12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

624


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-4 ta’ Novembru 2005

li tinnomina l-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza ta’ l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)

(2005/833/KE, Euratom)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidraw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 1999 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (1), u partikolarment l-Artikolu 4 ta’ din,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 (2) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (3), u partikolarment l-Artikolu 11(2) ta’ kull wieħed minn dawn ir-Regolamenti.

Billi:

(1)

L-Artikoli 11(2) tar-Regolamenti (KE) Nru 1073/1999 u (Euratom) Nru 1074/1999 jipprovdi li l-Kumitat ta’ Sorveljanza ta’ l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) għandu jkun iffurmat minn ħames persuni esterni indipendenti li għandhom il-kwalifiki meħtieġa biex jiġu nnominati fil-pajjiżi rispettivi tagħhom fl-ogħla karigi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-oqsma ta’ attività ta’ l-Uffiċċju;

(2)

Il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza nominati b’effett mill-1 ta’ Awwissu 1999 leħqu t-terminu massimu tal-kariga tagħhom. Għandhom għalhekk jiġu nnominati membri ġodda mill-aktar fis possibbli;

(3)

L-Artikoli 11(2) tar-Regolamenti imsemmija jipprovdu li l-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandhom jiġu nnominati bil-ftehim komuni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,

IDDEĊIDEW DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Il-persuni li ġejjin huma b’hekk innominati bħala membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza ta’ l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) sa mit-30 ta’ Novembru 2005:

—

Is-Sur Peter STRÖMBERG

—

Is-Sur Kálmán GYÖRGYI

—

Is-Sinjura Rosalind WRIGHT

—

Is-Sur Luis LÓPEZ SANZ-ARANGUEZ

—

Is-Sinjura Diemut R. THEATO

2.   Jekk xi ħadd minn dawn il-persuni msemmija jirriżenja mill-Kumitat ta’ Sorveljanza, imut jew isir inkapaċitat b’mod permanenti, dan għandu jiġi sostitwit immedjatament mill-ewwel persuna msemmija fil-lista li ġejja li ma jkunx għadu ġie nnominat fil-Kumitat ta’ Sorveljanza:

—

Is-Sur Eugeniusz RUŚKOWSKI

—

Is-Sur Albertus Hendrikus KORTHALS

—

Is-Sur Jaroslav FENYK

—

Is-Sur Stefano DAMBRUOSO

Artikolu 2

Fit-twettiq ta’ dmirijiethom, il-Membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza m’għandhomx la jfittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet minn kwalunkwe gvern jew kwalunkwe istituzzjoni, entità, uffiċċju jew aġenzija.

Dawn m’għandhomx jieħdu ħsieb kwistjoni li fiha, direttament jew indirettament, ikollhom interessi personali b’mod li jtellfu l-indipendenza tagħhom, u, partikolarment, interessi familjari u finanzjarji.

Dawn għandhom jieħdu f’idejhom il-fajls sottomessi lilhom u d-deliberazzjonijiet tagħhom li jikkonċernawhom f'segretezza stretta.

Artikolu 3

Il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandhom jiġu rimborsati għall-ispejjeż li jistgħu jidħlu fihom matul id-dmirijiet tagħhom, u għandhom jirċievu pagament ta’ kuljum għal kull ġurnata li jqattgħu fuq dawk id-dmirijiet. L-ammont ta’ dan il-pagament u l-proċedura għar-rimbors għandhom jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-persuni msemmija hawn fuq dwar din id-Deċiżjoni, u għandha tinforma immedjatament kwalunkwe persuna nnominata sussegwentement fil-Kumitat ta’ Sorveljanza skond l-Artikolu 1(2).

Din in-nomina ssir skond l-Artikoli 11(2) u (3) tar-Regolamenti (KE) Nru 1073/99 u (Euratom) Nru 1074/1999. Din hi mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe emendi fil-futur għal dawn id-dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell u l-Lussemburgu, fl-4 ta’ Novembru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Josep BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

Ben BRADSHOW

Għall-Kummissjoni

Siim KALLA

Viċi-President


(1)   ĠU L 136, 31.5.1999, p. 20.

(2)   ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(3)   ĠU L 136, 31.5.1999, p. 8.