31993D0583



Official Journal L 279 , 12/11/1993 P. 0039 - 0041
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 13 P. 0071
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 13 P. 0071


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-28 ta' Lulju 1993

li tistabbilixxi l-lista ta' prodotti stipulata fl-Artikolu 8 ta' Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93

(93/583/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 tat-8 ta' Frar 1993 dwar l-istħarriġ fuq il-konformità mar-regoli tas-sigurtà tal-prodotti, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu [1],

Billi Regolament (KEE) Nru 339/93 jistipula li l-Kummissjoni għandha tnizżel lista tal-prodotti li l-aktar jintlaqtu mit-tieni inċis ta' l-Artikolu 2, b'mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 9;

Billi din il-lista għandha tinkiteb u tinżamm sa llum fuq il-bażi ta' esperjenza u/jew ir-regoli fuq is-sigurtà ta' prodotti u fl-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji;

Billi ħareġ mix-xogħol preparatorju dwar dak ir-Regolament u mix-xogħol dwar it-tneħħija ta' kontrolli fil-fruntieri interni li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikulari lil ġugarelli, prodotti mediċinali u prodotti ta' l-ikel ghal dik li hi konformità mar-regoli tas-sigurtà ta' prodotti;

Billi l-ġugarelli huma prodotti maħsubin għal kategorija ta' konsumaturi partikolarment vulnerabbli li, minħabba l-aġir normali tat-tfal, ma jagħtux ‘l-attenzjoni tas-soltu' li jagħtu konsumaturi adulti;

Billi prodotti mediċinali u prodotti ta' l-ikel huma kategorija ta' prodotti li l-konsum tagħhom tinfluwenza direttament ħafna s-saħħa tal-konsumaturi tagħhom;

Billi huwa għalhekk neċessarju li ġugarelli, prodotti mediċinali u prodotti ta' l-ikel jiġu nklużi fil-lista ta' prodotti partikolarmnet koperti mit-tieni inċis ta' l-Artikolu 2 ta' Regolament (KEE) Nru 339/93;

Billi l-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 9 ta' l-imsemmi Regolament,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lista ta' prodotti partikolarment koperti mit-tieni inċis ta' l-Artikolu 2 ta' Regolament (KEE) Nru 339/93 trid tinkludi l-kategoriji ta' prodotti li ġejjin:

- ġugarelli,

- prodotti mediċinali għall-użu uman,

- prodotti mediċinali veterinarji;

- prodotti ta' l-ikel,

regolati mir-regoli Komunitarji li d-dispożizzjonijiet prinċipali tagħhom, għal għanijiet ta' informazzjoni, huma msemmija fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet li adottaw sabiex jimplementaw din id-Deċiżjoni fi żmien xahar mill-avviż tagħha.

Il-Kummissjoni għandha tavża l-Istati Membri l-oħra dwar dawn id-dispożizzjonijiet.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-28 ta' Lulju 1993.

Għall-Kummissjoni

Raniero Vanni d'Archirafi

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 40, 17.2.1993, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

REGOLI KOMUNITARJI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1

Ġugarelli: Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE [1]

Punti prinċipali:

Il-ġugarelli koperti minn din id-Deċiżjoni huma deskritti fl-Artikolu 1 ta' Direttiva 88/378/KEE dwar l-approsimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar is-sigurtà tal-ġugarelli: l-Anness I ta' dik id-Direttiva telenka dawk il-prodotti li mhux meqjusa bħala ġugarelli fis-sens tad-Direttiva.

Regoli Komunitarji kienu jeħtieġu li l-ġugarelli jew li l-imballaġġ tagħhom ikollhom il-marka "KE", b'mod konformi ma' l-Artikolu 11 ta' Direttiva 88/378/KEE.

Peress li din id-Direttiva tapplika għal ġugarelli li jiddaħħlu fuq is-suq għal dan il-għan, il-marka KE tinħtieġ biss fuq:

- prodotti lesti li,

- huma ippreżentati b'mod (imballaġġ, immarkar, ittikkettjar) li jindika li għandhom jiddaħħlu fuq is-suq mingħajr aktar ipproċessar.

Prodotti mediċinali: Direttiva tal-Kunsill 75/319/KEE [2] u 81/851/KEE [3]

Punti prinċipali:

Dwar il-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 75/319/KEE kif emendata jistipula li l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw li l-produzzjoni ta' prodotti mediċinali propjetarji hiġa soġġetta għal awtorizzazzjoni (…)', u żżid li l-awtorizzazzjoni "tinħtieġ wkoll għal dawk importati fi Stat Membru li huma ġejjin minn pajjiżi terzi".

L-Artikolu 24 tad-Direttiva 81/851/KEE kif emendata għandha dispożizzjonijiet bħalha għall-prodotti mediċinali veterinarji.

Il-kwistjoni ta' l-awtorizzazzjoni tiddependi fuq il-kapaċità u l-obbligazzjoni tal-produttur u/jew l-impurtatur li jwettaq numru ta' analiżi sabiex jiżgura li l-prodotti mpurtati jħarsu r-regoli dwar il-bejgħ.

Peress illi s-sistema ta' awtorizazzjoni tagħmilha obbligatorja li kull prodott mediċinali impurtat jiġi analizzat, l-awtoritajiet tad-dwana jistgħu, in ġenerali, jillimitaw il-kontroll tagħhom ta' dawn il-prodotti sal-verifika tal-eżistenza ta' l-awtorizazzjoni msemmija (b'mod konformi ma' Direttiva 75/319/KEE u 81/851/KEE).

Prodotti ta' l-ikel: Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE [4]

Punti prinċipali:

L-Artikolu 11 ta' Direttiva 79/112/KEE kif emendata dwar l-ittikketjar, il-preżentazzjoni u ir-riklamar ta' prodotti ta' l-ikel tistipula b'mod partikolari li l-imballaġġ ta' barra ta' prodotti ta' l-ikel f'imballaġġ minn qabel mibjugħa qabel il-bejgħ tagħhom lill-aħħar konsumatur jew maħsuba għar-ristoranti, sptarijiet jew bejjiegħa tal-massa bħal dawn iridu jkollhom għallanqas il-partikolari stipulati f'subparagrafi (1), (4) u (6) ta' l-Artikolu 3(1) u, fejn hu xieraq fl-Artikolu 9a. Il-partikolarijiet ta' bilfors huma: l-isem li jġib il-prodott, id-data ta' kemm idum l-anqas jew, għal prodotti ta' l-ikel li jeħżienu malajr, id-data bil-kliem "uża qabel" qabel b'deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet ta' ħżin wara, l-isem jew l-isem kummerċjali u l-indirizz tal-produttur, jew ta' min jippakkja, jew ta' bejjiegħ stabbilit fil-Komunità.

Il-partikolaritajiet l-oħrajn ta' l-ittikjettar stipulati minn mid-Direttiva 79/112/KEE jistgħu jidhru biss fuq id-dokumenti kummerċjali li jiġu mal-prodotti ta' l-ikel, jew mibgħuta qabel jew fl-istess ħin tal-kunsinna.

Il-preżenza tar-rekwiżiti minimi dwar l-isem, id-data, u l-isem jew l-isem kummerċjali u l-indirizz tal-produttur jew ta' min jippakkja jew ta' bejjiegħ stabbilit fil-Komunità hija essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-prodott preżentat lill-konsumatur finali jkun ittikkjettat b'mod konformi bid-Direttiva 79/112/KEE, li għandu l-għan li jħares u li jinforma l-konsumaturi.

Il-kontrolli mill-awtoritajiet tad-dwana dwar il-preżenza ta' dawn il-partikolarijiet obbligatorji jistgħu jinġabru kif ġej:

- għandhom jikkunsidraw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 79/112/KEE, b'mod partikolari dawk dwar l-isem tal-prodott, id-data, u l-isem tal-persuna responsabbli għall-bejgħ tiegħu, u l-eżenzjonijiet stipulati (per eżempju l-Artikolu 9(6) dwar it-twarrib tar-rekwiżit tad-data);

- l-istħarriġ irid jitwettaq biss fuq prodotti ta' l-ikel f'imballaġġ minn qabel maħsubin għall-konsumatur finali (prodott ta' l-ikel f'imballaġġ minn qabel fis-sens tad-deskrizzjoni ta' l-Artikolu 1(3)(b) m'għandux għalfejn ikollu l-informazzjoni kollha fuq it-tikketti stipulata fid-Direttiva 79/12/KEE jekk il-partikolari minimi ta' bilfors imsemmina fuq jidhru fuq l-imballaġġ ta' barra).

[1] ĠU L 187, 16.7.1988, p. 1.

[2] ĠU L 147, 9.6.1975, p. 13.

[3] ĠU L 317, 6.11.1981, p. 1.

[4] ĠU L 33, 8.2.1979, p. 1.

--------------------------------------------------