9.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 206/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1439

tat-8 ta' Awwissu 2017

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1019 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti żbarri u vireg li jirrinforzaw il-konkos li joriġinaw mir-Repubblika tal-Belarussja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”), fl-20 ta' Diċembru 2016 imponiet dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti żbarri u vireg li jirrinforzaw il-konkos li joriġinaw mir-Repubblika tal-Belarussja (“il-Belarussja”) permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2303 (2) (“ir-Regolament proviżorju”).

(2)

Il-prodott suġġett għal dazji antidumping proviżorji ġie definit bħala “ċerti żbarri u vireg li jirrinforzaw il-konkos, tal-ħadid jew tal-azzar li mhuwiex liga, mhux iktar maħdum milli mikwi, irrumblat bis-sħana, jew estrużi bis-sħana, iżda inklużi dawk milwija wara l-irrumblar u wkoll dawk li fihom għafsiet, kustilji, skanalaturi jew deformazzjonijiet oħrajn magħmulin waqt il-proċess tal-irrumblar, li joriġinaw mill-Belarussja u li bħalissa huma kklassifikati fi ħdan il-kodiċijiet tan-NM ex 7214 10 00, ex 7214 20 00, ex 7214 30 00, ex 7214 91 10, ex 7214 91 90, ex 7214 99 10, ex 7214 99 71, ex 7214 99 79 u ex 7214 99 95. L-iżbarri u l-vireg li jirrinforzaw il-konkos tal-ħadid jew tal-azzar b'reżistenza għolja għar-reħi huma esklużi”.

(3)

Ir-rata tad-dazju antidumping proviżorju applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel mad-dazju ġie stabbilit fil-livell ta' 12,5 %.

(4)

Il-Kummissjoni sussegwentement, fis-17 ta' Ġunju 2017, imponiet dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti żbarri u vireg li jirrinforzaw il-konkos li joriġinaw mill-Belarussja permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1019 (3) (“ir-Regolament definittiv”).

(5)

Il-prodott suġġett għal dazji antidumping definittivi ġie definit bħala “ċerti żbarri u vireg li jirrinforzaw il-konkos, tal-ħadid jew tal-azzar li mhuwiex liga, mhux iktar maħdum milli mikwi, irrumblat bis-sħana, jew estrużi bis-sħana, iżda inklużi dawk milwija wara l-irrumblar u wkoll dawk li fihom għafsiet, kustilji, skanalaturi jew deformazzjonijiet oħrajn magħmulin waqt il-proċess tal-irrumblar, li joriġinaw mill-Belarussja u li bħalissa huma kklassifikati fi ħdan il-kodiċijiet tan-NM ex 7214 10 00, ex 7214 20 00, ex 7214 30 00, ex 7214 91 10, ex 7214 91 90, ex 7214 99 10 u ex 7214 99 95. L-iżbarri u l-vireg li jirrinforzaw il-konkos tal-ħadid jew tal-azzar b'reżistenza għolja għar-reħi u prodotti twal oħrajn, bħalma huma żbarri tondi huma esklużi”.

(6)

Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel mad-dazju ġie stabbilit fil-livell ta' 10,6 %.

(7)

L-Artikolu 2 tar-Regolament definittiv ippreveda l-ġbir definittiv tal-ammonti garantiti permezz ta' dazji antidumping proviżorji skont ir-Regolament proviżorju. Madankollu, ir-Regolament ma ppevediex b'mod espliċitu r-rilaxx tal-ammonti garantiti li jaqbżu r-rata definittiva u l-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri antidumping għall-prodott, li fid-dawl tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament bażiku li kien ikun xieraq.

(8)

L-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1019 jinħtieġ għaldaqstant li ssirlu l-korrezzjoni adegwata.

(9)

Id-dispożizzjoni kkoreġuta jinħtieġ li tapplika mid-data li fiha r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1019 daħal fis-seħħ.

(10)

L-emenda prevista f'dan ir-Regolament hija skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1019 huwa kkoreġut kif ġej:

“L-ammonti garantiti bħala dazji antidumping proviżorji skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2303 għandhom jinġabru b'mod definittiv. L-ammonti garantiti li jaqbżu r-rata definittiva u l-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri antidumping għall-prodott għandhom jiġu rilaxxati.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikolu 1 għandu japplika mit-18 ta' Ġunju 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2303 tad-19 ta' Diċembru 2016 li jimponi dazju antidumping proviżorju li jikkonċerna importazzjonijiet ta' ċerti żbarri u vireg li jirrinforzaw il-konkos li joriġinaw mir-Repubblika tal-Belarussja (ĠU L 345, 20.12.2016, p. 4).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1019 tad-16 ta' Ġunju 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti żbarri u vireg li jirrinforzaw il-konkos li joriġinaw mir-Repubblika tal-Belarussja (ĠU L 155, 17.6.2017, p. 6).