IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.4.2015
COM(2015) 178 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-iskema volontarja tal-ekodisinn għall-consoles tal-logħob
{SWD(2015) 88 final}
{SWD(2015) 89 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.4.2015
COM(2015) 178 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-iskema volontarja tal-ekodisinn għall-consoles tal-logħob
{SWD(2015) 88 final}
{SWD(2015) 89 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-iskema volontarja tal-ekodisinn għall-consoles tal-logħob
1. Introduzzjoni u l-qafas legali
Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (id-Direttiva tal-Ekodisinn) 1 tipprovdi qafas legali biex jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tal-ekodisinn għal gruppi magħżula ta’ prodotti prijoritarji.
Skont l-Artikolu 15(2)(a) sa (c) tad-Direttiva tal-Ekodisinn, grupp ta’ prodotti prijoritarji għandu jkun kopert minn miżura ta’ implimentazzjoni obbligatorja (jiġifieri Regolament tal-Kummissjoni) jew minn miżura ta’ awtoregolamentazzjoni (eż. ftehim volontarju konkluż mill-industrija), sakemm jissodisfa tliet kundizzjonijiet: li (i) jirrappreżenta volumi sinifikanti ta’ bejgħ, (ii) jkollu impatt sinifikanti fuq l-ambjent u (iii) jkollu potenzjal sinifikanti għall-progress.
Barra minn hekk, il-premessa 18 tad-Direttiva tal-Ekodisinn tistipula li l-gruppi ta’ prodotti prijoritarji għandhom ikunu soġġetti għal modi alternattivi ta’ azzjoni bħall-awtoregolamentazzjoni min-naħa tal-industrija jew ftehimiet volontarji, aktar milli miżuri ta’ implimentazzjoni obbligatorji, fil-każ li azzjonijiet bħal dawn x’aktarx jilħqu l-għanijiet politiċi b’mod aktar mgħaġġel jew b’inqas spejjeż minn dawk ir-rekwiżiti obbligatorji.
Ftehimiet volontarji jew miżuri oħra ta’ awtoregolamentazzjoni jistgħu jitqiesu bħala alternattivi għall-miżuri ta’ implimentazzjoni fil-kuntest tad-Direttiva tal-Ekodisinn, diment li dawn ikunu konformi mal-kriterji stipulati fl-Anness VIII tad-Direttiva tal-Ekodisinn.
2. Skema volontarja kif proposta mill-industrija tal-consoles tal-logħob
Il-Pjan ta’ Ħidma 2009-2011 skont id-Direttiva tal-Ekodisinn jinkludi l-grupp ta’ prodotti ta’ tagħmir tal-ħoss u tal-immaġini li joffri potenzjal għoli għat-tnaqqis kosteffiċjenti fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
Il-Kummissjoni wettqet studju preparatorju għat-tagħmir tal-ħoss u tal-immaġini, inklużi l-consoles tal-logħob.
L-istudju preparatorju 2 kkonferma li dan il-grupp ta’ prodotti jissodisfa l-kriterji elenkati fl-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Ekodisinn. B’mod partikolari, dan jirrappreżenta volumi sinifikanti ta’ bejgħ, għandu impatt sinifikanti fuq l-ambjent u għandu potenzjal sinifikanti għall-progress. Minħabba f’hekk, it-tagħmir tal-ħoss u tal-immaġni għandu jkun kopert minn miżura ta’ implimentazzjoni jew minn miżura ta’ awtoregolamentazzjoni.
Il-konsum tal-enerġija fil-modalità standby u fil-modalità mitfi ta’ plejers/reġistraturi tal-vidjo u ta’ projetturi huwa diġà koperti kif xieraq mir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1275/2008 dwar l-Ekodisinn (l-hekk imsejjaħ ir-Regolament “standby”. Is-suq għal dawn il-prodotti x’aktarx li jonqos fis-snin li ġejjin minħabba ż-żieda fl-użu ta’ apparati ta’ streaming u media-less għall-konsum tal-kontenut bil-ħoss u tal-vidjo. L-uniku parti minn dan is-suq ta’ prodotti li x’aktarx li se tiżdied fis-snin li ġejjin hija l-consoles tal-logħob.
Kumpaniji attivi fis-suq tal-consoles tal-logħob ipproponew ftehim volontarju li jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn għal mudelli tal-consoles tal-logħob imqiegħda fis-suq tal-UE, li jużaw aktar minn 20 watts fil-modalità tal-logħob attiv. L-iskema volontarja ġiet miftiehma mill-firmatarji f’April 2014.
Huwa stmat li l-impenji li ħadu l-firmatarji tal-ftehim volontarju fl-2020 se jiġġeneraw iffrankar ta’ 1 TWh, li jikkorrispondu għal 0,494 Mt emissjonijiet ta’ CO2 3 .
L-iskema volontarja li pproponiet l-industrija kienet soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt sħiħa mill-Kummissjoni 4 u għal konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati waqt li kien għaddej il-Forum Konsultattiv dwar l-Ekodisinn 5 stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Direttiva tal-Ekodisinn.
Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-iskema volontarja proposta għandha tikseb l-għanijiet tal-politika aktar malajr u bi spiża aktar baxxa milli bir-rekwiżiti obbligatorji. Il-valutazzjoni kkonkludiet ukoll li, kif meħtieġ bl-Anness VIII tad-Direttiva tal-Ekodisinn, l-iskema proposta hija konformi mad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat (b’mod partikolari s-suq intern u r-regoli tal-kompetizzjoni), kif ukoll ma’ impenji internazzjonali tal-UE (inklużi regoli tal-kummerċ multilaterali), mal-għanijiet tad-Direttiva tal-Ekodisinn, u mal-kriterji speċifiċi tal-valutazzjoni, jiġifieri (i) il-ftuħ għall-parteċipazzjoni, (ii) il-valur miżjud, (iii) ir-rappreżentattività, (iv) l-għanijiet kwantifikati u mqassma fi stadji, (v) l-involviment tas-soċjetà ċivili, (vi) il-monitoraġġ u r-rappurtar, (vii) il-kosteffikaċja fl-amministrazzjoni ta’ inizjattiva awtoregolatorja, (viii) is-sostenibbiltà, u (ix) il-kompatibbiltà tal-inċentivi.
3. Elementi tal-ftehim volontarju
Il-ftehim volontarju konkluż mill-industrija jistabbilixxi r-rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn għall-consoles tal-logħob li jitqiegħdu fis-suq tal-UE.
Kif inhu meħtieġ bid-Direttiva tal-Ekodisinn, il-firmatarji ta’ din l-iskema volontarja jirrappreżentaw maġġoranza kbira tas-settur ekonomiku rilevanti. Permezz tal-ftehim, kull firmatarju jimpenja ruħu li tal-anqas 90 % tal-consoles tal-logħob li jitqiegħdu fis-suq ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi ta’ effiċjenza enerġetika applikabbli.
Apparti li stabbilixxa r-rekwiżiti tal-ekodisinn, il-ftehim iwaqqaf żewġ korpi amministrattivi:
Il-Kumitat tat-Tmexxija, li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-firmatarji għall-ftehim, li jmexxu l-Ftehim, u osservaturi, li jistgħu jinkludu rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri tal-UE, l-organizzazzjonijiet ambjentali u tal-konsumaturi, u
l-Ispettur Indipendenti, maħtur mill-Kumitat tat-Tmexxija, li jivvaluta l-konformità tal-firmatarji individwali mal-impenji stipulati fil-ftehim u li jagħti lill-Kummissjoni r-rapporti tal-konformità 6 .
Il-ftehim jiddefinixxi wkoll l-obbligi tar-rappurtar, billi jispeċifika li kull firmatarju għandu jagħti l-informazzjoni meħtieġa lill-Ispettur Indipendenti, inkella dan ikun qed jirriskja li jitlef l-istatus tiegħu ta’ firmatarju.
Barra minn hekk, il-ftehim jistipula għal proċedura li biha l-Kumitat tat-Tmexxija jkun jista’ jbiddel id-dispożizzjonijiet tal-ftehim, b’mod partikolari biex jaġġusta kemm ikunu stretti r-rekwiżiti skont is-sitwazzjoni fis-suq.
Sabiex il-partijiet ikkonċernati kollha, b’mod partikolari l-firmatarji potenzjali, ikollhom fil-ħin l-informazzjoni korretta u aġġornata dwar ir-rekwiżiti li japplikaw għall-consoles tal-logħob, l-aktar verżjoni reċenti tal-ftehim volontarju se tkun ippubblikata dejjem mal-valutazzjoni tal-impatt u ma’ dan ir-Rapport fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Europa fil-paġna li hija ddedikata għall-politika dwar l-ekodisinn 7 u fuq is-sit iddedikat għal din l-iskema 8 . Dan is-sit se jkun fih ukoll informazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-karatteristika ta’ kull mudell tal-console mqiegħed fis-suq tal-UE minn kull wieħed mill-firmatarji.
4. Aċċettazzjoni tal-iskema volontarja
Billi l-iskema volontarja li qed tipproponi l-industrija tal-consoles tal-logħob se tilħaq l-għanijiet politiċi aktar malajr u bi spiża aktar baxxa milli bir-rekwiżiti obbligatorji, u billi din hija konformi mal-kriterji kollha speċifikati fl-Anness VIII tad-Direttiva tal-Ekodisinn, il-Kummmissjoni tirrikonoxxi li l-consoles tal-logħob li tqiegħdu fis-suq tal-UE huma soġġetti għall-iskema volontarja tal-ekodisinn li stabbilixxiet l-industrija. Il-kundizzjonijiet għall-iskema huma stipulati fil-ftehim volontarju konkluż mill-industrija.
Il-Kummissjoni tqis din l-iskema volontarja bħala alternattiva valida għal miżura ta’ implimentazzjoni tal-ekodisinn. Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni se tastjeni milli tistabbilixxi r-rekwiżiti obbligatorji tal-ekodisinn għall-consoles tal-logħob li tqiegħdu fis-suq tal-UE diment li l-ftehim volontarju u kull verżjoni sussegwenti konkluża skont l-iskema volontarja proposta jilħqu, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-għanijiet tagħhom u l-prinċipji ġenerali definiti fid-Direttiva tal-Ekodisinn.
B’mod partikolari, matul il-perjodu kollu tal-applikazzjoni tagħha, l-iskema volontarja trid tibqa’ tkun konformi mal-prinċipji ġenerali ddefiniti fid-Direttiva tal-Ekodisinn, li jinkludu: kontribuzzjoni għall-għanijiet ta’ politika tad-Direttiva tal-Ekodisinn; ftuħ biex jieħdu sehem il-kumpaniji attivi kollha fis-suq tal-consoles tal-logħob; kopertura tal-biċċa l-kbira tas-settur ekonomiku rilevanti 9 ; ċarezza u nuqqas ta’ ambigwità fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħha; trasparenza; sistema ta’ monitoraġġ imfassla sew; u l-ebda piż amministrattiv sproporzjonat.
Barra minn hekk, kull rekwiżit speċifiku tal-ekodisinn għall-consoles tal-logħob li tqiegħdu fis-suq tal-UE u li hu ddefinit fil-ftehim volontarju u f’kull verżjoni sussegwenti konkluża skont l-iskema volontarja għandu jagħti valur miżjud mil-lat tal-prestazzjoni ambjentali ġenerali mtejba tal-prodotti koperti.
Barra minn hekk, kif inhu mitlub mill-Kummissjoni u mill-partijiet ikkonċernati, il-firmatarji tal-iskema volontarja huma meħtieġa li:
jivvalutaw kontinwament il-progress li sar fl-applikazzjoni tal-iskema,
jikkooperaw mas-servizzi tal-Kummissjoni, mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati ħalli jtejbu kontinwament il-prestazzjoni ambjentali tal-consoles tal-logħob, b’mod partikolari billi jnaqqsu kontinwament il-miri tal-konsum tal-enerġija ddefiniti fil-ftehim volontarju, u ħalli jkunu jinkludu aspetti ambjentali rilevanti oħrajn fejn xieraq,
jikkoperaw mas-servizzi tal-Kummissjoni, mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati ħalli jittejjeb il-mekkaniżmu tar-rappurtar u r-regoli dwar il-monitoraġġ u l-awditjar,
jagħtu, sal-iskadenzi stipulati fil-ftehim volontarju, id-dejta rilevanti ħalli l-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jissorveljaw il-kisba tal-għanijiet tal-ftehim, billi kull firmatarju jimpenja ruħu li jagħti informazzjoni dwar kull mudell tal-consoles tal-logħob li jkun qiegħed fis-suq tal-UE u informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija u karatteristiċi ambjentali oħrajn li jindirizzaw il-ftehim volontarju (eż. rekwiżiti tal-informazzjoni) għal kull mudell soġġett għall-ftehim volontarju, u
jagħmlu sforzi sabiex jiżguraw l-involviment attiv tal-firmatarji potenzjali fl-iskema.
5. Monitoraġġ tal-iskema volontarja
Kif meħtieġ skont il-punt 6 tal-Anness VIII tad-Direttiva tal-Ekodisinn, il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Forum Konsultattiv dwar l-Ekodisinn u tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva tal-Ekodisinn, se tissorvelja l-applikazzjoni tal-iskema volontarja, b’mod partikolari l-konformità tagħha mal-prinċipji ġenerali, kif ukoll l-adegwatezza tar-rekwiżiti tal-ekodisinn speċifikati fil-ftehim volontarju u kull verżjoni sussegwenti.
Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni speċjali lill-obbligi tar-rappurtar u lir-regoli dwar il-monitoraġġ stipulati fid-Direttiva tal-Ekodisinn, fil-linji gwida eżistenti tal-Kummissjoni u fil-ftehim innifsu. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet tal-ftehim u l-applikazzjoni tagħhom mill-firmatarji jippermettux lill-Kummissjoni u lill-partijiet ikkonċernati (inklużi l-awtoritajiet nazzjonali) jissorveljaw b’mod effettiv l-effikaċja tal-ftehim u kemm jilħaq sew l-għanijiet tiegħu.
Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għanijiet u l-prinċipji ġenerali tad-Direttiva tal-Ekodisinn, kif riflessi fl-iskema volontarja, mhumiex se jintlaħqu u/jew li l-firmatarji tal-iskema volontarja mhumiex se jnaqqsu kontinwament matul iż-żmien il-miri tal-konsum tal-enerġija, mhumiex se jtejbu r-rekwiżiti dwar aspetti li mhumiex relatati mal-enerġija u li huma speċifikati fil-ftehim volontarju, jew mhumiex se jinkludu, fejn xieraq, aspetti ambjentali rilevanti ġodda fil-verżjonijiet sussegwenti, il-Kummissjoni se tadotta r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-consoles tal-logħob permezz ta’ miżura ta’ implimentazzjoni obbligatorja.
6. Konklużjonijiet
L-iskema volontarja tal-ekodisinn proposta mill-industrija tal-consoles tal-logħob hija konformi mad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat, mal-impenji internazzjonali tal-UE u mal-kriterji speċifiċi tal-valutazzjoni, u għalhekk titqies valida skont id-Direttiva tal-Ekodisinn.
Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni żvelat li din l-iskema volontarja tal-ekodisinn se tilħaq l-għanijiet ta’ politika aktar malajr u bi spiża aktar baxxa milli bir-rekwiżiti obbligatorji.
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-consoles tal-logħob li tqiegħdu fis-suq tal-UE għandhom ikunu soġġetti għall-iskema volontarja tal-ekodisinn. Il-kundizzjonijiet għall-iskema huma stipulati fil-ftehim volontarju konkluż mill-industrija.
Il-Kummissjoni tqis din l-iskema volontarja bħal alternattiva valida għal miżura ta’ implimentazzjoni tal-ekodisinn, u għalhekk għalissa, se tastjeni milli tistabbilixxi rekwiżiti obbligatorji tal-ekodisinn għall-consoles tal-logħob li tqiegħdu fis-suq tal-UE.
Il-Kummissjoni se tissorvelja kontinwament l-applikazzjoni tal-iskema volontarja. Jekk jinstab li l-għanijiet u l-prinċipji ġenerali tad-Direttiva tal-Ekodisinn mhumiex qed jintlaħqu, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-consoles tal-logħob f’miżura ta’ implimentazzjoni obbligatorja.
ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.
EuP Preparatory study ‘Building on the Eco-design Directive, EuP Group Analysis (I) ENTR Lot 3 Sound and Imaging Equipment. Ir-rapporti finali ġew ippubblikati f’Novembru 2010. L-istudju huwa disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sustainable-business/ecodesign/product-groups/sound-imaging/files/lot3-sound-and-image-final_en.pdf
Skont il-linji gwida tad-DECC tal-2014
Il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt ta opinjoni favorevoli dwar il-valutazzjoni tal-impatt fis-27 ta’ Marzu 2013.
L-iskema volontarja għal consoles tal-logħob ġiet diskussa permezz ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn fid-9 ta’ Novembru 2012.
Ir-rapporti tal-konformità jkunu disponibbli għall-partijiet ikkonċernati u jiġu diskussi magħhom.
http://ec.europa.eu/energy/efficiency/labelling/agreements_en.htm .
Tal-anqas 70% tal-prodotti li tqiegħdu fis-suq.