European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2611

24.11.2023

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2611

tal-15 ta’ Novembru 2023

dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

In-nuqqas ta’ ħaddiema tal-Unjoni qed jillimita b’mod sinifikanti l-kapaċità tagħha li tadatta għat-trasformazzjonijiet li għaddejjin fin-natura tax-xogħol, tal-produzzjoni u tal-komunikazzjoni li qed iseħħu fl-ekonomiji u fis-swieq tax-xogħol.

(2)

B’mod konsistenti, l-impjegaturi madwar l-Unjoni qed jirrapportaw diffikultajiet biex isibu ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa. Barra minn hekk, hu mistenni li minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni, se tonqos il-forza tax-xogħol disponibbli u n-nuqqas ta’ ħiliet se jkompli jmur għall-agħar fil-futur. L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li jinkludu 25 miljun entità madwar l-Unjoni, huma partikolarment affettwati minħabba li qed isibuha diffiċli biex isibu t-talent it-tajjeb meħtieġ għat-tkabbir sostenibbli, għall-iskalabbiltà u għall-kompetittività.

(3)

In-nuqqas ta’ persunal tas-sengħa jkopri l-ekosistemi industrijali kollha f’ħafna Stati Membri, u l-postijiet tax-xogħol vakanti b’livelli għoljin, medji u baxxi ta’ ħiliet qed jiżdiedu. Setturi bħall-kostruzzjoni, il-manifattura, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), it-trasport, is-servizzi professjonali, is-saħħa u l-kura fit-tul qed jiffaċċjaw nuqqasijiet persistenti. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ħaddiema fis-setturi ewlenin kruċjali għat-tranżizzjoni ekoloġika rdoppja bejn l-2015 u l-2021. Dan qed ikompli jiġi aggravat mill-fatt li n-negozji jsibuha diffiċli biex isibu impjegati b’ħiliet diġitali adegwati, u jesperjenzaw diffikultajiet partikolari fir-reklutaġġ ta’ speċjalisti tal-ICT.

(4)

In-nuqqas ta’ ħiliet joħloq sfida sinifikanti għall-aspirazzjonijiet tal-Unjoni li tibqa’ mexxejja globali kompetittiva u ċentru għat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, u li tilħaq miri ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija. Dawn ifixklu wkoll il-kapaċità tal-Unjoni li tisfrutta l-potenzjal tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, li ssaħħaħ it-tmexxija teknoloġika tal-Unjoni, tistimula t-tkabbir u l-innovazzjoni, u tirrispondi b’mod effettiv għal emerġenzi bħall-pandemija tal-COVID-19 jew il-kunflitti ġeopolitiċi. Id-diskrepanzi fil-ħiliet f’setturi speċifiċi bħall-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul jillimitaw il-kapaċità li jkun hemm min jieħu ħsieb il-popolazzjoni li qed tixjieħ u li jiġi żgurat li kulħadd ikollu aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità.

(5)

L-indirizzar ta’ dawn in-nuqqasijiet ta’ ħiliet jirrikjedi investiment sostanzjali fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, kif ukoll miżuri li jagħtu spinta lill-parteċipazzjoni tal-adulti fl-età tax-xogħol fis-suq tax-xogħol, jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u jattiraw l-individwi bil-ħiliet meħtieġa lejn l-Unjoni.

(6)

L-Unjoni appoġġat b’mod konsistenti l-azzjonijiet biex tindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet u ta’ ħaddiema billi mmassimizzat il-potenzjal tal-forza tax-xogħol domestika tagħha. Dawn l-azzjonijiet jinkludu inizjattivi biex titjieb il-mobilità tax-xogħol fi ħdan is-suq intern, bħan-networks Ewropej ta’ kooperazzjoni tas-servizzi tal-impjiegi (EURES). Barra minn hekk, tfittex li tgħolli r-rati ta’ parteċipazzjoni tan-nisa, tal-individwi b’diżabilità, u ta’ dawk bi sfond ta’ migrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Qed issir ukoll enfasi speċjali fuq l-involviment tal-gruppi li mhumiex irrappreżentati biżżejjed, b’mod partikolari ż-żgħażagħ li la huma impjegati u lanqas involuti fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ (NEETs). L-aġenda għall-ħiliet għall-Ewropa tal-2020 (1) tiddeskrivi 12-il azzjoni, biex tgħin lill-individwi u lin-negozji jiżviluppaw il-ħiliet u jużawhom, u dawn jinkludu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (2), il-kontijiet individwali tal-apprendiment (3), il-mikrokredenzjali (4) u t-tnedija tal-Patt għall-Ħiliet. Il-Patt għall-Ħiliet jappoġġa l-kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati biex tissaħħaħ l-azzjoni kollettiva dwar il-ħiliet ħalli jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jappoġġa s-sħubijiet fuq skala kbira fl-ekosistemi industrijali ewlenin.

(7)

L-Unjoni taħdem favur approċċ inklużiv biex jimtlew in-nuqqasijiet ta’ ħaddiema, b’mod partikolari billi tippermetti lill-persuni minn kull ġenerazzjoni fl-Unjoni jwettqu l-għażliet ta’ ħajjithom u l-potenzjal tagħhom fl-ekonomija u fis-soċjetà inġenerali. Għal dan l-għan, sett komprensiv ta’ strumenti ta’ politika tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “It-tibdil demografiku fl-Ewropa: sett ta’ għodod għall-azzjoni”, huwa disponibbli għall-Istati Membri bil-ħsieb li jirrikonċiljaw aħjar l-aspirazzjonijiet tal-familja max-xogħol imħallas, jappoġġaw lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u jsaħħulhom il-pożizzjoni tagħhom biex jirnexxu, u anke jsaħħu l-pożizzjoni tal-ġenerazzjonijiet akbar fl-età u jsostnu l-benesseri tagħhom.

(8)

Madankollu, id-domanda għall-ħaddiema tas-sengħa ma tistax tiġi ssodisfata mill-forza tax-xogħol tal-Unjoni biss. Biex l-ekonomija tal-Unjoni tirnexxi u tkun reżiljenti, jeħtieġ issir aktar attraenti għat-talent globali. Il-migrazzjoni legali ġestita tal-persuni minn pajjiżi terzi li qed ifittxu impjieg trid tkun parti mis-soluzzjoni għan-nuqqas ta’ ħaddiema li jiffaċċjaw l-impjegaturi biex isibu l-ħaddiema bil-ħiliet li jeħtieġu, u biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku.

(9)

Id-data tal-istħarriġ tal-UE dwar il-forza tax-xogħol turi li hemm ċans akbar li l-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li jkollhom edukazzjoni terzjarja jkunu kkwalifikati żżejjed għall-impjieg tagħhom meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Unjoni, u li jkunu qed jaħdmu f’impjiegi b’livell baxx jew medju ta’ ħiliet. Fl-2022, ir-rata ta’ kwalifiki eċċessivi tal-Unjoni kienet ta’ 39,4 % għaċ-ċittadini mhux tal-Unjoni, 31,8 % għaċ-ċittadini tal-Unjoni minn Stati Membri oħra u 21,1 % biss għall-persuni nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni (5). Il-kwalifiki eċċessivi jistgħu jwasslu għal telf ekonomiku għall-individwi kkonċernati kif ukoll għall-ekonomija tal-Unjoni.

(10)

Għalkemm l-Istati Membri għad għandhom id-dritt li jiddeterminaw il-volumi ta’ ammissjoni ta’ persuni ġejjin minn pajjiżi terzi biex jaħdmu fil-pajjiż, l-Unjoni stabbiliet approċċ komprensiv għall-migrazzjoni legali, filwaqt li rrikonoxxiet ir-rwol essenzjali tal-migranti fl-ekonomija u s-soċjetà tal-Unjoni, biex tissimplifika l-proċeduri tal-migrazzjoni u tarmonizza l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni u d-drittijiet tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fl-Unjoni. Il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (6) jirrikonoxxi li l-iżvilupp ta’ perkorsi legali lejn l-Unjoni għall-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li għandhom il-ħiliet huwa parti essenzjali minn sistema komprensiva tal-ġestjoni tal-migrazzjoni. Id-Direttiva Riformulata (UE) 2021/1883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (l-hekk imsejħa “Direttiva dwar il-Karta Blu”) hija maħsuba biex tattira t-talent b’livell għoli ta’ ħiliet lejn is-suq tax-xogħol. Biex tiġi indirizzata d-domanda dejjem akbar għal professjonisti tas-sengħa fis-settur tal-ICT fl-Istati Membri, din id-Direttiva tipprevedi li l-ħiliet professjonali ogħla għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla f’impjiegi speċifiċi tal-ICT. Barra minn hekk, il-pakkett dwar il-ħiliet u t-talenti (8), adottat mill-Kummissjoni f’April 2022, jenfasizza li l-migrazzjoni legali hija ta’ benefiċċju kemm għall-migranti kif ukoll għall-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni tagħhom. Il-pakkett ippropona miżuri ta’ politika leġiżlattivi, operazzjonali u orjentati lejn il-futur biex jissaħħaħ il-qafas tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni legali, inklużi proposti biex jiġu emendati d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE (9) u d-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-ammissjoni tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi tal-livelli kollha ta’ ħiliet u biex jissaħħu d-drittijiet tagħhom ladarba jkunu residenti fl-Unjoni.

(11)

Il-persuni tas-sengħa li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u li qed ifittxu impjieg fl-Istati Membri, jirrappreżentaw grupp li fil-biċċa l-kbira mhux sfruttat biżżejjed, ta’ persuni li qed ifittxu impjieg u li possibbilment jistgħu jissodisfaw l-ħtiġijiet tal-impjegaturi. F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1364 (11) dwar il-promozzjoni ta’ perkorsi legali għall-protezzjoni fl-UE, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri jistabbilixxu perkorsi tax-xogħol komplementari għall-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali biex jisfruttaw il-ħiliet, il-kwalifiki u l-motivazzjoni tagħhom, filwaqt li jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet u ħaddiema fl-Unjoni.

(12)

Biex jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ internazzjonali tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u jingħatawlhom opportunitajiet biex jaħdmu f’impjiegi identifikati bħala ta’ rilevanza għall-Unjoni u li fihom hemm nuqqas ta’ ħaddiema, il-Kummissjoni pproponiet l-istabbiliment ta’ “Riżerva ta’ Talent tal-UE” (12), pjattaforma li tiġbor flimkien u tappoġġa t-tqabbil tal-profili ta’ persuni minn pajjiżi terzi li qed ifittxu impjieg u postijiet tax-xogħol vakanti ta’ impjegaturi stabbiliti fl-Istati Membri. Ir-Riżerva ta’ Talent tal-UE se jkollha l-għan li tagħmel lill-Unjoni aktar attraenti għall-persuni minn pajjiżi terzi li qed ifittxu impjieg u tappoġġa lill-impjegaturi fl-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħiliet u ta’ ħaddiema fl-Unjoni. Barra minn hekk, ir-Riżerva ta’ Talent tal-UE tista’ tappoġġa l-operazzjonalizzazzjoni tal-perkorsi komplementari tax-xogħol.

(13)

Il-Kummissjoni qed tiżviluppa wkoll Sħubijiet ta’ Talent li huma wieħed mill-aspetti ewlenin tad-dimensjoni esterna tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil u li huma operazzjonalizzati f’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-attrazzjoni tal-ħiliet u t-talent lejn l-UE (13).

(14)

Fil-kuntest taż-żieda fil-kompetizzjoni globali għall-ħiliet u t-talent, huwa biss wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni li jinsab fost il-ħames pajjiżi tal-OECD l-aktar attraenti għall-ħaddiema b’livell għoli ta’ edukazzjoni fl-2023 (14). Il-kapaċità li t-talent jiġi attirat u jinżamm tiddependi fuq diversi varjabbli inklużi l-politiki ta’ integrazzjoni u inklużjoni, il-miżuri ta’ appoġġ għall-migranti bi bżonnijiet speċjali, il-perkorsi legali għar-residenza u ċ-ċittadinanza permanenti inkluż għall-istudenti, il-prospetti tal-introjtu u t-taxxa, il-perċezzjoni tal-prospetti futuri, il-kwalità tal-ħajja u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki.

(15)

Il-kwistjoni tal-attirazzjoni ta’ ħaddiema tas-sengħa u r-rwol tar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki hija indirizzata fil-firxa kollha ta’ azzjonijiet tal-Unjoni dwar il-ħiliet u l-migrazzjoni. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanja l-aġenda għall-ħiliet għall-Ewropa (15) tenfasizza l-ħtieġa li naħdmu aktar biex intejbu l-perkorsi legali lejn l-Unjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol tal-Unjoni. Il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni 2021-2027 (16) jirrikonoxxi l-importanza li r-rikonoxximent u l-komparabbiltà tal-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jiġu ffaċilitati biex jappoġġaw lill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi ħalli jużaw il-ħiliet tagħhom bis-sħiħ. Il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku (17) ħabbar xi azzjonijiet, inkluża l-ħidma fuq ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u wera, għall-ewwel darba, il-valur ta’ approċċ “il-ħiliet l-ewwel” biex jiġu identifikati l-ħiliet proprji taċ-ċittadini u tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi. Il-pakkett ta’ għajnuna għall-SMEs (18) irrikonoxxa li n-nuqqas ta’ ħiliet huwa fost l-akbar sfidi li jiffaċċjaw l-SMEs u fakkar fl-impenn li tiġi ppreżentata inizjattiva biex jittejjeb ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi ħalli tgħin fl-indirizzar tad-diskrepanzi fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol tal-Unjoni. Bl-istess mod, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” enfasizzat il-fatt li l-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħiliet fl-Unjoni jeħtieġ li niffaċilitaw il-mobbiltà billi nagħmluha aktar faċli li l-ħiliet u l-kwalifiki taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u tal-persuni nazzjonali ta’ dawk il-pajjiżi terzi jiġu rikonoxxuti.

(16)

Fl-14 ta’ Settembru 2022, il-President von der Leyen ħabbret is-Sena Ewropea tal-Ħiliet (2023) fid-diskors tagħha dwar l-istat tal-Unjoni Ewropea, u dan enfasizza l-fatt li l-attrazzjoni tal-ħiliet it-tajba lejn l-Unjoni trid tkun parti mis-soluzzjoni għall-isfidi tal-ħiliet. Id-Deċiżjoni (UE) 2023/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) stabbiliet erba’ objettivi għas-Sena Ewropea tal-Ħiliet, inkluż l-objettiv li jiġu attirati “persuni minn pajjiżi terzi bil-ħiliet meħtieġa fl-Istati Membri”. Dak l-objettiv jinvolvi l-promozzjoni tal-opportunitajiet ta’ apprendiment (inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-lingwi fejn meħtieġ), it-trawwim tal-iżvilupp tal-ħiliet u l-mobbiltà, u l-iffaċilitar tar-rikonoxximent tal-kwalifiki.

(17)

Ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki jaqdi rwol ewlieni fil-kuntest tal-attirazzjoni tat-talent u tar-reklutaġġ b’mod ġenerali. Il-kwalifiki u l-eżiti tal-apprendiment assoċjati mal-kwalifiki jservu bħala sinjali ta’ kisba fl-apprendiment. Il-kwalifiki u l-livelli tal-kwalifiki spiss jintużaw biex jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għad-dħul għall-impjiegi u jistgħu jkunu marbuta mal-avvanz fil-karriera u mar-remunerazzjoni. Il-kwalifiki spiss ikunu meħtieġa biex juru l-konformità mal-istandards u r-rekwiżiti biex wieħed jaħdem f’ċerti rwoli, pereżempju fi professjonijiet regolati.

(18)

Approċċ “il-ħiliet l-ewwel” jirrakkomanda l-identifikazzjoni u l-użu sħiħ tal-ħiliet ta’ persuna — kemm jekk jinkisbu f’kuntesti formali, mhux formali jew informali — aktar milli jibbaża l-valutazzjonijiet biss fuq il-kwalifiki. Il-miżuri biex jiġi attirat it-talent u tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol jistgħu jiġu massimizzati u għandhom ikunu mirfuda minn approċċ “il-ħiliet l-ewwel” li jagħti valur lill-ħiliet u jfittex li jqabbel lin-nies ma’ impjiegi li jirriflettu t-talent u l-potenzjal tagħhom.

(19)

Ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi huwa organizzat u ġestit b’modi differenti fil-livell nazzjonali, skont ir-rekwiżiti legali u l-organizzazzjoni tal-impjiegi, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-migrazzjoni fi Stati Membri differenti. L-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent legalment vinkolanti f’każijiet fejn jagħtu d-drittijiet lil persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li jkollhom kwalifiki speċifiċi. Dawn id-deċiżjonijiet jipprovdu mod kif jiġi vverifikat li persuna jkollha l-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa qabel ma jingħatawlha d-drittijiet fi tliet każijiet partikolari, jiġifieri, biex taċċessa professjoni regolata, biex taċċessa l-apprendiment, jew fil-kuntest tal-migrazzjoni tal-ħaddiema.

(20)

L-ewwel każ ta’ aċċess għal professjoni regolata jseħħ meta persuna nazzjonali ta’ pajjiż terz jaf ikollha bżonn li l-ħiliet u l-kwalifiki tagħha jiġu rikonoxxuti għall-fini ta’ aċċess għal professjoni regolata jew biex tkompli f’dik il-professjoni. Mijiet ta’ professjonijiet jaqgħu f’din il-kategorija, pereżempju fl-infermerija, il-mediċina, il-farmaċija, l-arkitettura u — f’xi Stati Membri — il-bennejja, il-plumbers, l-elettriċisti u l-inġiniera ċivili. Huwa meħtieġ “rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali” biex jinkiseb aċċess għal professjonijiet bħal dawn fl-Istati Membri fejn huma regolati.

(21)

Biex tiżgura b’mod effettiv il-libertà li wieħed jistabbilixxi u jipprovdi servizz u l-moviment liberu tal-persuni, filwaqt li tiżgura li l-istandards u r-rekwiżiti professjonali jiġu ssodisfati, l-Unjoni stabbiliet prinċipji, proċeduri u kriterji komuni għar-rikonoxximent biex tippromwovi t-trasparenza, il-ġustizzja u l-konsistenza fir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali permezz tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

(22)

Il-benefiċjarji tad-Direttiva 2005/36/KE huma persuni nazzjonali tal-Istati Membri li jeżerċitaw id-drittijiet għall-moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni. Biex tikkomplementa d-Direttiva, il-benefiċjarji primarji ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huma l-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li qegħdin fil-proċess biex jiksbu viża jew permess tax-xogħol u tar-residenza fi Stat Membru jew li huma diġà legalment residenti fl-Unjoni, irrispettivament minn jekk humiex detenturi ta’ kwalifiki maħruġa fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi. Għadd ta’ rakkomandazzjonijiet jistgħu jkunu rilevanti wkoll għar-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-persuni nazzjonali tal-Unjoni li jkollhom kwalifiki maħruġa f’pajjiżi terzi, biex jiġi żgurat li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jiġi rispettat.

(23)

Il-premessa 10 tad-Direttiva 2005/36/KE tiddikjara li d-Direttiva ma toħloqx ostaklu għall-possibbiltà li l-Istati Membri jirrikonoxxu, f’konformità mar-regoli tagħhom, il-kwalifiki professjonali tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi miksuba barra mill-Unjoni, iżda li dan ir-rikonoxximent għandu jirrispetta l-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ għal ċerti professjonijiet. Xi regoli dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki japplikaw għal persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, fejn dawn jibbenefikaw minn trattament ugwali bħall-persuni nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ażil u l-migrazzjoni legali, kif ukoll mill-moviment liberu (eż. residenti fit-tul, membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni minn pajjiżi terzi, benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja, riċerkaturi, ħaddiema b’ħiliet għolja li għandhom Karta Blu tal-UE, persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/98/UE u ħaddiema staġjonali).

(24)

Id-Direttiva 2005/36/KE tapplika wkoll għal persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi speċifiċi permezz ta’ diversi strumenti u ftehimiet. Pereżempju, id-Direttiva 2005/36/KE għalhekk tapplika wkoll għall-persuni nazzjonali tal-pajjiżi taż-ŻEE (skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea) u għall-persuni nazzjonali tal-Iżvizzera (skont il-Ftehim UE-Żvizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni). Il-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jiċċaraw l-arranġamenti għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE għall-kwalifiki miksuba fir-Renju Unit qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2020.

(25)

Il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (FTAs) tal-Unjoni jinkludu dispożizzjonijiet li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku (MRA) għall-kwalifiki professjonali ma’ pajjiżi terzi. Il-MRA għall-periti konkluż fil-prinċipju fl-2022 bejn l-Unjoni u l-Kanada jippermetti l-aċċess għall-prattika bħala perit fiż-żewġ territorji f’konformità mal-kriterji miftiehma. Il-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni jinkludu wkoll impenji biex jiffaċilitaw il-preżenza temporanja ta’ professjonisti tas-sengħa fl-Unjoni, li jistgħu jikkomplementaw il-proċeduri biex il-kwalifiki ta’ pajjiżi terzi jiġu rikonoxxuti aħjar.

(26)

It-tieni każ fejn il-persuni nazzjonali ta’ pajjiż terz jaf ikollhom bżonn li l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti huwa r-“rikonoxximent akkademiku”, li jfisser rikonoxximent għall-fini tal-aċċess għal forom ta’ apprendiment ulterjuri bħall-istudji akkademiċi, u t-taħriġ vokazzjonali u professjonali; jew għall-użu ta’ titolu akkademiku. Ir-rikonoxximent akkademiku jiffoka fuq il-validità, il-livell u l-eżiti tal-apprendiment ta’ kwalifika edukattiva barranija jew ta’ apprendiment preċedenti bil-ħsieb li jiġu aċċessati aktar studji. In-networks tan-Network Ewropew ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni u ċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku (in-networks ENIC-NARIC) jipprovdu deċiżjonijiet ta’ informazzjoni, pariri u rikonoxximent biex jiffaċilitaw id-dħul għal aktar studji (normalment fl-edukazzjoni għolja) u jista’ jkollhom rwoli fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent, fit-trattament ta’ appelli jew fl-għoti ta’ pariri dwar ir-rikonoxximent jew il-komparabbiltà tal-kwalifiki, inkluż għall-aċċess għall-impjiegi f’xi pajjiżi.

(27)

Il-Unesco u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-Reġjun Ewropew hija l-istrument legali primarju għar-rikonoxximent tal-kwalifiki fl-Ewropa u lil hinn minnha. Hija tippromwovi proċeduri ta’ rikonoxximent ġusti u trasparenti f’perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-kwalifiki tal-edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell u tal-edukazzjoni għolja. L-Artikolu VII tal-Konvenzjoni ta’ Liżbona dwar ir-Rikonoxximent ifittex li jiffaċilita r-rikonoxximent ta’ kwalifiki tal-edukazzjoni ogħla li jkollhom ir-refuġjati, il-persuni spostati u l-persuni f’sitwazzjoni simili għar-refuġjati li ma jistgħux jagħtu evidenza dokumentarja tal-kwalifiki tagħhom biex jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għal programmi ta’ edukazzjoni ogħla jew għal attivitajiet ta’ impjieg. Barra minn hekk, fl-2017, il-Kumitat tal-Konvenzjoni ta’ Liżbona dwar ir-Rikonoxximent adotta Rakkomandazzjoni dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki li jkollhom ir-Refuġjati, il-Persuni Spostati u l-Persuni f’Sitwazzjoni simili għar-Refuġjati li tistabbilixxi l-prinċipji għall-istabbiliment ta’ politiki dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki li jkollhom ir-refuġjati. Il-Konvenzjoni Globali tal-Unesco dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki fir-rigward tal-Edukazzjoni Għolja tistabbilixxi prinċipji universali għar-rikonoxximent ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju tal-kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-kwalifiki li jagħtu aċċess għall-edukazzjoni għolja u jwittu t-triq għal aktar studju u impjieg.

(28)

It-tielet każ fejn il-persuni nazzjonali ta’ pajjiż terz jaf ikollhom bżonn li l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti huwa fil-kuntest tal-proċeduri ta’ migrazzjoni tal-ħaddiema. Għall-finijiet tal-ħruġ ta’ viżi jew permessi ta’ xogħol u ta’ residenza għal skopijiet ta’ impjieg, l-Istati Membri jivverifikaw il-ħiliet u l-kwalifiki ta’ persuna nazzjonali ta’ pajjiż terz. Il-kriterji u l-approċċi tal-valutazzjoni jvarjaw fost l-Istati Membri. Ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki għall-migrazzjoni tal-ħaddiema jista’ jiġi organizzat bħala parti minn proċess ta’ qabel it-tluq jew ta’ wara l-wasla biex il-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jitħejjew għall-integrazzjoni. Rati għolja ta’ rifjut għall-applikazzjonijiet u żminijiet twal tal-ipproċessar jafu jiskoraġġixxu lill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi; u valutazzjoni bbażata biss fuq il-kwalifiki u l-edukazzjoni u t-taħriġ formali mhux dejjem tagħti stampa sħiħa tas-sett ta’ ħiliet u tal-potenzjal tal-applikanti u tista’ tfixkel l-integrazzjoni tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol.

(29)

Lil hinn mill-każijiet fejn huwa meħtieġ ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, il-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jistgħu jkunu jeħtieġu wkoll aċċess għal għodod u informazzjoni biex jgħinu t-trasparenza tal-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom, pereżempju għal impjieg fi professjonijiet mhux regolati jew biex jaċċessaw finanzjament. Filwaqt li r-rikonoxximent tal-kwalifiki mhuwiex meħtieġ, il-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jistgħu jkunu meħtieġa jiksbu dikjarazzjoni dwar il-komparabbiltà, jew informazzjoni jew parir dwar in-natura u l-awtentiċità tal-kwalifiki tagħhom miksuba f’pajjiż terz biex jifhmu u jispjegaw il-valur tal-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom. Dan l-użu volontarju ta’ strumenti ta’ trasparenza ma jagħtix drittijiet addizzjonali lid-detentur tal-kwalifika u mhuwiex parti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Għalkemm huwa eskluż mid-definizzjoni tat-terminu “rikonoxximent” fil-kuntest ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, jekk il-persuni nazzjonali ta’ pajjiż terz jiksbu din id-dikjarazzjoni uffiċjali, jew ifiehmu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom lill-impjegaturi, dan jista’ jissejjaħ “rikonoxximent” f’xi Stati Membri.

(30)

Inizjattivi li ilhom jeżistu, bħall-qafas tal-Europass (21) u l-għodod ta’ trasparenza bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) (22), il-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO), il-Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment, u l-għodod ta’ trasparenza tal-Proċess ta’ Bolonja jistgħu jintużaw biex jappoġġaw it-trasparenza u l-komparabbiltà tal-ħiliet u l-kwalifiki madwar l-Unjoni biex jiffaċilitaw l-apprendiment u l-iżvilupp tal-karriera.

(31)

Fit-tliet każijiet fejn il-persuni nazzjonali ta’ pajjiż terz jaf ikollhom bżonn li l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti, il-proċeduri għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiż terz spiss ikunu aktar kumplessi u għaljin minn dawk għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi għandhom it-tendenza li jkollhom aċċess aktar limitat għall-appoġġ. Dawn jafu jesperjenzaw diffikultajiet minħabba ostakli lingwistiċi (jekk is-servizzi ta’ informazzjoni u appoġġ ma jkunux disponibbli fil-lingwi li jafu) jew jistgħu jsibuha diffiċli biex jinnavigaw u jifhmu s-sistemi nazzjonali differenti għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki. Il-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jafu jkunu mistennija jorganizzaw u jkopru l-kostijiet tat-traduzzjoni u taċ-ċertifikazzjoni uffiċjali tad-dokumenti, u jipprovdu dokumenti u evidenza oħra tal-kwalifiki tagħhom li mhumiex meħtieġa minn persuni nazzjonali tal-Unjoni jew li tipikament ma jinħarġux f’pajjiżhom. Il-benefiċjarji jew l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni kif ukoll il-persuni li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u li jkunu jinsabu f’pajjiżi terzi u li jistgħu jibbenefikaw minn perkorsi tax-xogħol komplementari, jaf saħansitra ma jkunux jistgħu jiddokumentaw bis-sħiħ il-kwalifiki tagħhom, pereżempju meta d-dokumenti jkunu ntilfu waqt titjira jew l-ispostament.

(32)

L-impjegaturi u dawk li jirreklutaw spiss jiffaċċjaw sfidi u kostijiet meta jirreklutaw persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi. In-nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-kwalifiki miksuba f’pajjiżi terzi, il-proċessi amministrattivi onerużi, ir-rekwiżiti tat-traduzzjoni, il-verifika tal-awtentiċità, il-konformità u l-ħinijiet twal tal-ipproċessar (inkluż għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki) jistgħu jagħmluha aktar diffiċli għalihom biex jattiraw it-talent f’suq tax-xogħol kompetittiv. Xi Stati Membri japplikaw il-prinċipju ta’ preferenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni (testijiet tas-suq tax-xogħol) li jirrikjedu li l-kumpaniji jagħtu prova li ma rnexxilhomx isibu ħaddiema nazzjonali, ċittadini tal-Unjoni jew persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi residenti legalment, li għandhom aċċess għas-suq tax-xogħol skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, qabel ma jitħallew jirreklutaw persuna nazzjonali ta’ pajjiż terz. Dan ir-rekwiżit ikompli joħloq piż għall-impjegaturi, b’mod partikolari għall-SMEs.

(33)

Ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki maħruġa f’pajjiżi terzi jista’ jkun ta’ sfida għall-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri minħabba nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-kwalifiki ta’ pajjiżi terzi; differenzi fl-organizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-kwalifiki, differenzi lingwistiċi, diffikultajiet fil-verifika tal-awtentiċità, u nuqqas ta’ networks u kuntatti stabbiliti li permezz tagħhom tinbena l-fiduċja u l-fehim fil-kwalifiki miksuba barra mill-Unjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali jiġġestixxu d-data u l-informazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki b’mod differenti u inkonsistenti, u għalhekk għandhom kapaċità limitata biex jiskambjaw l-informazzjoni ma’ xulxin u jiżviluppaw approċċi konsistenti għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi.

(34)

Ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fil-livell nazzjonali għandu jiġi ppjanat, jingħata r-riżorsi u jiġi żviluppat bħala parti minn approċċi ta’ “gvern sħiħ” biex jiġi attirat it-talent, f’konformità mal-bidliet fil-provvista tal-ħiliet u d-domanda għalihom.

(35)

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom itejbu l-kapaċità tagħhom li jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri ta’ rikonoxximent u jipprovdu appoġġ u informazzjoni rilevanti lill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, lill-awtoritajiet ta’ rikonoxximent, lis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, lill-ispettorati tax-xogħol u lill-awtoritajiet tal-migrazzjoni. Il-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni fil-qasam tal-ħiliet u l-kwalifiki u l-għarfien espert u l-esperjenza tal-Istati Membri fir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tista’ tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali u tinforma l-kapaċità kollettiva tal-Unjoni li tirriforma u ssaħħaħ il-proċessi għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi. Il-kooperazzjoni tista’ tippermetti l-kondiviżjoni ta’ għarfien espert u informazzjoni u approċċi konsistenti għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari għall-kwalifiki li spiss jidhru fi proċeduri ta’ rikonoxximent fl-Istati Membri.

(36)

Il-kooperazzjoni amministrattiva, is-sħubijiet u l-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi, u l-kooperazzjoni mal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u partijiet ikkonċernati oħra fil-pajjiżi terzi, jistgħu jiffaċilitaw il-fiduċja, it-trasparenza u l-iskambju aktar faċli tal-informazzjoni u l-awtentikazzjoni tal-kwalifiki.

(37)

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ħolqot il-ħtieġa urġenti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-benefiċjarji tal-protezzjoni temporanja għas-suq tax-xogħol tal-Unjoni. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/554 (23) stabbiliet rakkomandazzjonijiet u gwida biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-faċilitazzjoni tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Valutazzjoni tal-Kummissjoni (24) dwar l-adozzjoni u r-reazzjonijiet tal-Istati Membri għal dik ir-Rakkomandazzjoni, ippubblikata f’Ġunju 2023, identifikat firxa ta’ prattiki promettenti. Il-valutazzjoni enfasizzat il-fatt li xi Stati Membri kienu ħadu passi sinifikanti biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-professjonisti Ukreni, speċjalment fl-oqsma tas-saħħa u t-tagħlim. Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/554 bagħtet sinjal politiku qawwi lill-Istati Membri biex jagħmlu dak kollu li jistgħu ħalli jissodisfaw il-ħtiġijiet urġenti tas-sitwazzjoni. Il-partijiet ikkonċernati, bħall-grupp ta’ koordinaturi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, esprimew l-apprezzament tagħhom għar-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/554 u xi wħud issuġġerew li l-miżuri għandhom jiġu estiżi għal persuni nazzjonali oħra ta’ pajjiżi terzi.

(38)

L-Unjoni hija impenjata li tappoġġa l-iżvilupp uman u ekonomiku permezz ta’ assistenza u kooperazzjoni għall-iżvilupp. Is-sħubijiet ma’ pajjiżi terzi biex jiġi attirat it-talent jiġu żviluppati b’mod ta’ benefiċċju reċiproku li jappoġġaw il-mili tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol taż-żewġ sħab. Il-politika u l-azzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri dwar ir-reklutaġġ internazzjonali għandhom itaffu kwalunkwe implikazzjoni negattiva potenzjali għall-pajjiżi ta’ oriġini. L-isforzi biex jiġi attirat it-talent ma għandhomx iwasslu għal ħarba tal-kapital uman jew għal “eżodu ta’ mħuħ” li jistgħu jillimitaw il-kapaċità soċjoekonomika u l-iżvilupp ta’ pajjiżi terzi u l-kapaċità tagħhom li jiġġestixxu servizzi essenzjali. Huma meħtieġa approċċi sistematiċi għar-reklutaġġ internazzjonali, inklużi sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku mal-pajjiżi ta’ oriġini, bħal Sħubijiet ta’ Talent, li jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kapaċità fil-pajjiż ta’ oriġini.

TIRRAKKOMANDA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Objettiv

1.

Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi gwida dwar is-simplifikazzjoni u t-tħaffif tar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi mill-Istati Membri bl-għan li s-suq tax-xogħol tal-Unjoni jsir aktar attraenti għall-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u biex tiffaċilita l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol f’konformità mal-ħtiġijiet tal-ekonomija u tas-soċjetà tal-Unjoni.

2.

Il-proċeduri għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu parti minn approċċi olistiċi, “tal-gvern kollu” għall-ġestjoni tad-disponibbiltà tal-ħiliet, f’konformità max-xejriet tal-ħiliet fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni. Dan l-approċċ jinkludi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, l-attivazzjoni tas-suq tax-xogħol, il-mobbiltà fl-Unjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u l-attrazzjoni tat-talent minn barra l-Unjoni.

3.

L-Istati Membri għandhom ifittxu li jużaw il-potenzjal tal-migrazzjoni legali biex jattiraw il-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li għandhom il-ħiliet biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jimmiraw li jtejbu b’mod sistematiku l-attraenza tagħhom bħala destinazzjoni għall-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li ta’ kull livell ta’ ħiliet, inkluż billi jsaħħu s-sistemi għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, biex fejn applikabbli dan iwassal għal żieda konsiderevoli fl-indikatur tal-attraenza tat-talent tal-OECD għall-ħaddiema b’livell għoli ta’ edukazzjoni.

(b)

jużaw bis-sħiħ il-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fis-swieq tax-xogħol tagħhom, bl-għan li sal-2030, inaqqsu b’mod sinifikanti d-distakk fir-rata ta’ kwalifiki eċċessivi bejn il-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u l-persuni nazzjonali tagħhom stess.

Kamp ta’ applikazzjoni

4.

Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika għas-sitwazzjonijiet fejn il-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jkunu fil-proċess li jiksbu viża jew permess tax-xogħol u tar-residenza fi Stat Membru jew ikunu diġà legalment residenti fl-Unjoni.

5.

Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika meta r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki ikun meħtieġ biex jingħataw id-drittijiet lil persuna nazzjonali ta’ pajjiż terz, jiġifieri:

(a)

li jingħata aċċess għal professjoni regolata fi Stat Membru (“rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali”).

(b)

li jingħata aċċess għal programm ta’ apprendiment (“rikonoxximent akkademiku”).

(c)

li jingħata viża jew permess tax-xogħol u tar-residenza għal finijiet ta’ impjieg fl-Istat Membru, fejn ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki huwa parti mill-proċess (“rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki għall-migrazzjoni tal-ħaddiema”).

Definizzjonijiet

6.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(a)

“Rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki” tfisser rikonoxximent formali minn awtorità rilevanti tal-validità ta’ kwalifika barranija, u l-identifikazzjoni tal-ħiliet, bil-ħsieb li jingħataw id-drittijiet lil persuna nazzjonali ta’ pajjiż terz, jiġifieri l-aċċess għal professjoni regolata, viża jew permess tax-xogħol u tar-residenza għal finijiet ta’ impjieg jew ta’ aċċess għal programm ta’ apprendiment.

(b)

“Rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali” tfisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ kwalifika professjonali barranija għall-fini tal-aċċess għal professjoni regolata jew l-eżerċitar tagħha fit-territorju tiegħu.

(c)

“Professjoni regolata” tfisser attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi tal-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament (permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi) għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi.

(d)

“Rikonoxximent akkademiku” tfisser ir-rikonoxximent formali, minn awtorità kompetenti, tal-validità u l-livell ta’ kwalifika edukattiva barranija jew ta’ apprendiment preċedenti, iffukati fuq l-eżiti tal-apprendiment, bil-ħsieb li jiġu aċċessati aktar studji mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ istituzzjoni tal-edukazzjoni u tat-taħriġ jew tal-awtoritajiet kompetenti li jistabbilixxu kriterji speċifiċi ta’ ammissjoni għal programmi speċifiċi jew li jivverifikaw l-awtentiċità tad-dokumenti.

(e)

“Rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki għall-migrazzjoni tal-ħaddiema” tfisser ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki bħala parti minn proċess ta’ Stat Membru biex jingħataw viża jew permess tax-xogħol u tar-residenza lil persuna nazzjonali ta’ pajjiż terz inkluż bħala parti minn sistemi ta’ immigrazzjoni bbażati fuq il-punti.

(f)

“Professjoni regolata bi prijorità” tfisser professjoni regolata li tkun ġiet identifikata minn Stat Membru bħala essenzjali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ ħiliet ewlenin għall-iżvilupp ekonomiku jew għall-forniment ta’ ħiliet u servizzi essenzjali u fejn ikunu meħtieġa azzjonijiet jew miżuri partikolari biex tinbena l-forza tax-xogħol attiva fil-professjoni rilevanti.

(g)

“Validazzjoni tal-ħiliet akkwistati permezz ta’ apprendiment mhux formali u informali” tfisser il-proċess li permezz tiegħu awtorità jew korp kompetenti jikkonfermaw li persuna tkun akkwistat l-eżiti tal-apprendiment permezz ta’ ambjenti ta’ apprendiment mhux formali u informali, imkejla skont standard rilevanti.

(h)

“Kors ta’ tranżizzjoni” tfisser opportunità ta’ apprendiment immirata li tkopri differenzi sostanzjali bejn l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba minn persuna u dawk meħtieġa biex jinkiseb aċċess għal professjoni regolata.

(i)

“Mudell ta’ Apprendiment Ewropew” tfisser il-mudell tad-data multilingwi għall-apprendiment, ippubblikat mill-Kummissjoni, li jista’ jintuża biex jiddeskrivi d-data kollha relatata mal-apprendiment, inkluż l-apprendiment formali, mhux formali u informali, u li jappoġġa l-iskambju tad-data dwar il-ħiliet, l-interoperabbiltà, u l-ħruġ u l-iskambju ta’ kredenzjali diġitali.

(j)

“Qafas Ewropew tal-Kwalifiki jew QEK” tfisser qafas ta’ referenza komuni ta’ tmien livelli ta’ kwalifiki, espressi bħala eżiti tal-apprendiment b’livelli dejjem akbar ta’ profiċjenza, li jservi bħala apparat ta’ traduzzjoni bejn sistemi differenti ta’ kwalifiki u l-livelli tagħhom, biex jittejbu t-trasparenza, il-komparabbiltà u l-portabbiltà tal-kwalifiki tan-nies.

(k)

“Qafas nazzjonali tal-kwalifiki” tfisser strument għall-klassifikazzjoni tal-kwalifiki skont sett ta’ kriterji għal livelli speċifikati ta’ apprendiment miksub, li għandu l-għan li jintegra u jikkoordina s-sottosistemi nazzjonali tal-kwalifiki u jtejjeb it-trasparenza, l-aċċess, il-progressjoni u l-kwalità tal-kwalifiki b’rabta mas-suq tax-xogħol u mas-soċjetà ċivili.

(l)

“Kwalifiki eċċessivi” tfisser sitwazzjoni fejn persuna jkollha livell ta’ ħiliet jew edukazzjoni u taħriġ ogħla minn dak meħtieġ biex twettaq l-impjieg tagħha (25).

KAPITOLU II

PRINĊIPJI GĦAR-RIKONOXXIMENT TAL-ĦILIET U L-KWALIFIKI TAL-PERSUNI NAZZJONALI TA’ PAJJIŻI TERZI

Dawn il-prinċipji jindirizzaw ir-rwol tar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fil-kuntest ta’ politika usa’ tal-migrazzjoni tal-ħaddiema u l-politiki tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet.

7.

L-Istati Membri għandhom inaqqsu b’mod sistematiku l-ostakli relatati mar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki li jimpedixxu l-possibbiltà tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li jemigraw legalment lejn dak l-Istat Membru, biex jiggarantixxu impjieg li jirrifletti l-ħiliet u l-esperjenza tagħhom, u jintegraw b’suċċess fis-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru, u b’hekk jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħiliet u ħaddiema fl-Istat Membru.

8.

Il-proċeduri nazzjonali għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki għandhom jużaw approċċ “il-ħiliet l-ewwel” li jenfasizza t-talent u l-potenzjal sħiħ ta’ persuna u jtaffi r-riskju ta’ kwalifiki eċċessivi. Il-proċeduri għandhom jevitaw li l-valutazzjonijiet tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jkunu bbażati biss fuq il-kwalifiki tagħhom. Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki għandu jintuża flimkien ma’ valutazzjoni tal-ħiliet u l-esperjenzi kull fejn ikun possibbli.

9.

L-Istati Membri li jagħmlu użu mit-testijiet tas-suq tax-xogħol għandhom jimmonitorjaw regolarment il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u d-disponibbiltà tal-ħiliet u jistgħu jikkunsidraw li jagħtu eżenzjonijiet mit-testijiet tas-suq tax-xogħol għar-reklutaġġ f’impjiegi jew f’setturi li jkunu qed jesperjenzaw nuqqas ta’ ħiliet. Huma mħeġġa jipprevedu dawn l-eżenzjonijiet b’mod partikolari għall-SMEs. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jitwettqu, it-testijiet tas-suq tax-xogħol jitlestew malajr, ikunu jinvolvu piż amministrattiv limitat għall-impjegaturi u għall-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, u jiġu applikati b’mod ċar u trasparenti. L-Istati Membri għandhom jipprovdu appoġġ partikolari lill-SMEs.

10.

L-approċċi nazzjonali biex jiġi attirat it-talent globali, inkluż ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, għandhom jiġu ġestiti biex jittaffa r-riskju ta’ ħarba tal-kapital uman (“eżodu ta’ mħuħ”) għall-pajjiżi ta’ oriġini. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ kollaborazzjoni biex jiġu appoġġati l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-iżvilupp tal-ħiliet fil-pajjiż ta’ oriġini, ir-riċerka kontinwa u l-monitoraġġ biex jiġu identifikati l-konsegwenzi negattivi potenzjali għall-pajjiżi ta’ oriġini, u l-appoġġ għall-migrazzjoni ċirkolari, biex iż-żewġ pajjiżi jkunu jistgħu jiksbu benefiċċji mill-migrazzjoni legali lejn l-Unjoni.

11.

Ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki ma għandux ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ reklutaġġ fi professjonijiet li mhumiex regolati. F’dawn il-każijiet, l-għodod ta’ trasparenza u l-informazzjoni jistgħu jappoġġaw il-fehim u t-tqabbil tal-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi bil-ħsieb li jappoġġaw ir-reklutaġġ fejn meħtieġ.

KAPITOLU III

ORGANIZZAZZJONI TAR-RIKONOXXIMENT TAL-ĦILIET U L-KWALIFIKI TAL-PERSUNI NAZZJONALI TA’ PAJJIŻI TERZI

Ir-rakkomandazzjonijiet f’dan il-kapitolu japplikaw għat-tliet każijiet ta’ rikonoxximent ta’ ħiliet u kwalifiki kif stabbilit fil-punt 5(a)–(c) hawn fuq.

Tisħiħ tal-kapaċitajiet

12.

L-Istati Membri għandhom jinvestu riżorsi finanzjarji u umani xierqa fil-kapaċità tal-awtoritajiet rilevanti tagħhom, inklużi ċ-Ċentri ta’ Informazzjoni Nazzjonali Ewropej tagħhom u ċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku (iċ-ċentri ENIC-NARIC), biex jiżguraw li jkunu jistgħu jissodisfaw id-domanda, u jkunu jistgħu jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi.

L-iżvilupp tal-persunal

13.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw li l-persunal rilevanti jkollu aċċess għat-taħriġ biex jiżviluppa l-ħiliet, inklużi l-ħiliet fil-lingwi barranin, meħtieġa biex ikun jista’ jinforma u jagħti pariri kemm lill-impjegaturi kif ukoll lill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, u ħalli jivvalutaw il-ħiliet u l-kwalifiki.

Ġestjoni tad-data

14.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jirreġistraw, janalizzaw u jippubblikaw b’mod sistematiku d-data dwar it-tipi ta’ applikazzjonijiet riċevuti mill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, il-pajjiżi tal-oriġini, il-ħinijiet tal-ipproċessar u l-eżitu tad-deċiżjonijiet meħuda (inklużi deċiżjonijiet negattivi u miżuri ta’ kumpens li ġew applikati) biex jimmonitorjaw l-impatt tal-proċeduri għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki.

15.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jadottaw il-Mudell ta’ Apprendiment Ewropew għall-istrutturar tad-data dwar deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent, kwalifiki pproċessati preċedentement u data oħra dwar il-kisbiet u l-intitolamenti tal-apprendiment biex jappoġġaw l-interoperabbiltà bejn is-sistemi u l-kondiviżjoni aktar faċli tal-informazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi.

16.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jużaw il-klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO) meta jirreġistraw l-informazzjoni dwar l-impjiegi, il-kwalifiki u l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi fi ħdan is-sistemi nazzjonali tagħhom biex jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi u t-traduzzjoni tad-data.

17.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinkludu l-informazzjoni fuq il-livell korrispondenti dwar il-QEK fid-data kollha li jirreġistraw fir-rigward tal-kwalifiki ta’ pajjiżi terzi biex jiffaċilitaw it-tqabbil u t-trasparenza tal-kwalifiki.

Żvilupp tal-għarfien

18.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżviluppaw u jfittxu l-aċċess, kif rilevanti, għal sorsi affidabbli ta’ informazzjoni dwar il-kwalifiki, is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-professjonijiet regolati f’pajjiżi terzi.

19.

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw bażijiet tad-data nazzjonali interoperabbli dwar il-komparabbiltà tal-kwalifiki ta’ pajjiżi terzi, bil-possibbiltà li joħorġu dikjarazzjonijiet dwar il-komparabbiltà, biex jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent tagħhom u jkomplu t-trasparenza tal-proċeduri ta’ rikonoxximent. Biex tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà, il-bażijiet tad-data għandhom ikunu bbażati fuq l-istandards tal-Mudell ta’ Apprendiment Ewropew.

Kooperazzjoni

20.

L-Istati Membri għandhom jinvolvu ruħhom fi djalogu mas-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati nazzjonali rilevanti (pereżempju, l-impjegaturi, l-SMEs, is-soċjetà ċivili, u l-organizzazzjonijiet tal-migranti) ħalli jindirizzaw l-ostakli għar-reklutaġġ tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, inkluż fehim u rikonoxximent insuffiċjenti tal-ħiliet u l-kwalifiki.

21.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżviluppaw kuntatti u relazzjonijiet ta’ ħidma ma’ awtoritajiet nazzjonali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inkluż fi Stati Membri oħra, biex jiżviluppaw l-għarfien u jiskambjaw l-informazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi.

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

22.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jikkooperaw ma’ pajjiżi terzi (inkluż fil-kuntest ta’ ftehimiet kummerċjali, ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku u sħubijiet, bħas-Sħubijiet ta’ Talent) biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent simplifikat u mħaffef tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi.

23.

Fejn tkun teżisti l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom:

(a)

joffru, lill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, aċċess għall-proċeduri ta’ rikonoxximent qabel ma jaslu mill-pajjiż terz.

(b)

jiżviluppaw għarfien dwar il-kwalifiki rilevanti, inklużi l-eżiti tal-apprendiment mistennija, dwar l-istruttura tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-pajjiż terz, u dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-professjonijiet regolati f’kooperazzjoni mal-pajjiż terz.

(c)

jorganizzaw skambji tal-informazzjoni, żjarat ta’ studju u proġetti konġunti ma’ pajjiżi terzi biex jippromwovu l-fehim u l-fiduċja fil-kwalifiki.

(d)

jistabbilixxu, mal-awtoritajiet fil-pajjiż terz, proċessi biex jawtentikaw id-dokumenti, jidentifikaw dokumenti frawdolenti u jiksbu informazzjoni nieqsa biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-applikanti u l-awtoritajiet nazzjonali.

Informazzjoni u appoġġ

24.

L-Istati Membri għandhom joffru appoġġ immirat u mfassal apposta għall-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi dwar ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki inkluż:

(a)

bħala parti mill-proċessi ta’ qabel it-tluq.

(b)

bħala parti mis-servizzi tal-impjiegi biex jappoġġaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

(c)

għall-aċċess għal opportunitajiet ta’ apprendiment tul il-ħajja fl-Istat Membru.

(d)

biex jappoġġaw l-istabbiliment mill-ġdid tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom mar-ritorn tagħhom.

25.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, l-impjegaturi u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jaċċessaw informazzjoni faċli għall-utent, kompluta u aġġornata dwar ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom.

(a)

Is-servizzi ta’ informazzjoni u appoġġ għandhom jiġu pprovduti bil-lingwa/i nazzjonali, bl-Ingliż u bil-lingwi mitkellma ta’ spiss mill-migranti deħlin jew mill-migranti li diġà jirrisjedu legalment fl-Istat Membru.

(b)

L-informazzjoni online għandha tiġi pprovduta f’formati faċli biex jintużaw fuq il-mowbajl u aċċessibbli.

26.

L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-approċċi tagħhom għall-għoti ta’ informazzjoni u servizzi ta’ appoġġ għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, inkluż:

(a)

bl-iżvilupp ta’ għodod online komprensivi li jgħinu lill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jaċċessaw l-informazzjoni meħtieġa u l-appoġġ bir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom.

(b)

bl-iżvilupp ċentralizzat jew koordinat ta’ informazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jinxterdu u jintużaw mill-ġdid mill-awtoritajiet ta’ rikonoxximent, mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, mill-ispettorati tax-xogħol u mill-awtoritajiet tal-migrazzjoni.

(c)

bil-koordinazzjoni tal-input u l-aġġornamenti tal-informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi ppubblikata fil-Bażi tad-Data tal-Professjonijiet Regolati, biex tiġi appoġġata l-azzjoni deskritta fil-punt 56(c) hawn taħt.

27.

L-informazzjoni pprovduta għandha tgħin lill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jifhmu liema proċeduri ta’ rikonoxximent, jekk ikun hemm, jaf ikollhom bżonn isegwu u jirreferuhom għand is-servizzi tal-appoġġ rilevanti kif ġej:

(a)

l-aċċess għal professjonijiet regolati: lill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi għandha tintbagħtilhom l-informazzjoni rilevanti dwar il-professjonijiet regolati fl-Istat Membru, inkluż il-punti ta’ kuntatt rilevanti li jipprovdu informazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri.

(b)

biex jingħata aċċess għal programm ta’ apprendiment: lill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi għandha tintbagħtilhom l-informazzjoni rilevanti dwar ir-rikonoxximent akkademiku u l-istudji fl-Istat Membru.

(c)

proċeduri ta’ migrazzjoni legali: lill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi għandha tintbagħtilhom l-informazzjoni rilevanti dwar il-proċeduri ta’ migrazzjoni legali, inkluż id-dettalji tal-kuntatt tal-awtoritajiet tal-migrazzjoni rilevanti.

(d)

impjieg fi professjonijiet mhux regolati: lill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi għandha tintbagħtilhom l-informazzjoni dwar it-trasparenza tal-ħiliet u l-kwalifiki, inkluż is-servizzi tal-informazzjoni online, biex ikunu jistgħu jiksbu parir jew dikjarazzjonijiet (eż. dikjarazzjonijiet dwar il-komparabbiltà) li jgħinuhom jispjegaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom lill-impjegaturi.

28.

L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ir-rikonoxximent u t-trasparenza ta’ kwalunkwe apprendiment li jsir min-naħa tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fl-Istat Membru billi:

(a)

jiżguraw li l-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jkunu jistgħu jiksbu evidenza (eż. ċertifikati jew kredenzjali oħra) ta’ kwalunkwe apprendiment li jkunu għamlu fl-Istat Membru.

(b)

jiżguraw li l-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jkollhom aċċess għal proċessi tal-validazzjoni tal-ħiliet akkwistati permezz ta’ apprendiment mhux formali u informali.

(c)

jagħtu appoġġ amministrattiv lil Stati Membri u pajjiżi ta’ oriġini oħra biex jgħinuhom fir-rikonoxximent u l-fehim tal-apprendiment li jkun sar min-naħa tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fl-Istat Membru.

Proċeduri

29.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jkunu faċli għall-utent u jnaqqsu l-piż amministrattiv għall-applikanti.

Traduzzjonijiet

30.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jużaw l-eTranslation (is-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni) jew traduzzjoni awtomatika oħra, fejn xieraq.

31.

Fejn possibbli, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jimminimizzaw ir-rekwiżiti għall-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi biex jipprovdu traduzzjonijiet tad-dokumenti, inkluż billi ma jitolbux lill-applikanti jipprovdu traduzzjonijiet minn lingwi koperti mill-għodda tal-eTranslation.

Awtentikazzjoni

32.

L-Istati Membri għandhom ifittxu li joħolqu l-fiduċja meħtieġa biex jivverifikaw b’mod effiċjenti l-awtentiċità, il-validità, il-livell u l-eżiti tal-apprendiment, kif xieraq, tal-kwalifiki minn pajjiżi terzi, inkluż permezz tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u tal-iżvilupp tal-għarfien dwar is-sistemi ta’ kwalifiki tal-pajjiżi terzi.

33.

F’każijiet ta’ inċertezza jew dubju, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jivverifikaw l-awtentiċità tad-dokumenti kull meta jkun possibbli, eż., billi jikkuntattjaw lill-awtoritajiet f’pajjiżi terzi, aktar milli jitolbu lill-applikant jipprovdi evidenza addizzjonali. L-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx jikkawżaw piż jew spejjeż żejda lill-applikanti billi jġegħluhom jiċċertifikaw id-dokumenti jew jagħtu prova tal-awtentiċità tagħhom b’xi mod ieħor.

34.

Fejn xieraq, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji jew l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, kif ukoll il-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali li jinsabu f’pajjiżi terzi u li jistgħu jibbenefikaw minn perkorsi tax-xogħol addizzjonali, li ma jistgħux jiddokumentaw b’mod adegwat il-kwalifiki tagħhom, ikunu jistgħu jaċċessaw valutazzjoni tal-kwalifiki tagħhom mill-awtoritajiet nazzjonali, għall-finijiet tat-tiftix ta’ impjieg jew tal-aċċess għall-apprendiment.

35.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw li l-ħinijiet tal-ipproċessar jitnaqqsu b’mod sostanzjali meta d-dokumenti jiġu sottomessi bħala kredenzjali diġitali b’firma diġitali affidabbli (simili għal-livell ta’ awtentiċità offrut mill-Infrastruttura Ewropea tal-Kredenzjali Diġitali) minħabba li l-awtentiċità tista’ tiġi vverifikata minnufih f’każijiet bħal dawn.

Kostijiet

36.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jippubblikaw informazzjoni trasparenti dwar kwalunkwe kost assoċjat mal-proċeduri ta’ rikonoxximent u jiżguraw li l-kostijiet li jiġu applikati ma jaqbżux il-kost attwali tal-proċedura u f’ċirkostanzi simili, ikunu komparabbli mal-kostijiet applikati għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Fejn possibbli, l-Istati Membri huma mħeġġa jnaqqsu jew jeliminaw il-kostijiet, bħat-tariffi tal-applikazzjoni, għall-benefiċjarji jew għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali kif ukoll għall-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali li jinsabu f’pajjiżi terzi, u li jistgħu jibbenefikaw minn perkorsi tax-xogħol komplementari.

Ipproċessar tal-applikazzjonijiet

37.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw li l-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi:

(a)

ikollhom aċċess għal għodod online rilevanti simili għal dawk li huma disponibbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni għas-sottomissjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent.

(b)

jirċievu irċevuti ta’ rikonoxximent istantanji wara li jissottomettu applikazzjonijiet online għar-rikonoxximent.

(c)

jirċievu konferma tal-irċevuta ta’ applikazzjoni kompluta jew notifika ta’ kwalunkwe dokument nieqes fi żmien perjodu raġonevoli li ma għandux jaqbeż il-15-il jum kalendarju minn meta jissottomettu l-applikazzjoni għal rikonoxximent.

KAPITOLU IV

RIKONOXXIMENT TAL-KWALIFIKI PROFESSJONALI

Ir-rakkomandazzjonijiet f’dan il-kapitolu japplikaw għall-awtoritajiet kompetenti responsabbli għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi biex jagħtu aċċess għal professjoni regolata fi Stat Membru, kif imsemmi fil-punt 5(a) hawn fuq.

38.

L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi billi jissimplifikaw il-proċessi u jallinjawhom aktar mal-proċessi stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE.

Dokumenti u formalitajiet

39.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jitolbu mingħand il-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi għadd simili u tipi simili ta’ dokumenti kif meħtieġ miċ-ċittadini tal-Unjoni biex jappoġġaw l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ħalli jingħata aċċess għal professjoni regolata, kif stabbilit fl-Artikolu 50(1) u l-Anness VII tad-Direttiva 2005/36/KE.

40.

Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali ma għandux ikun soġġett għall-għarfien lingwistiku sakemm ma jkunx jappartjeni għall-kwalifiki (eż. terapisti tat-taħdit, għalliema tal-lingwi). Ir-rekwiżiti lingwistiċi biex il-professjoni regolata tiġi prattikata fl-Istat Membru ospitanti ma għandhomx jaqbżu dak li huwa meħtieġ u proporzjonat.

Deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent

41.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a)

jibbażaw il-valutazzjoni tagħhom tal-applikazzjonijiet mill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi fuq regoli ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36/KE.

(b)

jikkunsidraw evidenza ta’ kwalifiki formali maħruġa minn pajjiż terz bħala prova ta’ kwalifiki formali jekk il-persuna nazzjonali ta’ pajjiż terz ikollha 3 snin esperjenza professjonali fil-professjoni kkonċernata fi Stat Membru ieħor li qabel kien irrikonoxxa l-kwalifika ta’ pajjiż terz, abbażi tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36/KE.

(c)

japplikaw miżuri ta’ kumpens biss f’sitwazzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/36/KE.

(d)

jiżguraw li l-għażla bejn perjodu ta’ adattament u test tal-aptitudni tkun disponibbli għall-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi kif ikun skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/36/KE.

(e)

jikkunsidraw l-informazzjoni li tinsab f’deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent preċedenti meħuda minn Stati Membri oħra, fejn disponibbli, biex tippermetti rikonoxximent mgħaġġel tal-kwalifika professjonali tal-applikant.

(f)

ilestu l-proċedura ta’ rikonoxximent għall-awtorizzazzjoni ta’ aċċess għal professjoni regolata malajr kemm jista’ jkun biex tkun tista’ tinħareġ deċiżjoni sostanzjata kif suppost f’perjodu raġonevoli, li ma għandux jaqbeż ix-xahrejn mid-data tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni kompluta.

Professjonijiet regolati bi prijorità

42.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-aħjar użu mill-informazzjoni dwar il-ħiliet fuq in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet, disponibbli fis-sorsi nazzjonali u tal-Unjoni, filwaqt li jirrikjedu li l-awtoritajiet rilevanti tagħhom jirrapportaw dwar in-nuqqas antiċipat ta’ ħaddiema fil-professjonijiet regolati taħt il-mandat tagħhom. L-Istati Membri għandhom jużaw din id-data fl-ippjanar tal-forza tax-xogħol, anke għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ professjonijiet regolati bi prijorità biex jattiraw lill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, lill-pajjiżi terzi għal sħubijiet potenzjali u kwalunkwe adattament għall-proċeduri għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki.

43.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jibnu fuq deċiżjonijiet preċedenti jew jiżviluppaw għarfien dwar il-kwalifiki rilevanti għal professjonijiet regolati bi prijorità minn pajjiżi terzi rilevanti biex:

(a)

jistabbilixxu flussi ta’ ħidma “rapidi”, inkluż billi jpoġġu persunal addizzjonali, biex jissodisfaw prijorità ta’ rikonoxximent ġdida jew urġenti.

(b)

inaqqsu l-ħinijiet tal-ipproċessar biex tkun tista’ tinħareġ deċiżjoni sostanzjata kif xieraq fi żmien 4 ġimgħat mid-data tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni kompluta.

(c)

inaqqsu r-rekwiżiti għall-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent.

(d)

jidentifikaw differenzi sostanzjali fl-edukazzjoni u t-taħriġ ma’ pajjiżi terzi rilevanti biex jiżviluppaw korsijiet ta’ tranżizzjoni mfassla apposta għall-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi.

44.

Fil-każ tal-professjonijiet regolati bi prijorità, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jesploraw mekkaniżmi li jagħtu lill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, wara li jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għar-rikonoxximent u sakemm titlesta l-proċedura tal-eżaminar tal-applikazzjoni, aċċess aktar mgħaġġel għall-prattika, inkluż:

(a)

opportunitajiet ta’ impjieg temporanju, taħt superviżjoni organizzata f’konformità mal-prattiki nazzjonali għall-professjoni.

(b)

opportunitajiet ta’ impjieg temporanju, akkumpanjati minn taħriġ u valutazzjoni.

(c)

aċċess għal pożizzjonijiet fil-livell ta’ assistent relatati mal-professjoni bl-opportunità li ’l quddiem il-persuni nazzjonali jingħataw aċċess sħiħ biex jipprattikaw il-professjoni wara deċiżjoni ta’ rikonoxximent pożittiv.

45.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom joffru taħriġ lingwistiku lill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi biex jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għall-prattika tal-professjoni regolata bi prijorità f’każijiet fejn jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha ta’ rikonoxximent.

KAPITOLU V

RIKONOXXIMENT TAL-ĦILIET U L-KWALIFIKI GĦALL-MIGRAZZJONI TAL-ĦADDIEMA

Ir-rakkomandazzjonijiet f’dan il-kapitolu japplikaw għall-awtoritajiet nazzjonali involuti fil-proċeduri tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, kif imsemmi fil-punt 5(c) hawn fuq.

46.

L-awtoritajiet nazzjonali involuti fir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, il-migrazzjoni u l-impjiegi għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jissimplifikaw il-proċessi tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li jqisu l-fehmiet tas-sħab soċjali u tal-industrija, b’mod partikolari l-SMEs.

47.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw b’mod ċar fejn ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki ikun meħtieġ bħala parti minn proċessi, fosthom sistemi abbażi ta’ punti, biex tinkiseb viża jew permess tax-xogħol u tar-residenza fl-Istat Membru tagħhom.

48.

L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ir-rikonoxximent bikri tal-ħiliet u l-kwalifiki, fejn meħtieġ, bħala parti mill-valutazzjonijiet ta’ qabel it-tluq mill-pajjiż ta’ oriġini, biex il-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jkunu jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol mingħajr dewmien bla bżonn.

49.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom isegwu l-approċċ “il-ħiliet l-ewwel” biex itaffu r-riskju ta’ kwalifiki eċċessivi fil-kuntest tal-migrazzjoni tal-ħaddiema. Il-proċeduri għandhom jagħtu prijorità lill-valutazzjoni tal-ħiliet u l-esperjenzi biex jiġi identifikat il-potenzjal sħiħ tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u tiġi appoġġata l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol fi rwoli li jaqblu mal-ħiliet tagħhom. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jevitaw li jibbażaw il-valutazzjonijiet fuq il-kwalifiki biss.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-iżgurar ta’ trattament ugwali

50.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jkollhom kwalifiki miksuba fl-Unjoni jew f’pajjiż terz għandhom jirċievu trattament li ma jkunx inqas favorevoli mit-trattament li jingħata lill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi bl-istess kwalifiki.

51.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kwalifiki miksuba fl-Unjoni, kemm jekk ikunu ta’ ċittadini tal-Unjoni kif ukoll ta’ persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, jiġu rikonoxxuti bl-istess mod.

52.

L-Istati Membri għandhom jużaw id-diskrezzjoni li għandhom biex jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri nazzjonali għar-rikonoxximent tal-kwalifiki. Meta l-proċeduri fi Stat Membru jkunu aktar flessibbli minn dawk stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE, dak l-Istat Membru għandu jikkunsidra jekk jistax jittieħed approċċ li hu flessibbli wkoll fir-rigward tar-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba f’pajjiż terz.

Appoġġ mill-Kummissjoni

53.

Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, inkluż permezz ta’ apprendiment reċiproku, skambju ta’ prattiki tajba u billi tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, is-sħab soċjali, il-partijiet ikkonċernati, l-awtoritajiet ta’ rikonoxximent u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Kummissjoni se torganizza laqgħat fi ħdan il-grupp ta’ koordinaturi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u ambjenti rilevanti oħra, bħall-Grupp Konsultattiv dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-Pjattaforma tal-Migrazzjoni tal-Ħaddiema, in-Network Ewropew dwar l-Integrazzjoni, il-Grupp ta’ Tmexxija tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE u n-networks tan-Network Ewropew ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni u ċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku (in-networks ENIC-NARIC).

54.

Il-Kummissjoni se tistieden lill-Istati Membri biex jirrapportaw dwar inizjattivi, riformi, prattiki tajba u statistika nazzjonali dwar ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi.

55.

Fuq talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tipprovdilhom appoġġ u għarfien espert imfassla apposta fil-qafas tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku tagħha biex jirriformaw is-sistemi nazzjonali u jiffaċilitaw il-proċessi għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi.

56.

Il-Kummissjoni se taħdem biex ittejjeb it-trasparenza tal-proċessi ta’ rikonoxximent u l-aċċess għalihom billi:

(a)

tħeġġeġ u tgħin lill-Istati Membri biex jiżviluppaw bażijiet tad-data semantikament interoperabbli dwar il-proċessi u d-deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent li jkunu kapaċi jiġġeneraw id-dikjarazzjonijiet ta’ komparabbiltà.

(b)

tkompli tappoġġa n-networks ENIC-NARIC u tħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw li jestendu l-kompetenzi tan-NARIC ħalli jkopru l-kwalifiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET).

(c)

tappoġġa lill-Istati Membri biex jinkludu informazzjoni fil-Bażi tad-Data tal-Professjonijiet Regolati dwar l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri responsabbli għar-rikonoxximent tal-kwalifiki miżmuma mill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi billi tagħtihom aċċess għal professjonijiet regolati.

(d)

tipprovdi aċċess għall-informazzjoni online biex tgħin lill-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jifhmu r-rekwiżiti għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki fl-Unjoni.

57.

Il-Kummissjoni se tuża l-għodod tal-Unjoni biex tippromwovi l-fehim tal-ħiliet u l-kwalifiki miksuba f’pajjiżi terzi ta’ prijorità li huma rilevanti biex jimtlew in-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol tal-Unjoni. Il-Kummissjoni se:

(a)

taħdem mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF), in-networks ENIC-NARIC, ir-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni Għolja, l-Istati Membri u pajjiżi terzi biex tiżviluppa gwida dwar oqfsa ta’ kwalifiki ta’ pajjiżi terzi u kwalifiki speċifiċi, billi tqabbel il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki mal-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki, u twettaq valutazzjonijiet immirati tal-prattika ta’ pajjiżi terzi dwar l-akkreditazzjoni u l-assigurazzjoni tal-kwalità.

(b)

tiżgura li l-pjattaforma tal-Europass tinkludi informazzjoni aġġornata dwar il-prattiki ta’ rikonoxximent u l-leġiżlazzjoni rilevanti f’pajjiżi terzi, f’konformità mal-Artikolu 3(2)(d) tad-Deċiżjoni (UE) 2018/646.

(c)

tesplora l-fattibbiltà li jiġu stabbiliti aktar ċentri tar-riżorsi online b’informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki, abbażi taċ-ċentru tar-riżorsi ffukat fuq l-Ukrajna.

(d)

tesplora l-fattibbiltà tal-iżvilupp ta’ għodda fil-livell tal-Unjoni li tkun kapaċi tiġġenera dikjarazzjonijiet tal-komparabbiltà abbażi ta’ mudell armonizzat għal kwalifiki speċifiċi tal-pajjiżi terzi li jkopru l-Istati Membri kollha.

(e)

tittraduċi l-għodod li jiffaċilitaw il-valutazzjoni tal-ħiliet tal-persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi (eż. il-Europass, l-Għodda tal-UE għall-Profili tal-Ħiliet għaċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi) fil-lingwi tal-pajjiżi terzi magħżula.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa mnedija fl-2020, ippreżentat l-objettivi tal-UE għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid fil-ħames snin li ġejjin.

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1).

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar kontijiet individwali tal-apprendiment (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 26).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 10).

(5)  Il-Eurostat, LFSA_EOQGAN

(6)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, COM(2020) 609 final.

(7)  Id-Direttiva (UE) 2021/1883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE (ĠU L 382, 28.10.2021, p. 1).

(8)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE, COM/2022/657 final.

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44).

(10)  Id-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU L 343, 23.12.2011, p. 1).

(11)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1364 tat-23 ta’ Settembru 2020 dwar mezzi legali għall-protezzjoni fl-UE: il-promozzjoni tar-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja u mezzi komplementari oħra (ĠU L 317, 1.10.2020, p. 13).

(12)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Riżerva ta’ Talent tal-UE (COM(2023) 716).

(13)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE (COM(2022) 657 final).

(14)  What is the best country for global talents in the OECD? OECD, Migration Policy Debates No. 29, 2023.

(15)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (COM(2020) 274 final).

(16)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027 (COM(2020) 758 final).

(17)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti (COM(2023) 62 final).

(18)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs (COM(2023) 535 final).

(19)  Id-Deċiżjoni (UE) 2023/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar Sena Ewropea tal-Ħiliet (ĠU L 125, 11.5.2023, p. 1).

(20)  Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22)

(21)  Id-Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2018 dwar qafas komuni għall-għoti ta’ servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE (ĠU L 112, 2.5.2018, p. 42).

(22)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2017 dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15).

(23)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/554 tal-5 ta’ April 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki għan-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna (ĠU L 107I, 6.4.2022, p. 1).

(24)  Il-valutazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/554 tal-5 ta’ April 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki għan-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna, Id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Ġunju 2023.

(25)  Il-Eurostat jiddefinixxi r-rata ta’ kwalifiki eċċessivi bħala s-sehem ta’ persuni impjegati b’livell edukattiv milħuq terzjarju (ISCED 2011, il-livelli 5–8) li huma impjegati f’impjiegi b’livell baxx jew medju ta’ ħiliet li għalihom ġeneralment ma tkunx meħtieġa edukazzjoni terzjarja (il-gruppi ewlenin 4–9 tal-ISCO-08).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/2611/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)