European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6831

29.11.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2024

dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tas-Slovenja

(C/2024/6831)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B'hekk tkun tista' tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Is-Slovenja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)

Fis-16 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f'termini ta' disa' fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta' politika ta' importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta' Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b'saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa' fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati.

(4)

Fil-21 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024. Fit-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba' dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2024 tas-Slovenja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (4) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta' April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta' Marzu 2024.

(5)

Fit-30 ta' April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (5) emendat dwar it-tħaffif u l-kjarifika tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (6) emendata dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment ta' Stat Membru, li jkopru orizzont ta' ppjanar ta' erba' jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (7) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta' appoġġ għat-tħejjija ta' dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta' progress annwali tagħhom. F'konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta' Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b'perjodu ta' żmien raġonevoli. F'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra.

(6)

Fl-2024, is-Semestru Ewropew qed ikompli jevolvi f'konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f'konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)

Fit-30 ta' April 2021, is-Slovenja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta' dak ir-Regolament. Fit-28 ta' Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għas-Slovenja (8), li ġiet emendata fl-16 ta' Ottubru 2023 skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (9). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li s-Slovenja tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)

Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għas-Slovenja. Huwa vvaluta l-progress tas-Slovenja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta' dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tas-Slovenja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(9)

Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tas-Slovenja naqas minn 3,0 % tal-PDG fl-2022 għal 2,5 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 72,5 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 69,2 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2023 intitolata “Gwida tal-politika fiskali għall-2024”, il-Kummissjoni qiegħda tieħu l-ewwel pass biex tiftaħ proċeduri ta' defiċit eċċessiv, f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja tas-Slovenja, billi fl-2024 id-defiċit tal-gvern estiż ippjanat tagħha jeċċedi l-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li, fid-dawl ta' dik il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fformulata skont l-Artikolu 126(4) tat-Trattat, il-Kummissjoni m'għandhiex l-intenzjoni li tipproponi li tiftaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv għas-Slovenja f'Lulju 2024.

(10)

Fit-12 ta' Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda (10) li s-Slovenja tieħu azzjoni biex tiżgura fl-2023 li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun konformi ma' pożizzjoni ta' politika fiskali newtrali kumplessiva (11), filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat li għadu għaddej lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Is-Slovenja ngħatat rakkomandazzjoni li għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Is-Slovenja ngħatat ukoll rakkomandazzjoni li għandha tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (12) kienet restrittiva, b'0,5 % tal-PDG, f'kuntest ta' inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta' 0,4 % tal-PDG. Dan jinkludi it-tnaqqis ta' 0,3 % tal-PDG fil-kost tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza mmirati lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. It-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 kien konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 1,3 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 4,6 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta' 0,2 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Is-Slovenja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni. Is-Slovenja ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, pereżempju fl-infrastruttura ferrovjarja, fis-sorsi rinnovabbli tal-enerġija u fil-prevenzjoni ta' diżastri naturali. Dak l-investiment pubbliku huwa parzjalment iffinanzjat mill-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni.

(11)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali ser jikber bi 2,3 % fl-2024 u 2,6 % fl-2025, u l-inflazzjoni mkejla mill-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ser tkun ta' 2,8 % fl-2024 u 2,4 % fl-2025.

(12)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 2,8 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 68,1 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda fid-defiċit fl-2024 tirrifletti prinċipalment investiment pubbliku ogħla, inkluż nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali għar-rikostruzzjoni ta' wara l-għargħar, u l-indiċjar tal-benefiċċji soċjali. Dan huwa parzjalment ikkumpensat minn tnaqqis fis-sussidji, l-irtirar ta' miżuri li jnaqqsu d-dħul biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u żieda temporanja fir-rata tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun restrittiva b'0,2 % tal-PDG fl-2024.

(13)

In-nefqa li tammonta għal 0,7 % tal-PDG mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma' 0,2 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità ser tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż tas-Slovenja. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa li tammonta għal 0,4 % tal-PDG hija mistennija li tiġi appoġġata minn self mill-Faċilità, fl-2024, meta mqabbla ma' 0,1 % tal-PDG fl-2023.

(14)

Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda (13) li s-Slovenja tiżgura politika fiskali prudenti, b'mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (14) fl-2024 għal mhux aktar minn 5,5 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ tal-proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tas-Slovenja hija pprojettata li tiżdied b'5,6 % fl-2024 (15), li hija ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Dan l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima rakkomandata għat-tkabbir f'nefqa netta primarja ffinanzjata nazzjonalment jikkorrispondi għal inqas minn 0,1 % tal-PDG fl-2024. Hemm riskju li dan ma jkunx kompletament f'konformità ma' dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill.

(15)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li s-Slovenja tieħu azzjoni biex tnaqqas b'mod gradwali l-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija fis-seħħ, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista' jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta' appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta' appoġġ, is-Slovenja tiżgura li tali miżuri ta' appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (16) tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta' 1,4 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun fil-livell ta' 0,1 % fl-2024 u 0,0 % fl-2025. B'mod partikolari, il-kumpens għall-fornituri tal-gass u l-elettriku mibjugħa bi prezzijiet stabbiliti amministrattivament huwa preżunt li jibqa' fis-seħħ fl-2024, għalkemm b'impatt żgħir. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawk il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta' 1,3 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (17) tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta' 0,1 % tal-PDG f'dik is-sena. Il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija ġew eliminati gradwalment fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Madankollu, it-tfaddil relatat mhuwiex ipprojettat li jintuża kollu biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Hemm riskju li dan ma jkunx f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(16)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li s-Slovenja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jiżdied minn 4,6 % tal-PDG fl-2023 għal 5,3 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità, hija mistennija li tibqa' stabbli fil-livell ta' 1,3 % tal-PDG fl-2024 meta mqabbla ma' 1,3 % tal-PDG fl-2023.

(17)

Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 2,2 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment l-introduzzjoni ta' kontribuzzjoni ġdida għall-kura fit-tul, li għandha tiġi imposta minn Lulju 2025, li hija pprojettata li żżid il-kontribuzzjonijiet soċjali b'madwar 0,4 % tal-PDG. In-nefqa gradwalment aktar baxxa għar-rikostruzzjoni ta' wara l-għargħar ser ikollha impatt fuq l-investiment pubbliku, li huwa pprojettat li jonqos b'0,4 punti perċentwali għal 5,4 % tal-PDG. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 66,4 % sa tmiem l-2025.

(18)

Żieda sostanzjali fil-kostijiet tat-tixjiħ hija pprojettata għas-Slovenja, li tirriżulta f'żidiet fl-infiq fuq il-kura tas-saħħa, il-kura fit-tul u l-pensjonijiet fid-deċennji li ġejjin. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza diġà fih diversi miżuri biex tiġi appoġġata s-sostenibbiltà fiskali. Minbarra l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, ikun importanti li jiġi mmonitorjat l-infiq biex jiġu żgurati l-adegwatezza u s-sostenibbiltà fiskali tal-protezzjoni soċjali. Ir-rieżamijiet tal-infiq jistgħu jintużaw biex jiġu identifikati oqsma ta' nfiq ta' prijorità aktar baxxa jew ineffiċjenti. Il-fondi liberati jistgħu mbagħad jiġu riallokati biex jiġu indirizzati sfidi fiskali ġodda, inkluż fil-qasam tal-protezzjoni soċjali. Sabiex jiġi żgurat li l-infiq isir aktar effettiv, ikun kruċjali li l-miżuri ta' segwitu jiġu implimentati malajr u li jkunu konsistenti mar-riformi strutturali li għaddejjin.

(19)

Il-proporzjon tat-taxxa għall-PDG tas-Slovenja għadu taħt il-medja tal-Unjoni u l-kompożizzjoni tiegħu ma tantx tiffavorixxi t-tkabbir. L-ogħla kategorija tat-taxxa fuq l-introjtu personali u l-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol għal diversi livelli ta' introjtu għadhom fost l-ogħla fl-Unjoni filwaqt li t-taxxi fuq il-proprjetà, inkluż it-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà, għadhom baxxi ħafna, b'sehem taħt nofs il-medja tal-Unjoni. It-tnaqqis tal-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol inaqqas il-kostijiet lavorattivi, jagħti spinta lid-domanda għax-xogħol u jtejjeb il-kompetittività. Pagi netti ogħla jistgħu jagħtu spinta lill-provvista ta' ħaddiema. Għalkemm is-sehem tad-dħul mit-taxxa ambjentali huwa ogħla mill-medja tal-Unjoni, is-sistema tat-taxxa tista' tintuża biex tippromwovi aktar l-objettivi ekoloġiċi, inkluż billi jiġi applikat il-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas”.

(20)

L-investiment pubbliku fis-Slovenja huwa ogħla mill-medja tal-Unjoni u żdied matul dawn l-aħħar ftit snin. Madankollu, l-effettività u l-effiċjenza tiegħu jistgħu jittejbu billi l-ippjanar għall-investiment pubbliku jiġi kkoordinat aħjar fis-setturi u l-ministeri kollha. Sett koerenti ta' dokumenti ta' ppjanar fit-tul u pjan integrat fuq terminu medju għal investimenti potenzjali jkunu wkoll għodod biex tittejjeb l-effiċjenza tal-investiment pubbliku, inkluża l-prijoritizzazzjoni ta' proġetti f'konformità mal-prijoritajiet nazzjonali u Ewropej. Dan jgħin ukoll biex jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir u s-sostenibbiltà fiskali tal-pajjiż.

(21)

F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti, kif ukoll il-pjan nazzjonali tiegħu għall-enerġija u l-klima. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għar-riformi u l-investimenti, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tas-Slovenja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li s-Slovenja tkompli timplimenta r-riformi u taċċellera l-investimenti billi tindirizza l-isfidi rilevanti filwaqt li tiżgura kapaċità amministrattiva b'saħħitha. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(22)

Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), is-Slovenja hija meħtieġa li tagħmel rieżami ta' kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f'kull programm. Is-Slovenja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi u disparitajiet qawwija bejn ir-reġjun kapitali u l-bqija tal-pajjiż. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-livell nazzjonali u reġjonali huma kruċjali. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi tal-politika ta' koeżjoni għadhom rilevanti. Lil hinn mill-miżuri ta' kapaċità amministrattiva, huwa partikolarment importanti li jitkomplew l-investimenti ekoloġiċi, speċjalment il-protezzjoni mill-għargħar u l-miżuri ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, filwaqt li jiġu prijoritizzati soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. Huwa daqstant importanti li jitkomplew l-investimenti fit-trasport sostenibbli sabiex titnaqqas id-dipendenza qawwija fuq l-ivvjaġġar bil-karozzi tal-passiġġieri. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta, li jappoġġaw l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam, tibqa' kruċjali. Sħubijiet pubbliċi-privati fir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) biex tiżdied il-produttività tax-xogħol jibqgħu pertinenti. Barra minn hekk, huwa importanti li jitrawwem it-tagħlim għall-adulti, inkluż fil-ħiliet diġitali u ekoloġiċi, u fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġu modernizzati u diġitalizzati s-servizzi soċjali u tas-suq tax-xogħol. Hija prijorità li titħaffef id-deistituzzjonalizzazzjoni u l-iżvilupp ta' servizzi soċjali bbażati fil-komunità ta' kwalità, adegwati u affordabbli, b'mod partikolari l-kura fit-tul, biex tiġi appoġġata l-inklużjoni soċjali. Is-Slovenja tista' tagħmel użu wkoll mill-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), biex tagħti spinta lill-investimenti fl-iżvilupp u l-manifattura ta' teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, b'mod partikolari fis-settur tal-enerġija rinnovabbli u f'dak tat-tisħin.

(23)

Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, is-Slovenja qed tiffaċċa diversi sfidi addizzjonali relatati mas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħha, in-nuqqas ta' ħiliet u ta' ħaddiema kif ukoll l-investiment skars fil-kapital ta' riskju u l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

(24)

It-test tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) tal-2022 żvela deterjorament sinifikanti fil-ħiliet bażiċi (b'mod partikolari fil-qari u l-matematika). Iż-żieda fis-sehem ta' studenti ta' 15-il sena bi prestazzjoni baxxa u t-tnaqqis fl-aqwa prestazzjoni fil-matematika u l-qari jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-provvista tal-ħiliet u l-kompetittività tas-Slovenja fil-futur. Ir-riforma li għaddejja tal-kurrikuli tal-iskejjel tista' tinkludi wkoll miżuri biex jissaħħu l-ħiliet bażiċi flimkien mal-ħiliet ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll it-tagħlim tal-lingwi, u miżuri biex jittejbu l-kompetenzi intraprenditorjali u finanzjarji. Barra minn hekk, il-professjoni tat-tagħlim tista' ssir aktar attraenti.

(25)

Skont ir-rapport tal-EURES dwar in-nuqqas u l-eċċess ta' ħaddiema fl-2023, imħejji mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol fl-2024, ħafna setturi kienu qed jiffaċċaw nuqqas ta' ħaddiema. Dan huwa kkonfermat mill-istħarriġ tal-Kummissjoni dwar il-fiduċja fin-negozju u dik tal-konsumatur, li turi li l-maniġers tan-negozju fl-industrija Slovena ilhom jirrapportaw in-nuqqas ta' ħaddiema bħala fattur b'saħħtu ħafna li ilu jillimita l-attività minn nofs l-2021. Barra minn hekk, ir-rati ta' postijiet tax-xogħol battala huma wkoll ogħla mill-medja tal-Unjoni. Minkejja l-miżuri meħuda skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, għad hemm akkumulazzjoni sinifikanti ta' applikazzjonijiet minn ħaddiema barranin, minħabba rekwiżiti legali eċċessivament ikkumplikati. In-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet diġà qed iżomm lura l-investiment u l-produzzjoni, speċjalment fl-industrija. Dawn ifixklu wkoll il-forniment bla xkiel ta' servizzi inkluż il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul. Għalhekk, biex tingħata spinta lill-kompetittività u t-tkabbir, huwa essenzjali li tiżdied il-provvista ta' ħaddiema, inkluż billi tiġi stimulata aktar il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, jiġu attirati ħaddiema minn pajjiżi mhux tal-Unjoni, u tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-ħaddiema migranti fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.

(26)

In-nefqa pubblika fuq ir-riċerka, in-nefqa fuq l-innovazzjoni mhux fuq ir-riċerka mill-kumpaniji u n-nefqa fuq l-innovazzjoni għal kull impjegat għadhom relattivament baxxi fis-Slovenja. L-investiment tal-kapital ta' riskju relattiv għall-PDG huwa baxx ukoll, speċjalment meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni, u jaffettwa b'mod negattiv id-dinamiżmu tan-negozju u għalhekk il-kapaċità ta' innovazzjoni u tkabbir tal-kumpaniji. Dan, min-naħa tiegħu, ifixkel il-kompetittività tas-Slovenja. It-titjib ulterjuri tal-kundizzjonijiet għall-kapital ta' riskju jista' jgħin biex jattira aktar kapital barrani u jgħin lin-negozji ġodda innovattivi jespandu.

(27)

Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. Fil-każ tas-Slovenja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba' rakkomandazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovenja tieħu azzjoni fl-2024 u l-2025 biex:

1.

Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f'waqtu. F'konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta (20) fl-2025 għal rata konsistenti, fost oħrajn, mat-tqegħid tad-dejn tal-gvern estiż fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli fuq terminu medju u ż-żamma tad-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Tiżgura s-sostenibbiltà fiskali tal-protezzjoni soċjali u tibbilanċja mill-ġdid id-dħul mit-taxxa lejn sorsi aktar favorevoli għat-tkabbir u sostenibbli. Ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku billi twettaq rieżamijiet tal-infiq u permezz ta' ġestjoni aħjar tal-investiment pubbliku.

2.

Issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva għall-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni, taċċellera l-investimenti u żżomm il-momentum fl-implimentazzjoni tar-riformi. Tindirizza l-isfidi rilevanti biex tippermetti l-implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż tal-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu ta' dawk il-programmi, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività.

3.

Issaħħaħ il-kompetittività billi tagħti spinta ulterjuri lil-livelli tal-ħiliet, tiżgura li r-riforma li għaddejja tal-kurrikuli tal-iskejjel tgħin ukoll fit-tisħiħ tal-ħiliet bażiċi, billi tindirizza n-nuqqas ta' ħaddiema, u billi tippromwovi d-dinamiżmu tan-negozju u l-ħolqien ta' kumpaniji b'rata għolja ta' tkabbir permezz ta' kundizzjonijiet imtejba għall-investiment tal-kapital ta' riskju u l-investituri istituzzjonali, kif ukoll permezz ta' investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)   ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).

(7)  Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(8)  ST 10612/21 INIT; ST 10161/21 ADD 1.

(9)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tat-28 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għas-Slovenja (ST 13615/23; ST 13615/23 ADD 1).

(10)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-12 ta' Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2022 tas-Slovenja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2022 tas-Slovenja (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 197).

(11)  Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tas-Slovenja fl-2023, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat fil-livell ta' 11,5 % f'termini nominali, abbażi tar-rata ta' tkabbir potenzjali reali medja ta' 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.

(12)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul (u bl-esklużjoni tal-miżuri ta' emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni.

(13)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2023 tas-Slovenja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023 tas-Slovenja (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 224).

(14)  In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(15)  Dan iqis miżuri ta' darba li jammontaw għal 0,7 % tal-PDG fl-2024, relatati mal-kostijiet ta' emerġenza fuq terminu qasir għar-rikostruzzjoni wara l-għargħar f'Awwissu 2023 (kif ukoll 0,4 % tal-PDG fl-2023, relatati mal-istess kawża). Barra minn hekk, il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni huwa pprojettat li jipprovdi 0,15 % tal-PDG tal-kostijiet ta' emerġenza fl-2023, 0,3 % tal-PDG fl-2024 u 0,15 % tal-PDG fl-2025. Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kunsill irrefera wkoll għall-għargħar devastanti li laqat lill-Italja f'Mejju 2023 u qabel li l-kost tal-appoġġ dirett ta' emerġenza relatat ma' dak l-għargħar jitqies f'valutazzjonijiet sussegwenti tal-konformità u, fil-prinċipju, jitqies bħala miżuri temporanji u ta' darba. Ġie segwit approċċ simili fir-rigward tal-għargħar devastanti li laqat lis-Slovenja f'Awwissu 2023.

(16)  Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.

(17)  Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali tal-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) il-miżuri ta' darba, (iii) in-nefqa fuq il-qgħad ċikliku u (iv) in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni, meta mqabbla mar-rata ta' tkabbir tal-PDG nominali potenzjali fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon mal-PDG nominali.

(18)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).

(20)  Skont l-Artikolu 2, il-punt 2, tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6831/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)