IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.7.2026
COM(2026) 409 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-interazzjoni u l-konverġenza bejn ir-Regolament FuelEU Maritime u r-Regolament Marittimu MRV tal-UE
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.7.2026
COM(2026) 409 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-interazzjoni u l-konverġenza bejn ir-Regolament FuelEU Maritime u r-Regolament Marittimu MRV tal-UE
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-interazzjoni u l-konverġenza bejn ir-Regolament FuelEU Maritime u r-Regolament Marittimu MRV tal-UE
I.Introduzzjoni
L-UE adottat diversi atti leġiżlattivi li jixprunaw id-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu. Dawn l-atti għandhom l-għan li jżidu l-użu ta’ fjuwils u ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u sostenibbli minn bastimenti li jieqfu fil-portijiet tal-UE. Dan ir-rapport jiffoka primarjament fuq tnejn minn dawn l-atti:
1)Ir-Regolament (UE) 2023/1805 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (“ir-Regolament FuelEU Maritime”) daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Ottubru 2023 u ilu applikabbli bis-sħiħ mill-1 ta’ Jannar 2025. Dan jirrikjedi t-tnaqqis gradwali tal-intensità tal-gassijiet serra (GHG) tal-enerġija użata abbord bastimenti kbar u jagħti mandat għall-użu ta’ provvista tal-enerġija mix-xatt (OPS) f’portijiet Ewropej magħżula mill-2030 ’il quddiem.
2)Ir-Regolament (UE) 2015/757 2 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (“ir-Regolament Marittimu MRV”) jirrikjedi li bastimenti kbar li jieqfu fil-portijiet taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jimmonitorjaw u jirrapportaw kull sena l-emissjonijiet verifikati tal-gassijiet serra (GHG) u data oħra dwar l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament Marittimu MRV ġie rrivedut fl-2023 wara l-estensjoni tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet biex tkopri l-emissjonijiet tat-trasport marittimu. (ETS) 3 .
L-Artikolu 30(1) tar-Regolament FuelEU Maritime jirrikjedi li l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta rapport lill-Parlament u lill-Kunsill “li jeżamina l-interazzjoni u l-konverġenza” bejn dak ir-Regolament u r-Regolament Marittimu MRV.
Għalhekk, il-Kummissjoni wettqet l-ewwel analiżi komparattiva tar-Regolament FuelEU Maritime u tar-Regolament Marittimu MRV u tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni relatati. L-esperjenzi inizjali miksuba permezz tal-implimentazzjoni attwali ta’ dawn l-atti ġew ikkunsidrati wkoll.
Minħabba li r-Regolament Marittimu MRV jipprovdi qafas għall-monitoraġġ, għar-rapportar u għall-verifika tad-data għall-elementi marittimi tad-Direttiva EU ETS 4 , l-elementi ta’ din id-Direttiva huma koperti wkoll minn dan ir-rapport fejn rilevanti.
F’Jannar 2024, l-EU ETS ġiet estiża għas-settur marittimu. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-kumpaniji tat-tbaħħir kienu meħtieġa jixtru u jċedu l-kwoti tal-emissjonijiet tal-EU ETS għal kull tunnellata ta’ emissjonijiet irrapportati ta’ CO2 (jew ekwivalenti tas-CO2) fl-ambitu tas-sistema EU ETS.
Matul il-proċess tal-abbozzar tar-Regolament FuelEU Maritime u r-reviżjoni tal-2023 tar-Regolament Marittimu MRV, u f’negozjati mal-Parlament u mal-Kunsill, saru sforzi biex iż-żewġ atti jiġu allinjati kemm jista’ jkun u biex jinħoloq qafas li jipprevedi konformità simplifikata għall-entitajiet regolati, għall-verifikaturi u għall-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri.
Iż-żewġ Regolamenti huma interkonnessi minħabba li skont ir-Regolament FuelEU Maritime kwalunkwe data rrapportata għall-finijiet tar-Regolament Marittimu MRV għandha tintuża, meta jkun neċessarju, biex tiġi vverifikata l-konformità mar-Regolament FuelEU Maritime sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv impost fuq il-kumpaniji, fuq il-verifikaturi u fuq l-awtoritajiet kompetenti.
Madankollu, hemm aspetti distinti tal-monitoraġġ, tar-rapportar u tal-verifika fiż-żewġ Regolamenti peress li l-abbozzar tal-proposti tal-Kummissjoni għar-Regolament FuelEU Maritime, ir-reviżjoni tar-Regolament Marittimu MRV u l-inklużjoni tas-settur marittimu fl-EU ETS, u n-negozjati rispettivi mal-Parlament u mal-Kunsill, seħħew separatament għalkemm bi trikkib parzjali taż-żminijiet.
Għalhekk, huma mistħoqqa aktar eżaminazzjoni u analiżi ta’ dawn l-atti sabiex:
-jitqiesu d-differenzi u d-diskrepanzi bejn id-dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolamenti,
-jiġu vvalutati l-isfidi li jirriżultaw mill-obbligu ta’ konformità simultanja maż-żewġ Regolamenti, u
-jiġu ppreżentati modi possibbli biex dawn jiġu allinjati u titjieb l-konsistenza.
Is-sejbiet huma maħsuba biex jipprovdu informazzjoni intuwittiva dwar l-opportunitajiet possibbli għas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti amministrattivi f’konformità mal-impenji dwar is-simplifikazzjoni amministrattiva ġenerali stabbiliti fil-Boxxla għall-Kompetittività għall-UE.
Kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti
Limiti tad-daqs
Fir-rigward tad-daqs tal-bastimenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti analizzati, ir-Regolament FuelEU Maritime japplika għal bastimenti ta’ aktar minn 5 000 tunnellaġġ gross li jservu l-iskop li jittrasportaw passiġġieri jew merkanzija għal skopijiet kummerċjali. B’mod simili, ir-Regolament Marittimu MRV jipprevedi li japplika għal bastimenti ta’ 5 000 tunnellaġġ gross u ‘l fuq u, sa mill-1 ta’ Jannar 2025, għal bastimenti ta’ merkanzija ġenerali taħt il-5 000 tunnellaġġ gross iżda mhx anqas minn 400 tunnellaġġ gross u għal bastimenti offshore ta’ 400 tunnellaġġ gross u ‘l fuq li jaqgħu f’waħda mill-kategoriji elenkati fl-Anness I tar-Regolament 5 .
Ambitu ġeografiku
Ir-rapportar skont ir-Regolament Marittimu MRV ikopri l-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-vjaġġi internazzjonali kollha intra-UE u barra mill-UE (vjaġġi bejn portijiet tal-UE u dawk mhux tal-UE), u dawk tal-attivitajiet ta’ bastiment fil-portijiet tal-UE. Ir-Regolament FuelEU Maritime għandu l-istess ambitu ta’ rapportar, iżda sabiex jirrifletti b’mod ġust is-sehem tal-emissjonijiet tal-UE, għandu jitqies biss nofs (50 %) il-konsum tal-fjuwil/l-enerġija użata fuq vjaġġi internazzjonali barra mill-UE. L-istess regola hija applikata skont id-Direttiva EU ETS.
Ir-Regolament FuelEU Maritime jittratta l-vjaġġi bejn l-UE u r-reġjuni ultraperiferiċi ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-UE bl-istess mod bħal vjaġġi internazzjonali lejn/minn pajjiżi mhux taż-ŻEE (b’hekk jitqies 50 % tal-konsum tal-fjuwil/tal-enerġija użata). Skont ir-Regolament Marittimu MRV, tali vjaġġi minflok jiġu ttrattati bħala vjaġġi intra-UE (u b’hekk 100 % tal-emissjonijiet jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni). Madankollu, skont id-Direttiva EU ETS, sa Diċembru 2030 il-kumpaniji tat-tbaħħir ma humiex obbligati jħallsu għall-emissjonijiet minn vjaġġi bejn port li jinsab f’reġjun ultraperiferiku ta’ Stat Membru u port li jinsab fl-istess Stat Membru, inklużi vjaġġi bejn portijiet f’reġjun ultraperiferiku u vjaġġi bejn portijiet fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-istess Stat Membru [ara t-taqsima dwar l-eżenzjonijiet hawn taħt].
Emissjonijiet koperti mir-Regolamenti
Fir-rigward tal-kontabbiltà tal-emissjonijiet mill-fjuwils, id-Direttiva EU ETS u r-Regolament Marittimu MRV ikopru l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-tailpipe, magħrufa wkoll bħala l-emissjonijiet downstream jew Tank-to-Wake. Dan minħabba li l-emissjonijiet upstream (magħrufa wkoll bħala Well-to-Tank) marbuta mal-produzzjoni tal-fjuwil diġà huma koperti taħt setturi oħra tal-ETS, u, jekk jingħaddu bħala parti mill-kwoti għas-settur tat-tbaħħir, dan jista’ jwassal għal ħruġ, għal negozjar u għal pretensjonijiet doppji possibbli. Ir-Regolament FuelEU Maritime jkopri kemm l-emissjonijiet Well-to-Tank kif ukoll dawk Tank-to-Wake biex jiġi żgurat li jitqies ir-rendiment sħiħ tal-emissjonijiet ta’ diversi sorsi tal-enerġija.
Ir-Regolament FuelEU Maritime, ir-Regolament Marittimu MRV u d-Direttiva EU ETS jiddependu fuq il-kriterji ta’ sostenibbiltà, inklużi l-limiti minimi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 6 , għall-konverżjoni ta’ materja prima rinnovabbli fi fjuwils, inkluża s-sistema ta’ ċertifikazzjoni rilevanti. Ir-Regolament FuelEU Maritime jkompli jillimita r-riżerva ta’ fjuwil eliġibbli billi jeskludi l-materja prima mill-għelejjel tal-ikel u tal-għalf. Il-fjuwils prodotti minn dik il-materja prima huma ttrattati bħala fjuwils fossili skont ir-Regolament FuelEU Maritime.
Sorsi ta’ enerġija
Il-konsum mill-bastimenti ta’ ċerti sorsi tal-enerġija għajr il-fjuwil – bħall-elettriku mill-enerġija mix-xatt u mill-enerġija mir-riħ, li ma jistax jiġi mmonitorjat matul il-vjaġġi, iżda li jikkontribwixxi għall-użu tal-enerġija ta’ bastiment u, għalhekk, għall-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tiegħu – huwa kopert mir-Regolament FuelEU Maritime iżda mhux skont ir-Regolament Marittimu MRV. Għalhekk, għall-elettriku mill-enerġija mix-xatt u għall-enerġija mir-riħ, huma meħtieġa monitoraġġ jew kalkoli addizzjonali għar-Regolament FuelEU Maritime.
Eżenzjonijiet
Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, hemm differenzi bejn l-eżenzjonijiet permessi mir-Regolament FuelEU Maritime u mid-Direttiva EU ETS.
Kemm ir-Regolament FuelEU Maritime kif ukoll id-Direttiva EU ETS jippermettu lill-Istati Membri jeżentaw il-vjaġġi mwettqa minn bastimenti tal-passiġġieri lejn gżejjer b’inqas minn 200 000 resident permanenti. Madankollu, jeżistu differenzi. Għall-ETS, l-eżenzjonijiet jistgħu japplikaw għal vjaġġi bejn port ta’ gżira taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru rikjedenti mingħajr ebda konnessjoni bit-triq jew bil-ferrovija mal-Istat Membru kontinentali u inqas minn 200 000 resident permanenti, u port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ dak l-istess Stat Membru. Għar-Regolament FuelEU Maritime, l-eżenzjonijiet jistgħu japplikaw għal vjaġġi mwettqa minn bastimenti tal-passiġġieri għajr bastimenti tal-kruċiera bejn port tal-waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru u port tal-waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni tal-istess Stat Membru li jinsab fuq gżira b’inqas minn 200 000 resident permanenti. Dawn l-eżenzjonijiet japplikaw ukoll għall-attivitajiet fil-port minn bastimenti rilevanti li seħħew fir-rigward tal-vjaġġi eżentati.
Kemm skont ir-Regolament FuelEU Maritime kif ukoll skont id-Direttiva EU ETS, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw bastimenti tal-passiġġieri, u vapuri ro-ro tal-passiġġieri fil-każ tad-Direttiva EU ETS, li jwettqu vjaġġi tranżnazzjonali skont obbligi ta’ servizz pubbliku jew kuntratti ta’ servizz pubbliku għal ċerti vjaġġi.
L-Istati Membri jistgħu jeżentaw ukoll mill-applikazzjoni tar-Regolament FuelEU Maritime l-bastimenti tal-passiġġieri li jipprovdu servizzi tat-trasport marittimu skont obbligi ta’ servizz pubbliku jew kuntratti ta’ servizz pubbliku għal rotot bejn il-portijiet kontinentali tagħhom u l-portijiet li jinsabu fuq gżira jew fil-bliet ta’ Ceuta u Melilla. Id-Direttiva EU ETS ma tipprevedix eżenzjonijiet bħal dawn.
Fl-aħħar nett, skont ir-Regolament FuelEU Maritime, l-Istati Membri jistgħu joħolqu eżenzjonijiet għal vjaġġi mwettqa bejn il-portijiet fir-reġjuni ultraperiferiċi. Skont id-Direttiva EU ETS, hemm deroga temporanja awtomatika (jiġifieri mingħajr ħtieġa ta’ notifika) sa tmiem l-2030 għal vjaġġi bejn port li jinsab f’reġjun ultraperiferiku ta’ Stat Membru u port li jinsab fl-istess Stat Membru, inklużi portijiet li jinsabu fl-istess reġjun ultraperiferiku u f’reġjun ultraperiferiku ieħor tal-istess Stat Membru.
Għall-eżenzjonijiet kollha msemmija hawn fuq, ir-Regolament FuelEU Maritime u d-Direttiva EU ETS jużaw dati tat-tmiem differenti. Tal-ewwel tippermetti eżenzjonijiet li jistgħu jibqgħu għaddejjin sal-31 ta’ Diċembru 2029, filwaqt li tal-aħħar tippermettilhom jibqgħu għaddejjin sal-31 ta’ Diċembru 2030.
Dispożizzjonijiet dwar il-klassi tas-silġ u n-navigazzjoni minn ġos-silġ
Ir-Regolament FuelEU Maritime, ir-Regolament Marittimu MRV u d-Direttiva EU ETS kollha fihom dispożizzjonijiet dwar il-klassi tas-silġ tal-bastiment u n-navigazzjoni minn ġos-silġ għalkemm f’format differenti. Sabiex jittaffew il-kostijiet addizzjonali għall-bastimenti tal-klassi tas-silġ, ir-Regolament FuelEU Maritime tippermetti lill-kumpaniji japplikaw għall-enerġija addizzjonali użata minħabba l-klassi tas-silġ tal-bastiment u dik użata minħabba t-tbaħħir fil-kundizzjonijiet tas-silġ li għandha tiġi eskluża mill-kalkolu tal-bilanċ ta’ konformità. Skont id-Direttiva EU ETS, sal-31 ta’ Diċembru 2030 il-kumpaniji tat-tbaħħir jistgħu jċedu 5 % inqas kwoti mill-emissjonijiet totali vverifikati rilaxxati mill-bastimenti tal-klassi tas-silġ tagħhom.
Portijiet tat-trażbord tal-kontejners ġirien
Sabiex jitnaqqsu r-riskji ta’ port tal-waqfiet evażiv u r-rilokazzjoni tal-attivitajiet tat-trażbord, kemm ir-Regolament FuelEU Maritime kif ukoll id-Direttiva EU ETS jirrikjedu li l-Kummissjoni tidentifika u taġġorna l-lista ta’ “portijiet tat-trażbord tal-kontejners ġirien”. Il-waqfiet f’dawn il-portijiet huma esklużi mid-definizzjoni ta’ “port tal-waqfa” għall-finijiet tal-MRV. Il-kriterji biex jiġu identifikati dawn il-portijiet fir-Regolament FuelEU Maritime u fid-Direttiva EU ETS huma identiċi. Madankollu, l-iskedi ta’ żmien biex jiġu aġġornati l-listi ma humiex allinjati. Għalhekk, id-differenzi fid-data jistgħu jirriżultaw f’differenzi fil-listi applikati.
Konklużjonijiet:
-Il-biċċa l-kbira tad-differenzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti huma ġġustifikati mill-għażliet magħmula mill-Parlament u mill-Kunsill. Kwalunkwe aġġustament tal-kamp ta’ applikazzjoni, bħat-tip ta’ bastiment, għandu jiġi eżaminat aktar, fid-dawl tal-benefiċċji ta’ aktar konsistenza bejn ir-regoli deskritti hawn fuq.
-Tista’ tiġi eżaminata l-possibbiltà li tiżdied il-konverġenza fir-rigward tal-eliġibbiltà, tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet u tal-intensità tal-gassijiet serra tal-fjuwils użati abbord skont ir-regoli deskritti hawn fuq.
-Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni, jista’ jiġi eżaminat allinjament ulterjuri tad-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet applikabbli skont ir-Regolament FuelEU Maritime u d-Direttiva EU ETS. Madankollu, dan għandu jqis li dawn id-differenzi huma għażliet speċifiċi magħmula mill-koleġiżlaturi.
-L-iskedi ta’ żmien għar-reviżjoni tal-lista ta’ ġirien tat-trażbord tal-kontejners portijiet jistgħu jiġu armonizzati biex tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni.
II.Entitajiet responsabbli
Ir-Regolament FuelEU Maritime, id-Direttiva EU ETS u r-Regolament Marittimu MRV jiddefinixxu l-korpi responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom. Dawn id-definizzjonijiet huma simili iżda mhux identiċi, li jista’ jirriżulta f’sitwazzjoni fejn kumpanija tat-tbaħħir tiddeċiedi li jkollha entità responsabbli differenti għall-EU ETS u għar-Regolament Marittimu MRV meta mqabbla mar-Regolament FuelEU Maritime.
Skont ir-Regolament FuelEU Maritime, l-entità responsabbli dejjem trid tkun il-kumpanija ISM, l-entità legali li timmaniġġja l-bastiment f’konformità mal-Kodiċi Internazzjonali tal-Ġestjoni tas-Sikurezza (ISM). Skont l-arranġamenti kuntrattwali u operazzjonali, il-kumpanija ISM għandha tkun jew is-sid tal-bastiment, jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra għajr is-sid tal-bastiment, li tkun qablet li tieħu f’idejha d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet kollha imposti mill-kodiċi ISM. Meta sid ta’ bastiment ikun responsabbli għall-konformità tal-bastiment tiegħu mal-Kodiċi ISM, is-sid tal-bastiment huwa kemm il-kumpanija ISM kif ukoll l-entità responsabbli għall-konformità mar-Regolament FuelEU Maritime. F’każijiet fejn is-sid tal-bastiment ikun iddelega r-responsabbiltajiet għall-konformità mal-Kodiċi ISM lil kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra (li tkun qablet li tieħu tali responsabbiltajiet), dik l-organizzazzjoni jew dik il-persuna ssir il-kumpanija ISM kif ukoll l-entità responsabbli għall-konformità mar-Regolament FuelEU Maritime.
Skont ir-Regolament Marittimu MRV, l-istess entità trid tkun responsabbli kemm għad-Direttiva EU ETS kif ukoll għar-Regolament Marittimu MRV. Skont id-Direttiva EU ETS u r-Regolament Marittimu MRV, l-entità responsabbli għall-konformità fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ bastiment partikolari tista’ tkun jew is-sid tal-bastiment (jiġifieri s-sid irreġistrat) jew il-kumpanija ISM. Jekk il-kumpanija ISM tkun distinta mis-sid tal-bastiment, is-sid irreġistrat u l-Kumpanija ISM iridu jaqblu b’mod kuntrattwali bejniethom dwar l-entità li tkun se tieħu r-responsabbiltà għall-konformità mal-obbligi tad-Direttiva EU ETS u tar-Regolament Marittimu MRV. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni espliċita mis-sid irreġistrat u mill-Kumpanija ISM, is-sid irreġistrat se jitqies responsabbli għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva EU ETS u fir-Regolament Marittimu MRV.
Awtoritajiet responsabbli
L-“Istat responsabbli” fir-rigward ta’ kumpanija li hija responsabbli għall-infurzar tal-FuelEU kif definit skont ir-Regolament FuelEU Maritime huwa ddeterminat bl-użu tal-istess regoli bħal dawk applikati biex tiġi ddeterminata l-“awtorità amministrattiva responsabbli” għad-Direttiva EU ETS fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir. Madankollu, minħabba l-possibbiltà li f’ċerti sitwazzjonijiet il-kumpanija responsabbli għal bastiment tista’ ma tkunx l-istess għar-Regolament FuelEU Maritime minn naħa waħda, u għar-Regolament Marittimu MRV u għad-Direttiva EU ETS min-naħa l-oħra (ara hawn fuq), huwa possibbli li l-istess bastiment ikun amministrat minn żewġ Stati Membri differenti, wieħed għar-Regolament FuelEU Maritime u ieħor għad-Direttiva EU ETS u għar-Regolament Marittimu MRV.
Fi Stat Membru wieħed, jistgħu jinħatru awtoritajiet differenti biex ikunu responsabbli għall-amministrazzjoni tar-Regolament FuelEU Maritime minn naħa u tar-Regolament Marittimu MRV u tad-Direttiva EU ETS min-naħa l-oħra, iżda huwa f’idejn l-Istat Membru li jiddeċiedi jekk ikunx l-aħjar li jagħti lill-istess awtorità dik ir-responsabbiltà.
Konklużjonijiet
-Għandu jsir eżami ulterjuri tal-entitajiet responsabbli skont ir-Regolament FuelEU Maritime Regulation, id-Direttiva EU ETS u r-Regolament Marittimu MRV biex jiġi ddeterminat jekk interpretazzjoni u definizzjoni allinjati tal-entità regolata jġibux aktar simplifikazzjoni u għal min. F’dak il-kuntest, għandu jitqies li d-Direttiva EU ETS tħares lejn il-konformità fil-livell tal-kumpaniji, u r-Regolament FuelEU Maritime Regulation jipprevedi obbligi fir-rigward tal-bastimenti.
III.Monitoraġġ, reġistrazzjoni u rapportar
Pjanijiet ta’ monitoraġġ
Kemm skont ir-Regolament FuelEU Maritime kif ukoll skont ir-Regolament Marittimu MRV, il-kumpaniji jridu jissottomettu lill-verifikatur pjan ta’ monitoraġġ għal kull wieħed mill-bastimenti tagħhom li jindika l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ rapportar. Minħabba r-rekwiżiti differenti, l-operaturi jeħtieġ li jissottomettu żewġ pjanijiet ta’ monitoraġġ separati, wieħed f’konformità mar-Regolament Marittimu MRV u l-ieħor f’konformità mar-Regolament FuelEU Maritime. Iż-żewġ pjanijiet għandhom struttura simili u jistgħu jiġu prodotti fis-sistema tal-IT THETIS MRV. Wara li jiġu ppreżentati ż-żewġ pjanijiet ta’ monitoraġġ, dawn isegwu proċessi indipendenti tal-fluss tax-xogħol.
Fil-prattika, THETIS MRV taġixxi bħala punt uniku ta’ servizz għall-kumpaniji tat-tbaħħir, u dan jippermetti l-preżentazzjoni komplementari tad-data għall-finijiet kemm tar-Regolament Marittimu MRV/tad-Direttiva EU ETS kif ukoll tar-Regolament FuelEU Maritime. Id-data kollha mmonitorjata u rreġistrata skont ir-Regolament Marittimu MRV se tintuża għall-kalkoli tar-Regolament FuelEU Maritime, soġġetta għal konferma mill-verifikatur ta’ FuelEU, jekk tkun differenti mill-verifikatur tal-MRV. L-istess data Marittima MRV tista’ tintuża wkoll biex tiġi aggregata d-data rilevanti għar-rapporti fil-livell tal-kumpaniji skont id-Direttiva EU ETS.
Rapportar abbażi ta’ kull vjaġġ
Kemm skont ir-Regolament FuelEU Maritime kif ukoll skont id-data tar-Regolament Marittimu MRV, fil-prinċipju d-data tiġi mmonitorjata għal kull vjaġġ. Madankollu, skont ir-Regolament Marittimu MRV, ma huwiex obbligatorju li wieħed jirrapportata abbażi ta’ kull vjaġġ, u dan ifisser li l-kumpaniji jistgħu jirrapportaw fuq bażi aggregata annwali d-data meħtieġa. Madankollu, fil-prattika, THETIS MRV tippermetti li d-data tiġi rreġistrata u rrapportata abbażi ta’ kull vjaġġ bħala għażla volontarja skont ir-Regolament Marittimu MRV.
Derogi mill-monitoraġġ għal kull vjaġġ
Permezz ta’deroga, ir-Regolament Marittimu MRV jippermetti lill-kumpaniji jimmonitorjaw il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal ċerti bastimenti fuq bażi annwali biss. Id-deroga tapplika għal bastimenti li jwettqu biss vjaġġi intra-UE u li jwettqu aktar minn 300 vjaġġ kull sena. Tali derogi ma jeżistux skont ir-Regolament FuelEU Maritime.
Allokazzjoni tal-użu tal-fjuwil/tal-enerġija skont l-ambitu ġeografiku
Ir-Regolament FuelEU Maritime jippermetti l-allokazzjoni mingħajr ħlas/ir-ridistribuzzjoni tal-fjuwil użat matul il-perjodu kollu ta’ rapportar lill-parti intra-UE jew lil dik barra mill-UE tad-distanza vvjaġġata, irrispettivament minn jekk il-fjuwil/l-enerġija fil-fatt intużatx fuq dak il-vjaġġ speċifiku. Ir-Regolament Marittimu MRV u d-Direttiva EU ETS jirrikjedu r-rapportar tat-tip ta’ fjuwil rilevanti għat-tip eżatt ta’ vjaġġ li matulu jkun ġie kkonsmat il-fjuwil. Dan għandu impatt fuq l-allokazzjoni tal-fjuwils bl-inqas intensità ta’ gassijiet serra (u klassifikazzjoni żero għad-Direttiva EU ETS).
Konklużjonijiet:
-Is-soluzzjonijiet tal-IT applikati fit-THETIS MRV inaqqsu l-piż li jiġu ppreżentati żewġ pjanijiet ta’ monitoraġġ separati. Madankollu, il-fattibbiltà tal-fużjoni taż-żewġ pjanijiet ta’ monitoraġġ tista’ tiġi eżaminata, flimkien ma’ jekk tali pass jistax jissimplifika aktar ir-rapportar.
-Hemm differenzi f’termini ta’ rekwiżiti ta’ rapportar dwar l-enerġija użata fil-portijiet u matul il-vjaġġi. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tar-Regolament Marittimu MRV, ir-Regolament FuelEU Maritime ma jinkludix derogi li jippermettu lil ċerti bastimenti jimmonitorjaw il-konsum u l-emissjonijiet tal-fjuwil tagħhom kull sena, minflok ma jimmonitorjaw kull vjaġġ uniku. Tista’ tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ aktar allinjament ta’ dawn l-elementi.
IV.Verifika
Is-sistema ta’ verifika applikabbli skont ir-Regolament FuelEU Maritime hija fil-biċċa l-kbira bbażata fuq is-sistema stabbilita skont ir-Regolament Marittimu MRV, iżda hemm xi differenzi, li huma analizzati hawn taħt.
Obbligi u prinċipji ġenerali għall-verifikaturi u l-proċeduri ta’ verifika
L-obbligi u l-prinċipji għall-verifikaturi u l-proċeduri ta’ verifika – kif speċifikati fl-atti ta’ implimentazzjoni u delegati adottati skont ir-Regolament FuelEU Maritime u r-Regolament Marittimu MRV – huma fil-biċċa l-kbira allinjati 7 . Differenza waħda hija li, b’kuntrast mar-Regolament Marittimu MRV, skont ir-Regolament FuelEU Maritime, jekk il-verifikatur jinbidel, il-pjanijiet ta’ monitoraġġ għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid mill-verifikatur il-ġdid.
Akkreditazzjoni
L-ispeċifikazzjonijiet li jikkonċernaw ir-regoli għall-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont ir-Regolament Marittimu MRV u r-Regolament FuelEU Maritime huma stabbiliti f’atti delegati 8 . Id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti huma identiċi jew fil-biċċa l-kbira simili.
Konklużjonijiet
-Ir-regoli għall-verifika, u l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi, huma stabbiliti fiż-żewġ regolamenti fir-Regolament FuelEU Maritime u fir-Regolament Marittimu MRV u speċifikati aktar f’atti delegati u ta’ implimentazzjoni separati. Id-differenzi fir-regoli huma minimi u fil-biċċa l-kbira jirriżultaw mill-flussi tax-xogħol u mir-rwoli differenti tal-verifikaturi skont l-atti differenti.
V.Infurzar
Ordni ta’ tkeċċija/detenzjoni
Kemm skont ir-Regolament FuelEU Maritime kif ukoll skont ir-Regolament Marittimu MRV, jekk bastiment jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu għal żewġ perjodi ta’ rapportar konsekuttivi jew aktar, l-Istati Membri jistgħu joħorġu ordni ta’ tkeċċija. Madankollu, l-Istat tal-bandiera ma jistax jirrifjuta d-dħul fil-port lil bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu.
Obbligu ta’ pussess ta’ dokument ta’ konformità validu (DoC)
Skont ir-Regolament FuelEU Maritime, il-bastimenti li ma wettqu l-ebda vjaġġ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu matul perjodu ta’ rapportar xorta huma meħtieġa jġorru DoC validu (dokument speċifiku għal bastiment, maħruġ lil kumpanija minn verifikatur, li jikkonferma li dak il-bastiment kien ikkonforma mar-Regolament FuelEU Maritime għal perjodu ta’ rapportar speċifiku) abbord matul il-perjodu ta’ verifika. Ir-Regolament Marittimu MRV jistabbilixxi obbligu li jinġarr abbord DoC validu biss għall-bastimenti li jkunu wettqu vjaġġi skont il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu matul il-perjodu ta’ rapportar. Fil-każ ta’ bastimenti inattivi (jiġifieri l-ebda attività skont il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Marittimu MRV), dak ir-Regolament ma jipprojbixxix il-preżentazzjoni ta’ rapport verifikat dwar l-emissjonijiet b’emissjonijiet żero sabiex jinkiseb DoC validu.
Obbligu tal-Istat tal-Bandiera
Ir-Regolament Marittimu MRV jiddikjara li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar minn bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu. B’kuntrast ma’ dan, skont ir-Regolament FuelEU Maritime, l-Istati Membri ma humiex obbligati jwettqu kontrolli fuq bastimenti li jtajru l-bnadar tagħhom.
Ħruġ ta’ dokument ta’ konformità FuelEU
Skont ir-Regolament FuelEU Maritime u r-Regolament Marittimu MRV, il-verifikatur huwa, fil-prinċipju, responsabbli għall-ħruġ tad-DoC. Madankollu, skont ir-Regolament FuelEU Maritime, jekk tkun dovuta penali FuelEU, id-dokument jeħtieġ li jinħareġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat responsabbli. Barra minn hekk, skont FuelEU huwa possibbli li l-awtorità kompetenti tirtira dokumenti ta’ konformità maħruġa qabel meta jiġu identifikati dikjarazzjonijiet skorretti jew nuqqasijiet ta’ konformità fid-data rrapportata, li ma huwiex il-każ skont ir-Regolament Marittimu MRV.
Spezzjonijiet
Kemm ir-Regolament FuelEU Maritime kif ukoll ir-Regolament Marittimu MRV jirrikjedu li l-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat tal-port jinkludu kontrolli tad-DoC bħala parti mill-ispezzjonijiet tagħhom (kif imwettqa f’konformità mad-Direttiva 2009/16/KE) 9 .
Sanzjonijiet
Kemm skont ir-Regolament FuelEU Maritime kif ukoll skont ir-Regolament Marittimu MRV, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu sett separat ta’ regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tar-Regolamenti.
Konklużjonijiet
-Ir-regoli tal-infurzar kemm skont ir-Regolament FuelEU Maritime kif ukoll skont ir-Regolament Marittimu MRV huma ċċentrati fuq il-bastiment u fihom ħafna dispożizzjonijiet identiċi jew simili, iżda hemm differenzi. L-istabbiliment ta’ reġim ta’ infurzar konġunt jista’ jiġi eżaminat biex jiġu ssimplifikati ċerti attivitajiet u jitnaqqas il-piż fuq l-awtoritajiet tal-Istat Membru.
VI.Twaqqit tal-obbligi ta’ konformità
Tqabbil tal-obbligi ta’ konformità fir-Regolament Marittimu MRV u fir-Regolament FuelEU Maritime juri li ż-żewġ regolamenti huma konsistenti fir-rigward tat-twaqqit.
Jekk fil-futur ikun hemm deċiżjoni li ssir ħidma bi pjan ta’ monitoraġġ komprensiv wieħed għaż-żewġ Regolamenti, iż-żmien ikun irid jiġi allinjat fuq ċerti punti. Pereżempju, bħalissa, il-bastimenti li jieqfu f’port ta’ Stat Membru għall-ewwel darba wara l-31 ta’ Awwissu 2024 iridu jippreżentaw pjan ta’ monitoraġġ mhux aktar tard minn xahrejn wara l-ewwel waqfa f’port tagħhom skont ir-Regolament FuelEU Maritime, iżda mhux aktar tard minn 3 xhur wara l-ewwel waqfa ta’ kull bastiment f’port ta’ Stat Membru skont ir-Regolament Marittimu MRV.
Sal-31 ta’ Jannar tal-perjodu ta’ verifika, ir-rapport FuelEU għandu jiġi ppreżentat lill-verifikatur, u sal-31 ta’ Marzu tal-perjodu ta’ verifika, il-verifikatur huwa obbligat jirreġistra r-rapport FuelEU vverifikat fil-bażi tad-data FuelEU. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Marittimu MRV jiddikjara li, skont ir-regoli tal-awtorità amministrattiva responsabbli, ir-rapport ivverifikat dwar l-emissjonijiet irid jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet rilevanti fil-perjodu bejn it-28 ta’ Frar u l-31 ta’ Marzu tal-perjodu ta’ verifika. Huwa f’idejn kull awtorità amministrattiva li tiddeċiedi dwar id-data eżatta li fiha tippreżenta r-rapport f’dak il-perjodu.
Konklużjonijiet
-L-iskedi ta’ żmien u l-proċeduri li jeħtieġ li jiġu segwiti biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti taż-żewġ regolamenti għandhom struttura simili, iżda hemm differenzi fid-dati u fil-formulazzjoni tal-obbligi. Jista’ jiġi kkunsidrat allinjament ulterjuri tal-proċess ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar.
VII.Konklużjonijiet ġenerali
It-tqabbil juri li, filwaqt li r-Regolament FuelEU Maritime, ir-Regolament Marittimu MRV u d-Direttiva EU ETS diġà huma allinjati tajjeb f’ħafna aspetti, hemm lok biex jitnaqssu d-diskrepanzi eżistenti permezz tar-reviżjonijiet li ġejjin tal-atti, bl-għan li tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni u jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi, għall-verifikaturi u għall-Istati Membri.
L-akbar benefiċċji jiġu permezz tal-istabbiliment ta’ sistema unika ta’ monitoraġġ, ta’ rapportar u ta’ verifika li sservi kemm ir-Regolament FuelEU Maritime kif ukoll id-Direttiva EU ETS u tiżgura li l-kumpaniji jkunu jistgħu jużaw id-data miġbura, ivverifikata u rrapportata skont ir-Regolament Marittimu MRV għall-konformità mad-Direttiva EU ETS u mar-Regolament FuelEU Maritime.
Tali sistema bbażata fuq ir-Regolament Marittimu MRV għandha i) tkopri r-rekwiżiti kollha ta’ monitoraġġ skont id-Direttiva EU ETS u r-Regolament FuelEU Maritime, ii) timminimizza d-diskrepanzi u l-allinjamenti ħażin bejn ir-rekwiżiti, iii) tallinja u possibbilment tgħaqqad id-dokumenti ta’ rapportar f’mudell uniku wieħed (jiġifieri l-pjanijiet ta’ monitoraġġ, ir-rapporti dwar l-emissjonijiet), iv) tistabbilixxi qafas uniku ta’ verifika u ta’ akkreditazzjoni, u v) tallinja l-kunċett ta’ entità regolata skont ir-Regolament Marittimu MRV, ir-Regolament FuelEU Maritime u d-Direttiva EU ETS.
Lil hinn mis-sistema ta’ monitoraġġ, ta’ rapportar u ta’ verifika, fil-futur tista’ titqies ukoll konverġenza ulterjuri bejn ir-Regolament FuelEU Maritime Regulation u d-Direttiva EU ETS f’oqsma oħra bħall-eżenzjonijiet ġeografiċi, it-tipi ta’ bastimenti, il-kopertura tal-enerġija u tal-emissjonijiet, in-navigazzjoni minn ġos-silġ u l-miżuri ta’ infurzar. Madankollu, il-kisba ta’ konsistenza akbar ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tkun aktar ta’ sfida mill-allinjament tas-sistemi ta’ monitoraġġ, ta’ rapportar u ta’ verifika; barra minn hekk, hemm raġunijiet leġittimi biex jinżammu d-differenzi eżistenti li kienu bbażati fuq għażliet speċifiċi tal-koleġiżlaturi.
L-emendi kollha għall-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq għandhom jiġu kkoordinati u jqisu l-impatt tal-bidliet fit-tliet biċċiet ta’ leġiżlazzjoni. Fl-istess ħin, kwalunkwe reviżjoni għandha teżamina l-fattibbiltà u l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali ta’ konverġenza ulterjuri, fid-dawl tal-għan li jiġu ppreservati l-integrità u l-effettività ambjentali tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni, inklużi l-impenji legalment vinkolanti tagħha.
Ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE, ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48-100, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1805/oj .
Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE, ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55-76, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/757/oj .
Ir-Regolament (UE) 2023/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 sabiex tiġi prevista l-inklużjoni tal-attivitajiet tat-trasport marittimu fis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet u għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra addizzjonali u emissjonijiet minn tipi ta’ bastimenti addizzjonali, ĠU L 130, 16.5.2023, p. 105-114, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/957/oj .
Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, ĠU L 275, 25.10.2003, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/3214 tas-16 ta’ Ottubru 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn bastimenti offshore u l-klassifikazzjoni żero tal-fjuwils sostenibbli
ĠU L, 2024/3214, 27.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/3214/oj .
Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82–209, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2001/oj .
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2027 tas-26 ta’ Lulju 2024 dwar attivitajiet ta’ verifika skont ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE, ĠU L, 2024/2027, 29.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2027/oj u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2917 tal-20 ta’ Ottubru 2023 dwar l-attivitajiet ta’ verifika, l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi u l-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ mill-awtoritajiet amministrattivi skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport marittimu, u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2072, ĠU L, 2023/2917, 29.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2917/oj .
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/192 tad-9 ta’ Settembru 2024 dwar il-proċeduri għall-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L, 2025/192, 29.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/192/oj u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2917 kif imsemmi hawn fuq.
Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port, ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57-100, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/16/oj .