|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/4086 |
24.7.2026 |
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-2 ta’ Ġunju 2026
dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri mill-Iżvezja fil-fruntieri interni tagħha f’konformità mal-Artikolu 27a(3) tar-Regolament (UE) 2016/399 (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen)
(Il-test bl-Iżvediż biss huwa awtentiku)
(C/2026/4086)
(1)
Skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni toffri liċ-ċittadini tagħha żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-ażil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontra l-kriminalità.
(2)
Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (kodifikazzjoni) (1), Stat Membru jista’, meta jkun ikkonfrontat b’theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, eċċezzjonalment u temporanjament jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni kollha tiegħu jew f’partijiet speċifiċi minnhom. Dan għandu jsir biss bħala miżura tal-aħħar istanza, u l-ambitu u d-durata tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri ma għandhomx jaqbżu dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jirrispondu għat-theddida serja identifikata.
(3)
L-Artikolu 25a (4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jispeċifika li fejn Stat Membru jippjana li jintroduċi mill-ġdid il-kontroll mal-fruntieri fil-fruntieri interni biex jindirizza theddida serja prevedibbli, għandu jinnotifika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata tal-kontrolli fuq il-fruntieri, mill-anqas erba’ ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid pjanata tal-kontrolli tal-fruntieri jew mill-aktar fis possibbli meta ċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-ħtieġa li jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni jsiru magħrufa lill-Istat Membru inqas minn erba’ ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata.
(4)
L-Artikolu 27a(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jeħtieġ li l-Kummissjoni, wara li jaslu n-notifiki sottomessi b’rabta ma’ estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 25a(4) li twassal għall-kontinwazzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal aktar minn 12-il xahar, il-Kummissjoni fuq l-istess raġunijiet, għandha toħroġ opinjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali kontrolli fuq il-fruntieri interni.
(5)
Il-qafas għall-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni ġie rivedut b’mod sostanzjali bir-Regolament (UE) 2024/1717 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Lulju 2024 (2). Konsegwentement, il-bidu tal-perijodi kollha msemmija fit-Titolu III, Kapitolu II tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ġie kkalkolat minn din id-data.
(6)
Permezz ta’ ittra datata s-7 ta’ Ottubru 2024, l-awtoritajiet Żvediżi nnotifikaw l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri abbażi tal-Artikolu 25a tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, fil-fruntieri interni kollha (l-art, il-baħar u l-ajru), għal perjodu ta’ sitt xhur, mit-12 ta’ Novembru 2024 sal-11 ta’ Mejju 2025.
(7)
Permezz ta’ ittra datata t-8 ta’ April 2025, l-awtoritajiet Żvediżi nnotifikaw l-estensjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid għal perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur, mit-12 ta’ Mejju 2025 sal-11 ta’ Novembru 2025. Permezz ta’ ittra datata s-7 ta’ Ottubru 2025, l-awtoritajiet Żvediżi nnotifikaw it-tieni estensjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur, mit-12 ta’ Novembru 2025 sal-11 ta’ Mejju 2026. Permezz ta’ ittra datata t-30 ta’ April 2026, l-awtoritajiet Żvediżi nnotifikaw it-tielet estensjoni tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur, mit-12 ta’ Mejju 2026 sal-11 ta’ Novembru 2026.
(8)
L-Iżvezja ġiet inkluża fid-djalogu strutturat tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Wara l-wasla tan-notifika tal-Iżvezja għal estensjoni, dan id-djalogu strutturat kompla bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni previst mill-Artikolu 27a(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.
(9)
Is-sitwazzjoni attwali fil-fruntieri interni ġiet deskritta fir-Rapport dwar l-Istat ta’ Schengen tat-23 ta’ April 2025 (3) u hija diskussa regolarment fil-Kunsill ta’ Schengen.
(10)
Peress li l-kontrolli fil-fruntieri interni ġew introdotti mill-ġdid u estiżi, għall-istess raġunijiet, għal perjodu kontinwu ta’ aktar minn 12-il xahar b’kollox, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali kontrolli fil-fruntieri.
(11)
Wara valutazzjoni tan-notifiki, issupplimentata bl-informazzjoni pprovduta fil-qafas tal-proċess ta’ konsultazzjoni u dokumenti uffiċjali oħra, disponibbli għall-pubbliku, il-Kummissjoni tadotta din l-Opinjoni.
VALUTAZZJONI TAN-NOTIFIKI
I. REKWIŻITI FORMALI
|
(12) |
Fil-qafas tan-notifiki, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jimponi diversi obbligi formali fuq l-Istati Membri. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni tosserva li n-notifiki tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni kif ukoll l-estensjonijiet tagħhom ġew innotifikati f’konformità mal-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 25a(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jiġifieri mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat qabel id-dħul fis-seħħ tal-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni. |
|
(14) |
Dawk in-notifiki saru f’konformità mal-mudell stabbilit għal dak l-għan bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/315 (4). |
|
(15) |
Huma jirreferu speċifikament għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntiera interna fuq l-art mad-Danimarka fil-ħruġ għat-traffiku ferrovjarju u motorizzat mill-pont ta’ Öresund. Madankollu, in-notifiki jiddikjaraw li l-kontrolli jistgħu jseħħu wkoll fil-portijiet u l-ajruporti tal-bliet ta’ Stokkolma, Gothenburg, Malmö u Västerås, kif ukoll fi kwalunkwe fruntiera interna oħra, kull meta dan jirriżulta li jkun meħtieġ abbażi ta’ analiżi tar-riskju, intelligence jew informazzjoni rilevanti oħra. Madankollu, minħabba li l-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jippermetti lil Stat Membru jintroduċi mill-ġdid minnufih il-kontrolli fil-fruntieri interni għal avvenimenti imprevedibbli, il-Kummissjoni ma tqisx li notifika skont l-Artikolu 27(1) tippermetti tali introduzzjoni mill-ġdid kundizzjonali tal-kontrolli fil-fruntieri interni. |
|
(16) |
L-Artikolu 27(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirrikjedi li f’sitwazzjonijiet fejn il-kontrolli fuq il-fruntieri jkunu ilhom fis-seħħ għal sitt xhur, l-Istati Membri jipprovdu valutazzjoni tar-riskju fi kwalunkwe notifika sussegwenti li tippreżenta l-iskala u l-evoluzzjoni antiċipata tat-theddida serja. Filwaqt li valutazzjoni preċiża tal-iskala u d-durata antiċipata tat-theddida serja tista’ tkun diffiċli biex tiġi pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali minħabba n-natura kumplessa tagħha, il-Kummissjoni tinnota li l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Żvediżi fin-notifiki ma tagħmilx valutazzjoni tar-riskju dettaljata skont l-Artikolu 27(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, filwaqt li tqis ix-xejriet fl-iżvilupp tat-theddida serja fil-perjodu preċedenti ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, u bl-użu ta’ analiżijiet tar-riskju mħejjija fil-livell nazzjonali u mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni. |
|
(17) |
Il-Kummissjoni tieħu nota tal-fatt li nżammet informazzjoni dettaljata u operazzjonali min-notifika minħabba r-relazzjoni tagħha ma’ kwistjonijiet ta’ interess nazzjonali u sigurtà interna, kif ukoll għal raġunijiet ta’ investigazzjonijiet kriminali li għaddejjin. L-Artikolu 27(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen tabilħaqq jippermetti lill-Istati Membri jeskludu informazzjoni relatata mat-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali abbażi ta’ raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, filwaqt li titqies il-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. |
|
(18) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-Iżvezja ma ppreżentatx rapport f’konformità mal-Artikolu 33(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jirrikjedi li Stat Membru jissottometti rapport dwar l-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni mal-iskadenza ta’ 12-il xahar, li kien ikun t-12 ta’ Novembru 2025. |
II. ĦTIEĠA U PROPORZJONALITÀ
Il-pożizzjoni tal-Awtoritajiet Żvediżi
|
(19) |
L-awtoritajiet Żvediżi jinvokaw theddida serja għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna relatata ma’ inċidenti terroristiċi u theddid mill-kriminalità organizzata serja. |
|
(20) |
L-awtoritajiet Żvediżi jindikaw:
|
|
(21) |
Barra minn hekk, seħħew sensiela ta’ inċidenti serji li kienu jinvolvu armi u splussivi ta’ grad militari li kienu mmirati lejn istituzzjonijiet statali barranin u l-pubbliku ġenerali. |
|
(22) |
Għalhekk, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni hija l-unika għodda xierqa għall-verifika ta’ flussi kbar ta’ passiġġieri, bħal fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera fuq l-art fil-pont ta’ Øresund bejn id-Danimarka u l-Iżvezja. L-introduzzjoni mill-ġdid tippermetti lill-Awtorità tal-Pulizija Żvediża twettaq kontrolli fuq il-post u tiġbor intelligence filwaqt li żżomm preżenza attiva tal-pulizija. |
|
(23) |
Inkisbu riżultati siewja permezz tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni li kieku ma kinux jinkisbu mod ieħor. |
|
(24) |
Il-kontroll fil-fruntieri interni jsir abbażi ta’ intelligence u analiżi tar-riskju, fil-forma ta’ verifiki mhux sistematiċi fuq il-post. L-awtorità tal-Pulizija Żvediża hija responsabbli għall-analiżi strateġika u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet operazzjonali dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, il-frekwenza u l-post tal-kontrolli. |
L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni
|
(25) |
L-awtoritajiet Żvediżi pprovdew informazzjoni dwar id-diversi aspetti tat-theddid serju identifikat għas-sigurtà interna u għall-ordni pubbliku kif ukoll argumenti biex jissostanzjaw il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-kontrolli fil-fruntieri introdotti mill-ġdid. |
|
(26) |
Il-Kummissjoni tosserva li l-Iżvezja qed tiffaċċja sitwazzjoni ta’ sigurtà kumplessa. |
|
(27) |
L-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni tista’ b’mod ġenerali tikkontribwixxi biex tiġi indirizzata theddida serja għas-sigurtà interna, b’mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet transfruntiera tal-organizzazzjonijiet kriminali. |
|
(28) |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi d-dritt li żżomm informazzjoni għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. Madankollu, il-Kummissjoni ssib li ma ngħatatx biżżejjed informazzjoni, bħal statistika ġenerali dwar il-kriminalità transfruntiera, valutazzjoni ġenerali tat-theddid terroristiku, kif ukoll informazzjoni addizzjonali dwar kif il-kontrolli fil-fruntieri interni setgħu jindirizzaw it-theddida serja identifikata matul l-ewwel 12-il xahar tal-introduzzjoni mill-ġdid tagħha. |
|
(29) |
In-notifiki ma jiddikjarawx raġunijiet speċifiċi għall-għażla tal-ambitu ġeografiku u temporali tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Ma hemm l-ebda spjegazzjoni għaliex durata ta’ sitt xhur, aktar milli perjodu iqsar, tidher l-aktar xierqa, jew kif hija speċifikament il-fruntiera tal-art Żvediża mad-Danimarka li hija l-aktar affettwata mit-theddida serja sottostanti għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, li tiġġustifika li fil-prattika l-kontroll jiġi introdott mill-ġdid biss f’dik il-fruntiera speċifika. |
|
(30) |
Ma hemm l-ebda spjegazzjoni għaliex miżuri alternattivi, bħall-kontrolli tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntiera u l-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija, mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw it-theddid serju identifikat. |
|
(31) |
Id-Danimarka diġà, abbażi tal-kooperazzjoni tal-pulizija b’suċċess tagħha mal-Iżvezja, neħħiet il-kontrolli fil-fruntieri interni fil-fruntiera interna Żvediża-Daniża. |
III. MIŻURI ALTERNATTIVI
Il-pożizzjoni tal-Awtoritajiet Żvediżi
|
(32) |
Skont l-awtoritajiet Żvediżi, miżuri alternattivi, bħall-kontrolli tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntiera u l-kooperazzjoni transfruntiera mal-Istati Membri ġirien, jikkomplementaw l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, bħala parti minn “approċċ totali” komprensiv. |
|
(33) |
Leġiżlazzjoni Żvediża ġdida li tippermetti verifiki tal-pulizija f’żoni tal-fruntiera daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2023. L-awtorità tal-Pulizija Żvediża ilha taħdem fuq l-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, filwaqt li tiżviluppa metodi u strateġiji. |
|
(34) |
L-awtoritajiet Żvediżi jżommu kooperazzjoni intensiva tal-pulizija mal-pajjiżi ġirien kollha fiż-żoni tal-fruntiera, fil-qafas ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni aġġornati u fi ħdan għases konġunti tal-pulizija. Il-pajjiżi Nordiċi kollha jipparteċipaw fil-Kooperazzjoni tal-Pulizija Nordika, li taħtha s-sottogrupp tal-Istampa tas-Sitwazzjoni Nordika jiffaċilita l-kondiviżjoni regolari tal-intelligence u l-iskambji ta’ informazzjoni operazzjonali. Il-kooperazzjoni hija mill-qrib ħafna fir-reġjuni tal-fruntiera. |
|
(35) |
Ftehim dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija fiż-żona tal-fruntiera bejn il-Finlandja u l-Iżvezja daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2025. |
|
(36) |
Għassa tal-pulizija konġunta ġdida fuq il-fruntiera Norveġiża-Svediża f’Magnormoen ġiet inawgurata f’Settembru 2025. |
|
(37) |
Madankollu, l-awtoritajiet Żvediżi jsostnu li, wara kunsiderazzjoni bir-reqqa u djalogu mal-Awtorità tal-Pulizija, huma jqisu li l-verifiki tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntiera mhumiex biżżejjed bħala alternattiva għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, minħabba limitazzjonijiet prattiċi u legali. |
L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni
|
(38) |
Il-Kummissjoni tieħu nota tal-applikazzjoni attiva tal-Iżvezja ta’ miżuri alternattivi li jakkumpanjaw l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. |
|
(39) |
Il-Kummissjoni tinnota l-eżistenza ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni u għases tal-pulizija konġunti ma’ pajjiżi ġirien. |
|
(40) |
Madankollu, l-awtoritajiet Żvediżi ma pprovdewx biżżejjed informazzjoni dwar għaliex il-kontrolli tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntiera ma jistgħux iservu bħala alternattiva għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, b’mod partikolari fid-dawl tal-leġiżlazzjoni l-ġdida fis-seħħ mill-1 ta’ Awwissu 2023, li tippermetti kontrolli tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntiera. |
|
(41) |
Il-Kummissjoni tfakkar li jekk l-Iżvezja tissostitwixxi l-kontrolli fil-fruntieri interni b’kontrolli tal-pulizija, l-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen dejjem se jippermetti lill-awtoritajiet Żvediżi jintroduċu mill-ġdid minnufih il-kontrolli fil-fruntieri interni jekk ikun meħtieġ biex jindirizzaw theddida serja għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta b’mod mhux mistenni minħabba avvenimenti imprevedibbli. |
IV. MIŻURI TA’ MITIGAZZJONI
Il-pożizzjoni tal-Awtoritajiet Żvediżi
|
(42) |
L-awtoritajiet Żvediżi jsostnu li tingħata l-akbar attenzjoni biex jiġi żgurat li l-impatt tal-kontroll introdott mill-ġdid jibqa’ minimu u li l-mitigazzjoni tal-effetti tal-kontrolli fil-fruntieri interni introdotti mill-ġdid tibqa’ prijorità. |
|
(43) |
Il-kontrolli fil-fruntieri interni jsiru fil-forma ta’ kontrolli fuq il-post mhux sistematiċi, li jitwettqu abbażi ta’ intelligence u analiżi tar-riskju. Il-kontrolli fuq il-post imwettqa jitwettqu kemm jista’ jkun malajr u mingħajr tfixkil. |
|
(44) |
Skont l-awtoritajiet Żvediżi, l-effett tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fuq il-moviment transfruntier tal-persuni għadu minimu. L-impatt tal-kontrolli ġie limitat permezz ta’ aġġustamenti fl-iskedi tal-ferroviji u billi ġew iċċekkjati l-passiġġieri fl-ewwel waqfa skedata fit-territorju Żvediż. Minħabba li d-dewmien tat-traffiku tal-ferroviji għadu limitat, ma ġiex implimentat ftehim Żvediż-Daniż li jippermetti li jitwettqu kontrolli fuq ferroviji li jiċċaqilqu fuq il-pont ta’ Öresund. |
|
(45) |
L-awtoritajiet Żvediżi jinnotaw li d-djalogu mal-partijiet ikkonċernati fis-settur tat-trasport u l-Awtorità tal-Pulizija ssaħħaħ sabiex jinstabu soluzzjonijiet prattiċi għal dawk li jivvjaġġaw lejn ix-xogħol u lura u membri oħra tal-pubbliku fir-reġjuni affettwati. |
L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni
|
(46) |
In-notifiki ppreżentati mill-awtoritajiet Żvediżi juru l-impenn tagħhom li jiżguraw li l-impatt tal-kontrolli fil-fruntieri interni jibqa’ limitat kif meħtieġ mill-Artikolu 26(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. |
|
(47) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-kontroll fil-fruntieri jsir b’mod immirat u bbażat fuq ir-riskju, sabiex jiġi limitat l-impatt fuq l-ivvjaġġar transfruntier. |
|
(48) |
Il-Kummissjoni tieħu nota tad-djalogu msaħħaħ mal-partijiet ikkonċernati fis-settur tat-trasport kif ukoll mal-Awtorità tal-Pulizija. Madankollu, ma tissemmiex il-forma li fiha jsir dan id-djalogu, jew liema problemi speċifiċi jiffaċċjaw dawk li jivvjaġġaw u membri oħra tal-pubbliku u liema miżuri ttieħdu biex jiġi indirizzat dan it-tħassib. |
|
(49) |
L-Iżvezja nnotifikat ir-reġjuni transfruntiera tagħha skont l-Artikolu 42b tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. |
|
(50) |
Fl-aħħar nett, hemm nuqqas ta’ informazzjoni speċifika dwar l-effett tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, anke jekk limitata, fuq ir-reġjun transfruntier li huwa l-aktar ikkonċernat mill-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, jiġifieri l-muniċipalità ta’ Malmo-. |
V. RAKKOMANDAZZJONIJIET
|
(51) |
Il-Kummissjoni tenfasizza li l-użu sħiħ tal-miżuri alternattivi disponibbli stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/268 (5) u l-possibbiltajiet skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen rivedut, li jsaħħu u jikkomplementaw il-miżuri eżistenti, jistgħu jikkostitwixxu mezz aktar effiċjenti u effettiv biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà, mingħajr il-ħtieġa li jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni. |
|
(52) |
It-tħassib dwar is-sigurtà huwa r-raġuni ewlenija mressqa mill-Iżvezja li tiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Il-liġi tal-UE diġà tipprovdi firxa wiesgħa ta’ għodod biex tgħin fl-indirizzar ta’ dan it-tħassib. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-mekkaniżmi eżistenti biex isaħħu s-sigurtà u l-kooperazzjoni. Dawn jinkludu r-Regolament Prüm II, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen il-ġdida u l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri u r-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (6). Id-dħul fis-seħħ tal-EES u tal-ETIAS se jkompli jiżgura l-fruntieri esterni (7). |
|
(53) |
Il-Kummissjoni ssostni li l-mod li bih jitwettqu l-verifiki fuq il-fruntieri, jiġifieri fil-forma ta’ verifiki fuq il-post ibbażati fuq ir-riskju, jibqa’ possibbli skont l-Artikolu 23 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, mingħajr ma jkun hemm bżonn li wieħed jirrikorri għal introduzzjoni mill-ġdid uffiċjali tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni jew li jkun hemm bżonn li jiġu kompromessi s-sigurtà, sakemm dawn il-verifiki ma jkollhomx effett ekwivalenti għall-verifiki fuq il-fruntieri, li jirrikjedi li l-frekwenza, l-intensità u t-tul tagħhom jibqgħu limitati (8). |
|
(54) |
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Iżvezja tagħmel użu sħiħ mil-leġiżlazzjoni Żvediża li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2023, li tippermetti kontrolli tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntiera. |
|
(55) |
Abbażi tal-iskala u n-natura tal-miżuri alternattivi li ġew stabbiliti mill-awtoritajiet Żvediżi, l-Iżvezja għandha taħdem lejn it-tneħħija gradwali tal-kontroll fil-fruntieri interni Żvediżi. Il-Kummissjoni se tibqa’ f’kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri kollha kkonċernati biex jintlaħaq dan l-għan. |
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2026.
Għall-Kummissjoni
Magnus BRUNNER
Membru tal-Kummissjoni
(2) Ir-Regolament (UE) 2024/1717 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (ĠU L, 2024/1717. 20.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1717/oj).
(3) COM(2025) 185 final.
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/315 tal-14 ta’ Frar 2025 li tistabbilixxi mudell għan-notifika tal-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni (OJ L, 2025/315, 17.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/315/oj).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/268 tat-23 ta’ Novembru 2023 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ theddid serju għas-sigurtà interna u l-ordni pubbliku fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni (ĠU L, 2024/268, 17.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/268/oj).
(6) Ir-Regolament (UE) 2024/982 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 dwar it-tiftix u l-iskambju awtomatiku ta’ data għall-kooperazzjoni mal-pulizija, u li jemenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament Prüm II) (ĠU L, 2024/982, 5.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/982/oj); Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1862/oj); Ir-Regolament (UE) 2025/13 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/818 (ĠU L, 2025/13, 8.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/13/oj); Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132; ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/681/oj).
(7) Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2226/oj); Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1240/oj).
(8) Is-sentenza tal-Qorti tal-21 ta’ Ġunju 2017, proċedimenti kriminali kontra A, il-Kawża C-9/16 (ĠU C 277, 21.8.2017, pp. 10).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/4086/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)