|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/60 |
16.1.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/60
tal-15 ta’ Jannar 2025
li jimponi dazju anti-dumping definittiv, li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ eritritol li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati ta’ eritritol li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Bidu
|
(1) |
Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-eritritol li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat” jew “ir-RPĊ”) fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika tal-Bidu”). |
|
(2) |
Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fid-9 ta’ Ottubru 2023 minn Jungbunzlauer S.A. (“l-ilmentatur”). L-ilment sar mill-industrija tal-Unjoni tal-eritritol fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni. |
1.2. Reġistrazzjoni
|
(3) |
Il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1608 (3) (“ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”). |
1.3. Miżuri proviżorji
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fil-21 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji proposti u dettalji dwar il-kalkolu tal-marġni tad-dumping u l-marġni adegwati biex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli fi żmien 3 ijiem tax-xogħol. F’dan il-perjodu, l-ilmentatur issottometta talba lill-Kummissjoni biex tivverifika mill-ġdid id-data dwar l-esportazzjoni, filwaqt li żewġ importaturi/utenti ppreżentaw kummenti b’enfasi fuq kwistjonijiet ta’ reġistrazzjoni. Il-produttur esportatur inkluż fil-kampjun Dongxiao Biotechnology Co., Ltd biss issottometta kummenti dwar l-akkuratezza tal-kalkoli, jiġifieri dwar il-livell tal-VAT rimborżabbli u l-parametri referenzjarji għaż-żewġ prodotti sekondarji. Il-Kummissjoni kkoreġiet l-iżbalji fil-kalkolu identifikati minn Dongxiao Biotechnology Co., Ltd. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping proviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-eritritol li joriġina mir-RPĊ permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1959 (4) (“ir-Regolament proviżorju”). |
1.4. Proċedura sussegwenti
|
(6) |
Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping proviżorju (“id-divulgazzjoni proviżorja”), il-produttur esportatur inkluż fil-kampjun imsemmi fir-Regolament proviżorju bħala Sanyuan Biotechnology Co., Ltd iddikjara li ismu jenħtieġ li jiġi kkoreġut f’Shandong Sanyuan Biotechnology Co., Ltd. Fid-dawl tal-informazzjoni sottomessa mill-kumpanija matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni aċċettat it-talba. |
|
(7) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, produttur esportatur inkluż fil-kampjun Shandong Sanyuan Biotechnology Co., Ltd, l-ilmentatur u l-utenti Rio Mints & Sweeteners B.V. u Hamburg Fructose GmbH International, ippreżentaw sottomissjonijiet individwali dwar is-sejbiet proviżorji sal-iskadenza pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament proviżorju. Bl-istess mod, il-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importaturi u l-Esportaturi ta’ Metalli, Minerali u Kimiċi (“CCCMC”, China Chamber of Commerce for Metals, Minerals and Chemicals), wara li ngħatat is-setgħa minn erba’ produtturi esportaturi biex tirrappreżentahom (5), ippreżentat kummenti dwar id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni sal-iskadenza. |
|
(8) |
Ingħatat l-opportunità li jinstemgħu lill-partijiet li talbuha. Saru seduti ta’ smigħ mas-CCCMC, Rio Mints & Sweeteners B.V. u Hamburg Fructose GmbH International. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Meta waslet għall-konklużjonijiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni qieset il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet proviżorji tagħha fejn xieraq. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-eritritol li joriġina mir-RPĊ (“id-divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali. |
|
(11) |
Wara d-divulgazzjoni finali, il-Kummissjoni sabet żball klerikali meta stabbiliet l-ammont raġonevoli għall-profitt skont l-Artikolu 2(6a) (a) tar-Regolament bażiku. Fis-7 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati dwar il-korrezzjoni ta’ dak l-iżball klerikali u tal-korrezzjonijiet li jirriżultaw mill-affermazzjonijiet imsemmija fil-premessi minn (47) sa (50) hawn taħt. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali. |
|
(12) |
Wara d-divulgazzjoni finali, saret seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta fl-14 ta’ Novembru 2024 fuq talba ta’ Rio Mints & Sweeteners B.V. u Hamburg Fructose GmbH International. Il-kwistjonijiet imressqa f’din is-seduta miż-żewġ partijiet kienu jikkonċernaw kwistjonijiet sostantivi aktar milli drittijiet tad-difiża. Il-partijiet esprimew dubji dwar il-kalkoli tad-dumping u tad-dannu, talbu li l-applikazzjoni retroattiva tal-miżuri definittivi ma tiġix implimentata qabel l-1 ta’ Lulju 2024, u talbu għall-esklużjoni mill-miżuri ta’ ċerti tipi ta’ prodotti. Il-Kummissjoni ċċarat il-metodoloġija għall-kalkoli u ħadet nota tat-tħassib u t-talbiet tal-partijiet. Dawn ġew indirizzati hawn taħt. |
1.5. Affermazzjonijiet dwar il-bidu
|
(13) |
Is-CCCMC qieset li l-affermazzjonijiet proċedurali fis-sottomissjoni inizjali tagħha ma kinux ġew indirizzati biżżejjed mill-Kummissjoni fir-Regolament proviżorju. Is-CCCMC tenniet it-tħassib tagħha inter alia dwar l-indikaturi ekonomiċi neqsin fl-ilment u sommarju mhux kunfidenzjali defiċjenti. Hija sostniet ukoll li kwalità aħjar ta’ sommarji mhux kunfidenzjali fir-Regolament proviżorju ma tissostitwixxix id-data oriġinali fl-ilment u ma tippermettix lis-CCCMC tissodisfa d-dritt tad-difiża tagħhom li ġie miksur fl-istadju tal-bidu. |
|
(14) |
Il-Kummissjoni tenniet li, kif spjegat fil-premessa (11) tar-Regolament proviżorju, l-ilment kien fih biżżejjed informazzjoni li kienet raġonevolment disponibbli għall-ilmentatur u li s-sommarju mhux kunfidenzjali tal-ilment kien fih il-fatturi u l-indiċijiet rilevanti li kellhom effett fuq l-istat tal-industrija, kif meħtieġ mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku. Fil-Premessa (17) tar-Regolament proviżorju, hija kienet spjegat ukoll li fid-dawl tal-fatt li l-industrija tal-Unjoni tikkonsisti minn produttur wieħed, wieħed jifhem li l-fatturi tad-dannu ngħataw f’firxiet u f’forma indiċjata fl-ilment. Għalhekk, il-Kummissjoni ma taqbilx li d-drittijiet tad-difiża tal-kumpaniji rappreżentati mis-CCCMC ġew miksura fl-istadju tal-bidu. |
1.6. Kampjunar
|
(15) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, importatur staqsa dwar ir-rappreżentattività tal-produtturi esportaturi fil-kampjun minħabba li esportaturi Ċiniżi iżgħar ivarjaw f’diversi aspetti mill-atturi l-kbar. l-affermazzjoni ma kinitx sostanzjata, u saret tard wisq fil-proċediment, u konsegwentement ġiet miċħuda. |
|
(16) |
Ma wasal l-ebda kumment ieħor dwar it-teħid ta’ kampjuni. Għalhekk, il-konklużjonijiet fil-premessi (19) sa (26) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. |
1.7. Eżami individwali
|
(17) |
Ma wasal l-ebda kumment dwar l-eżami individwali. Għalhekk, il-konklużjonijiet fil-premessa (27) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. |
1.8. Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat
|
(18) |
Rio Mints & Sweeteners B.V. ikkritikat il-perjodu ta’ investigazzjoni magħżul minħabba li kien uniku f’termini ta’ prezzijiet baxxi mill-fornituri Ċiniżi, kostijiet baxxi tat-trasport fuq l-ilma u kostijiet għoljin ħafna tal-materja prima u tal-enerġija fl-Unjoni. Il-Kummissjoni nnutat li l-affermazzjoni saret tard wisq fil-proċediment u, fi kwalunkwe eventwalità, ċaħditha minħabba li l-perjodu ta’ investigazzjoni huwa konformi mal-prattika normali tal-Kummissjoni li tagħżel perjodu ta’ investigazzjoni immedjatament qabel il-bidu ta’ proċediment. |
|
(19) |
Wara d-divulgazzjoni finali, Rio Mints & Sweeteners B.V. u Hamburg Fructose GmbH ikkritikaw ir-raġunament tal-Kummissjoni ta’ hawn fuq abbażi li l-Kummissjoni kienet naqset milli turi jekk u kif kienet ikkonformat mal-obbligu legali tagħha li tagħti rendikont għal ċirkostanzi eċċezzjonali, irrispettivament minn meta saret it-talba dwar ċirkostanzi eċċezzjonali. Dawn il-partijiet affermaw b’mod speċifiku li l-perjodu ta’ investigazzjoni ra kostijiet tal-enerġija eċċezzjonalment għoljin fl-Unjoni u kostijiet baxxi ħafna tat-trasport marittimu. Il-Kummissjoni nnotat li l-affermazzjoni tal-partijiet f’dak l-istadju ma poġġietx f’dubju l-adegwatezza tal-prattika tal-Kummissjoni fl-għażla tal-perjodu ta’ investigazzjoni, li ġiet applikata wkoll f’dan il-każ. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li billi eżaminat ix-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu fuq perjodu itwal, mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Settembru 2023, hija tabilħaqq qieset ċirkostanzi li setgħu kienu eċċezzjonali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(20) |
Ma wasal l-ebda kumment ieħor dwar il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat deskritt fil-premessa (33) tar-Regolament proviżorju. Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat deskritti f’dik il-premessa ġew għalhekk ikkonfermati. |
2. PRODOTT TAĦT INVESTIGAZZJONI, PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI
|
(21) |
Rio Mints & Sweeteners B.V. affermat li l-Kummissjoni ma investigatx prodotti mħallta u li tali prodotti mhumiex soġġetti għal dumping u jenħtieġ li jinżammu barra mill-ambitu tal-investigazzjoni. Wara d-divulgazzjoni finali, Rio Mints & Sweeteners B.V. insistiet fuq l-affermazzjoni inizjali tagħha filwaqt li allegat li l-Kummissjoni ma kinitx investigat prodotti mħallta peress li ma ntwera l-ebda kalkolu tat-tqabbil għall-prodotti mħallta lill-parti. Hamburg Fructose GmbH tenniet l-istess affermazzjoni kemm għall-prodotti mħallta kif ukoll għal dawk organiċi. Iż-żewġ partijiet innotaw li l-ilmentatur ma offrietx formati ta’ imballaġġ lesti għall-konsumatur biex jintużaw. |
|
(22) |
Il-Kummissjoni fakkret li kemm il-marġni tad-dumping kif ukoll tad-dannu kienu ġew ikkalkulati fil-livell tan-Numri ta’ Kontroll tal-Prodott (PCNs, Product Control Numbers) li jiddistingwu bejn prodotti puri u dawk imħallta. Meta saru disponibbli kwestjonarji vojta fl-istadju tal-bidu, l-ebda parti ma sostniet li l-PCNs għandhom jiżolaw il-prodotti organiċi. Għalhekk, il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew stabbiliti kemm għall-prodotti puri kif ukoll għal dawk imħallta abbażi ta’ din id-distinzjoni, filwaqt li l-karatteristika “organika” ġiet ikkunsidrata fil-valur normali. La l-ilmentatur u lanqas il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun ma biegħu l-eritritol f’vażetti jew stikek fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-kalkoli dettaljati kien fihom data sensittiva u ġew żvelati biss lill-partijiet li setgħu jikkummentaw dwarhom b’mod sinifikanti. Madankollu, il-metodoloġija tagħhom ġiet spjegata liż-żewġ partijiet fis-seduta ta’ smigħ imsemmija fil-premessa (12). |
|
(23) |
Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-prodotti puri u mħallta, filwaqt li jintgħarfu f’laboratorju, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi. |
|
(24) |
Wara d-divulgazzjoni finali, Rio Mints & Sweeteners B.V. u Hamburg Fructose GmbH sostnew li d-dikjarazzjoni ta’ hawn fuq kienet irrilevanti minħabba li l-proprjetajiet importanti għat-taħlitiet kienu “fatturi oħra”, jiġifieri proprjetajiet sensorjali. Il-Kummissjoni tenniet li, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux ikkontestati, kien ġie żgurat tqabbil ġust tal-prezzijiet kif spjegat hawn fuq. |
|
(25) |
Rio Mints & Sweeteners B.V. u Hamburg Fructose GmbH International sostnew ukoll rispettivament li mill-inqas taħlitiet funzjonali fi prodotti tal-konsumatur lesti biex jintużaw u eritritol organiku għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri. Il-Kummissjoni nnotat li l-konklużjoni tagħha fil-premessa (22) hija valida, u li minkejja l-impatt finanzjarju fuq iż-żewġ partijiet inkwistjoni, ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal tali esklużjonijiet. |
2.1. Konklużjoni
|
(26) |
Għaldaqstant, il-konklużjonijiet dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili milħuqa fil-premessi minn (34) sa (39) kif emendati tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. |
3. DUMPING
|
(27) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-produttur esportatur inkluż fil-kampjun Shandong Sanyuan Biotechnology Co., Ltd, is-CCCMC, l-ilmentatur u l-utenti kkummentaw dwar is-sejbiet proviżorji tad-dumping. |
3.1. Valur normali
|
(28) |
Id-dettalji tal-kalkolu tal-valur normali ġew stabbiliti fil-premessi minn (40) sa (227) tar-Regolament proviżorju. |
3.1.1. Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti
|
(29) |
Is-CCCMC ikkontestat il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti tas-suq fir-RPĊ. Biex tappoġġja l-pożizzjoni tagħha, hija sostniet li: (i) ir-Rapport jonqos milli jissodisfa l-istandards ta’ evidenza imparzjali u oġġettiva u evidenza ta’ valur probatorju suffiċjenti, mhux l-inqas minħabba li tħejja mill-Kummissjoni bl-għan speċifiku li jagħmilha aktar faċli li l-industriji tal-Unjoni jressqu lment fil-qasam tal-miżuri kummerċjali; (ii) skont il-ġurisprudenza tal-korp tal-Appell (6), il-Kummissjoni hija meħtieġa tistabbilixxi b’mod pożittiv l-eżistenza ta’ prattiki ta’ dumping; (iii) l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huwa inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni tad-WTO, peress li ma hemm l-ebda referenza għall-kunċett ta’ distorsjonijiet sinifikanti fl-Artikolu 2.2 tal-Ftehim dwar l-Anti-dumping (ADA, Anti-Dumping Agreement), peress li l-Artikolu 2.2 jippermetti biss l-użu tal-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-kostijiet u l-profitti amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali, peress li l-Artikolu 2.2.1.1 jeħtieġ li l-kostijiet għandhom normalment jiġu kkalkulati abbażi tar-rekords miżmuma mill-esportatur jew mill-produttur li jkun qed jiġi investigat, dment li tali rekords ikunu konformi mal-prinċipji kontabilistiċi ġeneralment aċċettati tal-pajjiż esportatur u jirriflettu b’mod raġonevoli l-kostijiet assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat, u peress li l-ġurisprudenza tad-WTO, b’mod partikolari d-DS473 u d-DS494 tistabbilixxi li l-awtoritajiet investigattivi jridu jużaw il-kostijiet tal-prodott effettivament imġarrba mill-produtturi jew mill-esportaturi għall-kalkolu tal-valuri normali mibnija. |
|
(30) |
Dawn l-argumenti ma setgħux jiġu aċċettati. Fir-rigward tal-ewwel u t-tieni argument tas-CCCMC, il-Kummissjoni indikat li, sabiex tivvaluta l-eżistenza u l-impatt potenzjali tad-distorsjonijiet sinifikanti, hija, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(e) tar-Regolament bażiku, ġabret id-data meħtieġa biex tiddetermina l-eżistenza u l-impatt tad-distorsjonijiet sinifikanti u l-użu konsegwenti tal-metodoloġija preskritta mill-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. Id-data miġbura mill-Kummissjoni u d-determinazzjonijiet li jirriżultaw huma ppreżentati fid-dettall fit-Taqsima 3.2.2. tar-Regolament proviżorju. Dik it-Taqsima fiha l-valutazzjoni sħiħa tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti, inkluża evidenza addizzjonali sostanzjali speċifika għall-investigazzjoni mhux inkluża fir-Rapport. Fir-rigward tar-Rapport innifsu, il-Kummissjoni fakkret li huwa dokument komprensiv ibbażat fuq evidenza oġġettiva estensiva, inklużi leġiżlazzjoni, regolamenti u dokumenti uffiċjali oħra ta’ politika ppubblikati mill-awtoritajiet Ċiniżi, rapporti ta’ partijiet terzi minn organizzazzjonijiet internazzjonali, studji akkademiċi u artikli minn akkademiċi, u sorsi indipendenti affidabbli oħra. Ir-rapport tqiegħed fil-fajl tal-investigazzjoni sabiex kwalunkwe parti interessata jkollha biżżejjed opportunità biex tirribatti, tissupplimenta jew tikkummenta dwaru u dwar l-evidenza li fuqha huwa bbażat. Is-CCCMC ma pprovdiet l-ebda argument kuntrarju bħal dan, għajr li l-kummenti ġeneriċi tar-Rapport ma kinux imparzjali u oġġettivi. |
|
(31) |
Fir-rigward tat-tielet argument tas-CCCMC, il-Kummissjoni tenniet il-fehma tagħha espressa fil-premessa (159) tar-Regolament proviżorju li l-metodoloġija skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku hija konsistenti bis-sħiħ mal-obbligi tad-WTO tal-Unjoni. B’mod partikolari, m’hemmx bżonn li l-Membri tad-WTO jużaw it-termini eżatti tal-Ftehimiet tad-WTO fil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni tagħhom. Għalhekk, il-fatt li t-termini ta’ “distorsjonijiet sinifikanti” bħala tali mhuwiex preżenti fl-ADA ma jillimitax l-użu mill-UE ta’ dawk it-terminu. Barra minn hekk, il-liġi tad-WTO kif interpretata mill-Korp tal-Appell f’DS473, tippermetti l-użu ta’ data minn pajjiż terz, aġġustata kif xieraq meta tali aġġustament ikun meħtieġ u sostanzjat. Barra minn hekk, fir-rigward tad-DS494, ir-Rapport tal-Bord ikkunsidra speċifikament id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku bħala barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tilwima. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li kemm l-UE kif ukoll il-Federazzjoni Russa appellaw is-sejbiet tal-Bord, li mhumiex finali u għalhekk, skont il-ġurisprudenza permanenti tad-WTO, ma għandhom l-ebda status legali fis-sistema tad-WTO, peress li ma ġewx approvati mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim permezz ta’ deċiżjoni mill-Membri tad-WTO. Għalhekk, l-affermazzjoni tas-CCCMC ġiet miċħuda. |
|
(32) |
Ma wasal l-ebda kumment ieħor dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ. Għalhekk, is-sejbiet fil-premessi (40) sa (162) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. |
3.1.2. Pajjiż rappreżentattiv
|
(33) |
Wara d-divulgazzjoni finali, Rio Mints & Sweeteners B.V. u Hamburg Fructose GmbH sostnew li l-kostijiet tal-produzzjoni tal-ksilitol kienu aktar komparabbli mal-kostijiet tal-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat mill-kostijiet tal-produzzjoni tal-aċidu ċitriku. L-affermazzjoni, mhux sostanzjata, saret fi stadju tard wisq tal-proċediment u ġiet miċħuda. |
|
(34) |
Ma wasal l-ebda kumment dwar is-sejba li l-Kolombja ssodisfat il-kriterji stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku sabiex titqies bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq. Il-konklużjonijiet fil-premessi (163) sa (184) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. |
3.1.3. Sorsi użati biex jiġu stabbiliti l-kostijiet u l-parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni
|
(35) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, importatur iddikjara li prodotti oħra għajr l-aċidu ċitriku setgħu ttieħdu bħala indikatur approprjat. L-affermazzjoni, mhux sostanzjata, saret fi stadju tard wisq tal-proċediment (7) u ġiet miċħuda. |
|
(36) |
L-ilmentatur innota differenza bejn il-valur għall-qamħirrum fin-nota għall-fajl dwar is-sorsi rilevanti li l-Kummissjoni kellha l-ħsieb li tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali bid-data tal-21 ta’ Diċembru 2023 (“l-Ewwel Nota”) meta mqabbel mal-valur għall-qamħirrum fit-tabella 1 tar-Regolament proviżorju. Il-Kummissjoni kkonfermat li għamlet estrazzjoni ġdida ta’ data mhux ipproċessata għall-fini tar-Regolament proviżorju li rriżulta fil-valur fit-tabella 1 tiegħu. |
|
(37) |
L-ilmentatur talab aġġustament ’il fuq ta’ 6,5 % għall-valur referenzjarju tal-qamħirrum użat għar-raġuni li l-qamħirrum Ċiniż ma kienx ġenetikament modifikat (“mhux ĠM”) u li l-qamħirrum mhux ĠM jattira primjum fis-suq, u ppreżenta evidenza dwar il-produttività aktar baxxa tal-qamħirrum mhux ĠM. Il-primjum ġie kkalkulat abbażi tal-informazzjoni dwar is-suq disponibbli għall-applikant. L-investigazzjoni kkonfermat li l-prodotti mhux ĠM jattiraw primjum fil-prezz, li s-sorsi ewlenin tal-importazzjoni tal-qamħirrum fil-Kolombja adottaw b’mod wiesa’ qamħirrum transġeniku (8) u li l-eritritol Ċiniż huwa prodott minn qamħirrum mhux ĠM. Il-Kummissjoni għalhekk qablet ma’ aġġustament ’il fuq ta’ 6,5 % għall-valur ta’ referenza għall-qamħirrum ippreżentat fit-tabella 1 tar-regolament proviżorju. Il-valur referenzjarju aġġornat għall-qamħirrum huwa ta’ 2,277 CNY/kg. filwaqt li l-valur referenzjarju għall-qamħirrum organiku huwa ta’ 2,732 CNY/kg. |
|
(38) |
Fir-rigward tal-kontenut tas-sustanza niexfa fil-glukożju likwidu, l-ilmentatur qies il-proporzjon tal-kontenut ta’ 71 % imressaq minn produttur esportatur inkluż fil-kampjun bħala sottovalutazzjoni. Il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni fid-dawl tal-informazzjoni vverifikata fil-livell tal-produtturi esportaturi kkonċernati inklużi fil-kampjun. |
|
(39) |
L-ilmentatur ikkritika l-valuri għall-prodotti sekondarji/għall-iskart fit-tabella 1 tar-Regolament proviżorju minħabba li kien magħruf mill-pubbliku li l-proteina likwida hija ferm aktar għalja min-nibbieta tal-qamħirrum u mill-fibra tal-qamħirrum u li l-valur tan-nibbieta tal-qamħirrum ikun mill-inqas darbtejn akbar minn dak għall-fibra tal-qamħirrum. Il-Kummissjoni nnotat li l-affermazzjoni tal-ilmentatur kienet tmur kontra l-varjazzjoni fil-prezz li biha l-produtturi Ċiniżi fil-kampjun biegħu l-proteina likwida domestikament. Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-ilmentatur li l-valur tal-fibra tal-qamħirrum huwa ogħla minn dak tan-nibbieta tal-qamħirrum, ma seta’ jingħata l-ebda aġġustament. Il-valur referenzjarju tal-GTA użat mill-Kummissjoni huwa taħlita ta’ prodotti u baqa’ mhux sostanzjat jekk tali valur kienx eqreb għan-nibbieta tal-qamħirrum jew għall-fibra tal-qamħirrum. |
|
(40) |
L-ilmentatur allega li għall-produzzjoni organika l-Kummissjoni kienet naqset milli tapplika pagament addizzjonali għall-awżiljarji jew għal kostijiet ogħla tal-produzzjoni marbuta ma’ tindif addizzjonali. Il-Kummissjoni nnotat li hi kienet qieset fil-kalkoli tagħha l-ispeċifiċitajiet tal-produzzjoni organika, li ma kinitx il-biċċa l-kbira tal-produzzjoni, sa fejn kien possibbli, bħal f’termini ta’ awżiljarji u ħaddiema differenti. Il-Kummissjoni ċaħdet l-allegazzjoni tal-ilmentatur. |
|
(41) |
L-ilmentatur allega sottorapportar possibbli tal-kostijiet mill-produtturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun, jiġifieri dawk integrati vertikalment, u ppropona sensiela ta’ kontroverifiki. Il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet taż-żjarat ta’ verifika għand il-produtturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun, ma sabet l-ebda kwistjoni ta’ sottorappurtar dwar dan il-punt u ċaħdet l-affermazzjoni tal-ilmentatur. |
|
(42) |
Shandong Sanyuan Biotechnology Co., Ltd talbet li l-prezz unitarju medju tal-importazzjonijiet tal-Kolombja mill-Arġentina jintuża bħala l-punt ta’ riferiment għall-prezzijiet tal-qamħirrum, tal-glukożju u tal-lamtu tal-qamħirrum għar-raġuni li l-Arġentina kienet sors ewlieni ta’ importazzjonijiet u li l-prezz unitarju medju tal-importazzjonijiet tal-Kolombja ta’ qamħirrum, glukożju u lamtu tal-qamħirrum mill-Arġentina kien ivarja ftit mill-prezz unitarju medju ponderat tal-pajjiżi importaturi ewlenin. Shandong Sanyuan Biotechnology Co., Ltd allegat distorsjoni possibbli fil-prezz fl-importazzjonijiet tal-Kolombja tal-lamtu tal-qamħirrum mill-Brażil peress li l-prezzijiet ta’ tali importazzjonijiet kienu ħafna ogħla minn dawk għall-qamħirrum mill-Brażil jew għal-lamtu tal-qamħirrum mill-Arġentina u żiedet li l-importazzjonijiet tal-lamtu tal-qamħirrum mill-Brażil, Franza u l-Istati Uniti tal-Amerka (“USA”) għandhom jiġu esklużi peress li jkunu l-uniċi pajjiżi li jiddevjaw mill-prezzijiet medji tal-pajjiżi importaturi ewlenin. Is-CCCMC tenniet it-talba li jiġu esklużi l-importazzjonijiet tal-lamtu tal-qamħirrum mill-Brażil għar-raġuni li l-Brażil mhuwiex fost l-esportaturi dinjija ewlenin tal-lamtu tal-qamħirrum u li l-Brażil jesporta l-lamtu tal-qamħirrum l-aktar lejn destinazzjonijiet għajr il-Kolombja. |
|
(43) |
Shandong Sanyuan Biotechnology Co., Ltd ma ddikjaratx li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi speċifiċi kienu distorti u lanqas ma tat xi raġunijiet għad-differenzi fil-prezzijiet li setgħu jiġġustifikaw xi waħda mill-esklużjonijiet mitluba. Il-Kummissjoni nnotat li s-sempliċi fatt li l-prezzijiet tal-importazzjoni kienu differenti minn sors għall-ieħor ma jinvolvix per se li l-prezzijiet tal-importazzjoni ta’ sorsi aktar għaljin (jew irħas) kienu anormali u/jew jenħtieġ li jiġu injorati. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni sabet pereżempju li l-produzzjoni tal-lamtu tal-qamħirrum fi Franza (9) hija attività kompetittiva b’esportazzjonijiet sinifikanti u wkoll li l-Brażil għandu provvista, domanda (10) u esportazzjonijiet sinifikanti tal-lamtu tal-qamħirrum. Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda distorsjoni wara d-differenzi osservati mill-partijiet u lanqas raġunijiet għaliex il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-qamħirrum mill-Brażil u/jew mill-Istati Uniti, l-ikbar żewġ produtturi tal-qamħirrum fid-dinja, jenħtieġ li jiġu injorati. Il-fatt li l-Brażil mhuwiex fost l-esportaturi dinjija ewlenin tal-lamtu tal-qamħirrum jew li l-Kolombja mhijiex is-suq ewlieni tal-esportazzjoni tal-lamtu tal-qamħirrum tal-Brażil mhuwiex ekwivalenti għal prezzijiet tal-esportazzjoni Brażiljani anormali jew li għandhom jiġu injorati. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni motivata biex jiġu esklużi sorsi speċifiċi ta’ importazzjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-prezzijiet referenzjarji għall-qamħirrum, għall-glukożju u għal-lamtu tal-qamħirrum abbażi tal-importazzjonijiet rilevanti kollha tal-qamħirrum, tal-glukożju u tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja. |
|
(44) |
Wara d-divulgazzjoni finali, is-CCCMC ħeġġet lill-Kummissjoni teskludi l-prezz tal-importazzjoni Brażiljan tal-lamtu tal-qamħirrum mill-kalkolu tal-valur referenzjarju minħabba li kien għoli b’mod mhux normali peress li d-delta bejn il-lamtu tal-qamħirrum u l-qamħirrum fil-Brażil kienet ogħla milli fl-Arġentina. Għas-CCCMC, l-inklużjoni ta’ prezzijiet ogħla tal-importazzjonijiet għal-lamtu tal-qamħirrum Brażiljan irrendiet il-prezz globali tal-importazzjoni tal-GTA tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja mhux rappreżentattiv, filwaqt li ddiskriminat l-esportaturi Ċiniżi li l-materjal ewlieni ta’ input tagħhom kien il-lamtu tal-qamħirrum. L-ilmentatur iddikjara li kien hemm kontradizzjoni fl-argumenti tas-CCCMC għar-raġuni li s-CCCMC argumentat li l-inklużjoni tal-Brażil għall-parametru referenzjarju tal-qamħirrum hija korretta, iżda ħażina għal-lamtu tal-qamħirrum meta l-Brażil huwa l-akbar esportatur kemm tal-qamħirrum kif ukoll tal-lamtu tal-qamħirrum lejn il-Kolombja. L-ilmentatur ikkonkluda li l-prezzijiet Brażiljani tal-qamħirrum kienu baxxi wisq u li l-produtturi tal-lamtu tal-qamħirrum mill-qamħirrum u l-glukożju mill-qamħirrum gawdew minn marġnijiet għoljin. L-investigazzjoni ma sabitx li d-delta bejn il-qamħirrum u l-lamtu tal-qamħirrum fil-Brażil ma kinitx raġonevoli. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-prezz referenzjarju għal-lamtu tal-qamħirrum ibbażat fuq l-importazzjonijiet rilevanti kollha tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja. |
|
(45) |
Wara d-divulgazzjoni finali, Shandong Sanyuan Biotechnology Co., Ltd sostniet li l-valur tal-lamtu tal-qamħirrum użat mill-Kummissjoni ma kienx xieraq. Il-parti kkonfermat li ma tiddubitax jekk il-prezzijiet tal-importazzjoni kinux distorti jew mhux affidabbli. Il-parti allegat li l-Kummissjoni kienet naqset milli tipprovdi spjegazzjonijiet motivati biex tiġġustifika varjazzjonijiet fl-ipprezzar fost il-pajjiżi u żiedet li l-uniċi spjegazzjonijiet plawżibbli rigward prezzijiet ogħla ta’ lamtu tal-qamħirrum mill-Istati Uniti, Franza u l-Brażil kienu li l-lamtu tal-qamħirrum inbiegħ bħala oġġett għall-konsumatur. |
|
(46) |
Kif enfasizzat mill-parti nnifisha, il-kodiċijiet SA għal-lamtu tal-qamħirrum ma ppermettewx li ssir distinzjoni bejn il-lamtu tal-qamħirrum użat bħala oġġett għall-konsumatur u l-lamtu tal-qamħirrum użat bħala materjal ta’ input. Fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni jew kwalunkwe evidenza oħra ta’ sostenn dwar id-distakk fil-prezz (jekk ikun hemm) tal-lamtu tal-qamħirrum mibjugħ bħala oġġett għall-konsumatur kontra l-lamtu tal-qamħirrum mibjugħ bħala input fil-Kolombja matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-prezz referenzjarju għal-lamtu tal-qamħirrum ibbażat fuq l-importazzjonijiet rilevanti kollha tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja bħala l-aħjar metodoloġija biex tiġi evitata għażla selettiva ta’ elementi ta’ valur normali li huma l-aktar adatti għal interessi speċifiċi. Barra minn hekk, kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali fis-CCCME, l-użu tal-kodiċijiet SA biex jiġu stabbiliti prezzijiet mingħajr distorsjoni ta’ ċerti fatturi ta’ produzzjoni inevitabbilment jinvolvi ċertu grad ta’ approssimazzjoni. (11) |
|
(47) |
Wara d-divulgazzjoni finali, Shandong Sanyuan Biotechnology Co., Ltd talbet eżami mill-ġdid tal-kalkoli għar-raġuni li l-parametru referenzjarju għall-kost lavorattiv ingħadd darbtejn fir-rigward tal-kostijiet tas-sigurtà soċjali. |
|
(48) |
Il-Kummissjoni aċċettat din l-affermazzjoni. L-ammont ta’ 23,04 CNY/siegħa tax-xogħol muri fin-nota tal-fajl tad-19 ta’ Lulju 2024 (12) li tispjega l-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-kostijiet u tal-profitt mingħajr distorsjoni inkluda b’mod skorrett darbtejn l-ammonti bħall-ispejjeż tas-sigurtà soċjali mġarrba mill-impjegatur. Il-Kummissjoni kkonfermat li t-18 CNY/siegħa tax-xogħol imsemmija fit-tabella 1 u fil-premessa (209) tar-Regolament provviżorju kienet tirrifletti l-paga fis-siegħa fis-settur tal-industrija fil-Kolombja fil-perjodu ta’ investigazzjoni inklużi kontribuzzjonijiet bħas-sigurtà soċjali mħallsa mill-impjegatur. |
|
(49) |
Wara d-divulgazzjoni finali, Shandong Sanyuan Biotechnology Co., Ltd iddikjarat li kien hemm żball fil-kalkolu tal-oġġetti konsumabbli min-naħa tagħha, li rriżulta f’valur eċċessivament għoli għall-iżvantaġġ tal-kumpanija. |
|
(50) |
Il-Kummissjoni aċċettat din l-affermazzjoni u kkoreġiet il-kalkoli kif xieraq. |
|
(51) |
Rio Mints & Sweeteners B.V. sostniet li l-valur normali għandu jiġi vverifikat ma’ sorsi oħra, bħal-listi tal-prezzijiet ippubblikati, l-istatistika uffiċjali tal-importazzjonijiet u r-ritorni doganali. Il-Kummissjoni fakkret li l-valur normali ġie stabbilit skont il-metodoloġija fir-Regolament bażiku (u deskritta wkoll fit-taqsima 3.1 tar-Regolament proviżorju) u ċaħdet l-affermazzjoni. |
|
(52) |
L-iżball klerikali msemmi fil-premessa (11) wassal għal aġġornament tal-perċentwali fil-premessa (227) tar-Regolament provviżorju. Il-kostijiet aġġornati tas-SG&A, espressi bħala perċentwal tal-kost tal-oġġetti mibjugħin (“COGS”, Cost of Goods Sold) u applikati għall-ispejjeż tal-produzzjoni mingħajr distorsjoni, ammonta għal 21,4 %. Il-profitt aġġornat, espress bħala perċentwal tas-COGS u applikat għall-ispejjeż tal-produzzjoni mingħajr distorsjoni, ammonta għal 13,9 %. |
|
(53) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, minbarra l-perċentwali aġġornati għall-kostijiet u l-profitti tas-SG&A, il-korrezzjonijiet miġbura fil-qosorfil-premsssa (11) u l-parametri referenzjarji aġġornati għall-qamħirrum (organiku) imsemmija fil-premessa (37) hawn fuq, is-sejbiet rigward il-valur normali kif stabbilit fil-premessi minn (40) sa (227) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. Għal finijiet ta’ ċarezza, il-Kummissjoni tippreżenta t-tabella 1 hawn taħt tar-Regolament proviżorju kif aġġornata fl-istadju definittiv: Tabella 1
|
|||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
3.2. Prezz tal-esportazzjoni
|
(54) |
L-ilmentatur ikkontesta l-volum u l-prezz tal-importazzjonijiet Ċiniżi kkunsidrati għall-fini tal-kalkoli. L-ilmentatur stieden lill-Kummissjoni tagħmel kontroverifiki addizzjonali. Il-Kummissjoni għamlet kontroverifiki interni sa fejn kien possibbli iżda ma setgħetx tikkonfronta partijiet interessati oħra bl-allegazzjonijiet u d-data li l-ilmentatur ipprovda lill-Kummissjoni b’mod kunfidenzjali biss. Wara d-divulgazzjoni finali, l-ilmentatur ma qabilx mal-approċċ segwit mill-Kummissjoni billi appella għal kontrolli “sħaħ” u billi ddikjara li l-Kummissjoni kellha, min-naħa tagħha, data dettaljata li tpoġġi f’dubju ċ-ċifri sottomessi minn Baolingbao Biology Co., Ltd., inklużi r-rimarki ta’ Rio Mints & Sweeteners B.V. li l-prezzijiet ta’ Baolingbao Biology Co., Ltd. ma kinux ogħla mill-prezzijiet tal-esportaturi l-oħra. Il-Kummissjoni nnotat li l-informazzjoni pprovduta għal Baolingbao Biology Co., Ltd. mill-ilmentatur lill-Kummissjoni b’mod kunfidenzjali biss u l-informazzjoni vverifikata u kkonfermata mill-Kummissjoni fil-bini ta’ Baolingbao Biology Co., Ltd. bl-ebda mod ma setgħu jiġu rikonċiljati u għalhekk ma ġewx ikkunsidrati aktar. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li r-rimarki ta’ Rio Mints & Sweeteners B.V. dwar il-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ Baolingbao Biology Co., Ltd. ma kinux neċessarjament rappreżentattivi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni kollha ta’ Baolingbao Biology Co., Ltd. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet proviżorji tagħha u ċaħdet l-affermazzjonijiet tal-ilmentatur. |
|
(55) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa (228) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. |
3.3. Tqabbil
|
(56) |
Fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-kostijiet tat-trasport marittimu maż-żmien, Rio Mints & Sweeteners B.V. staqsiet dwar il-livell tal-aġġustament għat-trasport imsemmi fil-premessa (230) tar-Regolament proviżorju. Il-Kummissjoni nnotat li l-aġġustament ikkunsidra l-kostijiet tat-trasport kif irrapportati mill-produtturi esportaturi fil-kampjun infushom u ċaħdet l-affermazzjoni. |
|
(57) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-konklużjonijiet stipulati fil-premessi (229) sa (230) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. |
3.4. Marġnijiet tad-dumping
|
(58) |
Kif deskritt fil-premessa (53), wara l-affermazzjonijiet mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni kkalkulat mill-ġdid il-marġnijiet tad-dumping. |
|
(59) |
L-utent Rio Mints & Sweeteners B.V. talab li jiġu spezzjonati l-kalkoli tad-dumping. Il-parti tenniet it-talba tagħha wara d-divulgazzjoni finali. Hamburg Fructose GmbH talbet ukoll li jiġu spezzjonati l-kalkoli tad-dumping wara d-divulgazzjoni finali. Il-Kummissjoni nnotat li l-kalkoli tad-dumping, minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom, jiġu żvelati biss lill-produtturi esportaturi kkonċernati. Il-Kummissjoni ċaħdet it-talbiet. Madankollu, il-Kummissjoni spjegat liż-żewġ partijiet il-metodoloġija għall-kalkoli fis-seduta ta’ smigħ imsemmija fil-premessa (12). |
|
(60) |
Rio Mints & Sweeteners B.V. sabet li d-disparità fost il-marġnijiet tad-dumping kienet inġusta. Il-Kummissjoni nnotat li l-marġnijiet huma influwenzati mhux biss mill-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-esportazzjoni u mit-taħlitiet tal-prodotti iżda wkoll mid-differenzi fil-valuri normali maħdumin, li jirriflettu l-kostijiet tal-produzzjoni mingħajr distorsjoni tal-produtturi esportaturi individwali inklużi fil-kampjun, li użaw inputs differenti b’rati li jvarjaw. Wara d-divulgazzjoni finali, Rio Mints & Sweeteners B.V. u Hamburg Fructose GmbH appellaw għal eżami mill-ġdid tad-distakk bejn il-marġnijiet ta’ dumping individwali li jirriżultaw mill-metodoloġija użata biex jinbnew il-valuri normali, jiġifieri l-fatt li l-materjali ta’ input varjaw fost il-produtturi esportaturi. Il-partijiet talbu li jiġi kkunsidrat pjuttost il-livell tal-kost tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ. Il-Kummissjoni fakkret il-premessa (159) tar-Regolament provviżorju li li qara li l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti li jwasslu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku hija stabbilita fuq livell nazzjonali, u, jekk tkun stabbilita, trendi l-kostijiet u l-prezzijiet fil-pajjiż esportatur inadatti għall-kalkolu tal-valur normali. Għalhekk l-affermazzjonijiet ġew miċħuda. |
|
(61) |
Il-marġnijiet tad-dumping definittiv espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, assigurazzjoni u nol (CIF, cost, insurance and freight) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:
|
4. DANNU
4.1. Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni
|
(62) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar id-determinazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (236) sa (238) tar-Regolament proviżorju. |
4.2. Konsum tal-Unjoni
|
(63) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-konsum tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (239) sa (241) tar-Regolament proviżorju. |
4.3. Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
|
(64) |
Is-CCCMC affermat li peress li l-Kummissjoni ma ddivulgatx fir-Regolament proviżorju l-fornitur speċjalizzat tal-intelligence dwar is-suq li kien ipprovda d-data dwar l-importazzjonijiet Ċiniżi, ma tistax tivverifika l-validità taċ-ċifri pprovduti mill-Kummissjoni skont il-premessa (247) tar-Regolament proviżorju, li skont is-CCCMC tagħti lok għal tħassib dwar id-drittijiet tad-difiża tagħha. Is-CCCMC qieset ukoll li tali data mhijiex affidabbli u ma tistax titqies bħala evidenza pożittiva xierqa għal eżami oġġettiv tal-fatturi tad-dannu. |
|
(65) |
Il-Kummissjoni nnotat fir-rigward tal-affermazzjoni ta’ hawn fuq li fir-Regolament proviżorju kienet ipprovdiet data sħiħa u mhux indiċjata rigward l-importazzjonijiet tal-eritritol mir-RPĊ. Għalhekk, is-CCCMC setgħet tivverifika d-data mas-sorsi tagħha jew ma’ kwalunkwe data oħra dwar l-importazzjoni li għandha aċċess għaliha. Innotat wkoll li, kif indikat fil-premessa (243) tar-Regolament proviżorju, id-data inkwistjoni pprovduta mill-fornitur tal-intelliġenza tas-suq ġiet kontroverifikata ma’ sorsi statistiċi oħra disponibbli u mat-tweġibiet għall-kwestjonarju tat-teħid ta’ kampjuni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ma qablitx li d-drittijiet tad-difiża tas-CCCMC ma ġewx rispettati. |
|
(66) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar din it-taqsima, il-premessi (242) sa (248) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati. |
4.3.1. Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u twaqqigħ tal-prezz
|
(67) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-prezz tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, dwar it-twaqqigħ tal-prezz u s-suppressjoni tal-prezz, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (249) sa (257) tar-Regolament proviżorju. |
4.4. Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni
4.4.1. Kummenti ġenerali
|
(68) |
Is-CCCMC qieset li l-funzjonament tas-suq tal-eritritol u l-imġiba tal-produtturi tiegħu huma influwenzati mill-eritritol bħala prodott bażiku tipiku, u li konsegwentement anke l-iffissar tal-prezzijiet għall-eritritol huwa globali, mhux dipendenti fuq il-kundizzjonijiet tas-suq lokali. |
|
(69) |
Il-Kummissjoni nnotat li irrispettivament minn jekk l-eritritol huwiex komodità jew le, l-affermazzjoni li l-iffissar tal-prezzijiet għall-eritritol huwa globali tikkontradixxi l-fatt li l-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu qed ibigħu l-prodott fis-suq tal-UE bi prezzijiet oġġett ta’ dumping li waqqgħu u rażżnu l-prezzijiet tal-produttur tal-Unjoni. |
|
(70) |
Is-CCCMC affermat ukoll li l-uniku produttur tal-Unjoni għandu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet li jkollhom impatt fuq is-suq kollu tal-Unjoni, li fil-fehma tagħha jqajjem dubji dwar l-affidabbiltà, ir-rappreżentattività u l-oġġettività tad-data dwar il-prestazzjoni makroekonomika u mikroekonomika ppreżentata bi tweġiba għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni. |
|
(71) |
Il-Kummissjoni osservat li l-kapaċità tal-produttur tal-Unjoni li jinfluwenza s-suq kollu tal-Unjoni kienet limitata mill-fatt li kien soġġett għal kompetizzjoni sinifikanti minn importazzjonijiet bi prezz inġust mir-RPĊ, li b’mod konsistenti kellhom sehem mis-suq ta’ aktar minn 60 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li d-data kollha kienet ġiet ivverifikata b’mod oġġettiv matul l-investigazzjoni, u li ma kien hemm l-ebda tħassib dwar l-affidabbiltà jew l-oġġettività tagħha. Fir-rigward tar-rappreżentattività, il-Kummissjoni nnotat li d-data pprovduta mill-uniku produttur tal-Unjoni hija, skont id-definizzjoni, rappreżentattiva tal-industrija tal-Unjoni. |
4.4.2. Indikaturi makroekonomiċi — Indikaturi mikroekonomiċi
|
(72) |
Is-CCCMC issuġġeriet li l-produttur tal-Unjoni kien iddeċieda li jinvesti aktar minn EUR 20 miljun f’kapaċità ta’ produzzjoni estiża bħala parti minn strateġija biex iħejji għall-investigazzjoni anti-dumping preżenti u biex jikseb eżitu favorevoli tagħha. |
|
(73) |
Il-Kummissjoni nnotat li kienet ivverifikat li d-deċiżjoni ta’ investiment tal-produttur tal-Unjoni kienet ittieħdet fl-2019, jiġifieri aktar minn erba’ snin qabel ma nbdiet l-investigazzjoni preżenti. Hija osservat ukoll li fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq, b’mod partikolari tkabbir qawwi fil-konsum tal-Unjoni (39 % fl-2021) u użu għoli ħafna tal-kapaċità (83 % fl-2020, 100 % fl-2021), id-deċiżjoni dwar l-investiment ma dehritx illoġika. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-allegazzjoni tas-CCCMC ma kinitx biss mhux sostanzjata iżda wkoll infondata. Wara r-rivelazzjoni finali, Rio Mints & Sweeteners B.V. affermat li l-fatturi tal-2020 u tal-2021 ma jistgħux jintużaw biex tiġi vvalutata s-solidità ta’ deċiżjoni ta’ investiment li kienet seħħet fl-2019. Il-Kummissjoni nnotat li minbarra t-twaqqit, hija kienet ivverifikat ukoll li l-produttur tal-Unjoni kien iġġustifika d-deċiżjoni ta’ investiment permezz ta’ previżjonijiet għal tkabbir qawwi tas-suq u livelli għoljin ta’ użu tal-kapaċità. Id-data mill-2020 u l-2021, li kienet disponibbli bħala parti mill-perjodu kkunsidrat, intużat biex turi li dawk il-previżjonijiet kienu jikkorrispondu mal-iżviluppi attwali tal-kundizzjonijiet tas-suq. |
|
(74) |
Is-CCCMC affermat ukoll li l-Kummissjoni ma ddubitatx jekk il-waqfien tal-produzzjoni tal-produttur tal-Unjoni kienx tabilħaqq deċiżjoni korporattiva strateġika fil-kuntest tat-tnedija ta’ din l-investigazzjoni. |
|
(75) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-waqfien fil-produzzjoni seħħ fil-perjodu ta’ investigazzjoni u segwa żieda konsistenti fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi minn [62-70]% għal [77-87]% matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, bil-prezzijiet ta’ dawk l-importazzjonijiet jonqsu drastikament fil-perjodu ta’ investigazzjoni (-19 % meta mqabbla mal-2022 u -36 % meta mqabbla mal-2021). Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejba tagħha fir-Regolament provviżorju li s-sospensjoni kważi sħiħa tal-produzzjoni tal-produttur tal-Unjoni kienet ikkawżata min-nuqqas ta’ kapaċità tiegħu li jikkompeti kontra l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ li mill-2022 ġew bi prezzijiet ferm taħt il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(76) |
Is-CCCMC affermat ukoll li l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk il-produttur tal-Unjoni kienx uża l-kapaċità ta’ riżerva għall-produzzjoni tal-eritritol għall-produzzjoni ta’ komposti oħrajn. |
|
(77) |
Il-Kummissjoni nnotat li għall-kuntrarju ta’ dak li tallega s-CCCMC, hija kienet ivverifikat li l-produttur tal-Unjoni kien effettivament waqqaf il-linja tal-produzzjoni tal-eritritol, u ma reġax allokaha għall-produzzjoni ta’ komposti oħra. Wara d-divulgazzjoni finali, Rio Mints & Sweeteners B.V. affermat li l-Kummissjoni kellha, min-naħa l-oħra, tinvestiga jekk tali riallokazzjoni kinitx tiffranka l-kostijiet tal-industrija tal-Unjoni, u aġġustat il-kostijiet kif xieraq. Il-Kummissjoni nnotat li l-ambitu tal-proċediment preżenti huwa limitat għall-prodott ikkonċernat. |
|
(78) |
Għalhekk, l-affermazzjonijiet mis-CCCMC ġew miċħuda, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor rigward l-indikaturi makroekonomiċi, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (262) sa (287) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati. |
4.4.3. Konklużjoni dwar id-dannu
|
(79) |
L-affermazzjonijiet kollha tal-partijiet wara r-Regolament proviżorju ġew miċħuda. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tas-sejbiet iddivulgati fir-Regolament proviżorju, li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. |
5. KAWŻALITÀ
5.1. Kummenti dwar il-kawżalità
|
(80) |
Is-CCCMC affermat li l-problemi tal-produttur tal-Unjoni kienu kkawżati miż-żieda fil-kostijiet tal-materja prima u tal-enerġija aktar milli mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ. Is-CCCMC affermat ukoll li l-importazzjonijiet żdiedu biss bħala riżultat tas-sospensjoni kważi sħiħa tal-produzzjoni tal-produttur tal-Unjoni biex tiġi ssodisfata d-domanda tas-suq. |
|
(81) |
Kif stabbilit fir-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ż-żieda fil-kostijiet tal-materja prima u tal-enerġija kkontribwiet għal problemi għall-produttur tal-Unjoni, b’mod partikolari billi żiedet il-kost unitarju tal-produzzjoni tiegħu. Madankollu, l-ogħla livell fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-qamħirrum (materja prima ewlenija għall-glukożju) seħħ fl-2022, u f’dik is-sena l-produttur tal-Unjoni, billi żied il-prezzijiet tal-bejgħ, irnexxielu jżomm livell ta’ bejgħ domestiku ekwivalenti għall-2020, livell ta’ produzzjoni 14 % ogħla milli fl-2020 u livell tajjeb ta’ profittabbiltà [7-10 %]. Madankollu, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni dan ma kienx għadu possibbli minħabba tnaqqis qawwi fil-prezz u żieda notevoli fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, kif stabbilit fil-premessa (75). B’konsegwenza ta’ dan, l-industrija tal-Unjoni kellha twaqqaf il-produzzjoni, minħabba li biex tkompli tbigħ kien ikollha tbaxxi l-prezz tal-bejgħ tagħha għal taħt il-kost tal-produzzjoni. Barra minn hekk, kif stabbilit fil-premessa (75), l-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu diġà kisbu sehem mis-suq b’mod konsistenti fis-snin preċedenti, u ma żdidux bħala riżultat tal-waqfien tal-produzzjoni tal-produttur tal-Unjoni. |
5.2. Konklużjoni dwar il-kawżalità
|
(82) |
L-affermazzjonijiet kollha tal-partijiet wara r-Regolament proviżorju ġew miċħuda. Għalhekk, il-Kummissjoni, abbażi tas-sejbiet divulgati fir-Regolament proviżorju, ikkonkludiet li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni u li l-fatturi l-oħra, ikkunsidrati individwalment jew kollettivament, ma naqqsux jew ma kissrux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali. |
6. LIVELL TAL-MIŻURI
6.1. Marġni tad-dannu
|
(83) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti li jiġġustifikaw ir-reviżjoni tal-marġnijiet tad-dannu, il-livell finali ta’ eliminazzjoni tad-dannu għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u għall-kumpaniji l-oħrajn kollha huwa kif ġej:
|
7. INTERESS TAL-UNJONI
7.1. Interess tal-industrija tal-Unjoni
|
(84) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi (334) sa (335) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati. |
7.2. Interess ta’ importaturi mhux relatati
|
(85) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti mill-importaturi tal-Unjoni, il-premessi (338) sa (339) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati. |
7.3. Interess tal-utenti, tal-konsumaturi jew tal-fornituri
|
(86) |
L-utenti allegaw li minħabba l-miżuri se jkollhom bżonn iżidu l-prezz tal-bejgħ tagħhom sa aktar mid-doppju tal-livell preċedenti tagħhom, li fl-aħħar mill-aħħar jirriżulta f’li bejjiegħa bl-imnut kbar ineħħu mil-lista l-prodotti tagħhom ta’ sostituzzjoni taz-zokkor ibbażati fuq l-eritritol, li jċaħħdu lil ħafna konsumaturi minn dieta aktar tajba għas-saħħa. |
|
(87) |
Kif spjegat fil-premessa (342) tar-Regolament proviżorju, il-konsum tal-eritritol fl-2021 ma kienx affettwat mill-prezzijiet Ċiniżi meta kienu 56 % ogħla milli fil-perjodu ta’ investigazzjoni, sena li rreġistrat l-ogħla konsum fil-perjodu kkunsidrat. Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li prezzijiet possibbilment ogħla ma jiddisswadux lill-utenti jew lill-konsumaturi finali milli jikkunsmaw l-eritritol. |
|
(88) |
Utent wieħed sostna li l-miżuri jaffettwaw perċentwal ogħla tal-fatturat tagħhom miċ-ċifri ddikjarati fil-premessa (342) tar-Regolament proviżorju. Huwa sostna wkoll li dan se jkollu impatt negattiv sinifikanti fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom u, għalhekk, qed jopponi l-miżuri. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li ċ-ċifri kkwotati f’din il-premessa kienu jikkonċernaw il-kost globali tal-oġġetti mibjugħa. Barra minn hekk, peress li l-fatturat tal-utenti jiddependi fuq il-livell tal-konsum tal-Unjoni, il-fatturat mhuwiex mistenni li jiġi affettwat b’mod sinifikanti mill-impożizzjoni tal-miżuri, kif spjegat fil-premessa preċedenti (87). |
7.4. Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni
|
(89) |
L-affermazzjonijiet kollha tal-partijiet wara r-Regolament proviżorju ġew miċħuda, u l-Kummissjoni kkonfermat is-sejba proviżorja tagħha li ma hemm l-ebda raġuni konvinċenti biex jiġi konkluż li ma jkunx fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-eritritol li joriġina mir-RPĊ. |
8. MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI
8.1. Miżuri definittivi
|
(90) |
Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-livell tal-miżuri u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat. |
|
(91) |
Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:
|
|
(92) |
Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati tad-dazju huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u prodott mill-entitajiet ġuridiċi msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”. |
|
(93) |
Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju antidumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (16). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li jintwera li t-tibdil ma jaffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(94) |
L-utenti pproponew dazju fiss fuq il-kontenut tal-eritritol waħdu fuq l-importazzjonijiet bl-ingrossa għall-fornituri Ċiniżi kollha. Fil-fehma tagħhom, dazju fiss jiżgura trattament aktar ġust għall-importazzjonijiet ta’ taħlitiet u b’hekk iżomm alternattivi ta’ taħlil aktar tajbin għas-saħħa disponibbli għall-konsumaturi. |
|
(95) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-applikazzjoni ta’ miżura dwar il-kontenut tal-eritritol biss tkun soġġetta għal riskju sinifikanti ta’ ċirkomvenzjoni. Barra minn hekk, maż-żmien, miżura bbażata fuq dazji fissi tirriskja li ssir ineffettiva jew eċċessivament restrittiva bħala funzjoni ta’ kif jevolvu l-prezzijiet tal-importazzjoni, li min-naħa tagħha hija affettwata mill-inflazzjoni ġenerali u b’mod partikolari l-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tal-fatturi ewlenin tal-kostijiet tal-prodott ikkonċernat. Fil-każ tal-eritritol, dawn huma l-qamħirrum u l-enerġija, li t-tnejn li huma raw varjazzjonijiet sinifikanti. Minħabba li s-sehem tat-taħlitiet fil-konsum tal-UE mhuwiex aktar minn 7 %, u peress li l-utenti jistgħu jaqilbu għall-bejgħ ta’ dolċifikanti oħra jew possibbilment jixtru taħlitiet ibbażati fuq l-eritritol mill-produttur tal-Unjoni, fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-riskji msemmija hawn fuq huma akbar mill-interess tal-utenti. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li dazju ad valorem jibqa’ l-aktar forma xierqa ta’ miżura. |
|
(96) |
Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. L-applikazzjoni ta’ dazji anti-dumping individwali hija applikabbli biss mal-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, l-importazzjonijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”. |
|
(97) |
Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, din mhijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom iwettqu l-kontrolli tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport fuq l-ilma, eċċ.) biex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata aktar baxxa tad-dazju tkun iġġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali. |
|
(98) |
Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex isir dan. Din l-investigazzjoni tista’, inter alia, teżamina l-ħtieġa tat-tneħħija ta’ rata/i tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju fil-pajjiż kollu. |
|
(99) |
Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, jenħtieġ li d-dazju anti-dumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(100) |
Jenħtieġ li l-produtturi esportaturi li ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tkun soġġetta għar-rata tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilqa’ talba bħal din dment li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-produttur esportatur il-ġdid ikollu juri li: (i) ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni; (ii) mhuwiex relatat ma’ produttur esportatur li għamel dan; u (iii) esporta l-prodott ikkonċernat wara dan jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jagħmel dan fi kwantitajiet sostanzjali. |
8.2. Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji
|
(101) |
Fid-dawl tal-marġnijiet tad-dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti garantiti permezz tad-dazji anti-dumping proviżorji imposti mir-Regolament proviżorju, għandhom jinġabru b’mod definittiv. |
8.3. Retroattività
|
(102) |
Kif imsemmi fit-taqsima 1.2, il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat soġġetti għal reġistrazzjoni. |
|
(103) |
Matul l-istadju definittiv tal-investigazzjoni, ġiet ivvalutata d-data miġbura fil-kuntest tar-reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni analizzat jekk il-kriterji skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku kinux issodisfati għall-ġbir retroattiv tad-dazji definittivi. |
|
(104) |
Il-kriterji dwar jekk id-dazji jistgħux jinġabru matul il-perjodu ta’ reġistrazzjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. |
|
(105) |
Il-Kummissjoni tqis li r-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni jikkonforma mal-kriterju (a), jiġifieri li l-importazzjonijiet ġew irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. |
|
(106) |
Il-Kummissjoni tqis li l-importaturi ngħataw opportunità li jikkummentaw skont il-kriterju (b) bil-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju u bil-pubblikazzjoni tar-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni. |
8.3.1. Storja ta’ dumping jew għarfien ta’ dumping jew dannu mill-importatur
|
(107) |
Skont l-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament bażiku, jeħtieġ li jkun hemm “storja ta’ dumping tul perjodu estiż, jew l-importatur kien konxju, jew kellu jkun konxju, tad-dumping fir-rigward tal-grad tad-dumping u d-dannu allegat jew misjub”. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu konxji, tad-dumping fir-rigward tal-grad tad-dumping u tad-dannu allegat jew misjub mid-data tal-bidu tal-investigazzjoni. |
|
(108) |
In-Notifika ta’ Bidu u l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment kien fihom għadd ta’ dikjarazzjonijiet u elementi ta’ evidenza li jappoġġaw u jiddikjaraw il-grad tad-dumping u d-dannu allegat. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-importaturi u l-utenti kienu konxji, jew kellhom ikunu konxji, tal-prattiki allegati ta’ dumping, il-grad tagħhom u d-dannu allegat. |
|
(109) |
Barra minn hekk, l-ilmentatur issottometta evidenza li turi li l-importaturi u d-distributuri fl-UE saru konxji sew tal-investigazzjoni anti-dumping u kienu mħeġġa jixtru u jimportaw l-eritritol qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Wara d-divulgazzjoni finali, Rio Mints & Sweeteners B.V. u Hamburg Fructose GmbH International sostnew li peress li ma rawx din l-evidenza, id-drittijiet tad-difiża tagħhom qed issirilhom ħsara. Il-Kummissjoni nnotat li l-evidenza ppreżentata mill-ilmentatur kienet kemm ta’ natura kunfidenzjali (17) kif ukoll ta’ natura mhux kunfidenzjali (18). |
|
(110) |
Fl-aħħar nett, ta’ min jinnota li dan il-kriterju ġie analizzat b’mod adegwat fil-premessi (8) sa (11) tar-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni. |
|
(111) |
Huwa għalhekk konkluż li dan il-kriterju ta’ ġbir retroattiv ta’ dazji ġie sodisfatt. |
8.3.2. Żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet li x’aktarx timmina l-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping definittiv
|
(112) |
Skont l-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku, hemm bżonn li “addizzjonalment għal-livell tal-importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, ikun hemm żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet”. |
|
(113) |
Il-volum medju tal-importazzjoni ta’ kull xahar mir-RPĊ matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kien ta’ 1 097 tunnellata. Skont id-data (li fiż-żmien tal-valutazzjoni kienet disponibbli sa u inkluż Awwissu 2024), il-volum medju ta’ importazzjonijiet fix-xahar mir-RPĊ fil-perjodu li jibda fl-ewwel xahar sħiħ wara l-pubblikazzjoni tan-Notifika ta’ bidu tal-investigazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li jintemm fl-aħħar xahar sħiħ qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji (Diċembru 2023–Ġunju 2024) kien ta’ 1 749 tunnellata, jiġifieri 59 % ogħla milli fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Fl-istess perjodu, il-volum totali tal-importazzjonijiet kien ta’ 12 240 tunnellata. |
|
(114) |
It-teħid tal-perjodu mill-ewwel xahar sħiħ wara l-bidu u inkluż ix-xahar li fih ġew imposti l-miżuri proviżorji (jiġifieri Diċembru 2023 - Lulju 2024) jagħti volum medju ta’ importazzjoni fix-xahar ta’ 1 586 tunnellata, li huwa 45 % ogħla mill-medja ta’ kull xahar fil-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(115) |
Iż-żewġ analiżijiet juru li fil-fatt kien hemm żieda sostanzjali fil-volumi tal-importazzjoni wara l-bidu. |
|
(116) |
L-utenti li kkummentaw wara r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, ammettew li kellhom jirrikorru għall-kumulazzjoni ta’ riżerva tal-eritritol sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi kuntrattwali tagħhom, b’mod partikolari għal ktajjen kbar ta’ bejgħ bl-imnut. Wara d-divulgazzjoni finali, Rio Mints & Sweeteners B.V. u Hamburg Fructose GmbH International ikkontestaw dan, iżda ammettew li ordnaw prodotti sabiex jissodisfaw l-obbligi kuntrattwali tagħhom bi prezzijiet miftiehma minn qabel. Il-Kummissjoni nnotat li tali mġiba tammonta għal kumulazzjoni ta’ riżerva b’antiċipazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri. |
|
(117) |
L-analiżi tal-konsum fil-perjodu minn Diċembru 2023 sa Lulju 2024 turi żieda medja fix-xahar ta’ 50 % meta mqabbla mal-medja ta’ kull xahar tal-perjodu ta’ investigazzjoni. Fl-istess perjodu, filwaqt li l-produttur tal-Unjoni reġa’ beda l-produzzjoni, il-bejgħ tiegħu ma weriex żieda meta mqabbel mal-2022, sena tal-perjodu kkunsidrat meta l-bejgħ ma kienx affettwat mill-għeluq tal-produzzjoni tiegħu. Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 12-il punt perċentwali meta mqabbel mal-istess sena 2022. Dan hu sinjal ċar ta’ ħsara ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni. |
|
(118) |
F’termini ta’ volumi, l-importazzjonijiet matul il-perjodu tar-reġistrazzjoni ġew inklużi fil-valutazzjoni taż-“żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet” u l-importazzjonijiet matul il-perjodu tar-reġistrazzjoni waħedhom naqsu meta mqabbla ma’ livelli ta’ qabel ir-reġistrazzjoni iżda kienu għadhom sostanzjali f’termini ta’ volumi. |
|
(119) |
Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-importazzjoni fil-perjodu minn Diċembru 2023 sa Lulju 2024 komplew jonqsu aktar minn dawk tal-produttur tal-Unjoni. Il-prezz medju tal-importazzjoni f’dak il-perjodu kien 7 % taħt il-prezz medju tal-importazzjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Konsegwentement, it-twaqqigħ tal-prezz fil-perjodu ta’ reġistrazzjoni kompla jiżdied għal [45 % sa 65 %] bħala medja. |
|
(120) |
Kif indikat fil-premessa (116), il-Kummissjoni sabet evidenza ta’ ħażna tal-istokk wara l-bidu tal-investigazzjoni. |
|
(121) |
Fis-seduta ta’ smigħ imsemmija fil-premessa (12), Rio Mints & Sweeteners B.V. u Hamburg Fructose GmbH International ikkontestaw din il-konklużjoni, billi sostnew li peress li l-volum diġà daħal fis-suq u qed jinbiegħ bi prezzijiet miftiehma kuntrattwalment, l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji anti-dumping ma tikkontribwixxi xejn kontra d-dumping u ma tinfluwenzax il-prezzijiet tas-suq. B’kuntrast ma’ dan, huma ddikjaraw li dan jikkawżalhom dannu sinifikanti biss. Il-Kummissjoni caħdet din l-affermazzjoni fid-dawl tal-evidenza ppreżentata fil-premessi minn (107) sa (120) u kkonfermat il-konklużjoni li ż-żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet, fid-dawl taż-żmien u l-volum tagħha, kif ukoll it-tnaqqis ulterjuri fil-prezzijiet medji tagħha, dgħajfu serjament l-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping definittiv. |
|
(122) |
Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku għall-applikazzjoni retroattiva tad-dazju anti-dumping definittiv huma ssodisfati. Dazju antidumping definitiiv għandu għalhekk jiġi impost fuq il-prodott ikkonċernat, li sar suġġett ta’ reġistrazzjoni mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1608. Il-livell tad-dazju li għandu jinġabar b’mod retroattiv għandu jiġi stabbilit fil-livell tad-dazji proviżorji imposti skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1959, sa fejn dawn ikunu aktar baxxi mil-livell tad-dazji definittivi imposti skont dan ir-Regolament. |
9. DISPOŻIZZJONI FINALI
|
(123) |
Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), meta ammont ikun irid jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-imgħax li jrid jitħallas ikun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar. |
|
(124) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ eritritol, fil-forma pura tiegħu jew li jinsab f’taħlitiet li fihom inqas minn 10 % ta’ prodotti oħra bil-piż, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2905 49 00 għall-eritritol fil-forma pura tiegħu u l-kodiċijiet NM ex 2106 90 92 u ex 2106 90 98 għall-prodotti mħallta (il-kodiċijiet TARIC 2905 49 00 15, 2106 90 92 65, u 2106 90 98 15), u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u prodotti mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:
|
Kumpanija |
Rata tad-dazju anti-dumping definittiv (%) |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
Baolingbao Biology Co., Ltd. |
34,4 |
89 BG |
|
Dongxiao Biotechnology Co., Ltd. |
78,4 |
89 BH |
|
Shandong Sanyuan Biotechnology Co., Ltd. |
156,7 |
89 BI |
|
Kumpaniji oħra li kkooperaw elenkati fl-Anness |
152,9 |
|
|
L-importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina |
233,3 |
C999 |
3. L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi preżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li joħroġ din il-fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-volum f’kilogrammi ta’ eritritol mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Jiena niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Sakemm tiġi ppreżentata din il-fattura, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha.
4. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.
Artikolu 2
L-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1959 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-eritritol li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandhom jinġabru b’mod definittiv.
Artikolu 3
1. Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet tal-eritritol, fil-forma pura tiegħu jew f’taħlitiet li fihom anqas minn 10 % tal-prodotti l-oħra akont il-piż, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2905 49 00 għall-eritritol fil-forma pura tiegħu u l-kodiċijiet NM ex 2106 90 92 u ex 2106 90 98 għall-prodotti mħalltin (il-kodiċijiet TARIC 2905 49 00 15, 2106 90 92 65, u 2106 90 98 15), u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li ġew irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1608.
2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1608 u manifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandha tkun kif ġej:
|
Kumpanija |
Rata tad-dazju anti-dumping (%) |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
Baolingbao Biology Co., Ltd. |
31,9 |
89 BG |
|
Dongxiao Biotechnology Co., Ltd. |
76,9 |
89 BH |
|
Shandong Sanyuan Biotechnology Co., Ltd. |
156,5 |
89 BI |
|
Kumpaniji oħra li kkooperaw elenkati fl-Anness |
152,9 |
|
|
L-importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina |
233,3 |
C999 |
Artikolu 4
L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex iżid produtturi esportaturi ġodda mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u jagħmilhom soġġetti għar-rata medja ponderata xierqa ta’ dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:
|
(a) |
ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Ottubru 2022 sat-30 ta’ Settembru 2023); |
|
(b) |
mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, u li seta’ kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali; u |
|
(c) |
effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni. |
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) ĠU C, C/2023/1020, 21.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1020/oj.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1608 tal-5 ta’ Ġunju 2024 li jagħmel l-importazzjonijiet tal-eritritol li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġett għar-reġistrazzjoni (ĠU L, 2024/1608, 6.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1608/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1959 tas-17 ta’ Lulju 2024 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-eritritol li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
(ĠU L 2024/1959, 19.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1959/oj).
(5) Baolingbao Biology Co., Ltd., Dongxiao Biotechnology Co., Ltd., Shandong Sanyuan Biotechnology Co., Ltd u Yusweet Co., Ltd.
(6) DS379, US – Definitive Antidumping and Countervailing Duties on Certain Products from China, Rapport tal-Korp tal-Appell, il-paragrafu 354.
(7) It-tieni nota dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali tat-12 ta’ April 2024 tinnota li l-ebda parti ma kkontestat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-aċidu ċitriku kien prodott xieraq fl-istess kategorija ġenerali u/jew settur bħall-prodott li qed jiġi investigat bil-ħsieb li jiġi identifikat valur mingħajr distorsjoni f’pajjiż rappreżentattiv b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħaċ-Ċina għall-istess fatturi ta’ produzzjoni użati fil-produzzjoni tal-eritritol (t24.003150).
(8) Għall-Brażil u l-Arġentina, ara https://biotec-latam.com/en/. Għall-Istati Uniti tal-Amerka, ara https://www.fda.gov/food/consumers/agricultural-biotechnology.
(9) Id-dettalji u l-istatistika dwar il-lamtu tal-qamħirrum Franċiż huma disponibbli, inter alia, fuq https://www.usipa.fr/chiffres-cles/.
(10) https://www.euromonitor.com/starches-and-starch-products-in-brazil-isic-1532/report.
(11) Is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2024, CCCME u Oħrajn vs il-Kummissjoni, IT-263/22, ECLI:EU:T:2024:663, para. 77.
(12) t24.006198.
(13) Il-marġni kummerċjali għall-qamħirrum organiku huwa bbażat fuq id-differenza medja ponderata fil-prezzijiet bejn il-qamħirrum mixtri ta’ kwalità standard u x-xiri tal-qamħirrum ta’ kwalità organika mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fir-RPĊ.
(14) Il-marġni kummerċjali għal-lamtu tal-qamħirrum organiku huwa bbażat fuq id-differenza medja ponderata fil-prezzijiet bejn il-lamtu tal-qamħirrum mixtri ta’ kwalità standard u l-lamtu tal-qamħirrum mixtri ta’ kwalità organika mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fir-RPĊ.
(15) Valuri speċifiċi għall-kumpanija minħabba l-proporzjon tagħha bejn il-prezz tagħha tal-materjal primarju u l-prezz tagħha tal-materjal ta’ skart derivat minnu.
(16) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat G, Rue de la Loi/Wetstraat 170 Rue de la Loi, 1040 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.
(17) t24.003137 – Erythritol – Jungbunzlauer – Request for the registration of imports (Annex_Information_from_importers_open)
(18) t24.006674 – Erythritol – Comments on provisional disclosure – sensitive and open, (Annex 12, 05_2024_04_07_Promptly Purchase Erythritol before The EU Anti-Dumping Duties is Announced).
(19) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, (ĠU serje L 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
ANNESS
Produtturi esportaturi li kkoperaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li ma daħħlux fil-kampjun
|
Isem |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
Shandong Xiangchi Jianyuan Bio-Tech Co., Ltd. |
89BJ |
|
Yusweet Co., Ltd. |
89BK |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/60/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)