirrapportaw reati bl-użu ta’ “teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni faċilment aċċessibbli u faċli għall-utent”, iżda hija nieqsa mill-garanzija ta’ proċeduri ta’ rapportar li huma sikuri u kunfidenzjali kif previst fl-Artikolu 5a(4). L-Artikolu 10a jirreferi għall-assistenza fil-bini tal-qorti biex tiġi pprovduta informazzjoni lill-vittmi.

4.3.

Il-KESE jirrimarka li d-dritt għall-informazzjoni huwa fundamentali għall-vittmi biex jeżerċitaw id-drittijiet sussegwenti tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li jinħoloq qafas ta’ komunikazzjoni komprensiv f’kull Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar id-dritt għall-informazzjoni għall-vittmi, b’mod partikolari biex jinfurmaw lill-vittmi li jistgħu jiffaċċjaw l-aktar diffikultajiet biex jidentifikaw reat, jiksbu informazzjoni, u jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, bħall-ħaddiema migranti (9) jew gruppi emarġinati oħra, bħall-persuni b’diżabilità li jgħixu f’istituzzjonijiet, tfal u persuni li jiffaċċjaw diversi ostakli u diskriminazzjoni, li huma f’riskju ogħla ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż.

4.4.

Kwistjoni oħra li jiffaċċjaw il-vittmi tal-kriminalità hija li ma jirċievu l-ebda informazzjoni jew informazzjoni limitata ta’ segwitu dwar il-każ tagħhom. Minkejja li t-test propost jirreferi għal informazzjoni f’“formati multipli”, ma hemm l-ebda obbligu strett dwar il-lingwa u t-traduzzjoni u l-ebda obbligu espliċitu u ġenerali għall-Istati Membri biex jipprovdu lill-vittmi b’informazzjoni dwar il-progress tal-każ tagħhom (10). Il-KESE jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet tal-UE jinkludu dispożizzjonijiet aktar b’saħħithom biex jiġi żgurat li l-vittmi kollha jkunu jistgħu jirċievu informazzjoni fi żmien xieraq, matul il-proċess, dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-każ tagħhom, b’lingwa u format li jkunu jistgħu jaċċessaw u jifhmu.

4.5.

Huwa pożittiv li l-Kummissjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw valutazzjonijiet individwali u f’waqthom, li għandhom jinbdew mal-ewwel kuntatt tal-vittma mal-awtoritajiet kompetenti. Il-Proposta tagħti dettalji dwar l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati matul il-valutazzjoni individwali, inklużi r-relazzjoni mal-awtur tar-reat u l-karatteristiċi tiegħu, u tinkludi l-attenzjoni li għandha tingħata lill-vittmi li jaqgħu taħt aktar minn kategorija waħda ta’ vulnerabbiltà u/jew kriminalità. Madankollu, mhuwiex ċar għall-KESE kif l-awtoritajiet għandhom jaġġornaw il-valutazzjoni “f’intervalli regolari” (11). Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida dettaljati mal-Istati Membri dwar l-awtoritajiet differenti li għandhom iwettqu l-valutazzjoni, biex tiġi żgurata ċarezza aħjar dwar l-obbligi tagħhom, kif meħtieġ għall-vittmi tal-vjolenza u l-vjolenza domestika skont id-Direttiva proposta dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (Artikolu 23).

4.6.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Proposta ttejjeb l-appoġġ u l-protezzjoni bbażati fuq il-ħtiġijiet individwali tal-vittmi permezz ta’ valutazzjoni individwali mtejba tal-vittmi biex jiġu identifikati ħtiġijiet speċifiċi ta’ appoġġ u protezzjoni u permezz ta’ dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-aċċess għall-appoġġ speċjalizzat għal vittmi vulnerabbli. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni kien wera li t-test preċedenti tad-Direttiva ma kienx effiċjenti biex jiżgura li l-vittmi kollha kienu qed jirċievu appoġġ effettiv (12). Jekk il-ħtiġijiet tal-vittmi ma jiġux identifikati, l-appoġġ jista’ ma jingħatax b’mod adegwat.

4.7.

Il-KESE jilqa’ wkoll id-dispożizzjonijiet dwar is-servizzi ta’ appoġġ, b’mod partikolari r-rwol proattiv li għandhom jaqdu l-awtoritajiet biex jiżguraw li l-vittmi jiġu kkuntattjati mis-servizzi ta’ appoġġ ġenerali u speċjalizzati rilevanti, u l-obbligu li jiġi żgurat li s-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi jibqgħu operattivi fi żmien ta’ kriżi. Barra minn hekk, il-KESE jfaħħar l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat appoġġ aħjar, pereżempju d-dritt għal appoġġ psikoloġiku bla ħlas sakemm ikun meħtieġ meta jiġi vvalutat hekk, id-dritt għal appoġġ immirat u minn diversi aġenziji għall-vittmi tfal u d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.

4.8.

Il-KESE jinnota li l-miżuri ta’ protezzjoni huma inklużi bir-reqqa fil-Proposta. Madankollu, il-KESE huwa mħasseb li kwistjonijiet ta’ saħħa mentali ġew inklużi fil-lista ta’ reati u mġiba perikoluża fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju li jirriżulta mit-trasgressur fil-kuntest tal-valutazzjoni individwali. L-istigma u d-diskriminazzjoni relatati mas-saħħa mentali għadhom prevalenti u għandhom jitneħħew, kif innotat fl-opinjoni tal-KESE dwar “Miżuri għat-titjib tas-saħħa mentali” (13). Il-KESE jitlob li r-referenza għall-istatus tas-saħħa mentali tal-awtur tar-reat titneħħa mit-test. Għandhom jiġu inklużi biss il-fatturi marbuta ma’ kemm hija perikoluża l-persuna.

4.9.

Il-KESE jinnota b’dispjaċir li ma hemm l-ebda proposta inkluża rigward it-taħriġ ta’ professjonisti f’kuntatt mal-vittmi, inkluż dwar il-valutazzjoni, dwar id-drittijiet tal-vittmi bi ħtiġijiet speċifiċi, u dwar kif għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni u kif issir komunikazzjoni mal-vittmi. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu previsti obbligi aktar b’saħħithom dwar it-taħriġ tal-professjonisti, u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida speċifiċi dwar it-twettiq ta’ valutazzjonijiet individwali tal-vittmi tal-kriminalità u standards ta’ kwalità għall-appoġġ. Il-KESE jinnota wkoll l-importanza li jiġi żviluppat l-għarfien dwar id-disturb minn stress postrawmatiku fost il-psikologi sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi f’dak ir-rigward, u jappella biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki madwar l-Ewropa dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ kwalità.

4.10.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li l-vittmi jkunu akkumpanjati u jingħataw konsulenza b’mod korrett matul il-proċedimenti. Madankollu, huwa jinnota li t-test tal-Artikolu 10a joffri marġni wiesa’ ta’ valutazzjoni lill-awtoritajiet tal-istat dwar x’tista’ tkun l-“assistenza fil-bini tal-qorti”, li tista’ twassal għal gradi differenti ta’ kwalità fl-assistenza pprovduta. L-akkumpanjament tal-vittmi matul il-proċedimenti jeħtieġ li jkun aktar effiċjenti biex jiġi żgurat li l-vittmi jkunu jistgħu jirċievu appoġġ kostanti sa tmiem il-proċedimenti.

4.11.

Il-KESE jilqa’ d-dritt għal rieżami tad-deċiżjonijiet meħuda matul il-proċedimenti tal-qorti, inklużi deċiżjonijiet dwar l-interpretazzjoni matul is-seduti tal-qorti u dwar miżuri ta’ protezzjoni speċjali. L-opportunità għall-vittmi li jikkontestaw deċiżjonijiet li jikkonċernawhom indipendentement mill-istatus legali tagħhom fi proċediment kriminali hija essenzjali għall-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-ġustizzja. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi jiġu infurmati kif dovut dwar id-dritt tagħhom għal rieżami, u jieħdu miżuri biex jiżguraw li rieżamijiet bħal dawn isiru mingħajr dewmien.

4.12.

Il-KESE jilqa’ t-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi li huma residenti fi Stat Membru ieħor permezz tal-użu ta’ vidjokonferenzi u konferenzi telefoniċi. Filwaqt li t-test jagħmel dan fakultattiv, il-KESE jistieden lill-Istati Membri jagħmlu dan obbligatorju meta jintalab mill-vittmi għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess. Dan ir-rekwiżit jallinja mal-Komunikazzjoni tal-UE dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja (14) u r-Regolament propost dwar id-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera (15).

4.13.

Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni biex l-aċċess għall-kumpens għall-vittmi jittejjeb billi jissaħħu d-drittijiet tal-vittmi li jirċievu deċiżjoni dwar il-kumpens matul il-proċediment kriminali, u biex issir ħidma mmirata lejn il-ħlas fil-pront tiegħu lill-vittma wara s-sentenza. Għalkemm parti mit-test, li tirreferi għal “fi żmien raġonevoli” u “mingħajr dewmien żejjed” tista’ toħloq differenzi fit-trattament bejn il-vittmi u bejn l-Istati Membri, kumpens dirett mingħajr dewmien żejjed ser jiżgura kumpens effettiv għall-vittmi, u jevita vittimizzazzjoni sekondarja. Il-KESE huwa konxju li l-possibbiltà li l-Istat iħallas il-kumpens u jirkuprah aktar tard mingħand l-awtur tar-reat ser ikollha impatt finanzjarju, li ma kienx indirizzat biżżejjed fil-Proposta. L-Istati Membri għandhom jikkondividu l-prattiki tajbin tagħhom fl-iżvilupp ta’ skemi b’saħħithom ta’ kumpens, u fl-istess ħin jitqiesu l-impatti finanzjarji ta’ skemi bħal dawn.

4.14.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw rappreżentanza legali affordabbli u ta’ kwalità biex jassistu lill-vittmi biex jiggarantixxu l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja u jagħmlu t-talbiet tagħhom.

5.   Kummenti speċifiċi dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tad-Direttiva

5.1.

Il-KESE nnota suċċessivament il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ ċarezza u marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri fir-reviżjoni tad-Direttiva. Il-KESE huwa mħasseb li lingwaġġ vag ser jagħmilha diffiċli għalihom li jiżguraw traspożizzjoni u implimentazzjoni effettivi, u b’hekk il-vittmi jitħallew b’livelli varji ta’ protezzjoni tad-drittijiet tagħhom madwar l-UE.

5.2.

Hekk kif l-Istrateġija attwali dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tintemm fl-2025, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tadotta l-istrateġija tat-terminu li jmiss u tiżgura l-kontinwità tal-ħidma tal-Pjattaforma tad-Drittijiet tal-Vittmi, bħala mod kif tiggwida u tassisti lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

5.3.

Il-KESE jistieden ukoll lill-Istati Membri jadottaw strateġiji jew programmi nazzjonali dwar id-drittijiet tal-vittmi u jsaħħu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni għall-każijiet transfruntiera. Il-KESE jistieden ukoll lill-Istati Membri jadottaw approċċ multidixxiplinari u jevitaw li jaħdmu f’iżolament fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

5.4.

Il-KESE jenfasizza li l-ħolqien ta’ oqfsa u mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni fil-livell nazzjonali huma meħtieġa biex jiġu żgurati d-drittijiet tal-vittmi u li l-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi jkun garantit b’mod effiċjenti fit-territorju kollu ta’ kull Stat Membru. Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjoni li tirrikjedi li l-istati jistabbilixxu u jimplimentaw protokolli speċifiċi dwar l-organizzazzjoni tas-servizzi u l-azzjonijiet skont id-Direttiva. Madankollu, ser ikun kruċjali li l-Kummissjoni timmonitorja l-effiċjenza ta’ dawk il-protokolli, u tiżviluppa metodi biex tivvaluta l-kwalità tas-servizzi.

5.5.

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni nnota l-kwistjoni tal-finanzjament, fil-każi fejn in-nuqqas ta’ riżorsi jkun minimu meta mqabbel mal-ħtieġa li jiġu protetti l-vittmi, speċjalment għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jallokaw biżżejjed fondi għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva u biex il-Kummissjoni tiggarantixxi li l-finanzjament tal-UE jissaħħaħ u jintuża biex tiġi implimentata.

5.6.

Il-KESE jinnota b’mod pożittiv il-proposta dwar il-provvista ta’ data u statistika. Sabiex jiġi żgurat il-ġbir ta’ data komparabbli, il-KESE jqis li huwa importanti li l-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fil-ġbir tad-data, inkluż fit-tfassil ta’ standards komuni, fid-diżaggregazzjoni u fil-formati ta’ rapportar. Huwa ssuġġerit li l-istħarriġ dwar il-vittmi fl-Istati Membri għandu jitwettaq skont il-metodoloġija unifikata miftiehma biex tiġi żvelata s-sitwazzjoni reali tal-vittimizzazzjoni, u d-data mill-istħarriġ inkluża fil-formati standardizzati ta’ rappurtar. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkludi s-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi u l-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp ta’ standards komuni u formati ta’ rapportar permezz tal-Pjattaforma tad-Drittijiet tal-Vittmi u billi tinvolvi lin-Network Ewropew dwar id-Drittijiet tal-Vittmi. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda diżaggregazzjoni usa’ tad-data, inkluż skont id-diżabilità, l-etniċità u l-orjentazzjoni sesswali fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli u żvelata mill-vittmi.

Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).

(2)  Id-Direttiva tapplika għall-Istati Membri kollha tal-UE, ħlief għad-Danimarka li għażlet li ma tipparteċipax.

(3)  COM(2020)188 final (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2020:188:FIN).

(4)  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_23_3724

(5)  B’mod partikolari, nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 17(3) dwar l-iżgurar li l-ilment jiġi trażmess mingħajr dewmien lill-Istat li fih ikun twettaq ir-reat kriminali.

(6)  https://victim-support.eu/news/joint-statement-for-european-day-for-victims-of-crime/

(7)   ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.

(8)   ĠU C 341, 24.8.2021, p. 50.

(9)  L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), “Underpinning victims' rights: support services, reporting and protection” (Insostnu d-drittijiet tal-vittmi: servizzi ta’ appoġġ, rapportar u protezzjoni [mhux disponibbli bil-Malti]) (2023): Ir-rapport żvela li l-ħaddiema migranti ftit li xejn għandhom kuntatt ma’ persuni barra l-post tax-xogħol tagħhom, u ma għandhom l-ebda informazzjoni dwar l-għajnuna li jistgħu jirċievu meta jisfaw vittmi ta’ sfruttament sever.

(10)  L-Artikolu 10b tad-Direttiva riveduta jirreferi biss għal informazzjoni dwar deċiżjonijiet meħuda fi proċedimenti tal-qorti li jaffettwaw lill-vittmi “direttament”.

(11)  Emenda tal-Artikolu 22(7).

(12)  L-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi wissew li l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet individwali mhux dejjem titwettaq. Ara d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni SWD(2022) 179 final (Evalwazzjoni tad-Direttiva 2012/29/UE) (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52022SC0179); paġna 70; l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali nnotat li l-pulizija ta’ spiss tonqos milli twettaq il-valutazzjoni b’mod sistematiku u regolari. L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, “Underpinning victims’ rights: support services, reporting and protection” (Insostnu d-drittijiet tal-vittmi: servizzi ta’ appoġġ, rapportar u protezzjoni [mhux disponibbli bil-Malti]) (2023), paġna 40.

(13)   ĠU C 349, 29.9.2023, p. 100.

(14)  COM(2020) 710 final (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52020DC0710).

(15)  COM(2021) 759 final (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52021PC0759).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1592/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)