European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1717

6.8.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1717

tal-5 ta’ Awwissu 2025

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ karta dekorattiva li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 9(4) tiegħu ,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fl-14 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) nediet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ karta dekorattiva li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika tal-Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment imressaq fit-2 ta’ Mejju 2024 minn erba’ produtturi tal-Unjoni tal-karta dekorattiva (“l-ilmentaturi”). L-ilment sar mill-industrija tal-Unjoni tal-karta dekorattiva fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Reġistrazzjoni

(3)

Il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2718 (“ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”) (3).

1.3.   Miżuri proviżorji

(4)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fis-16 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji proposti u b’dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u l-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar l-akkuratezza tal-kalkoli fi żmien 3 ijiem tax-xogħol.

(5)

Fl-14 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ karta dekorattiva li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/291 (4) (“ir-Regolament provviżorju”).

1.4.   Proċedura sussegwenti

(6)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping provviżorju (“id-divulgazzjoni provviżorja”), diversi partijiet ressqu sottomissjonijiet bil-miktub li fihom għamlu magħrufa l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji fiż-żmien stipulat mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament provviżorju. Dawn jinkludu:

—

l-ilmentaturi;

—

l-utenti tal-prodott: Interprint GmbH;

—

l-assoċjazzjonijiet tal-industrija: L-Assoċjazzjoni Nazzjonali Ċiniża tal-Industrija tal-Prodotti tal-Foresta (“CNFPIA”, China National Forest Products Industry Association);

—

il-produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun: Hangzhou Huawang New Material Technology Co. Ltd (“HUAWANG”) u Kingdecor Zhejiang Co. Ltd., (“KINGDECOR”).

(7)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ mas-CNFPIA, mal-ilmentaturi u ma’ KINGDECOR.

(8)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala neċessarja għas-sejbiet finali tagħha. Meta waslet għas-sejbiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet provviżorji tagħha meta kien xieraq.

(9)

Il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kellha l-ħsieb li timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ karta dekorattiva li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali.

(10)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw ukoll din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ mal-ilmentaturi u ma’ Kingdecor.

1.5.   Affermazzjonijiet dwar il-bidu

(11)

Fis-27 ta’ Jannar 2025, is-CNFPIA ssottomettiet kummenti b’reazzjoni għas-sottomissjoni tal-ilmentaturi tas-27 ta’ Awwissu 2024. Madankollu, il-kummenti tas-CNFPIA ġew sottomessi f’punt meta ma kienx għadu fattibbli li jiġu inkorporati fl-istadju provviżorju tal-proċess. Barra minn hekk, il-kummenti tagħhom kienu jikkonċernaw is-sottomissjoni tal-ilmentaturi bi tweġiba għas-sottomissjonijiet tal-partijiet interessati oħrajn fl-istadju tal-bidu, u b’hekk koprew fil-maġġoranza tagħhom aspetti relatati mal-ilment. Minħabba l-fatturi msemmija hawn fuq, dawn il-kummenti ġew injorati fl-istadu provviżorju minħabba li dawn is-sottomissjonijiet ma kinux se jaffettwaw is-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni f’dan l-istadju.

(12)

Fir-rigward tal-affermazzjoni tas-CNFPIA li s-sottomissjoni tal-ilmentaturi tas-27 ta’ Awwissu 2024 kellha tiġi miċħuda mill-Kummissjoni, minħabba li ġiet sottomessa wara l-iskadenza ta’ 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tan-Notifika tal-Bidu (5), il-Kummissjoni enfasizzat li filwaqt li l-kummenti tal-ilmentaturi saru disponibbli fil-fajl miftuħ, dawn ma ġewx ikkunsidrati fir-risposti tal-Kummissjoni għall-kummenti dwar il-bidu fir-regolament provviżorju. Fi kwalunkwe każ, la s-sottomissjoni tal-ilmentaturi tas-27 ta’ Awwissu 2024, u lanqas is-sottomissjoni tas-CNFPIA tas-27 ta’ Jannar 2025, ma kienu se jaffettwaw is-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fi stadju provviżorju, minħabba li ż-żewġ sottomissjonijiet kienu jikkonċernaw is-sejbiet tal-ilment.

(13)

B’hekk, il-Kummissjoni żammet il-konklużjoni tagħha fil-premessi (7) sa (13) tar-Regolament provviżorju.

1.6.   Kampjunar

(14)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha fil-premessi (14) sa (19) tar-Regolament provviżorju.

1.7.   Tweġibiet għall-kwestjonarju u żjarat ta’ verifika

(15)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (20) sa (23) tar-Regolament provviżorju.

1.8.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

(16)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (24) tar-Regolament provviżorju.

2.   PRODOTT TAĦT INVESTIGAZZJONI, PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(17)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (25) sa (30) tar-Regolament provviżorju.

3.   DUMPING

3.1.   Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku

(18)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CNFPIA tenniet il-kummenti tagħha li l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku f’dan il-każ kienet inkonsistenti mal-Ftehim dwar l-Anti-dumping (“ADA”, Anti-Dumping Agreement) u ma għandhiex tiġi applikata, minħabba li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi biżżejjed evidenza biex turi l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-settur Ċiniż tal-karta dekorattiva.

(19)

Kif diġà ġie ddikjarat fil-premessa (37) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni fakkret li, skont l-Artikolu 2(6a)(a), it-tielet inċiż, tar-Regolament bażiku, ladarba l-Kummissjoni sabet li jeżistu distorsjonijiet sinifikanti, jistgħu jintużaw kostijiet domestiċi, iżda biss sa fejn ikunu stabbiliti b’mod pożittiv li ma humiex distorti, abbażi ta’ evidenza akkurata u xierqa. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegata applikazzjoni inkonsistenti tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament Bażiku f’dan il-każ u l-inkompatibbiltà tiegħu mal-ADA tad-WTO, il-Kummissjoni rreferiet għal spjegazzjoni għat-Taqsimiet 3.2.1.9 u 3.2.1.10 tar-Regolament provviżorju.

(20)

Għalhekk, is-sejbiet provviżorji tal-Kummissjoni fil-premessa (41) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.2.   Valur normali

3.2.1.   Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

(21)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Kummissjoni ma rċevietx kummenti ġodda rigward l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti. Għalhekk, is-sejbiet provviżorji tal-premessi (142) sa (144) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.2.2.   Pajjiż rappreżentattiv

(22)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Interprint GmbH ikkummentat rigward l-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv li l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni, il-prezzijiet tal-enerġija u tal-materja prima u l-istrutturi tal-pagi fit-Tajlandja ma humiex komparabbli ma’ dawk fiċ-Ċina. Madankollu, din l-affermazzjoni ma ġietx issostanzjata b’evidenza.

(23)

Għalhekk, is-sejbiet provviżorji fil-premessa (157) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.2.3.   Sorsi biex jiġu stabbiliti l-kostijiet mhux distorti

3.2.3.1.   Materja prima

(24)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Kingdecor argumentat li l-Kummissjoni trid tuża l-kost tad-diossidu tat-titanju (“TiO2”) importat minn Kingdecor bħala valur surrogat għat-TiO2 mixtri domestikament, minħabba li l-prodotti importati u mixtrija domestikament huma l-istess u minħabba li Kingdecor importat sehem sinifikanti tat- TiO2 tagħha minn pajjiżi li ma humiex soġġetti għal distorsjonijiet.

(25)

Kingdecor argumentat li xtrat it-TiO2 domestiku b’purità ta’ ’l fuq minn 90 %, u li t-TiO2 mixtri minn Chemours fil-Messiku u Kronos fil-Ġermanja kellu kontenut simili ta’ TiO2. Barra minn hekk, karatteristiċi oħrajn tat-TiO2 importat kienu komparabbli ma’ dawk tat-TiO2 mixtri domestikament. B’riżultat ta’ dan, il-prezz tat-TiO2 importat huwa rappreżentattiv ta’ dak mixtri fis-suq domestiku.

(26)

L-ilmentaturi argumentaw li ma jkunx xieraq li jintużaw il-prezzijiet li bihom Kingdecor importat it-TiO2, u li l-argumenti ta’ Kingdecor kienu bbażati fuq interpretazzjoni skorretta tal-liġi u kienu qarrieqa. L-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku jiddikjara li jekk ma jkunx xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti, il-Kummissjoni trid tibni l-valur normali esklussivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mhux distorti.

(27)

L-ilmentaturi argumentaw ukoll li d-dikjarazzjoni ta’ Kingdecor li t-TiO2 importat mit-Tajwan, mill-Messiku u mill-Ġermanja kien “eżattament l-istess bħal dak miksub domestikament”, kienet fattwalment skorretta, minħabba li Kingdecor naqset milli tqis żewġ karatteristiċi importanti tat-TiO2, jiġifieri jekk it-TiO2 kienx prodott skont il-proċess tas-sulfat jew tal-klorur u t-trattament tas-superfiċje tal-molekula. Barra minn hekk, anki l-produtturi tat-TiO2 ta’ “kwalità ogħla” fiċ-Ċina għadhom meqjusa bħala ta’ livell aktar baxx meta mqabbla mal-produtturi globali fit-Tajwan, fil-Messiku u fil-Ġermanja. Huwa biss it-TiO2 li ġie ttrattat b’mod speċifiku li għandu l-karatteristiċi speċifiċi li jagħmluh xieraq biex jintuża f’applikazzjonijiet b’karta dekorattiva. Dawn il-gradi jissejħu TiO2 ta’ grad laminat.

(28)

L-ilmentaturi argumentaw ukoll li l-produtturi tal-karta dekorattiva ma jistgħux jaqilbu liberament bejn it-TiO2 tal-grad ta’ klorur u ta’ sulfat. It-TiO2 tal-grad ta’ klorur tipikament ikollu kulur aktar blu, filwaqt li t-TiO2 tal-grad ta’ sulfat għandu tonalitajiet aktar sofor. In-nuqqas ta’ sostitwibbiltà bejn iż-żewġ gradi, qabel, wassal lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li s-suq għat-TiO2 ibbażat fuq il-klorur biex jintuża fil-laminat tal-karti jikkostitwixxi suq tal-prodotti separat. Konsegwentement, il-prodotti manifatturati f’konformità mal-proċess tas-sulfat ma jistgħux jitqiesu bħala “eżattament l-istess” bħall-prodotti manifatturati f’konformità mal-proċess tal-klorur.

(29)

Fl-aħħar nett, l-ilmentaturi argumentaw li, anke jekk Kingdecor kellha tuża esklussivament it-TiO2 tal-grad ta’ klorur—li l-produtturi tal-Unjoni qiesu li huwa improbabbli ħafna—it-TiO2 tal-grad ta’ klorur miksub domestikament fir-RPĊ ma jistax jitqabbel mal-prodotti ta’ kwalità għolja importati minn xi mkien ieħor. Huma pprovdew pubblikazzjonijiet esperti tas-suq, li ddikjaraw li l-produtturi globali ta’ prodotti ta’ kwalità għolja jenħtieġ li jitqiesu bħala produtturi tal-Grad 1. Hija qieset ukoll li l-prodotti manifatturati minn dawn il-produtturi huma “ta’ kwalità għolja”. Il-produtturi tat-TiO2 tal-grad ta’ laminat li jesportaw mit-Tajwan, mill-Ġermanja u mill-Messiku, jiġifieri Kronos u Chemours, issemmew b’mod espliċitu bħala parti minn dan il-grad. B’kuntrast għal dan, il-produtturi Ċiniżi ta’ “TiO2 ta’ kwalità ogħla” tqiesu biss bħala produtturi tal-Grad 2.

(30)

Mill-bidu nett, il-Kummissjoni nnotat li dawn l-affermazzjonijiet jikkontradixxu s-sejbiet li saru fil-premessa (167) tar-Regolament provviżorju li l-kumpanija affermat b’suċċess u appoġġat b’biżżejjed evidenza vverifikata fuq il-post li hija importat kwalitajiet ta’ diossidu tat-titanju li ma kinux disponibbli fiċ-Ċina. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ xi evidenza ġdida jew evidenza vverifikata fuq il-post li tikkontradixxi dawn is-sejbiet, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni. Mingħajr preġudizzju għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni indirizzat ukoll l-affermazzjoni fuq is-sustanza. Kif konkluż fil-premessi 25, 51 u 57 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1923 tal-10 ta’ Lulju 2024 (6), il-Kummissjoni tikkunsidra li tipi differenti ta’ TiO2 jikkondividu l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi u ma humiex ikkunsidrati bħala prodotti differenti. Is-sejba korrispondenti ġiet ikkonfermata fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/4 tas-17 ta’ Diċembru 2024 (7).

(31)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li, filwaqt li Kingdecor ipprovdiet evidenza li l-kwalità tat-TiO2 manifatturat domestikament żdiedet fl-aħħar snin u li diversi speċifikazzjonijiet tekniċi kienu komparabbli bejn it-TiO2 miksub domestikament u t-TiO2 li importat, partijiet oħrajn ippreżentaw evidenza li l-parteċipanti fis-suq xorta jikkunsidraw li għad hemm differenzi fil-kwalità u jkomplu jiddifferenzjaw bejn il-produtturi tal-Grad 1 u l-produtturi tal-Grad 2.

(32)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li huwa akkurat li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet ta’ Kingdecor ma jitqisux bħala parametru referenzarju, iżda li l-valur normali jinbena esklussivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ, li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mhux distorti mill-pajjiż rappreżentattiv.

(33)

Ma wasal l-ebda kumment ieħor rigward il-materja prima. Għalhekk, is-sejbiet provviżorji u l-konklużjonijiet provviżorji fil-premessi (163) sa (169) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

(34)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Kingdecor tenniet li ma hemm l-ebda differenza fil-kwalità bejn it-TiO2 prodott fir-RPĊ u xi mkien ieħor, u li l-karatteristiċi tal-prodott u l-proċessi tal-produzzjoni kienu kważi identiċi. B’appoġġ għal din l-affermazzjoni huma ssottomettew aktar data fil-forma ta’ analiżi tal-laboratorju. Barra minn hekk, Kingdecor sostniet l-argument li hija użat l-aktar it-TiO2 prodott permezz tal-proċess tal-klorur minflok il-proċess tas-sulfat li jiġġenera kwalità aktar baxxa, u indikat li pprovdiet id-dokumentazzjoni ta’ sostenn rilevanti fis-sottomissjoni tagħha tat-28 ta’ Marzu 2025. Fl-aħħar nett, Kingdecor argumentat li mhuwiex loġiku li jkun hemm prezz referenzjarju għall-prodott domestiku ta’ kwalità aktar baxxa li jkun ogħla mill-prezz għall-kwalità ogħla tat-TiO2 importat.

(35)

Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni u rreferiet għall-premessi (30) sa (32) hawn fuq. Il-parametru referenzjarju użat kien jirrifletti l-kost korrispondenti fit-Tajlandja, li tqies bħala l-pajjiż rappreżentattiv xieraq. Il-fatt li l-prezz referenzjarju użat għat-TiO2 kien ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjoni ta’ Kingdecor ta’ kwalità allegatament ogħla ma għamilx dan il-parametru referenzjarju mhux preċiż. Jista’ jkun hemm ħafna raġunijiet għad-differenzi fil-prezzijiet, mhux neċessarjament marbuta ma’ kwistjonijiet ta’ kwalità. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li huwa preċiż li l-valur normali jinħadem esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni mit-Tajlandja, u li ma jiddevjax minn din il-metodoloġija għal materjal ta’ input wieħed għall-unika raġuni li Kingdecor importat it-TiO2 minn pajjiżi oħra.

(36)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Kingdecor sostniet li hemm asimmetrija fil-metodoloġija tal-Kummissjoni, meta taċċetta l-kostijiet reali tat-trasport domestiku min-naħa tal-esportazzjonijiet, iżda min-naħa tat-trasport domestiku tal-materja prima hija kkalkulat mill-ġdid l-ammonti rrapportati mill-produtturi.

(37)

Il-Kummissjoni qieset li r-rekwiżiti tal-Artikolu 2(6a) ġew issodisfati, u li l-valur normali nħadem abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni. Il-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni lura għal-livell mill-fabbrika huwa kwistjoni differenti, mhux koperta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

3.2.3.2.   Fatturi oħrajn tal-produzzjoni

(38)

Ma wasal l-ebda kumment rigward il-fatturi l-oħrajn tal-produzzjoni (xogħol, elettriku u stim). Għalhekk, is-sejbiet provviżorji u l-konklużjonijiet provviżorji fil-premessi (170) sa (172) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.2.3.3.   Kostijiet ġenerali tal-manifattura, SG&A u profitti

(39)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Kingdecor argumentat li l-parametri referenzjarji tal-SG&A użati mill-Kummissjoni jkun fihom spejjeż tal-bejgħ dirett u li għal tqabbil ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali maħdum, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-ispejjeż tal-bejgħ dirett jitnaqqsu mill-valur normali maħdum. Kingdecor irreferiet għar-rapporti finanzjarji annwali ta’ kumpanija Tajlandiża waħda inklużi fil-parametru referenzjarju miksub ta’ Orbis, u għall-paġna web tat-tieni kumpanija, li indikat li l-kumpaniji joffru trasport.

(40)

B’reazzjoni għall-kummenti ta’ Kingdecor, l-ilmentaturi argumentaw li l-parametri referenzjarji tal-SG&A fil-kostruzzjoni tal-valur normali għal Kingdecor ma kinux jeħtieġu aġġustament, minħabba li Kingdecor ma ssodisfatx l-oneru tal-prova tagħha. L-ilmentaturi jargumentaw li filwaqt li Kingdecor tiċċita ċerti siltiet mis-siti web u d-dokumenti interni tal-produtturi Tajlandiżi b’appoġġ għat-talba tagħha għal aġġustament, dawk ir-referenzi, madankollu, ma jagħtux prova li l-ispejjeż diretti huma inklużi taħt “spejjeż operatorji oħrajn” ta’ bosta minn dawk il-produtturi Tajlandiżi. Ritratti pprovduti minn Kingdecor mis-siti web ta’ Siam Kraft Industry u Thai Containers Group juru biss “servizzi”, li ma jagħtux prova li dawn il-kostijiet huma mġarrba għat-trasport tal-prodott ikkonċernat mill-bini tal-esportatur lil xerrej indipendenti, u lanqas ma jagħtu prova li dawn il-kostijiet huma inklużi taħt “spejjeż operatorji oħrajn”. Is-silta minn SIG Combibloc iċċitata minn Kingdecor tirrigwardja r-rapportar ambjentali u, b’mod aktar speċifiku, l-emissjonijiet tal-ambitu 3. Dawn l-emissjonijiet jirriżultaw minn attivitajiet minn assi li ma humiex proprjetà ta’ jew ikkontrollati mill-organizzazzjoni tar-rapportar, iżda li jaffettwaw il-katina tal-valur tagħha b’mod indirett. Il-kuntest tar-rapportar ambjentali huwa differenti b’mod sinifikanti mir-rapportar finanzjarju li huwa rilevanti għall-kostruzzjoni tal-valur normali. Għalhekk, is-silta ma tistax tiġi aċċettata bħala prova li l-“ispejjeż operatorji l-oħrajn” jinkludu wkoll l-ispejjeż tal-bejgħ dirett.

(41)

Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument li l-parametri referenzjarji tal-SG&A jinkludu l-kost tal-bejgħ dirett fil-forma ta’ kostijiet tat-trasport. Kingdecor ma pprovdietx biżżejjed evidenza li l-kostijiet tal-bejgħ u tat-trasport kienu tabilħaqq inklużi fid-data referenzjarja ta’ Orbis użata, u lanqas ma pprovdiet xi kwantifikazzjoni għal tali talba.

(42)

Il-Kummissjoni nnotat li l-ebda diżaggregazzjoni ulterjuri ma kienet faċilment disponibbli għall-kostijiet SG&A tal-kumpaniji inkwistjoni meħuda mill-bażi tad-data. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li, fis-sentenza tagħha fis-“CCCME” (8), il-Qorti Ġenerali l-ewwel fakkret li f’konformità mal-ġurisprudenza, jekk parti titlob aġġustamenti skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku sabiex il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni jsiru komparabbli għall-iskop li jiġi ddeterminat il-marġni tad-dumping, dik il-parti trid tagħti prova li t-talba tagħha hija ġustifikata. L-oneru tal-prova li jridu jsiru l-aġġustamenti speċifiċi elenkati fl-Artikolu 2(10)(a) sa (k) tar-Regolament bażiku jaqa’ fuq dawk li jixtiequ jiddependu fuqhom. (9) Minn dan isegwi li, f’dak il-każ, bħal f’din l-investigazzjoni, kienu l-partijiet interessati, f’konformità ma’ dik il-ġurisprudenza, li kellhom juru l-ħtieġa għall-aġġustament mitlub b’appoġġ għall-evidenza li ressqu matul l-investigazzjoni. (10)

(43)

Il-Qorti Ġenerali mbagħad iddeċidiet li jenħtieġ li jiġi nnotat li għalkemm il-prattika li jsiru aġġustamenti tista’ tkun neċessarja, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, sabiex jitqiesu d-differenzi bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali li jaffettwaw il-komparabbiltà tagħhom, tali tnaqqis ma jistax isir fir-rigward ta’ valur li jkun inħadem u li, għalhekk, ma jkunx ġenwin. Dak il-valur ġeneralment ma jiġix affettwat minn fatturi li jistgħu jkunu ta’ dannu għall-komparabbiltà tiegħu, minħabba li jkun ġie stabbilit artifiċjalment. (11) Barra minn hekk, bħal fil-każ tas-CCCME, fil-każ inkwistjoni, il-kostruzzjoni tal-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi ta’ “kif joħroġ mill-fabbrika” kienet tinkludi ammont raġonevoli għall-kostijiet SG&A u ma kien hemm l-ebda informazzjoni disponibbli li turi li l-kostijiet SG&A tal-kumpaniji inkwistjoni kienu jinkludu l-ispejjeż inkwistjoni. Konsegwentement, fid-dawl tad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku (12), l-approċċ tal-Kummissjoni aderixxa mal-aktar ġurisprudenza reċenti dwar affermazzjonijiet mhux issostanzjati li l-ammonti għall-kostijiet SG&A użati fil-kostruzzjoni tal-valur normali skont l-artikolu 2(6a)(a), li huma kkunsidrati mill-Kummissjoni bħala raġonevoli għal-livell tal-kummerċ mill-fabbrika, fihom il-kostijiet tat-trasport.

(44)

Għalhekk, is-sejbiet u l-konklużjonijiet provviżorji fil-premessi (173) sa (176) tar-Regolament provviżorju dwar l-ammont raġonevoli u mhux distort għall-ispejjeż ġenerali tal-manifattura, il-kostijiet u l-profitti tal-SG&A, stabbiliti abbażi tad-data finanzjarja ta’ erba’ kumpaniji Tajlandiżi ġew ikkonfermati.

(45)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Kingdecor argumentat li għal waħda mill-erba’ kumpaniji Tajlandiżi użati għall-kalkolu ta’ kostijiet SGA u marġni ta’ profitt rappreżentattivi, id-data użata ma kinitx preċiża. Il-Kummissjoni aċċettat il-pretensjoni u użat għall-kumpanija Thai Containers Group Company Ltd., marġni ta’ profitt ikkoreġut ta’ 3,82 % (minflok 3,97 %) u kostijiet SGA ta’ 10,68 % (minflok 14,84 %). Dawn il-bidliet irriżultaw fit-tnaqqis tal-marġnijiet tad-dumping b’madwar 0,9 %.

(46)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Kingdecor ipprovdiet aktar informazzjoni dwar id-data awditjata u disponibbli għall-pubbliku ta’ “Double A (1991) Public Company Limited”, waħda mill-erba’ kumpaniji meqjusa biex jiġu kkalkulati l-ammonti raġonevoli medji ponderati għall-kostijiet tal-SGA u għall-marġnijiet għall-profitt, li turi li ċ-ċifri li l-Kummissjoni użat għall-kumpanija kienu jinkludu wkoll il-kostijiet tad-distribuzzjoni (“Bejgħ u distribuzzjoni”).

(47)

Il-Kummissjoni nnotat li, għalkemm id-data l-ġdida pprovduta wriet li l-ispejjeż tad-distribuzzjoni kienu inklużi, l-ammont speċifiku ta’ dawn l-ispejjeż tad-distribuzzjoni ma setax jiġi identifikat fih. Barra minn hekk, ma kienx ċar x’kienu eżattament l-ispejjeż tad-distribuzzjoni taħt din ir-rubrika u l-Kummissjoni ma kellha l-ebda evidenza fil-file li turi li kien fihom biss kostijiet li għalihom sar aġġustament fuq in-naħa tal-esportazzjoni kif spjegat fil-premessi (188) u (189) tar-Regolament provviżorju. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni ma sabitx li l-ammonti stabbiliti abbażi ta’ dawn il-marġnijiet ma kinux raġonevoli għal-livell ta’ kummerċ mill-fabbrika, li fih ġie stabbilit il-valur normali. L-ebda parti interessata ma pprovdiet xi evidenza li tista’ tpoġġi f’dubju din is-sentenza. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(48)

Wara divulgazzjoni finali addizzjonali, l-Ilmentaturi sostnew li s-sors il-ġdid użat għad-data finanzjarja tal-erba’ kumpaniji Tajlandiżi ma kienx affidabbli u sostnew li l-Kummissjoni sabet li dan “ma jistax jintuża”, b’referenza għall-premessa (153) tar-Regolament provviżorju.

(49)

Il-Kummissjoni nnotat li l-premessa (153) tar-Regolament provviżorju rreferiet għad-dokument excel b’data finanzjarja ta’ kumpanija Tajlandiża, ippreżentat mill-ilmentatur. Dan id-dokument ma setax jiġi vverifikat fuq is-sit internet tas-sors u kien ikopri biss is-sena 2022, u mhux il-perijodu ta’ investigazzjoni. L-informazzjoni użata mill-Kummissjoni fi stadju definittiv, li ġiet sottomessa minn Kingdecor, tkopri l-informazzjoni sħiħa ta’ erba’ kumpaniji li jinsabu fl-istess bażi tad-data, li tista’ tiġi aċċessata mid-Dipartiment tal-Kummerċ tad-Dipartiment tal-Iżvilupp tan-Negozju tat-Tajlandja. Barra minn hekk, id-data hija aktar reċenti u għal waħda mill-kumpaniji t-Thai Containers Group — id-data ġiet awditjata, li ma kienx il-każ għall-informazzjoni minn Orbis użata qabel. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

3.2.4.   Kalkolu tal-valur normali

(50)

Huawang innotat li l-Kummissjoni għamlet aġġustament ’il fuq għall-valur normali minħabba l-VAT li ġġarrbet fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni, iżda li ma ġietx irrimborżata, sabiex tagħmel paragun ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Huawang qieset li dan l-aġġustament ma għandux ġustifikazzjoni legali u jenħtieġ li jiġi kkoreġut kif xieraq. Huawang argumentat li l-Kummissjoni ma spjegatx il-bażi legali għal dan l-aġġustament, iżda assumiet li dan sar skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku. Huawang argumentat ukoll li l-aġġustament jista’ jsir biss biex jinnewtralizza fattur li jintwera li jaffettwa l-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel.

(51)

Il-Kummissjoni għamlet l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku għal “Fatturi oħrajn” minħabba li l-prezz tal-esportazzjoni kien jinkludi VAT mhux rimborżabbli u li l-valur normali nħadem skont l-Artikolu 2(6a) nett minn tali VAT rimborżabbli. Dan l-approċċ ġie kkonfermat mill-Qorti Ġenerali f’Sinopec. F’dak il-każ, il-Qorti fakkret l-ewwel li, bħal f’dan il-każ, “il-Kummissjoni […] sabet li l-prezz tal-esportazzjoni tal-prodotti tar-rikorrenti kien jinkludi ammont li jikkorrispondi għall-VAT mhux rimborżabbli, filwaqt li l-valur normali kien ġie maħdum mingħajr VAT, u, min-naħa l-oħra, li dawn iċ-ċirkostanzi kienu jiġġustifikaw li l-valur normali jiġi aġġustat ’il fuq, sabiex jiġi żgurat paragun ġust.”  (13) Abbażi ta’ dan il-fehim, il-Qorti sabet li “l-Kummissjoni wriet in-neċessità li jsir […] aġġustament ikkontestat.” (14) Barra minn hekk, il-Qorti sabet li l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku huwa l-bażi legali xierqa għal dan l-aġġustament. (15)

(52)

Għalhekk, il-premessi (177) sa (181) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

(53)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, fir-rigward tal-metodoloġija tal-Kummissjoni biex jiġi applikat l-aġġustament tal-VAT tal-esportazzjoni ta’ 13 % b’VAT tal-esportazzjoni rimborżabbli ta’ 0 %, Huawang reġgħet issottomettiet l-istess argumentazzjoni dwar il-perċezzjoni tagħha tal-metodoloġija tal-Kummissjoni bħala żbaljata u ppruvat torbotha mar-reġim doganali tal-polpa tal-injam importata (ipproċessar attiv).

(54)

Il-Kummissjoni tenniet li l-aġġustament dwar il-VAT fuq l-esportazzjoni ta’ 13 % fuq il-prodott ikkonċernat ma kienx relatat mar-reġim doganali tal-materja prima (u b’hekk il-VAT fuq il-materja prima). Il-Kummissjoni applikat dan l-aġġustament biex tistabbilixxi tqabbil ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni, li fih VAT mhux rimborżabbli, u l-valur normali, maħdum nett minn tali VAT.

(55)

Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

3.2.5.   Prezz tal-esportazzjoni

(56)

Barra minn hekk, Kingdecor irreferiet għall-premessa (184) tar-Regolament provviżorju, fejn il-Kummissjoni indikat li fl-istadju definittiv tista’ tbiddel l-approċċ tad-determinazzjoni tal-valur normali għall-bejgħ permezz ta’ kumpaniji relatati fl-Unjoni. F’dik il-premessa, il-Kummissjoni rreferiet għall-fatt li kienet għadha ma rċevietx l-informazzjoni kollha dwar il-kost tal-ipproċessar ulterjuri. Kingdecor argumentat li kienet staqsiet lill-Kummissjoni jekk xtaqitx tirċievi tali informazzjoni u, għalhekk, kienet qdiet dmirijietha li tikkoopera. Huma argumentaw li, għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tbiddilx l-approċċ tagħha u tibbaża l-kalkolu tagħha fuq il-prezzijiet tat-trasferiment, li skonthom kienu f’kundizzjonijiet distakkati.

(57)

L-ilmentaturi argumentaw fit-tweġiba tagħhom għall-kummenti li l-bejgħ minn Kingdecor lill-entitajiet relatati tagħha fl-UE ma kienx f’kundizzjonijiet distakkati u li Kingdecor innifisha ammettiet li l-prezzijiet lil xerrejja relatati u indipendenti ma kinux kompletament komparabbli. Huma affermaw li, għalkemm il-kliem fis-sottomissjoni ta’ Kingdecor ma kienx ċar dwar jekk il-prezzijiet ta’ Kingdecor lil xerrejja relatati kinux ogħla jew aktar baxxi, kien ċar mill-prattiki deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni u mill-ġurisprudenza li prezzijiet ogħla jew aktar baxxi jfissru li l-prezzijiet jistgħu jitqiesu bħala mhux affidabbli.

(58)

Il-Kummissjoni qablet li Kingdecor ikkooperat bis-sħiħ u pprovdiet l-informazzjoni neċessarja. Il-Kummissjoni ċċarat li fil-premessa (184) tar-Regolament provviżorju hija indikat li minħabba ż-żmien tal-verifika tal-entitajiet relatati fl-Unjoni, il-Kummissjoni kienet għadha ma talbitx, ma rċevietx u ma vverifikatx il-kostijiet tal-konverżjoni mġarrba f’dawn l-entitajiet qabel il-bejgħ finali. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset provviżorjament il-prezzijiet tat-trasferiment bħala bażi għall-kalkolu tagħha, mingħajr ma kkonfermat li hija kienet se taċċetta l-prezzijiet tat-trasferiment f’kundizzjonijiet distakkati għall-istadju definittiv.

(59)

Wara l-verifika tad-data pprovduta mill-entitajiet relatati ta’ Kingdecor fl-Unjoni, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tikkonferma li dawn it-tranżazzjonijiet kienu distakkati. L-evidenza addizzjonali pprovduta wriet negozjar ġenwin tal-prezzijiet u tal-kundizzjonijiet bejn Kingdecor u l-entitajiet relatati tagħha fl-Unjoni u ċ-ċifri vverifikati wrew li dawn il-prezzijiet innegozjati ma humiex konsistentement aktar baxxi jew ogħla meta mqabbla mal-prezzijiet mitluba lil partijiet mhux relatati. Għalhekk, il-Kummissjoni żammet l-approċċ tagħha biex tiddetermina l-valur normali għall-bejgħ permezz ta’ kumpanija relatata fl-Unjoni u ċaħdet l-argumenti tal-ilmentatur.

(60)

Għalhekk, il-premessi minn (182) sa (184) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

(61)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Kingdecor ikkummentat li l-Kummissjoni għandha tnaqqas il-volumi ta’ oġġetti difettużi mill-kalkolu tagħha tal-prezz tal-esportazzjoni.

(62)

Il-Kummissjoni vverifikat id-data li fuqha hija bbażata din l-affermazzjoni u qablet ma’ dik il-korrezzjoni.

(63)

Wara d-divulgazzjoni finali, Huawang iċċarat li kien hemm għadd doppju peress li r-rata tal-VAT żdiedet mal-valur normali u tnaqqset mill-prezz tal-esportazzjoni fl-istess ħin. Il-Kummissjoni kkonfermat l-iżball u kkoreġietu. Il-marġnijiet il-ġodda ġew divulgati mill-ġdid f’divulgazzjoni finali addizzjonali fis-17.7.2025 u l-partijiet interessati ngħataw skadenza ta’ ġurnata biex jikkummentaw. L-iskadenza kienet konformi mal-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, li jipprevedi li perjodu iqsar minn 10 ijiem “jista’ jiġi stabbilit kull meta jkollha ssir divulgazzjoni finali addizzjonali”.

(64)

Ma ġie pprovdut l-ebda kumment sinifikanti ieħor dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.

3.2.6.   Tqabbil

(65)

Ma wasal l-ebda kumment rigward it-tqabbil. Għalhekk, il-premessi minn (185) sa (189) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

3.3.   Marġnijiet tad-dumping

(66)

Kif deskritt fil-premessa (62), wara l-affermazzjonijiet minn partijiet interessati, il-Kummissjoni aċċettat żewġ affermazzjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni rrevediet il-marġnijiet tad-dumping.

(67)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi espressi bħala perċentwal tal-prezz ta’ kost, assigurazzjoni u nol (CIF, cost, insurance and freight) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv

Hangzhou Huawang New Material Technology Co., Ltd

26,4 %

Kingdecor (Zhejiang) Co., Ltd.

26,9 %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness I

26,6 %

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-RPĊ

26,9 %

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(68)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CNFPIA tenniet l-affermazzjoni preċedenti tagħha li Felix Schoeller u Munksjö, tnejn mill-erba’ ilmentaturi, jenħtieġ li ma jiġux inklużi fid-definizzjoni tal-Industrija tal-Unjoni skont l-Artikolu 4.1 tar-Regolament bażiku minħabba r-relazzjoni tagħhom mal-kumpaniji Ċiniżi. Is-CNFPIA żiedet li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 6.9 tal-Ftehim dwar l-Anti-Dumping (“ADA”, Anti-Dumping Agreement) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO, World Trade Organization) sa fejn ma ddivulgatx id-dettalji tat-tranżazzjonijiet tal-partijiet relatati.

(69)

Il-Kummissjoni fakkret li l-kummenti dwar il-pożizzjoni tal-ilmentaturi u l-kumpaniji relatati tagħhom fir-RPĊ kienu diġà indirizzati u miċħuda fil-premessa (9) tar-Regolament provviżorju. Is-CNFPIA ma ressqet l-ebda element ġdid f’dak ir-rigward. Fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-volum u l-valur tat-tranżazzjonijiet mal-kumpaniji relatati Ċiniżi, il-Kummissjoni fakkret li l-Artikolu 6.5 tal-ADA tad-WTO jipprevedi wkoll li “[k]walunkwe informazzjoni li min-natura tagħha hija kunfidenzjali […] għandha, jekk ikun hemm raġuni valida għal dan, tiġi ttrattata bħala tali mill-awtoritajiet” . Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

(70)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CNFPIA reġgħet issottomettiet l-argumenti tagħha dwar id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, filwaqt li żiedet li l-Kummissjoni naqset milli tapplika t-test tat-tliet kriterji stabbilit tagħha stess mill-każ Magnesia Bricks li jeżamina l-post ta’ HQ, ċentri ta’ R&D u siti ta’ produzzjoni, il-volum/il-valur tal-importazzjonijiet meta mqabbla mal-bejgħ totali, u l-impatt tal-importazzjonijiet fuq il-profittabbiltà totali tal-bejgħ tal-Unjoni.

(71)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni indikat li l-eżempju inkwistjoni kkonferma li l-produtturi tal-Unjoni b’ishma baxxi ta’ importazzjoni tal-prodott investigat mill-kumpanija ta’ impriża konġunta relatata tagħhom fir-RPĊ kienu għadhom ikkunsidrati bħala parti mill-industrija tal-Unjoni (16). Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(72)

B’hekk, il-Kummissjoni żammet il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (197) u (198) tar-Regolament provviżorju.

4.2.   Dterminazzjoni tas-suq rilevanti tal-Unjoni

(73)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (199) sa (203) tar-Regolament provviżorju.

4.3.   Konsum tal-Unjoni

(74)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (204) sa (208) tar-Regolament provviżorju.

4.4.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.4.1.   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(75)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (209) sa (213) tar-Regolament provviżorju.

4.4.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u twaqqigħ tal-prezz

(76)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (214) sa (219) tar-Regolament provviżorju.

4.5.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.5.1.   Kummenti ġenerali

(77)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (220) sa (224) tar-Regolament provviżorju.

4.5.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.5.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(78)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (225) sa (228) tar-Regolament provviżorju.

4.5.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

(79)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CNFPIA sostniet li, minħabba s-sehem limitat mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi, dawn b’hekk ikollhom biss impatt negattiv żgħir fuq is-suq tal-Unjoni, u b’hekk ikissru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni fakkret li s-sehem mis-suq huwa biss wieħed mid-diversi indikaturi użati għall-valutazzjoni tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, inklużi, iżda mhux limitati għal, il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, u d-daqs tal-marġni tad-dumping. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

(80)

B’hekk, il-Kummissjoni żammet il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (229) sa (231) tar-Regolament provviżorju.

4.5.2.3.   Tkabbir

(81)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (232) tar-Regolament provviżorju.

4.5.2.4.   Impjiegi u produttività

(82)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CNFPIA sostniet li d-data pprovduta fl-ilment u d-data sottomessa fir-Regolament provviżorju abbażi tal-makrokwestjonarju kienu differenti, fost l-oħrajn, fuq iċ-ċifri tal-impjiegi u l-bejgħ.

(83)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni enfasizzat li l-PI fl-ilment (jiġifieri mill-1 ta’ Ottubru 2022 sat-30 ta’ Settembru 2023) u l-PI tal-proċediment (jiġifieri mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024) kienu differenti, u li l-ilment ma kienx jinkludi informazzjoni dwar is-sena sħiħa tal-2023, li taqa’ barra mill-PI. It-tieni, iċ-ċifri meħuda mill-makrokwestjonarju fir-Regolament provviżorju kienu ġew ivverifikati mill-Kummissjoni u aġġustati fejn meħtieġ. It-tielet, id-data tal-bejgħ irrapportata fit-Tabella 6 tar-Regolament provviżorju kienet tinkludi informazzjoni estratta mhux biss mill-makrokwestjonarju, iżda wkoll mid-data aġġustata mill-produtturi Ċiniżi li kkooperaw, u mid-data aġġustata tal-Eurostat, kif spjegat fil-premessa (204) u fin-noti 126 u 127 f’qiegħ il-paġna tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

(84)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha fil-premessi minn (233) sa (235) tar-Regolament provviżorju.

4.5.2.5.   Daqs tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping fil-passat

(85)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (236) u (237) tar-Regolament provviżorju.

4.5.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.5.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(86)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (238) sa (241) tar-Regolament provviżorju.

4.5.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(87)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (242) u (243) tar-Regolament provviżorju.

4.5.3.3.   Inventarji

(88)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CNFPIA sostniet li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda data, lanqas indiċjata, relatata mal-inventarji. Il-Kummissjoni enfasizzat li l-informazzjoni dwar l-inventarji kienet inkluża fit-Tabella 10 dwar l-istokkijiet tal-għeluq.

(89)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ġdid, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (244) sa (247) tar-Regolament provviżorju.

4.5.3.4.   Profittabilità, fluss tal-flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(90)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (248) sa (255) tar-Regolament provviżorju.

4.6.   Konklużjoni dwar id-dannu

(91)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (256) sa (260) tar-Regolament provviżorju.

5.   KAWŻALITÀ

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(92)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CNFPIA sostniet li, minħabba s-sehem mis-suq baxx tal-importazzjonijiet miċ-Ċina, ma hemm l-ebda rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet Ċiniżi. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet Ċiniżi u ta’ pajjiżi terzi biss jikkompetu mal-produzzjoni tal-Unjoni, u ż-żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjoni Ċiniża ntużat biex tkopri t-tnaqqis tas-sehem mis-suq tal-importazzjoni minn pajjiżi oħra. Minkejja dawn l-elementi, is-CNFPIA enfasizzat li l-prezz tal-importazzjoni miċ-Ċina huwa fi kwalunkwe każ ogħla mill-prezz tal-importazzjoni minn pajjiżi oħra u għalhekk jenħtieġ li ma jiġix rikonoxxut bħala l-elementi ewlenin li naqqsu jew waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

(93)

Il-Kummissjoni enfasizzat li, kif spjegat fil-premessa (262) tar-Regolament provviżorju, is-sehem mis-suq Ċiniż żdied b’aktar minn 500 % matul il-perjodu kkunsidrat, u l-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi rnexxielhom kważi jirduppjaw fi żmien sena. Kif diġà ġie spjegat fil-premessa (263) tar-Regolament provviżorju, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi kienu konsistentement aktar baxxi mill-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, u eżerċitaw soppressjoni tal-prezzijiet li affettwat is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. Il-fatt li, fl-istess perjodu, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra naqas ma biddilx dan ta’ hawn fuq. Barra minn hekk, filwaqt li l-prezzijiet medji Ċiniżi kienu ogħla mill-prezzijiet minn pajjiżi terzi oħra, kif spjegat fil-premessi (273) u (274) tar-Regolament provviżorju, pajjiż wieħed biss kellu sehem mis-suq ogħla minn 1 %, u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra fil-fatt naqsu drastikament wara l-2022. Għalhekk ġie konkluż li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn ma kkontribwewx għad-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni. Abbażi tal-evidenza ta’ hawn fuq, u l-indikaturi l-oħra kollha msemmija fil-premessa (79), il-Kummissjoni sostniet li kien hemm rabta kawżali bejn id-dannu materjali li sofriet l-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina skont it-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

(94)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ġdid, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (261) sa (267) tar-Regolament provviżorju.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

5.2.1.   Tnaqqis fil-konsum

(95)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (269) u (270) tar-Regolament provviżorju.

5.2.2.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(96)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CNFPIA sostniet li jenħtieġ li r-rabta ta’ kawżalità bejn id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet miċ-Ċina, tiġi interrotta mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn, minħabba li s-sehem mis-suq tagħhom kien simili għas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi, u li l-prezzijiet tal-importazzjoni minn pajjiżi oħrajn kienu aktar baxxi minn dawk miċ-Ċina.

(97)

Il-Kummissjoni enfasizzat li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn ma kienx simili għal dak tal-importazzjonijiet Ċiniżi, billi t-tnejn urew xejriet opposti. Minn naħa, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ fl-Unjoni żdied b’mod rapidu u kostanti matul il-perjodu kkunsidrat; min-naħa l-oħra, kif spjegat fid-dettall fil-premessa (274) tar-Regolament provviżorju, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn laħqu l-ogħla livell tagħhom fl-2021, meta l-industrija tal-Unjoni esperjenzat domanda massima, u fl-2022, meta d-domanda tas-suq residwu mis-sena ta’ qabel baqgħet tippersisti. Sal-2023 u matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, is-sehem mis-suq tagħhom naqas b’6 punti perċentwali għal 3 %. Meta jiġi eskluż ir-Renju Unit, is-sehem mis-suq ta’ pajjiżi terzi oħrajn naqas minn 5 % għal 1 %. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

(98)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni ġdida, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (271) sa (274) tar-Regolament provviżorju.

5.2.3.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(99)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (275) sa (278) tar-Regolament provviżorju.

5.2.4.   Raġunijiet għas-sitwazzjoni dannuża fl-2020

(100)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (279) sa (281) tar-Regolament provviżorju.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(101)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (282) sa (285) tar-Regolament provviżorju.

6.   LIVELL TAL-MIŻURI

6.1.   Marġni tal-bejgħ taħt il-prezz

(102)

Kif spjegat fil-premessa (62), il-Kummissjoni aċċettat l-affermazzjoni ta’ Kingdecor dwar l-oġġetti difettużi. Madankollu, it-tnaqqis ta’ dawk l-oġġetti ma kellux impatt fuq il-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz ikkalkolati fl-istadju provviżorju.

(103)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (287) sa (296) tar-Regolament provviżorju.

6.2.   Eżami tal-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni

 

6.3.   Distorsjonijiet fil-materja prima

(104)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (298) sa (303) tar-Regolament provviżorju.

6.3.1.   Interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku

6.3.1.1.   Kapaċitajiet ta’ riżerva fil-pajjiż esportatur

(105)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-CNFPIA sostniet li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regola tad-dazju inferjuri ma kienx iġġustifikat, minħabba li din ma kinitx valutazzjoni tal-impatt tal-liċenzjar tal-esportazzjoni eżistenti li r-RPĊ għandha fis-seħħ għall-esportazzjoni tat-TiO2. Is-CNFPIA sostniet ukoll li r-RPĊ esportat volumi sostanzjali lejn pajjiżi oħra u li dan wera li l-liċenzjar tal-esportazzjonijiet ma kellu l-ebda impatt.

(106)

Il-Kummissjoni nnotat li l-eżistenza ta’ liċenzjar tal-esportazzjoni hija waħda mir-restrizzjonijiet imsemmija b’mod espliċitu fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, u li ma hemm l-ebda obbligu legali li jiġi kkwantifikat l-impatt tar-restrizzjonijiet bħala tali. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-prezz tat-TiO2 mixtri domestikament fir-RPĊ kien madwar nofs il-prezz tat-TiO2 importat fis-swieq l-oħra kollha tqies bħala indikazzjoni qawwija oħra tad-distorsjonijiet li jikkonċernaw din il-materja prima. Il-fatt li r-RPĊ esportat kwantitajiet sostanzjali ta’ TiO2 ma pprovax li r-restrizzjoni inkwistjoni ma kellhiex impatt fuq is-suq domestiku.

(107)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (305) u (306) tar-Regolament provviżorju.

6.3.1.2.   Kompetizzjoni għall-materja prima

(108)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Kingdecor sostniet li jenħtieġ li l-Kummissjoni tapplika r-regola tad-dazju inferjuri, minħabba li l-produtturi tal-Unjoni kienu fi żvantaġġ biex jiksbu d-diossidu tat-titanju (“TiO2”) miċ-Ċina minħabba l-effett tad-dazji anti-dumping fis-seħħ (17) fuq din il-materja prima, aktar milli r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fiċ-Ċina.

(109)

Il-Kummissjoni enfasizzat li, kif spjegat fil-premessa (302) tar-Regolament provviżorju, il-prezz unitarju tad-diossidu tat-titanju fir-RPĊ kien kważi nofs il-prezz unitarju f’pajjiżi rappreżentattivi, inkluża t-Tajlandja, u dan kien rifless ukoll fit-tqabbil bejn il-prezzijiet domestiċi u tal-importazzjoni tad-diossidu tat-titanju sottomess minn wieħed mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-diossidu tat-titanju kien soġġett għal distorsjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku (il-premessa (303) tar-Regolament provviżorju).

(110)

B’hekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (307) sa (310) tar-Regolament provviżorju.

6.3.1.3.   Effett fuq il-ktajjen tal-provvista għall-kumpaniji tal-Unjoni

(111)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (311) sa (319) tar-Regolament provviżorju.

6.3.1.4.   Fatturi oħrajn

(112)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (320) u (321) tar-Regolament provviżorju.

6.3.2.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku

(113)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CNFPIA sostniet li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping se tikkawża nuqqas fil-provvista ta’ karta dekorattiva fl-Unjoni, iżżid il-kost tal-importaturi u l-utenti tal-Unjoni u tnaqqas il-kompetittività tagħhom.

(114)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssottolinjat li hija diġà qieset il-fehmiet tal-utenti fil-premessi minn (314) sa (321) tar-Regolament provviżorju. L-analiżi tal-effetti fuq il-ktajjen tal-provvista għall-kumpaniji tal-Unjoni ta’ dazji anti-dumping uriet li l-industrija tal-Unjoni kienet għadha mhux qed topera b’kapaċità sħiħa u tkun tista’ tissodisfa d-domanda futura; barra minn hekk, il-Kummissjoni stmat li kieku d-dazji kellhom jiġu imposti fil-livell propost, u jekk l-affarijiet l-oħrajn kollha jibqgħu l-istess, il-kost tal-produzzjoni tagħhom jiżdied b’medja ponderata ta’ inqas minn 2 % (il-premessa (328) tar-Regolament provviżorju). B’hekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew irrifjutati.

(115)

Interprint GmbH sostniet li, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-prezzijiet tal-fornituri tal-Unjoni f’xi każijiet kienu aktar baxxi minn dawk tal-fornituri Ċiniżi, filwaqt li akkużat lill-Kummissjoni li injorat dawn il-fatti. Il-Kummissjoni enfasizzat li l-kummenti ta’ Interprint kienu ġenerali u mhux issostanzjati. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li l-prezzijiet medji mill-fornituri Ċiniżi kienu konsistentement aktar baxxi mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, kif muri wkoll fl-analiżi dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet koperta fil-premessi minn (217) sa (219) tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(116)

B’hekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (322) tar-Regolament provviżorju.

7.   INTERESS TAL-UNJONI SKONT L-ARTIKOLU 21 TAR-REGOLAMENT BAŻIKU

7.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(117)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (323) sa (326) tar-Regolament provviżorju.

7.2.   Interess tal-utenti u ta’ importaturi u negozjanti mhux relatati

(118)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Interprint sostniet li l-kapaċità tal-produzzjoni fl-Unjoni naqset b’mod sinifikanti meta mqabbla mas-sejbiet fir-rigward tal-perjodu ta’ investigazzjoni, li l-prezzijiet tal-karta dekorattiva mill-produtturi tal-Unjoni żdiedu b’mod sinifikanti minn nofs l-2024, għall-kuntrarju tal-prezzijiet tal-input, u li, minħabba d-daqs tal-industrija tal-utenti u l-effett tad-dazji anti-dumping fuq il-kost tal-produzzjoni u l-prezz tal-bejgħ, ma kienx fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri fuq il-karta dekorattiva miċ-Ċina.

(119)

Il-Kummissjoni fakkret li l-għan tal-miżuri anti-dumping mhuwiex li jwaqqfu l-importazzjonijiet tal-karta dekorattiva miċ-Ċina, iżda li jirrestawraw il-kundizzjonijiet ekwi. Barra minn hekk, il-kummenti ppreżentati minn Interprint irriflettew is-sitwazzjoni speċifika tal-kumpanija u, fin-nuqqas ta’ kummenti oħra mill-utenti, u meta jitqies in-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn importaturi u negozjanti mhux relatati, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tivvaluta jekk l-evidenza ppreżentata minn Interprint u s-sitwazzjoni tagħhom ikunux rappreżentattivi tal-industrija tal-utenti. Fi kwalunkwe każ, minbarra l-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi Ċiniżi bi prezzijiet mhux oġġett ta’ dumping, anki fil-każ li l-industrija tal-Unjoni tilħaq kapaċità sħiħa fil-futur, sorsi oħra ta’ provvista, bħall-Kanada, il-Brażil u l-Indja, ikunu disponibbli għall-utenti, għall-importaturi mhux relatati u għan-negozjanti.

(120)

Fir-rigward tal-valutazzjoni dwar il-kost tal-produzzjoni, il-Kummissjoni enfasizzat li dan ġie kkalkolat billi tqies l-effett tad-dazji anti-dumping (kemm jekk stabbiliti fil-marġni tad-dumping kif ukoll f’dak tad-dannu) fuq il-kost globali tal-produzzjoni. Għal Interprint biss, iż-żieda tkun inqas minn 1 %, filwaqt li għall-utenti li kkooperaw u ssottomettew kwestjonarju tal-utent din tkun għal kollox inqas minn 2 %. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li l-ebda importatur u negozjant mhux relatat ma kkoopera f’din l-investigazzjoni, u li l-affermazzjoni li l-industrija tal-utenti x’aktarx kienet timpjega aktar persunal mill-industrija tal-Unjoni kienet ġenerali u mhux sostanzjata. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet.

(121)

F’każ li d-dazji anti-dumping jiġu kkonfermati, Interprint issottomettiet li dawn jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livell tal-marġni tad-dannu, u għalhekk jenħtieġ li l-Kummissjoni tapplika r-regola tad-dazju inferjuri fid-dawl tal-effetti fuq il-katina tal-provvista. Biex tivvaluta dan, Interprint stiednet lill-Kummissjoni twettaq analiżi aktar fil-fond tal-impatti probabbli (u differenti) tal-miżuri anti-dumping fil-livell tal-marġnijiet tad-dumping u tad-dannu, u tqis li l-industrija tal-utenti x’aktarx timpjega aktar persunal mill-industrija tal-Unjoni.

(122)

Fl-aħħar nett, Interprint sostniet li, f’każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tipproċedi bl-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping, tali miżuri jenħtieġ li jiġu sospiżi b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ tali miżuri definittivi. Ir-raġuni għal tali sospensjoni tkun li l-kundizzjonijiet tas-suq inbidlu temporanjament minħabba l-kundizzjonijiet imsemmija fil-premessa (118) hawn fuq, li indikaw titjib fis-sitwazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni, kif ukoll il-fatt li d-dannu x’aktarx li ma jerġax jibda minħabba s-sospensjoni tal-miżuri.

(123)

Il-Kummissjoni qieset li d-data ppreżentata mill-industrija tal-Unjoni dwar il-kapaċità tal-produzzjoni u r-rata ta’ użu tagħha wriet li l-kapaċità tal-produzzjoni tagħha ma naqsitx b’mod sinifikanti wara l-bidu tal-investigazzjoni, kif iddikjarat minn Interprint, u li r-rata ta’ użu tagħhom ippermettiet lill-industrija tal-Unjoni tissodisfa ż-żidiet fid-domanda. Barra minn hekk, wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-prezzijiet medji tal-unità mill-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu naqsu meta mqabbla mal-perjodu ta’ investigazzjoni, kif muri fil-premessa (146) hawn taħt. Barra minn hekk, kwalunkwe żieda allegata fil-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni mhijiex biżżejjed biex jiġi konkluż li s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni tjiebet wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, il-kriterju li d-dannu x’aktarx ma jerġax jibda b’riżultat tas-sospensjoni, għalhekk ma ġiex issodisfat, fid-dawl tas-sitwazzjoni mwiegħra tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, u t-tnaqqis kontinwu fil-prezzijiet medji tal-unità tal-importazzjonijiet Ċiniżi.

(124)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (327) u (329) tar-Regolament provviżorju.

7.3.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(125)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (330) u (331) tar-Regolament provviżorju.

8.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

8.1.   Miżuri definittivi

(126)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-livell tal-miżuri u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

(127)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Marġni tad-dannu (%)

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Hangzhou Huawang New Material Technology Co., Ltd

26,4 %

29,0 %

26,4 %

Kingdecor (Zhejiang) Co., Ltd.

26,9 %

23,0 %

26,9 %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

26,6 %

27,0 %

26,6 %

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-RPĊ

26,9 %

29,0 %

26,9 %

(128)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. B’hekk, dawn ir-rati tad-dazju huma applikabbli esklussivament għall-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u manifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”.

(129)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (18). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla fl-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(130)

Sabiex jiġu minimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. L-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali hija applikabbli biss mal-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, jenħtieġ li l-importazzjonijiet ikunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”.

(131)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, din mhijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anki jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jwettqu l-kontrolli tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, ikunu jeħtieġu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-tbaħħir, eċċ.) bil-għan li jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(132)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’ċirkostanzi bħal dawn, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet sabiex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa għat-tneħħija ta’ rata/rati tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(133)

Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, jenħtieġ li d-dazju anti-dumping għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ma japplikax biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(134)

Jenħtieġ li l-produtturi esportaturi li ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tkun soġġetta għar-rata tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilqa’ talba bħal din dment li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-produttur esportatur il-ġdid irid juri li: (i) ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-PI; (ii) mhuwiex relatat ma’ produttur esportatur li għamel dan; u (iii) esporta l-prodott ikkonċernat wara dan jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jagħmel dan fi kwantitajiet sostanzjali.

8.2.   Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji

(135)

Fid-dawl tal-marġnijiet ta’ dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, jenħtieġ li l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping proviżorji, imposti bir-Regolament proviżorju, jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament.

8.3.   Retroattività

(136)

Kif imsemmi fit-taqsima 1.2, il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat soġġetti għal reġistrazzjoni.

(137)

Kif stabbilit fil-premessa (341) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu deċiżjoni dwar applikazzjoni retroattiva possibbli tal-miżuri anti-dumping f’dak l-istadju tal-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tiddeċiedi, f’konformità mal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku, jekk il-miżuri anti-dumping definittivi għandhomx jinġabru b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ reġistrazzjoni.

(138)

Matul l-istadju definittiv tal-investigazzjoni, ġiet ivvalutata d-data miġbura fil-kuntest tar-reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni analizzat jekk il-kriterji skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku kinux issodisfati għall-ġbir retroattiv tad-dazji definittivi.

(139)

L-erba’ kriterji kumulattivi dwar jekk id-dazji jistgħux jinġabru matul il-perjodu ta’ reġistrazzjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku.

(140)

Il-kundizzjoni fl-Artikolu 10(4)(a) tar-Regolament bażiku hija ssodisfata billi l-importazzjonijiet ġew irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(141)

L-importaturi ngħataw opportunità biex jikkummentaw f’konformità mal-Artikolu 10(4)(b) tar-Regolament bażiku wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni, kif ukoll il-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju.

(142)

Skont l-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament bażiku, jeħtieġ li jkun hemm “storja ta’ dumping matul perjodu estiż, jew l-importatur kien konxju, jew kellu jkun konxju, tad-dumping fir-rigward tal-firxa tad-dumping, u d-dannu allegat jew misjub”.

(143)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku, jeħtieġ li jkun hemm “żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet minbarra l-livell ta’ importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni” li, fid-dawl taż-żmien u l-volum tagħha u ċirkostanzi oħrajn, x’aktarx li timmina serjament l-effett ta’ rimedju tad-dazji definittivi.

(144)

Wara l-miżuri provviżorji, l-ilmentaturi sostnew li l-kundizzjonijiet kollha għall-ġbir retroattiv tad-dazji ġew issodisfati, u li l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-karta dekorattiva fl-Unjoni żdiedu b’mod sinifikanti wara t-tmiem tal-PI u mill-bidu tal-investigazzjoni tal-karta dekorattiva f’Ġunju 2024. Il-volumi tal-importazzjoni għall-2024 ġew ikkalkolati mill-ilmentatur abbażi tad-differenza bejn il-volumi tal-importazzjoni taħt il-kodiċijiet NM 48025400, 480255, 48059100 u 48116000, u l-volumi tal-importazzjoni għall-karta dekorattiva stabbiliti fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni matul il-perjodu mill-2020 sal-PI.

(145)

Madankollu, l-analiżi tal-Kummissjoni ma wriet l-ebda żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet minbarra l-livell ta’ importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, kif preskritt mill-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku. Għal din l-analiżi, il-Kummissjoni qabblet il-volumi medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (19) mal-volumi medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar matul il-perjodu mix-xahar wara l-bidu ta’ din l-investigazzjoni sal-aħħar xahar sħiħ ta’ qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji. Barra minn hekk, meta l-volumi medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jitqabblu mal-volumi medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar matul il-perjodu mix-xahar ta’ wara l-bidu ta’ din l-investigazzjoni sa u inkluż ix-xahar li fih ġew imposti l-miżuri provviżorji, ma setgħet tiġi osservata l-ebda żieda sostanzjali ulterjuri:

Tabella 1

Tqabbil mal-PI Sħiħ

Volum (kg)

Medja ta’ kull xahar

Prezz Medju (EUR/Kg)

Bidla fil-Volum mill-PI

Bidla fil-Prezz unitarju Medju mill-PI

PI (20)

23 615 753

1 967 979

1,93

-

-

Perjodu B1 (Lulju 2024 - Settembru 2024) (21)

1 501 280

500 427

1,49

-75 %

-23 %

Perjodu B2 (Lulju 2024 - Jannar 2025)

4 189 398

598 485

1,65

-70 %

-15 %

Sors:

Eurostat.

(146)

Meta jitqabbel wieħed mill-perjodi (B1 jew B2) mal-perjodu kollu ta’ investigazzjoni, il-volumi medji tal-importazzjoni miċ-Ċina naqsu b’madwar 70 sa 75 %, filwaqt li l-prezzijiet naqsu bejn 15 u 23 %.

Tabella 2

Tqabbil tal-istess perjodi

Volum (kg)

Medja ta’ kull xahar

Prezz Medju (EUR/Kg)

Bidla fil-Volum mill-PI

Bidla fil-Prezz unitarju Medju mill-PI

PI bl-istess perjodu B1 (Lulju 2023 - Settembru 2023)

5 559 532

1 853 177

1,99

-

-

Perjodu B1 (Lulju 2024 - Settembru 2024)

1 501 280

500 427

1,49

-73 %

-25 %

PI bl-istess perjodu B2 (Lulju 2023 - Jannar 2024)

12 237 081

1 748 154

1,93

-

-

Perjodu B2 (Lulju 2024 - Jannar 2025)

4 189 398

598 485

1,65

-66 %

-15 %

Sors:

Eurostat.

(147)

It-teħid tal-perjodu mill-ewwel xahar sħiħ wara l-bidu u inkluż ix-xahar li fih il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet ta’ karta dekorattiva soġġetti għar-reġistrazzjoni (jiġifieri minn Lulju 2024 sa Settembru 2024) wassal għal volum medju ta’ importazzjoni ta’ 500 427 kg fix-xahar, li huwa 73 % inqas mill-medja ta’ kull xahar matul l-istess perjodu li jaqa’ fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(148)

It-tqabbil mill-ewwel xahar sħiħ wara l-bidu sax-xahar li fih ġew imposti l-miżuri provviżorji (jiġifieri minn Lulju 2024 sa Jannar 2025) wera wkoll tnaqqis fl-importazzjoni miċ-Ċina ta’ 66 % meta mqabbla mal-medja ta’ kull xahar fl-istess perjodu tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

(149)

Kif diġà ġie spjegat fil-premessa (145), iż-żewġ analiżijiet juru li ma kien hemm l-ebda żieda sostanzjali fil-volumi tal-importazzjoni wara l-bidu tal-każ.

(150)

Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi għall-ġbir retroattiv ma humiex issodisfati.

9.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(151)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), meta ammont ikun irid jiġi rrimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jrid jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(152)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping provviżorju huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ karta dekorattiva, li bħalissa taqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 4802 54 00 , ex 4802 55 , ex 4805 91 00 u ex 4811 60 00 (il-kodiċijiet TARIC 4802 54 00 10, 4802 55 15 10, 4802 55 25 10, 4802 55 30 10, 4802 55 90 10, 4805 91 00 10, u 4811 60 00 10), bil-karatteristiċi li ġejjin:

—

tiżen 30-150 g/m2; għandha kontenut ta’ rmied ta’ bejn 5 % u 50 %;

—

għandha assorbenza ta’ Klemm ta’ mill-inqas 12-il millimetru kull 10 minuti jew ġbir tar-reżina ta’ 20 % sa 200 %;

—

b’reżistenza għat-tensjoni mxarrba ta’ 6 sa 12-il Newton (N) għal kull 15-il millimetru;

—

b’porożità ta’ Gurley minn 3 sekondi sa 80 sekonda għal kull 100 millilitru;

—

lixxa b’20 sa 300 skont il-metodu Bekk;

—

f’rukkelli b’wisa’ sa 300 ċentimetru;

—

kemm jekk mimlija minn qabel b’taħlita ta’ latitudnijiet jew leganti naturali (bħal lamtu) jew le;

—

esklużi karta tal-ħajt u kisi simili tal-ħajt;

—

minbarra karti saturati b’melamina, urea, fenol jew kwalunkwe materjal li jibbies bis-sħana b’bażi ta’ ilma, soluzzjonijiet ta’ reżina termoplastika,

—

u li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rati tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandhom ikunu kif ġej:

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv

Kodiċi addizzjonali TARIC

Hangzhou Huawang New Material Technology Co., Ltd

26,4 %

89LJ

Kingdecor (Zhejiang) Co., Ltd.

26,9 %

89LK

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness I

26,6 %

 

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-RPĊ

26,9 %

8999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida, li fuqha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u bil-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li (l-volum fl-unità li qed nużaw) ta’ (il-prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie manifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jien niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/291 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ karta dekorattiva li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti garantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex iżid produtturi esportaturi ġodda mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u jagħmilhom soġġetti għar-rata medja ponderata xierqa ta’ dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:

(a)

huwa ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024);

(b)

mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, u li seta’ kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali; u

(c)

effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Awwissu 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)  In-Notifika tal-bidu ta’ proċediment anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ karta dekorattiva li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2024/3695, 14.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3695/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2718 tal-24 ta’ Ottubru 2024 li jagħmel importazzjonijiet tal-karta dekorattiva li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L, 2024/2718, 25.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2718/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/291 tat-13 ta’ Frar 2025 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ karta dekorattiva li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2025/291, 14.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/291/oj).

(5)   ĠU C, C/2024/3695, 14.6.2024.

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1923 tal-10 ta’ Lulju 2024 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ diossidu tat-titanju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2024/1923, 11.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1923/oj).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/4 tas-17 ta’ Diċembru 2024 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tad-diossidu tat-titanju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ĠU L, 2025/4, 9.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/4/oj.

(8)  Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2024, CCCME u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-263/22, EU:T:2024:663.

(9)  Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2024, CCCME u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-263/22, EU:T:2024:663, para. 183.

(10)  Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2024, CCCME u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-263/22, EU:T:2024:663, para. 185.

(11)  Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2024, CCCME u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-263/22, EU:T:2024:663, para. 188.

(12)  Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2024, CCCME u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-263/22, EU:T:2024:663, para. 184.

(13)  Sentenza tal-21 ta’ Frar 2024, Sinopec Chongqing SVW Chemical Co. Ltd u Oħrajn vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-762/20, ECLI:EU:T:2024:113, para. 155.

(14)  Sentenza tal-21 ta’ Frar 2024, Sinopec Chongqing SVW Chemical Co. Ltd u Oħrajn vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-762/20, ECLI:EU:T:2024:113, para. 156.

(15)  Sentenza tal-21 ta’ Frar 2024, Sinopec Chongqing SVW Chemical Co. Ltd u Oħrajn vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-762/20, ECLI:EU:T:2024:113, para. 157.

(16)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 552/2005 tal-11 ta’ April 2005 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 93, 12.4.2005, p. 6), premessi (70) – (75).

(17)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/4 tas-17 ta’ Diċembru 2024 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tad-diossidu tat-titanju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2025/4, 9.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/4/oj).

(18)  Indirizz tal-posta elettronika: TRADE-TDI-NAME-CHANGE-REQUESTS@ec.europa.eu; Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat G, Wetstraat 170 Rue de la Loi, 1040 Brussell, il-Belġju.

(19)  Il-metodoloġija għall-kalkolu tal-volumi medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni segwiet l-istess metodoloġija applikata fir-Regolament provviżorju (in-nota (125) f’qiegħ il-paġna). Il-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jirrappreżentaw 90 % tal-importazzjonijiet fil-perjodu ta’ investigazzjoni. B’hekk, il-volum tal-importazzjoni ġie aġġustat biż-żieda ta’ 10 % mal-valuri sottomessi mill-produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun.

(20)  Kif deskritt fil-premessa (62), wara l-affermazzjonijiet minn Kingdecor, il-Kummissjoni aċċettat affermazzjoni waħda. B’hekk, dan kellu effett fuq il-volumi ġenerali u l-prezz medju kkalkolat għall-importazzjonijiet mir-RPĊ.

(21)  Il-Kummissjoni qieset il-perjodu B1 bħala li jibda fl-ewwel xahar sħiħ wara l-bidu u jintemm fl-aħħar xahar sħiħ meta ġie ppubblikat ir-Regolament provviżorju. Il-Kummissjoni mbagħad ħarset ukoll lejn il-perjodu B2, li jibda fl-ewwel xahar sħiħ wara l-bidu, u jintemm fix-xahar qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri provviżorji.

(22)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024).


ANNESS

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

Isem il-kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Sunshine Oji (Shouguang) Specialty Paper Co., Ltd

89LL

ZIBO OU-MU SPECIAL PAPER CO., LTD

89LM

Winbon Technocell New Materials Co., Ltd.

89LN


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1717/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)