25.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/822

tal-24 ta’ Marzu 2021

li jemenda r-Regolamenti Delegati (UE) Nru 1003/2013 u (UE) 2019/360 fir-rigward tat-tariffi annwali superviżorji imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għall-2021

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 72(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

(1)

It-tariffi mħallsa lill-ESMA mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jiġu kkalkulati bl-użu ta’ metodoloġija stabbilita fir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) Nru 1003/2013 (3) u (UE) 2019/360 (4). Il-perjodu ta’ referenza għall-fatturat applikabbli f’dawk ir-Regolamenti Delegati huwa s-sena ta’ qabel is-sena li fiha jitħallas id-dħul.

(2)

Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit irtira mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. F’konformità mal-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, id-dritt tal-Unjoni ma baqax japplika għar-Renju Unit u fih mill-31 ta’ Diċembru 2020.

(3)

Żewġ repożitorji tat-tranżazzjonijiet stabbiliti fir-Renju Unit ittrasferew parti mis-servizzi u l-attivitajiet tagħhom lill-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jkomplu jipprovdu s-servizzi u l-attivitajiet tagħhom lil kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni. Dan biddel b’mod sinifikanti l-għadd ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet attivi fl-Unjoni.

(4)

Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet il-ġodda tal-Unjoni effettivament bdew l-attività tagħhom fl-Unjoni f’Jannar 2021, u l-livell ta’ attività tagħhom fl-2020 kien kważi ineżistenti. It-tariffa għas-superviżjoni annwali tagħhom għall-2021 għalhekk tkun negliġibbli, għalkemm l-attivitajiet tagħhom x’aktarx li jkunu sinifikanti. Sabiex jiġi żgurat li jħallsu tariffa li tkun proporzjonata mal-fatturat reali tagħhom fl-Unjoni, it-tariffa għas-superviżjoni annwali tagħhom għall-2021 għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-fatturat applikabbli tagħhom matul l-ewwel nofs tal-2021.

(5)

Sabiex l-ESMA tkun tista’ timponi tariffi fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet fl-2021 b’mod proporzjonat filwaqt li tkopri l-ispejjeż kollha tagħha relatati mas-superviżjoni tagħhom, jeħtieġ li jinbidel il-perjodu ta’ referenza għall-kalkolu tat-tariffi annwali mħallsa mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet lill-ESMA fl-2021. Peress li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet rilevanti huma rreġistrati mal-ESMA skont ir-Regolamenti (UE) Nru 648/2012 u (UE) 2015/2365, l-emendi għal dak il-perjodu ta’ referenza jenħtieġ li jsiru fl-istess ħin.

(6)

Ir-Regolamenti Delegati (UE) Nru 1003/2013 u (UE) 2019/360 għandhom għalhekk jiġu emendati skont il-ħtieġa.

(7)

Sabiex tiġi ffaċilitata minnufih attività ta’ superviżjoni u infurzar effettiva u effiċjenti, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ b’urġenza,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda fir-Regolament Delegat (UE) Nru 1003/2013

L-Artikolu 15a li ġej għandu jiddaħħal fir-Regolament Delegat (UE) Nru 1003/2013:

‘Artikolu 15a

Tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati sal-31 ta’ Diċembru 2020

1.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet diġà rreġistrati mal-ESMA mill-31 ta’ Diċembru 2020 għandhom jiġu imposti tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 ikkalkulata skont l-Artikolu 7. Madankollu, għall-finijiet tal-Artikolu 7(2)(c) il-fatturat applikabbli tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandu jiġi kkalkulat skont il-paragrafu 2.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fatturat applikabbli ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkun is-somma ta’ terz ta’ kull wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

id-dħul iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b’mod ċentrali tar-rekords tad-derivati tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021, diviż bid-dħul totali ġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b’mod ċentrali tar-rekords tad-derivati tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati kollha matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021;

(b)

l-għadd ta’ tranżazzjonijiet irrappurtati lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021, diviż bl-għadd totali ta’ tranżazzjonijiet irrappurtati lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati kollha matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021;

(c)

l-għadd ta’ tranżazzjonijiet pendenti rreġistrati fit-30 ta’ Ġunju 2021, diviż bl-għadd totali ta’ tranżazzjonijiet pendenti irreġistrati fit-30 ta’ Ġunju 2021 fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati kollha.

3.   L-ammont tat-tariffa għas-superviżjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 għandu jitnaqqas bi kwalunkwe ammont diġà mħallas mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 11(1) qabel is-26 ta’ Mejju 2021.

Meta l-ammont diġà mħallas minn repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 11(1) qabel is-26 ta’ Mejju 2021 ikun ogħla mit-tariffa għas-superviżjoni annwali kkalkulata f’konformità mal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tirrimborża d-differenza lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

4.   B’deroga mill-Artikolu 11(1), it-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun dovuta fl-31 ta’ Ottubru 2021.

5.   L-ESMA għandha tibgħat il-fattura għat-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 mill-inqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas.

6.   Meta l-kontijiet awditjati għall-2021 isiru disponibbli, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jirrapportaw lill-ESMA l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 3(1) għall-2021.

Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jintalbu jħallsu kwalunkwe differenza bejn it-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 effettivament imħallsa u t-tariffa għas-superviżjoni annwali li kienet tkun dovuta għall-2021 li kieku l-kalkolu tal-fatturat applikabbli kien ibbażat fuq l-indikaturi rrapportati skont l-ewwel subparagrafu.

L-ESMA għandha tibgħat il-fattura għal kull pagament addizzjonali skont itieni subparagrafu mill-anqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas rispettiva.’

Artikolu 2

Emenda fir-Regolament Delegat (UE) 2019/360

L-Artikolu 15a li ġej jiddaħħal fir-Regolament Delegat (UE) 2019/360:

“Artikolu 15a

Tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati sal-31 ta’ Diċembru 2020

1.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet diġà rreġistrati mal-ESMA mill-31 ta’ Diċembru 2020 għandhom jiġu imposti tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 ikkalkulata skont l-Artikolu 6. Madankollu, għall-finijiet tal-Artikolu 6(2)(b) il-fatturat applikabbli tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandu jiġi kkalkulat skont il-paragrafu 2.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fatturat applikabbli tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkun is-somma ta’:

—

id-dħul iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin ta’ ġbir u ta’ żamma f’post ċentrali ta’ rekords ta’ SFTs matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021 u

—

id-dħul applikabbli mis-servizzi anċillari tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021

diviż bis-somma ta’:

—

id-dħul totali ġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin ta’ ġbir u ta’ żamma f’post ċentrali ta’ rekords ta’ SFTs matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021 tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha reġistrati u

—

id-dħul applikabbli mis-servizzi anċillari tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021.

3.   L-ammont tat-tariffa għas-superviżjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 għandu jitnaqqas bi kwalunkwe ammont diġà mħallas mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 10(1) qabel is-26 ta’ Mejju 2021.

Meta l-ammont diġà mħallas minn repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 10(1) qabel is-26 ta’ Mejju 2021 ikun ogħla mit-tariffa għas-superviżjoni annwali kkalkulata f’konformità mal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tirrimborża d-differenza lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

4.   B’deroga mill-Artikolu 10(1), it-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun dovuta fl-31 ta’ Ottubru 2021.

5.   L-ESMA għandha tibgħat il-fattura għat-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 mill-inqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas.

6.   Meta l-kontijiet awditjati għall-2021 isiru disponibbli, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jirrapportaw lill-ESMA l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 2(3) għall-2021.

Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jintalbu jħallsu kwalunkwe differenza bejn it-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 effettivament imħallsa u t-tariffa għas-superviżjoni annwali li kienet tkun dovuta għall-2021 li kieku l-kalkolu tal-fatturat applikabbli kien ibbażat fuq l-indikaturi rrapportati skont l-ewwel subparagrafu.

L-ESMA għandha tibgħat il-fattura għal kull pagament addizzjonali skont itieni subparagrafu mill-anqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas rispettiva.’

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)   ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1003/2013 tat-12 ta’ Lulju 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 279, 19.10.2013, p. 4).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/360 tat-13 ta’ Diċembru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 81, 22.3.2019, p. 58).