Brussell, 19.6.2024

COM(2024) 614 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Latvja

{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 614 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Latvja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)Ir-Regolament REPowerEU 3 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Il-Latvja żiedet kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 4 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 5 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.

(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 6 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2024, li fih ma identifikatx lil-Latvja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Dak inhar stess, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-Latvja għall-2024. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.

(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) No 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Jinkludi wkoll emendi għar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u għad-Direttiva 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 7 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru jenħtieġ li jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ 4 jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 8 fil-pjani fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jenħtieġ li jkun konformi mar-rekwiżiti fir-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju; Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fl- [21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). Jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jaraw li jkun hemm l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.

(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)Fit-30 ta’ April 2021, il-Latvja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal-Latvja 9 , li ġiet emendata fit-8 ta’ Diċembru 2023 wara l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għall-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 10 . Il-ħruġ tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Latvja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)Fl-14 ta’ Mejju 2024, il-Latvja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2024 u, fit-30 ta’ April 2024, il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż għal-Latvja 11 tal-2024 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Huwa vvaluta l-progress tal-Latvja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Latvja. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Ivvaluta wkoll il-progress tal-Latvja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(10)Abbażi tad-data vvalidata mill-Eurostat 12 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Latvja naqas minn 4,6% tal-PDG fl-2022 għal 2,2% fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż kiber minn 41,8% tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 43,6% fi tmiem l-2023.

(11)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 13 li l-Latvja tieħu azzjoni biex tara li fl-2023 jiġi żgurat li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika newtrali kumplessiva 14 , filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat li għadu għaddej lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Il-Latvja ngħatat rakkomandazzjoni li għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Latvja ġiet irrakkomandata wkoll tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 15 kienet espansjonarja, b'0,5 % tal-PDG f'kuntest ta' inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (nett minn miżuri ta' dħul diskrezzjonarji) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta' 1,1% tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi t-tnaqqis b’0,4 % tal-PDG fl-ispiża tal-miżuri ta’ appoġġ immirati lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. Għalhekk, il-kontribuzzjoni espansjonarja tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali fl-2023 ma kinitx dovuta għall-appoġġ immirat għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul) kien xprunat minn żidiet fil-pagi tas-settur pubbliku u fil-benefiċċji soċjali. Kollox ma’ kollox, it-tkabbir ipprojettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali fl-2023 mhux konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE ammontat għal 1,5 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 3,3 % tal-PDG fl-2023, tnaqqis ta’ 0,1 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Il-Latvja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE. Hija ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħax-xiri ta’ vetturi elettriċi għat-trasport pubbliku, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika ta’ bini b’aktar minn appartament wieħed u proprjetajiet kummerċjali, l-immodernizzar tan-networks tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku, iċ-ċentralizzazzjoni tal-governanza tal-pjattaformi u s-sistemi diġitali fis-settur pubbliku, l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u d-diġitalizzazzjoni tal-proċessi fin-negozji, l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-broadband kif ukoll it-trawwim tad-diġitalizzazzjoni fis-settur tal-edukazzjoni, li fil-biċċa l-kbira huma ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

(12)Il-projezzjonijiet ewlenin fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2024 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprevedi li l-PDG reali jikber b’1,4 % fl-2024 u bi 2,9 % fl-2025, filwaqt li jipprojetta li l-inflazzjoni HICP tkun ta’ 1,6 % fl-2024 u 2,5 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż taħt il-politiki attwali 16 fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2024 huwa pprojettat li jiżdied għal 2,9 % tal-PDG fl-2024 u jonqos għal 2,7 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 45,2 % sa tmiem l-2024 u 46,3 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 2,2% tal-PDG fl-2026, 2,0% fl-2027 u 1,7% fl-2028. Għalhekk, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li jibqa’ taħt il-valur ta’ referenza għad-defiċit ta’ 3% tal-PDG matul il-perjodu tal-programm. Imbagħad, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 46,2% fl-2026, jiżdied għal 48,8% fl-2027 u jonqos għal 48,2% fl-2028.

(13)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b’1,7 % fl-2024 u 2,6 % fl-2025, u l-inflazzjoni HICP se tkun ta’ 1,6 % fl-2024 u 2,0 % fl-2025.

(14)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 2,8 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż għandu jiżdied għal 44,5 % sa tmiem l-2024. Fl-2024, l-impatt tat-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri relatati mal-enerġija sa tmiem l-2023 se jkun aktar milli kkumpensat b’nefqa addizzjonali, fuq iż-żidiet fil-pagi pubbliċi għall-għalliema u l-amministrazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll pagamenti supplimentari lill-pensjonanti. L-iżvilupp ta’ infrastruttura teknika fil-fruntiera tal-pajjiż se jikkontribwixxi għal żieda fin-nefqa tal-investiment pubbliku. L-introduzzjoni ta’ pagamenti bil-quddiem tat-taxxa korporattiva mis-settur finanzjarju, żieda fir-rati għal diversi prodotti tas-sisa u pagamenti addizzjonali ta’ dividendi minn kumpaniji tal-Istat huma mistennija li jrendu żieda moderata fid-dħul. Abbażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun espansjonarja fil-livell ta’ 0,9% tal-PDG fl-2024.

(15)In-nefqa li tammonta għal 1,6 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,4 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq id-defiċit u d-dejn tal-gvern estiż tal-Latvja.

(16)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 17 li l-Latvja tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 18 fl-2024 għal mhux aktar minn 3,0 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Latvja hija pprojettata li tiżdied b’4,9 % fl-2024, li hija ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata. Dan l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima rakkomandata għat-tkabbir f’nefqa netta primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali jikkorrispondi għal 0,7% tal-PDG fl-2024. Madankollu, in-nefqa netta fl-2023 kienet anqas milli mistenni fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni (b’0,9 % tal-PDG). Billi r-rakkomandazzjoni għall-2024 ġiet ifformulata bħala rata ta’ tkabbir, il-valutazzjoni tal-konformità jeħtieġ li tqis ukoll l-effett bażi mill-2023. Kieku n-nefqa netta fl-2023 kienet l-istess bħal dik mistennija fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni, ir-rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta li kienet tirriżulta fl-2024 kienet tkun taħt ir-rata ta’ tkabbir rakkomandata, b’0,2 % tal-PDG. Kollox ma’ kollox, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija vvalutata bħala li tinsab f’riskju li ma tkunx kompletament konformi mar-rakkomandazzjoni.

(17)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Latvja tieħu azzjoni biex tnaqqas b’mod gradwali l-miżuri urġenti ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ, u tuża’ l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, jenħtieġ li l-Latvja tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-ispiża baġitarja netta 19 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija hija stmata li tkun 1,0% tal-PDG fl-2023 u 0,0 % tal-PDG kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex inaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawn il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta’ 1,0% tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 20 tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,5% tal-PDG f’dik is-sena. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huma pprojettati li jiġu eliminati b’mod gradwali kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Dan huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Madankollu, l-iffrankar relatat mhuwiex ipprojettat li jintuża kollu biex inaqqas id-defiċit tal-gvern. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(18)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Latvja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jiżdied għal 3,4% tal-PDG fl-2024 minn 3,3% tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi ma’ dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill.

(19)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 2,9% tal-PDG fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG għandu għax jiżdied għal 46,3% sa tmiem l-2025. Iż-żieda tal-proporzjon tad-dejn mal-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment l-aġġustament pożittiv bejn il-fondi u l-flussi u d-defiċit tal-gvern.

(20)Id-dħul mit-taxxa tal-Latvja bħala sehem tal-PDG għadu taħt il-medja tal-UE b’mod sinifikanti, u dan jillimita l-finanzjament għas-servizzi pubbliċi, b’mod partikolari l-kura tas-saħħa u l-protezzjoni soċjali. Fl-2022, is-sehem tad-dħul mit-taxxa naqas għal 30,3 % tal-PDG (40,2 % tal-PDG fl-UE), l-aktar livell baxx f’dawn l-aħħar 3 snin. Fl-oqsma tat-tassazzjoni li huma inqas ta’ ħsara għat-tkabbir, b’mod partikolari l-kapital u l-proprjetà, il-Latvja għadha taħt il-medja tal-UE. Id-dħul mit-taxxa korporattiva fuq l-introjtu qed jirkupra gradwalment wara l-korrezzjoni qawwija ’l isfel wara r-riforma tal-2018, filwaqt li r-riforma katastali għat-tassazzjoni fuq il-proprjetà biex tirrifletti l-valuri attwali tas-suq għadha ma ġietx adottata. Id-dħul relattivament baxx mit-tassazzjoni fuq ix-xogħol, minkejja r-rati tat-taxxa relattivament għoljin, jindika li hemm potenzjal li jiżdied id-dħul mit-taxxi fuq ix-xogħol. Dan jirrikjedi sforzi sostnuti biex tittejjeb il-konformità mar-regoli tat-taxxa u biex l-attività ekonomika timxi mill-ekonomija sewda lejn l-ekonomija formali. Sadanittant, il-faqar u l-inugwaljanza fl-introjtu għadhom għoljin fil-Latvja. Fost l-Istati Membri tal-UE, il-Latvja għandha wieħed mill-ogħla perċentwali ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali, wieħed mill-ogħla riskji ta’ faqar fost l-anzjani, kif ukoll uħud mill-aktar pensjonijiet baxxi meta mqabbla mal-pagi. Barra minn hekk, l-inugwaljanza fl-introjtu għadha ferm ogħla mill-medja tal-UE. Il-frammentazzjoni tal-appoġġ soċjali fil-livell muniċipali, il-kwalità fqira u d-disponibbiltà limitata tal-akkomodazzjoni soċjali eżistenti kif ukoll id-differenzi soċjoekonomiċi sinifikanti bejn ir-reġjuni għadhom joħolqu sfidi għall-inklużjoni soċjali u s-suq tax-xogħol. L-infiq pubbliku fuq il-kura tas-saħħa fil-Latvja għadu fost l-aktar baxxi fl-UE, li jwassal għal livell għoli ta’ ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa mhux issodisfati u riżultati dgħajfa fil-qasam tas-saħħa. F’dawn l-aħħar snin, l-infiq pubbliku fuq il-kura tas-saħħa u l-appoġġ soċjali żdied temporanjament fl-isfond ta’ appoġġ ta’ emerġenza fil-pandemija kif ukoll allokazzjonijiet baġitarji addizzjonali oħra fuq bażi ad hoc. Madankollu, il-baġit tal-2024 jipprevedi li n-nefqa tal-gvern estiż fuq il-kura tas-saħħa se tinżel għal-livell tagħha tal-2020 (4,7 % tal-PDG) u n-nefqa fuq il-protezzjoni soċjali se tinżel taħt il-livell tal-2020 (12,4 % tal-PDG ippjanat fl-2024, meta mqabbel ma’ 13,3 % fl-2020). Il-pjanijiet fuq terminu medju jipprevedu tnaqqis ulterjuri fl-infiq pubbliku fuq il-kura tas-saħħa, li jolqot 4,1 % tal-PDG fl-2028, filwaqt li l-infiq pubbliku fuq il-protezzjoni soċjali huwa mistenni li jiżdied gradwalment għal 13,8 % tal-PDG fl-2028.

(21)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien limitat, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Latvja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Latvja tkompli bl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(22)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Latvja hija obbligata li tagħmel rieżami ta’ kull programm sa Marzu 2025, billi tieħu f’kunsiderazzjoni fost affarijiet oħra l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll tal-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Din ir-riforma tifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. Filwaqt li l-Latvja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għad hemm sfidi u għad hemm disparitajiet reġjonali sinifikanti bejn il-belt kapitali Riga u l-bqija tal-Latvja, b’mod partikolari Latgale fil-Lvant. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni hija kruċjali. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programm jibqgħu rilevanti. Huwa importanti li tiġi appoġġjata l-kapaċità tan-negozji li jwettaq l-innovazzjoni u li jilqa’ d-diġitazzjoni sabiex tiżdied il-produttività. L-appoġġ għall-miżuri tal-effiċjenza enerġetika fil-bini u n-negozji jibqa’ prijorità. Daqstant ieħor huwa importanti li jkunu ggarantiti servizzi u infrastruttura tas-saħħa f’waqthom u ekwi, li jkunu ta’ kwalità tajba, u anki akkomodazzjoni soċjali, u b’hekk tkompli t-tranżizzjoni lejn għajxien indipendenti u kura bbazata fil-komunità. L-attivazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-persuni qiegħda u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għal gruppi sottorappreżentati jibqgħu prijorità. It-titjib tal-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni flimkien mat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-popolazzjoni adulta imisshom ikomplu. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, ikun jistħoqq li tingħata kunsiderazzjoni speċifika tad-disparitajiet reġjonali u tal-iżgurar ta’ livell adegwat ta’ investiment fil-qasam tal-privazzjoni materjali (inkluż l-assistenza alimentari u materjali). Il-Latvja tista’ tuża wkoll l-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tappoġġa t-trasformazzjoni tal-industrija, b’enfasi fuq l-enerġija intelliġenti u rinnovabbli (eż. parks tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta) fejn hemm interess minn investituri internazzjonali, kif ukoll bijoekonomija u bijoteknoloġija intensivi fl-għarfien.

(23)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Latvja qed tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mal-ambjent tan-negozju, in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet, u t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ekonomija ekoloġika.

(24)Fil-livell ta’ 14,9 % tal-PDG fl-2022, l-investiment kummerċjali fil-Latvja huwa kemxejn taħt il-livell tal-Estonja li huwa ta’ 16,5 % tal-PDG u kemxejn ogħla minn 13,1 % tal-PDG fil-Litwanja. Madankollu, il-livelli ta’ investiment privat nett baqgħu fost l-aktar baxxi fl-UE, li jammontaw għal 0,5 % matul l-aħħar 5 snin meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 3,5 %. Ir-riżultati mill-Istħarriġ tal-BEI tal-2023 dwar l-Investiment jindika li l-investiment privat huwa affettwat minn inċertezza għolja, in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ persunal b’ħiliet speċjalizzati u kostijiet għoljin tal-enerġija. Fl-2023, 77% tal-kumpaniji Latvjani qiesu li r-regolamenti tan-negozju huma ostaklu fit-tul għall-investiment, li huwa wieħed mill-ogħla perċentwali fl-UE. Barra minn hekk, is-self mill-banek kien dgħajjef, u dan aġixxa bħala ostaklu ulterjuri għall-investiment tan-negozju. L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju isibuha partikolarment diffiċli biex jissellfu. Dan huwa parzjalment dovut għar-riskju ta’ kreditu ogħla tagħhom, iżda wkoll għall-kost għoli tal-kreditu, rekwiżiti ta’ garanziji aktar stretti u burokrazija żejda. Is-settur bankarju huwa kkonċentrat, li jwassal għal kompetizzjoni dgħajfa fost il-banek, li huwa wieħed mill-fatturi li jwassal għar-rati tal-imgħax għoljin. L-isforzi kontinwi biex tiżdied il-kompetizzjoni fis-settur bankarju, inkluż permezz ta’ trasparenza akbar dwar ir-rati tal-imgħax u spejjeż oħra assoċjati mas-self, għandhom għax jimbuttaw ’l quddiem l-attività ta’ self fuq terminu medju. Barra minn hekk, l-iskemi ta’ self pubbliku u/jew ta’ garanzija għal oqsma ta’ investiment strateġikament importanti bħat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp reġjonali jistgħu jżidu l-kompetizzjoni effettiva fis-suq bankarju. Barra minn hekk, it-tisħiħ tad-disponibbiltà ta’ sorsi ta’ finanzjament għajr dawk bankarji jkun ta’ għajnuna għall-investiment tan-negozju. L-ekonomija klandestina ilha żmien twil problema għall-ambjent tan-negozju, u dan ixekkel l-investiment, l-iżvilupp tal-ħiliet u miegħu l-kompetittività fit-tul. Skont l-organizzazzjonijiet tan-negozju Latvjani, dan ifixkel il-kompetizzjoni u jinċentiva lin-negozji biex jibqgħu żgħar. Barra minn hekk, skont il-banek tal-Latvja, il-prevalenza tal-ekonomija klandestina u l-karti tal-bilanċ dgħajfa tal-kumpaniji huma ostakli ewlenin għal self kummerċjali ogħla.

(25)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet qed jiżdied fil-Latvja. Flimkien mal-isfidi demografiċi u t-tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, dan joħloq sfida għall-kompetittività tal-pajjiż. Fl-2023, l-akbar nuqqas ta’ ħaddiema kien fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (science, technology, engineering and mathematics, STEM), setturi li huma rilevanti ħafna għall-kisbiet fil-produttività, kif ukoll fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Sal-2030, l-aktar nuqqasijiet sinifikanti huma mistennija fl-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni, ix-xjenza, il-matematika u l-IT. Barra minn hekk, il-Latvja għadha qed tiffaċċja wkoll nuqqasijiet fil-kura tas-saħħa u l-kura soċjali. 91 % tal-kumpaniji Latvjani jsemmu n-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa bħala ostaklu għall-investiment, li huwa ogħla mill-medja tal-UE ta’ 81 %. Il-proporzjon baxx ta’ gradwati fit-teknoloġija, l-inġinerija u x-xjenza, u n-nuqqas ta’ riċerkaturi li jirriżulta f’dawn l-oqsma, huwa wieħed mill-ostakli ewlenin għat-tisħiħ tal-kapaċità Latvjana tar-riċerka u l-innovazzjoni, speċjalment fis-settur privat. Li jkun hemm sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja allinjati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati tajjeb ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huwa kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet u tittejjeb il-kompetittività tal-pajjiż kif ukoll biex tingħata spinta lit-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika. Filwaqt li r-riformi reċenti għamlu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali aktar flessibbli u attraenti, huma meħtieġa sforzi kontinwi biex tiġi mmodernizzata u mtejba l-offerta ta’ taħriġ. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol li għadha mhux sfruttata, jeħtieġ li l-miżuri ta’ taħriġ ikunu aċċessibbli, inkluż għal dawk b’livell baxx ta’ ħiliet u madwar ir-reġjuni.

(26)Il-Latvja tgawdi minn wieħed mill-ogħla ishma ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fl-UE. Dan huwa attribwibbli l-aktar għall-produzzjoni tal-enerġija mill-impjanti idroelettriċi u l-użu qawwi mill-bijomassa, prinċipalment fis-settur tat-tisħin. Hemm lok għal aktar diversifikazzjoni fit-taħlita tal-enerġija rinnovabbli tal-pajjiż. Fl-2022 u l-2023, il-Latvja esperjenzat żieda fil-kapaċità installata għall-enerġija solari u mir-riħ, iżda dawn il-kapaċitajiet għadhom ferm taħt il-livelli installati kemm fl-Estonja kif ukoll fil-Litwanja. Biex iżżid is-sehem tagħha ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija, il-Latvja tibbenefika b’mod partikolari mill-użu tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx, u billi żżid il-produzzjoni minn dawn is-sorsi. Minkejja xi azzjoni limitata ppjanata skont il-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jitneħħew l-ostakli li fadal fl-għoti ta’ permessi għall-kostruzzjoni jew l-installazzjoni ta’ faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx. Barra minn hekk, il-Latvja tista’ tieħu azzjoni ulterjuri biex tippromwovi l-flessibbiltà min-naħa tad-domanda, bħall-ħżin tal-enerġija proprjetà tal-konsumaturi finali u l-parteċipazzjoni f’riżorsi tal-enerġija distribwiti u fis-servizzi tal-ibbilanċjar u l-flessibbiltà. Tista’ wkoll tiddefinixxi b’mod ċar ir-rwoli għal ċerti parteċipanti fis-suq tal-enerġija, bħall-aggregaturi tad-domanda fuq skala żgħira. Separatament, l-applikazzjonijiet għall-permessi għall-konnessjoni mal-grilja għall-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli jaqbżu b’mod konsiderevoli l-kapaċità disponibbli tan-network tal-elettriku, u huwa għalhekk li l-ħruġ ta’ permessi ġodda ilu wieqaf minn Lulju 2023. Dan juri li hemm lok għal aktar azzjoni regolatorja.

(27)Il-progress tal-Latvja lejn ekonomija ċirkolari jeħtieġ li jaċċellera biex jintlaħqu l-għanijiet tal-ekonomija ċirkolari tal-UE. L-indikaturi tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli huma taħt il-medja tal-UE, u l-impronta materjali tal-pajjiż qed tiżdied. Il-Latvja għandha prestazzjoni medja fl-ekoinnovazzjoni u tibbenefika mill-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ mudelli ta’ negozju ċirkolari u t-tisħiħ tal-investiment fl-ekoinnovazzjoni biex jiżdiedu l-effiċjenza fir-riżorsi u l-kompetittività. Il-Latvja għamlet progress bis-sistema tagħha ta’ ġestjoni tal-iskart, iżda xorta żżomm fil-miżbliet aktar minn nofs l-iskart muniċipali tagħha.

(28)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Fil-każ tal-Latvja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3), u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2024 u l-2025 il-Latvja tieħu azzjoni biex:

1.Tippreżenta l-pjan fiskali strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 21 fl-2025 għal rata konsistenti maż-żamma tad-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG u żżomm id-dejn tal-gvern estiż f’livell prudenti fuq terminu medju. Twessa’ t-tassazzjoni, inkluż fuq il-kapital u l-proprjetà, u ssaħħaħ l-adegwatezza tal-kura tas-saħħa u l-protezzjoni soċjali.

2.Tkompli bl-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, billi tieħu azzjoni biex jiġu indirizzati aħjar id-disparitajiet u l-inugwaljanzi reġjonali persistenti filwaqt li jitqiesu l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tittejjeb il-kompetittività.

3.Ittejjeb l-ambjent tan-negozju billi tnaqqas il-piż amministrattiv u regolatorju għall-kumpaniji u ttejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, inkluż permezz ta’ self pubbliku u skemi ta’ garanzija mmirati biex jiffaċilitaw investimenti ta’ importanza strateġika u jagħtu spinta lill-kompetizzjoni fis-swieq finanzjarji. Tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet, b’mod partikolari fi STEM, u fi speċjalizzazzjonijiet oħra meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, kif ukoll fis-setturi soċjali u tal-kura tas-saħħa, inkluż permezz ta’ titjib immirat fil-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid.

4.Taċċellera l-użu tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx billi ttejjeb il-proċeduri tal-għoti tal-permessi u tippromwovi l-flessibbiltà min-naħa tad-domanda. Trawwem it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari permezz tal-ekoinnovazzjoni u prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj .
(2)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj
(3)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj
(4)    COM(2023) 168 final.
(5)    COM(2024) 77 final.
(6)    COM(2023) 901 final.
(7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj ) u d-Direttiva tal-Kunsill2024/1265/UE tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj ).
(8)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1263 tad-29 ta’ April 2024 (ĠU L 2024,/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ). Nefqa netta tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Latvja (10157/2021).
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Latvja (15569/2023).
(11)    SWD(2024) 614 final.
(12)    Indikaturi Eurostat-Euro, 22.4.2024.
(13)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Latvja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tal-Latvja ĠU C 334, 1.9.2022, p. 112.
(14)    Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tal-Latvja fl-2023, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 7.6 % f’termini nominali, abbażi tar-rata ta’ tkabbir potenzjali reali medja ta’ 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(15)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-amministrazzjoni pubblika. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali (u esklużi l-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(16)    Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2024 jiddikjara li skont il-politiki attwali, id-defiċit baġitarju fl-2025 huwa mbassar li jkun 0,5 ppt ogħla mill-mira tad-defiċit fil-Programm. Il-Programm ta’ Stabbiltà ma jinkludi l-ebda dettall dwar il-miżuri ta’ politika li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-miri tad-defiċit.
(17)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Latvja tal-2023 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Latvja għall-2023, ĠU C 312, 1.9.2023, p. 125.
(18)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) u miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(19)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-ispiża baġitarja annwali ta’ dawk il-miżuri, inklużi d-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(20)    Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali ta’ miżuri diskrezzjonarji tad-dħul, (ii) miżuri ta’ darba, (iii) nefqa ċiklika li tolqot il-qgħad u (iv) nefqa ffinanzjata minn appoġġ li ma jitħallasx lura (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mar-rata medja ta’ tkabbir potenzjali tal-PDG fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon mal-PDG nominali.
(21)    Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263,“nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra;