|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1259 |
30.4.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1259
tat-22 ta’ April 2024
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali rigward l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Senegal mal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE (1) u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995. Il-Konvenzjoni ġiet konkluża għal perjodu ta’ 3 snin. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni, il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jista’ jestendi l-Konvenzjoni għal perjodi suċċessivi ta’ mhux aktar minn sentejn kull darba. Mill-konklużjoni tagħha, il-Konvenzjoni ġiet estiża regolarment għal perjodi oħra ta’ sentejn. Il-Konvenzjoni ġiet estiża l-aħħar permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fl-14 ta’ Ġunju 2023 (2), u se tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2025. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni, hi miftuħa għall-adeżjoni tal-Gvernijiet tal-Istati kollha bil-kundizzjonijiet li l-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jqis xierqa. |
|
(4) |
Fit-22 ta’ Diċembru 2023, ir-Repubblika tas-Senegal applikat formalment għall-adeżjoni mal-Konvenzjoni. Jekk l-applikazzjoni għall-adeżjoni tiġi approvata, ir-Repubblika tas-Senegal issir membru fl-1 ta’ Mejju 2024. |
|
(5) |
Is-Senegal huwa produttur importanti tar-ross u tal-ħbub ħoxnin. Madankollu, mhuwiex awtosuffiċjenti u ma jistax ikopri kompletament il-konsum domestiku u għalhekk ikollu jimporta kwantitajiet addizzjonali ta’ diversi ċereali. |
|
(6) |
Jekk tiġi approvata l-applikazzjoni tar-Repubblika tas-Senegal biex taderixxi mal-Konvenzjoni u konsegwentement biex tipparteċipa fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali, ir-Repubblika tas-Senegal tkun membru importatriċi f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni. Peress li l-Unjoni hija membru esportatur, l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Senegal mhix se taffettwa n-numru ta’ voti allokati lill-Unjoni għall-finijiet tal-votazzjoni skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni. Mis-sena kontabilistika tal-2024-2025, l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Senegal madankollu tista’ tnaqqas in-numru ta’ voti allokati lill-Unjoni skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni, li jintuża biex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-membri. |
|
(7) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali u li tiġi approvata l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Senegal mal-Konvenzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandha tkun li tapprova l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Senegal mal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ April 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE tad-19 ta’ Diċembru 1995 rigward l-approvazzjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali u l-Konvenzjoni tal-Għajnuna Alimentari, li tikkostitwixxi l-Ftehim dwar iċ-Ċereali Internazzjonali tal-1995 (ĠU L 21, 27.1.1996, p. 47).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/991 tal-15 ta’ Mejju 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fir-rigward tal-estensjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (ĠU L 135, 23.5.2023, p. 114).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1259/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)