SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Appell – “Dritt istituzzjonali – Statut uniku tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Membri tal-Parlament Ewropew eletti fil-kostitwenzi Taljani – Adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-pensjonijiet mill-Kamra tad-Deputati Taljana – Bidla fl-ammont tal-pensjonijiet għall-Membri tal-Parlament nazzjonali Taljan – Bidla korrispondenti, mill-Parlament Ewropew, tal-ammont tal-pensjonijiet ta’ ċerti ex Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Italja – Sostituzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Parlament – Persistenza tal-interess ġuridiku għall-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑198/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid‑29 ta’ Marzu 2021,

Giacomo Santini, residenti f’Trente (l-Italja),

Marco Cellai, residenti f’Firenze (l-Italja),

Domenico Ceravolo, residenti f’Noventa Padovana (l-Italja),

Natalino Gatti, residenti f’Nonantola (l-Italja),

Rosa Maria Avitabile, bħala eredi ta’ Antonio Mazzone, residenti f’Napoli (l-Italja),

Luigi Moretti, residenti f’Nembro (l-Italja),

Gabriele Sboarina, residenti f’Verona (l-Italja),

Lina Wuhrer, residenti f’Brescia (l-Italja),

Patrizia Capraro, residenti f’Ruma (l-Italja),

Luciana Meneghini, bħaal eredi ta’ Ferruccio Pisoni, residenti f’Trente,

irrappreżentati minn M. Paniz, avvocato,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn S. Alves u S. Seyr, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot, S. Rodin (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Giacomo Santini, Marco Cellai, Domenico Ceravolo, Natalino Gatti, Rosa Maria Avitabile, bħala eredi ta’ Antonio Mazzone, Luigi Moretti, Gabriele Sboarina, Lina Wuhrer, Patrizia Capraro u Luciana Meneghini, bħala eredi ta’ Ferruccio Pisoni, jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑10 ta’ Frar 2021, Santini et vs Il-Parlament (T‑345/19, T‑346/19, T‑364/19 sa T‑366/19, T‑372/19 sa T‑375/19 u T‑385/19, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2021:78), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikorsi tagħhom intiżi, minn naħa, għall-annullament tan-noti tal‑11 ta’ April 2019 kif ukoll, fir-rigward ta’ L. Meneghini, bħala eredi ta’ F. Pisoni, tat‑8 ta’ Mejju 2019, redatti, fil-każ ta’ kull wieħed mill-appellanti, mill-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”) u li jikkonċernaw l-aġġustament tal-ammont tal-pensjonijiet li jibbenefikaw minnhom l-appellanti wara d-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Jannar 2019, tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 tal-Ufficio di Presidenza della Camera dei deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja), tat‑12 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 14/2018”) u, min-naħa l-oħra, li jiksbu kumpens għad-dannu li l-appellanti allegatament ġarrbu minħabba dawn l-atti.

I. Il‑kuntest ġuridiku

A. Id‑dritt tal‑Unjoni

1.   Ir‑Regoli PEAM

2

L-Artikolu 1 tal-Anness III tar-Regoli li jirrigwardaw l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ sal‑14 ta’ Lulju 2009 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli PEAM”), kien jipprevedi:

“1.   Il-Membri kollha tal-Parlament Ewropew għandhom id-dritt li jgawdu minn pensjoni tal-irtirar.

2.   Sakemm tiġi stabbilita skema ta’ pensjoni Komunitarja definittiva għall-Membri kollha tal-Parlament Ewropew, u fil-każijiet fejn l-iskemi nazzjonali ma jagħtux pensjoni jew fil-każijiet fejn il-livell u/jew il-kundizzjonijiet tal-pensjoni mogħtija m’humiex identiċi għal dawk applikabbli għall-Membri tal-parlament nazzjonali tal-Istat Membru li għalih il-Membru kien elett, għandha tingħata, fuq talba tal-Membru interessat, pensjoni proviżorja li titħallas mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, Sezzjoni Parlament.”

3

L-Artikolu 2 tal-Anness III tar-Regoli PEAM kien jipprovdi:

“1.   Il-livell u l-kundizzjonijiet ta’ din il-pensjoni proviżorja huma identiċi għal dawk tal-pensjoni li jieħdu l-Membri tal-Kamra Inferjuri tal-Parlament tal-Istat Membru li għalih il-Membru kien elett.

2.   Membru li jgawdi mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) huwa marbut, b’din is-sistema, li jagħti kontribuzzjoni lill-baġit tal-Unjoni Ewropea li hija kkalkolata b’tali mod li b’kollox iħallas l-istess kontribuzzjoni li jħallas Membru tal-Kamra Inferjuri tal-Istat Membru fejn kien elett skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali.”

4

Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tal-Anness III tar-Regoli PEAM:

“1.   It-talba għad-dħul f’din l-iskema ta’ pensjoni proviżorja għandha ssir sa mhux aktar tard minn tnax-il xahar mill-bidu tal-mandat tal-Membru kkonċernat.

Meta jiskadi dan iż-żmien, is-sħubija fl-iskema ta’ pensjoni tidħol fis-seħħ mill-ewwel jum tax-xahar li fih tidħol it-talba.

2.   It-talba għall-ħlas tal-pensjoni għandha ssir fi żmien sitt xhur minn meta jibda d-dritt għal dik il-pensjoni.

Meta jiskadi dan iż-żmien, il-pensjoni għandha titħallas mill-ewwel jum tax-xahar li fih tidħol it-talba.”

2.   L‑Istatut tal‑Membri

5

L-Artikolu 25(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684/KE, Euratom, tat‑28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2005, L 262, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Membri”), li daħal fis-seħħ fl‑14 ta’ Lulju 2009, jipprovdi dan li ġej:

“1.   Il-Membri li kienu fil-Parlament qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Istatut u li reġgħu ġew eletti jistgħu jagħżlu s-sistema nazzjonali applikabbli sa dak iż-żmien fir-rigward tas-salarju, ta’ l-allowance tranżitorju u tal-pensjonijiet għall-perjodu sħiħ li fih ikunu Membri tal-Parlament Ewropew.

2.   Dawn il-pagamenti għandhom isiru mill-baġit ta’ l-Istat Membru kkonċernat.”

6

L-Artikolu 28(1) tal-Istatut tal-Membri jipprevedi:

“Kull dritt għal pensjoni li Membru kiseb skond arranġamenti nazzjonali fiż-żmien meta dan l-Istatut jiġi applikat għandu jinżamm fl-intier tiegħu.”

3.   Il‑miżuri ta’ implimentazzjoni

7

Il-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2009/C 159/01 tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad‑19 ta’ Mejju u tad‑9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2009, C 159, p. 1), kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/C 340/06 tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tat‑13 ta’ Diċembru 2010 (ĠU 2010, C 340, p. 6) (iktar ’il quddiem il-“miżuri ta’ implimentazzjoni”), tipprovdi:

“[…] għandhom jittieħdu passi rigward id-dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex ikun żgurat li persuni li jirċievu ċertu benefiċċji skont ir-Regoli PEAM ikunu jistgħu jibqgħu jirċievuhom wara li dawk ir-regoli jitħassru, sabiex b’hekk ikun rispettat il-prinċipju ta’ [protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi]. Għandhom ukoll jittieħdu passi sabiex tkun garantita ż-żamma tad-drittijiet tal-pensjoni fuq il-bażi tar-Regoli PEAM qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut [tal-Membri].”

8

L-Artikolu 49(1) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni jipprovdi:

“Wara t-tmiem tal-kariga tagħhom, il-Membri li wettqu l-mandat tagħhom għal mill-anqas sena sħiħa jkollhom id-dritt tul ħajjithom kollha li jirċievu pensjoni tal-età li titħallas mill-ewwel jum tax-xahar li jiġi immedjatament wara x-xahar li fih jagħlqu l-età ta’ 63 sena.

Eks-Membri jew ir-rappreżentanti legali tagħhom għandhom, ħlief fil-każi ta’ force majeure iressqu l-applikazzjoni tagħhom biex titħallas il-pensjoni tal-età fi żmien sitt xhur minn meta jibda jgħodd id-dritt. Wara dik l-iskadenza, id-data meta tibda sseħħ it-tgawdija tal-pensjoni tal-età għandha tkun l-ewwel jum tax-xahar meta tasal l-applikazzjoni.”

9

Skont l-Artikolu 73 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, dawn il-miżuri daħlu fis-seħħ fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut għall-Membri, jiġifieri fl‑14 ta’ Lulju 2009.

10

L-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni jipprovdi li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fit-Titolu IV tagħhom, ir-Regoli PEAM jiskadu fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri.

11

Skont l-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni:

“1.   Il-pensjoni tas-superstiti, il-pensjoni tal-invalidità, il-pensjoni tal-invalidità addizzjonali mogħtija għall-ulied dipendenti u l-pensjoni tal-età mħallsa skont l-Annessi I, II, u III tar-Regoli PEAM għandhom ikomplu jitħallsu skont dawk l-annessi lil dawk il-persuni li kienu jirċievu l-benefiċċji taħt eżami qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut [tal-Membri].

Fejn ex Membru li jkun qed jirċievi l-pensjoni tal-invalidità imut wara l‑14 ta’ Lulju 2009, il-pensjoni tas-superstiti għandha titħallas lill-konjuġi, lis-sieħeb stabbli mhux fiż-żwieġ jew lit-tfal dipendenti tiegħu jew tagħha, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I għar-Regoli PEAM.

2.   Id-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut [tal-Membri] skont l-Anness III imsemmi hawn fuq għandhom jibqgħu fis-seħħ. Il-persuni li kisbu drittijiet skont l-iskema tal-pensjoni għandhom jirċievu pensjoni kkalkulata fuq il-bażi tad-drittijiet miksuba tagħhom skont l-Anness III imsemmi hawn sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u jippreżentaw l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tal-Anness III msemmi hawn fuq.”

B. Id‑dritt Taljan

12

Skont l-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Deċiżjoni Nru 14/2018:

“1.   Mill‑1 ta’ Jannar 2019, l-ammonti tal-allokazzjonijiet għall-ħajja, diretti u ta’ riverżjoni, u tas-sehem ta’ allokazzjoni għall-ħajja tal-benefiċċji ta’ manteniment pro rata, diretti u ta’ riverżjoni, li d-drittijiet tagħhom kienu nkisbu abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil‑31 ta’ Diċembru 2011, għandhom jiġu kkalkolati skont il-modalitajiet il-ġodda previsti f’din id-deċiżjoni.

2.   Il-kalkolu l-ġdid imsemmi fil-paragrafu preċedenti jsir billi l-ammont tal-kontribuzzjoni individwali jiġi mmultiplikat bil-koeffiċjent ta’ trasformazzjoni relatat mal-età tal-membru fid-data li fiha l-membru jkun kiseb id-dritt għall-benefiċċju ta’ ħajja jew għall-benefiċċju ta’ manteniment pro rata.

3.   Il-koeffiċjenti ta’ pproċessar li jinsabu fit-Tabella 1, annessa ma’ din id-deċiżjoni, għandhom jiġu applikati.”

II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

13

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 14 sa 21 tas-sentenza appellata. Dawn jistgħu, għall-ħtiġijiet ta’ dan l-appell, jiġu mqassra kif ġej.

14

Kull wieħed mill-appellanti huwa jew ex membru tal-Parlament Ewropew, elett fl-Italja, jew aventi kawża ta’ tali ex Membru tal-Parlament Ewropew, li jibbenefika minn pensjoni tal-irtirar jew minn pensjoni tas-superstiti (iktar ’il quddiem il-“pensjoni”).

15

Permezz taż-żieda ta’ kumment fir-rendikonti tal-pensjoni tax-xahar ta’ Jannar 2019, il-Parlament informa lill-appellanti bil-fatt li l-ammont tal-pensjoni tagħhom seta’ jiġi rivedut skont id-Deċiżjoni Nru 14/2018 u li dan il-kalkolu l-ġdid seta’ eventwalment jagħti lok għal irkupru tas-somom imħallsa indebitament.

16

B’effett mill‑1 ta’ Jannar 2019, il-Parlament naqqas, billi applika din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, l-ammont tal-pensjoni tal-appellanti.

17

Permezz ta’ nota mingħajr data tal-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tal-Membri” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Finanzi tal-Parlament (iktar ’il quddiem il-“Kap tad-Diviżjoni”), annessa mar-rendikonti tal-pensjoni tar-rikorrenti tax-xahar ta’ Frar 2019, il-Parlament avża lil dawn tal-aħħar li, permezz tal-Avviż Nru SJ‑0836/18 tiegħu tal‑11 ta’ Jannar 2019, is-servizz legali tiegħu kien ikkonferma l-applikabbiltà awtomatika tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 għas-sitwazzjoni tagħhom (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tas-servizz legali”). Sussegwentement, meta jkun irċieva l-informazzjoni neċessarja mingħand il-Camera dei deputati (il-Kamra tad-Deputati, l-Italja), il-Parlament kellu jinnotifika lill-appellanti bl-ammont ġdid tal-pensjoni tagħhom u jipproċedi għall-irkupru tad-differenza eventwali matul it-tnax‑il xahar ta’ wara. Fl-aħħar nett, huwa informa lill-appellanti li l-ammont definittiv tal-pensjoni tagħhom kellu jiġi stabbilit permezz ta’ att formali li kontra tiegħu jkun possibbli li jitressaq ilment jew rikors għal annullament.

18

Permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Kap tad-Diviżjoni informa, fl-ewwel lok, lill-appellanti li l-ammont tal-pensjoni tagħhom kien ser jiġi adattat, skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, sal-ammont tat-tnaqqis tal-pensjonijiet analogi mħallsa fl-Italja lill-ex Membri nazzjonali mill-Kamra tad-Deputati skont id-Deċiżjoni Nru 14/2018. Fit-tieni lok, l-ammont tal-pensjonijiet tal-appellanti għandu jiġi aġġustat mix-xahar ta’ April 2019, b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Jannar 2019, b’applikazzjoni tal-abbozzi ta’ ffissar tal-ammonti ġodda tal-pensjoni trażmessi fl-anness ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Fit-tielet lok, id-deċiżjonijiet kontenzjużi taw lill-appellanti terminu ta’ 30 jum, li jiddekorri minn meta jirċevuhom, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Fin-nuqqas ta’ tali osservazzjonijiet, l-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet jitqiesu li huma definittivi u jimplikaw, b’mod partikolari, il-ħlas lura tal-ammonti rċevuti indebitament għax-xhur ta’ Jannar sa Marzu 2019.

19

Peress li ebda wieħed mill-appellanti ma fformula tali osservazzjonijiet fit-terminu previst, l-effetti tad-deċiżjonijiet kontenzjużi saru definittivi fir-rigward tagħhom fl-iskadenza ta’ dan it-terminu.

III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

20

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Ġunju (Kawżi T‑345/19 u T‑346/19), fis‑17 ta’ Ġunju (Kawżi T‑364/19 u T‑365/19), fit‑18 ta’ Ġunju (Kawża T‑366/19), fl‑20 ta’ Ġunju (Kawżi T‑372/19 sa T‑375/19) u fil‑25 ta’ Ġunju 2019 (Kawża T‑385/19), l-appellanti ppreżentaw ir-rikorsi tagħhom intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

21

Insostenn tar-rikorsi tagħhom, l-appellanti invokaw tmien motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u fuq l-illegalità tal-applikazzjoni awtomatika tad-Deċiżjoni Nru 14/2018. It-tieni motiv kien ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli PEAM, tal-Istatut tal-Membri u tal-miżuri ta’ implimentazzjoni. It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 28 tal-Istatut tal-Membri kif ukoll tal-Artikoli 75 u 76 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ ugwaljanza. Il-ħames motiv kien ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà. Is-sitt motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tad-drittijiet miksuba. Is-seba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ raġonevolezza, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. It-tmien motiv kien ibbażat fuq motivi oħra ta’ ksur tal-prinċipji ta’ raġonevolezza, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza u ta’ solidarjetà.

22

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi kollha u, għaldaqstant, dawn ir-rikorsi.

IV. Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

23

L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–

tannulla s-sentenza appellata;

–

tannulla d-deċiżjonijiet kontenzjużi, u

–

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż marbuta mal-appell u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

24

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell u

–

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż marbuta mal-appell u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

25

Fit‑12 ta’ Jannar 2022, Enrico Falqui, fil-kuntest tal-Kawża C‑391/21 P li tikkonċernah, ippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja kopja tas-sentenza Nru 4/2021 tal-Consiglio di giurisdizione della Camera dei deputati (il-Kunsill tal-Ġurisdizzjoni tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja), tat‑23 ta’ Diċembru 2021 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Nru 4/2021”), li tannulla d-Deċiżjoni Nru 14/2018. F’dan l-istadju, dan id-dokument ma ddaħħalx fil-proċess.

26

Fid‑9 ta’ Marzu 2022, l-appellanti ppreżentaw l-istess sentenza fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27

F’din il-kawża, kif ukoll fil-kawżi Falqui vs Il-Parlament (C‑391/21 P) u Coppo Gavazzi et vs Il-Parlament (C‑725/20 P), ir-Reġistru, fis‑16 ta’ Marzu 2022, bagħat lill-partijiet miżura ta’ organizzazzjoni deċiża mill-Imħallef Relatur u mill-Avukata Ġenerali skont l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha dawn intalbu jipproduċu d-dokumenti kollha li seta’ jkollhom effett fuq is-suġġett tal-kawża li tikkonċernahom, u b’mod partikolari s-sentenza Nru 4/2021.

28

Fit‑23 ta’ Marzu 2022, l-appellanti f’din il-kawża pproduċew diversi dokumenti, fosthom is-sentenza Nru 4/2021. Fid‑29 ta’ Marzu 2022, il-Parlament ipproduċa wkoll diversi dokumenti, fosthom is-sentenza Nru 4/2021 u dokument intitolat “Regoli ġodda għall-kalkolu tal-pensjonijiet adottati mill-Kamra tad-Deputati Taljana”. Din l-istituzzjoni informat ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja li, malli tirċievi l-kjarifiki addizzjonali li hija kienet talbet lill-Kamra tad-Deputati dwar l-applikazzjoni konkreta ta’ dawn ir-regoli, hija kienet ser twettaq kalkolu ġdid tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-appellanti u kienet ser tibgħatilhom abbozz ġdid ta’ deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tad-drittijiet tagħhom għall-pensjoni, li dwaru huma jkollhom il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali.

29

Fit‑12 ta’ Ottubru u fid‑29 ta’ Novembru 2022, il-Parlament ippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja d-deċiżjonijiet finali li jiddeterminaw l-ammont il-ġdid tal-pensjonijiet li kellhom jitħallsu lill-appellanti mix-xahar ta’ Novembru 2022 flimkien mal-arretrati dovuti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament”).

30

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ottubru 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja stieden lill-partijiet jippreċiżaw jekk kinux iqisu, minn naħa, li d-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament kienu ssostitwixxew ex tunc id-deċiżjonijiet kontenzjużi u, min-naħa l-oħra, li, wara l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet il-ġodda, l-appell kien għad għandu skop.

31

Fid‑29 ta’ Novembru 2022, il-Parlament ippreċiża li huwa kien iqis li d-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament kienu ssostitwixxew b’effett ex tunc id-deċiżjonijiet kontenzjużi, iżda l-appell kien għad għandu skop. Fil-fatt, ikun fl-interess tal-partijiet u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-appell, sabiex tipprovdi ċarezza dwar il-kwistjoni ta’ jekk is-sentenza appellata hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi u jekk il-Parlament jistax jikkalkola mill-ġdid, abbażi tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, il-pensjonijiet tal-appellanti fil-każ ta’ bidla fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

32

Permezz ta’ ittra ppreżentata fid‑29 ta’ Novembru 2022, l-appellanti indikaw li huma kienu jqisu li l-aggravji kollha kienu jżommu l-interess tagħhom u l-attwalità tagħhom, sa fejn id-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament ma kinux issostitwixxew id-deċiżjonijiet kontenzjużi, li komplew iżommu l-effettività sħiħa tagħhom u l-validità tagħhom. Id-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament, kif ukoll id-deċiżjonijiet kontenzjużi, jimplikaw kalkolu ġdid tal-ammont tal-pensjoni tagħhom u, billi jemendaw il-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu d-dritt tagħhom għall-pensjoni, definizzjoni mill-ġdid b’effett retroattiv u fit-tul ta’ dan id-dritt. Fil-fatt, id-Deċiżjoni Nru 14/2018 ġiet emendata biss fil-parti dwar il-koeffiċjent ta’ trasformazzjoni dwar l-età tal-Membru li jibbenefika mill-pensjoni tal-irtirar.

V. Fuq l‑appell

33

Fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-appellanti jqajmu sitt aggravji intiżi li jikkontestaw, essenzjalment, il-konferma, mill-Qorti Ġenerali, tal-fondatezza tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 75(1) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM (iktar ’il quddiem ir-“regoli interni tal-Parlament”), li wasslu lil din l-istituzzjoni tapplika d-Deċiżjoni Nru 14/2018 bl-għan li tirrevedi l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom. L-ewwel sar-raba’ aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tar-regoli interni tal-Parlament u fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, tad-dritt għall-proprjetà stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta kif ukoll fuq l-ommissjoni tal-Parlament li jadotta att. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament. Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-motivazzjoni ġusta tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

A. Osservazzjonijiet preliminari dwar il‑persistenza tal‑interess ġuridiku tal‑appellanti

34

Mill-punt 29 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament, adottati matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huma maħsuba sabiex jistabbilixxu l-ammont il-ġdid tal-pensjonijiet imħallsa lill-appellanti mix-xahar ta’ Novembru 2022 flimkien mal-arretrati dovuti.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskop tal-kawża, bl-istess mod bħall-interess ġuridiku, għandu jissussisti sa meta tingħata deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas tiegħu, ma jkunx hemm bżonn li tingħata deċiżjoni, fatt li jimplika li l-appell, bl-eżitu tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Madankollu, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent ma jonqosx neċessarjament minħabba l-fatt li l-att ikkontestat minnu jkun waqaf jipproduċi effetti fil-mori tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 62).

37

F’ċerti ċirkustanzi, rikorrent jista’ jżomm interess li jitlob l-annullament ta’ att imħassar fil-mori tal-kawża, sabiex l-awtur tal-att ikkontestat jagħmel, fil-futur, l-emendi xierqa u, b’hekk, jiġi evitat ir-riskju ta’ repetizzjoni tal-illegalità li biha dan l-att ikun allegatament ivvizzjat (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bank Mellat vs Il-Kunsill, C‑430/16 P, EU:C:2018:668, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, mir-risposta tal-Parlament tad‑29 ta’ Novembru 2022, miġbura fil-qosor fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, jirriżulta mingħajr ambigwità li din l-istituzzjoni tixtieq, anki fil-futur, tikkalkola mill-ġdid il-pensjonijiet ta’ ex Membri tal-Parlament Ewropew fil-każ ta’ bidla fil-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fl-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM (iktar ’il quddiem l-“iskema dinamika”).

39

Minkejja li l-Parlament issostitwixxa d-deċiżjonijiet kontenzjużi bid-deċiżjonijiet il-ġodda, xorta jibqa’ l-fatt li dawn id-deċiżjonijiet kollha huma bbażati fuq interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament li skontha dan huwa obbligat japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew li jibbenefikaw mill-pensjoni tal-irtirar u għall-persuni li jibbenefikaw mill-pensjoni tas-superstiti li, bħall-appellanti, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-annessi tar-Regoli PEAM (iktar ’il quddiem l-“ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati”).

40

Issa, hija preċiżament din l-interpretazzjoni li hija kkontestata mill-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-appell. Minn dan jirriżulta li, minkejja s-sostituzzjoni ex tunc tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, l-appellanti għad għandhom interess li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-fondatezza ta’ din l-interpretazzjoni, peress li din tista’ tiġi implimentata mill-Parlament fl-adozzjoni, fil-futur, ta’ deċiżjonijiet analogi għad-deċiżjonijiet kontenzjużi jew għad-deċiżjonijiet il-ġodda tal-Parlament, b’tali mod li jeżisti mhux biss riskju ta’ repetizzjoni tal-illegalità allegata, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, iżda wkoll riskju li, fil-każ ta’ rikors għal annullament kontra tali deċiżjonijiet simili, il-Qorti Ġenerali twettaq mill-ġdid l-allegati żbalji ta’ liġi li wassluha sabiex tikkonferma l-fondatezza tal-imsemmija interpretazzjoni.

41

Barra minn hekk, mid-deċiżjonijiet il-ġodda jirriżulta li l-Parlament jibqa’ tal-opinjoni li l-Kap tad-Diviżjoni huwa awtorizzat jadotta deċiżjonijiet li jemendaw l-ammont tal-pensjonijiet fil-każ ta’ bidla fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li dawn id-deċiżjonijiet ma għandhomx jinkludu motivazzjoni dwar il-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni.

42

Minn dan isegwi li għandu jitqies li l-appellanti għad għandhom interess ġuridiku quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn dan l-appell huwa dirett kontra l-motivi tas-sentenza appellata li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li skonthom, l-ewwel nett, mir-regoli interni tal-Parlament jirriżulta li dan tal-aħħar huwa obbligat japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati, it-tieni nett, il-Kap ta’ Diviżjoni huwa kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjonijiet li jemendaw l-ammont tal-pensjonijiet ta’ dawn l-ex Membri u, it-tielet nett, il-Parlament ma huwiex obbligat li jesponi, f’tali deċiżjonijiet, il-motivi li jiġġustifikaw il-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni.

B. Fuq l‑ewwel sar‑raba’ aggravju

1.   L‑argumenti tal‑partijiet

43

Insostenn tal-ewwel sar-raba’ aggravju tressqu żewġ ilmenti distinti.

44

Permezz tal-ewwel ilment, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli kkonstatat, minn naħa, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li l-Anness III tar-Regoli PEAM baqa’ applikabbli għalihom wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri u, min-naħa l-oħra, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li r-regoli interni tal-Parlament ma jippreġudikawx id-drittijiet miksuba mill-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

45

F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li l-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni ħassar l-Anness III tar-Regoli PEAM u jżomm fis-seħħ biss id-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fit-Titolu IV ta’ dawn il-miżuri u kif ukoll l-Artikolu 75 tagħhom. Mid-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, il-kontenut ta’ dan l-Anness III fil-mument tat-tħassir tiegħu nżamm mill-Artikoli 74 u 75 tal-imsemmija miżuri, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 7 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni.

46

Fil-fatt, ir-riferiment magħmul mill-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni għall-annessi tar-Regoli PEAM għandu jiġi kkunsidrat bħala li jirreferi għall-benefiċċju tal-pensjoni li kien applikabbli meta dawn l-annessi kienu fis-seħħ. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tissalvagwardja d-drittijiet miksuba mill-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati, fatt li huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-Artikolu 28 tal-Istatut tal-Membri.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konstatazzjoni li tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni ma jaffettwax id-dritt miksub li wieħed jirċievi pensjoni teżiġi li jiġu ppreċiżati ċ-ċirkustanzi li fihom dan huwa l-każ u li ssir distinzjoni bejn il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, ħaġa li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx.

48

F’dan il-każ, l-ammont tal-pensjonijiet tal-appellanti ġie kkalkolat permezz ta’ koeffiċjent multiplikatur stabbilit unilateralment u b’mod retroattiv mill-uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, abbażi ta’ avvenimenti li, fil-loġika attwarjali, għandhom jiġu kkunsidrati li huma inċerti, sa fejn dawn huma marbuta ma’ avvenimenti futuri u inċerti, bħall-probabbiltà medja ta’ superstiti tal-benefiċjarju fid-data tal-ħlas tal-pensjoni tal-irtirar u l-eżistenza probabbli ta’ konjuġi jew ta’ eredi intitolati għal pensjoni tas-superstiti. Madankollu, fil-mument tal-emenda tal-ammont tal-pensjonijiet tal-appellanti, seta’ jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk dawn l-avvenimenti kinux diġà seħħew jew le.

49

Anki jekk l-Artikolu 2 tal-Anness III tar-Regoli PEAM kien applikabbli f’dan il-każ bis-saħħa tal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tad-dritt għall-pensjoni. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet kontenzjużi emendaw mhux biss l-ammont tal-pensjonijiet ikkonċernati, iżda wkoll il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan l-ammont, li ssostitwixxa l-metodu bbażat fuq l-allowance rċevuta matul il-mandat tal-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati bil-metodu bbażat fuq il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn dawn il-Membri u dan daqslikieku kienu dejjem ġew ikkalkolati skont metodu ispirat mill-metodu kontributorju. L-appellanti ma kellhomx, meta kienu attivi, il-possibbiltà li jipprevedu l-bidla li tirriżulta mid-deċiżjonijiet ikkontestati, u lanqas ma kellhom il-possibbiltà li jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għal din l-iskema ta’ pensjonijiet sabiex itaffu l-effetti negattivi tagħha.

50

Sussidjarjament, jiġifieri fl-ipoteżi fejn id-distinzjoni bejn id-dritt għall-pensjoni u d-dritt għall-benefiċċju tal-pensjoni kienet applikabbli, l-appellanti jsostnu li huma mhux biss għandhom dritt għal pensjoni, iżda wkoll dritt li jirċievu ammont fiss ta’ pensjoni tal-irtirar, kif jirriżulta mill-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, b’tali mod li huma għandhom id-dritt li jirċievu ammont ta’ pensjoni li jikkorrispondi għal dak li huma setgħu jistennew meta ħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom. Id-deċiżjonijiet kontenzjużi jwasslu għal żbilanċ li jippreġudika lill-appellanti, peress li, dak iż-żmien, il-kontribuzzjonijiet imħallsa ma kellhom ebda influwenza fuq il-kisba tad-dritt għal pensjoni jew fuq il-portata ta’ dan id-dritt, u għalhekk kienu ta’ ammont baxx matul l-ewwel leġiżlaturi, li attwalment jippenalizza b’mod partikolari lill-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati li huma l-iktar anzjani, bħall-appellanti.

51

Permezz tat-tieni lment, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, id-dritt għall-proprjetà stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

52

L-ewwel nett, id-determinazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni abbażi tar-regoli l-ġodda tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn dan jipprekludi ksur tad-drittijiet miksuba konformement mar-raġuni tal-oriġini tal-Artikolu 28 tal-Istatut tal-Membri u tal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni.

53

It-tieni nett, dan il-metodu ġdid ta’ determinazzjoni tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn dan tal-aħħar jipprekludi kull bidla fil-modalitajiet ta’ kalkolu li għalihom l-appellanti aderixxew volontarjament. Fil-fatt, l-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati ma kinux jafu li l-iskema ta’ pensjoni tagħhom kienet ibbażata fuq riferiment awtomatiku għall-ammonti tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-ex Membri tal-Parlament tal-Istat Membru li fih huma ġew eletti.

54

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Parlament informa lill-appellanti bil-possibbiltà ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 fir-rigward tagħhom biss matul is-sena 2019, jiġifieri wara d-data li fiha t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom kellu japplika, jiġifieri fl‑1 ta’ Jannar 2019, b’mod li żguralhom effettivament il-kontinwazzjoni tad-dritt preċedentement miksub.

55

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Nru 14/2018 bl-ebda mod ma ssemmi l-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

56

Fi kwalunkwe każ, il-Kamra tad-Deputati u s-Senato (is-Senat, l-Italja) taw assigurazzjonijiet dwar l-immutabbiltà tad-dritt għal pensjoni tal-appellanti, skont l-Artikoli 27 u 28 tal-Istatut tal-Membri kif ukoll l-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni.

57

Fir-rigward, it-tielet nett, tad-dritt għall-proprjetà stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta, l-appellanti josservaw li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-għan invokat mill-Parlament sabiex jiġġustifika l-ksur ta’ dan id-dritt mid-deċiżjonijiet kontenzjużi huwa msemmi espliċitament fil-preambolu tad-Deċiżjoni Nru 14/2018. Madankollu, din tal-aħħar ma ssemmix li hija maħsuba sabiex isir kalkolu ġdid tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar. Barra minn hekk, la l-Parlament u lanqas id-Deċiżjoni Nru 14/2018 ma semmew għan ta’ interess ġenerali li jiġġustifika dan il-ksur.

58

L-appellanti jenfasizzaw ukoll li l-Qorti Ġenerali għamlet, fil-punt 160 tas-sentenza appellata, distinzjoni bejn ksur tad-dritt għal pensjoni u sempliċi aġġustament tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma indikatx fejn jinsab il-limitu li lil hinn minnu l-bidla fl-ammont ta’ din il-pensjoni ma tosservax iktar il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà u twassal għal ksur tad-dritt għall-pensjoni bħala tali.

59

Barra minn hekk, fil-punt 172 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet tal-appellanti kellu l-għan li jadatta l-ammont tal-pensjonijiet imħallsa lill-Membri kollha tal-Parlament għall-metodu ta’ kalkolu kontributorju billi bbażat ruħha fuq il-kontenut tad-Deċiżjoni Nru 14/2018.

60

Skont l-appellanti, dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa ċirkulari. Fil-fatt, dan ir-raġunament huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan u mhux fuq għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, filwaqt li madankollu jaqa’ fil-kuntest tal-eżami tal-konformità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi mad-dritt għall-proprjetà stipulat mill-Karta.

61

Barra minn hekk, l-imsemmi raġunament allegatament żnatura l-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar previst mid-Deċiżjoni Nru 14/2018 li ma jistax jitqies li huwa ta’ natura kontributorja, sa fejn, minn naħa, skont l-Artikolu 1(4) ta’ din id-deċiżjoni, l-ammont tal-allowances għall-ħajja huwa limitat. Min-naħa l-oħra, il-metodu l-ġdid ta’ kalkolu previst mill-imsemmija deċiżjoni ma huwiex ibbażat fuq rata ta’ kontribuzzjonijiet iddeterminata individwalment, iżda fuq rata identika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati kollha. B’hekk, ex Membru tal-Parlament Ewropew li jkun ħallas, matul il-mandat tiegħu, kontribuzzjonijiet ikkalkolati b’rata ogħla minn din ir-rata identika jitlef il-benefiċċju tal-parti mill-kontribuzzjoni li tmur lil hinn mill-imsemmija rata.

62

Ir-raba’ nett, il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 14/2018 juri wkoll ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn tali metodu huwa bbażat fuq rata ta’ kontribuzzjonijiet mhux individwalizzata.

63

Id-deċiżjonijiet kontenzjużi imponew piż individwali eċċessivament tqil, b’mod partikolari għall-appellanti li huma l-iktar anzjani. N. Gatti, li bħalissa għandu 80 sena, huwa ppenalizzat bl-iktar mod qawwi peress li l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu tnaqqas b’61 %, meta huwa kien sedenti fil-Parlament matul żewġ leġiżlaturi. Fir-rigward ta’ D. Ceravolo, li bħalissa għandu 91 sena, dan l-ammont tnaqqaslu b’47 %. F. Pisoni, li kellu 83 sena fil-mument tal-mewt tiegħu, kellu dan l-ammont imnaqqas b’24 %, meta kien eżerċita l-istess funzjoni matul l-istess perijodu bħal D. Ceravolo, li kellu l-istess ammont imnaqqas b’47 %.

64

Il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-ġustifikazzjoni mressqa huwa iktar u iktar evidenti jekk jitqies li l-iskema kontributorja tal-pensjonijiet tal-irtirar ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-Italja fl‑1 ta’ Jannar 1996, u li din ġiet estiża għall-maġġoranza tal-ħaddiema b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2012. Min-naħa l-oħra, permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, is-sistema kontributorja hija imposta fuq l-appellanti għal dak li jirrigwarda perijodu ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet ferm qabel is-sena 1995, meta din is-sistema kontributorja ma kienet teżisti għal ħadd fl-Italja.

65

Il-Parlament isostni li l-ewwel sar-raba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

2.   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

a)   Osservazzjonijiet preliminari

66

Permezz tal-ewwel ilment, l-appellanti jikkontestaw, billi jibbażaw ruħhom fuq ir-regoli interni tal-Parlament, iż-żamma tal-iskema dinamika wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri u jsostnu li tali skema tippreġudika d-drittijiet miksuba sabiex jirċievu pensjoni tal-irtirar.

67

Għaldaqstant, permezz ta’ tali lment, l-appellanti jikkontestaw, essenzjalment, il-fondatezza tal-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament li skontha din l-istituzzjoni hija obbligata tapplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

68

L-istess japplika fir-rigward tat-tieni lment, sa fejn, permezz tiegħu, l-appellanti jsostnu li l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda għall-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tagħhom la hija konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn dawn ir-regoli l-ġodda jippreġudikaw id-drittijiet miksuba li jirċievu pensjoni, u lanqas mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li dan jipprekludi kull tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni li għalih l-appellanti kellhom ikunu intitolati bl-adeżjoni volontarja tagħhom mal-iskema stabbilita mill-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM.

69

Min-naħa l-oħra, sa fejn, permezz ta’ dan it-tieni lment, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt, l-ewwel nett, li l-Parlament kien informahom tard bil-possibbiltà ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018, it-tieni nett, li din ma ssemmix lill-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati u, it-tielet nett, li l-Kamra tad-Debutati kif ukoll is-Senat taw assigurazzjonijiet dwar l-immutabbiltà tad-dritt għal pensjoni tal-appellanti, dawn ma jikkritikawx, lanqas indirettament, il-motivi tas-sentenza appellata li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tikkonferma l-fondatezza tal-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament li skontha din l-istituzzjoni hija obbligata tapplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

70

Fir-rigward tat-tielet ilment, sa fejn, permezz tiegħu, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li evalwat il-konformità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi mad-dritt għall-proprjetà stabbilit mill-Karta mhux fid-dawl ta’ għan irrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni, iżda fid-dawl ta’ dak imfittex mid-Deċiżjoni Nru 14/2018, huma jikkontestaw, essenzjalment, il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament li skontha din l-istituzzjoni hija obbligata tapplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

71

Min-naħa l-oħra, l-appellanti ma jikkontestawx il-fondatezza tal-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament meta jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, talli ma ppreċiżatx il-limitu li lil hinn minnu modifika tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ma tosservax iktar il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà u twassal għal ksur tad-dritt għall-pensjoni bħala tali, it-tieni nett, talli ddeċidiet li l-għan invokat mill-Parlament sabiex jiġġustifika l-ksur ta’ dan id-dritt mid-deċiżjonijiet kontenzjużi huwa msemmi espliċitament fil-preambolu tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 u, it-tielet nett, talli żnaturat il-metodu ta’ kalkolu tal-pensjonijiet previst minn din id-deċiżjoni.

72

Fir-rigward tar-raba’ lment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan l-ilment, l-appellanti jsostnu li d-Deċiżjoni Nru 14/2018 ma hijiex konformi ma’ dan il-prinċipju minħabba, l-ewwel nett, il-metodu ta’ kalkolu tal-pensjonijiet previst minn din id-deċiżjoni, it-tieni nett, l-effett li dan il-metodu jipproduċi fuq is-sitwazzjoni tal-appellanti u, it-tielet nett, il-kuntest storiku li fih l-imsemmija deċiżjoni taqa’. Għaldaqstant, permezz ta’ tali lment, l-appellanti ma jikkontestawx, lanqas indirettament, l-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament li skontha din l-istituzzjoni hija obbligata tapplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

73

Minn dan isegwi li għandhom jiġu eżaminati l-ewwel sar-raba’ aggravju biss sa fejn, permezz tagħhom, l-appellanti jikkritikaw l-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament li skontha dan huwa obbligat japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati, minħabba li tali interpretazzjoni, l-ewwel nett, ma tirriżultax minn dawn ir-regoli, it-tieni nett, ma hijiex konformi mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u t-tielet nett, ma hijiex konformi mad-dritt għall-proprjetà stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta.

b)   Fuq il‑mertu

1) Fuq l-allegat ksur tar-regoli interni tal-Parlament

74

L-appellanti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li l-Parlament seta’ validament jibbaża ruħu fuq ir-regoli interni tiegħu sabiex japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

75

Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, fi kliem l-Artikolu 2(1) ta’ dan l-Anness III tar-Regoli PEAM, “[i]l-livell u l-kundizzjonijiet ta’ din il-pensjoni proviżorja huma identiċi għal dawk tal-pensjoni li jieħdu l-Membri tal-Kamra Inferjuri tal-Parlament tal-Istat Membru li għalih il-Membru kien elett”.

76

Kif indikat il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, mill-espressjoni “[i]l-livell u l-kundizzjonijiet ta’ din il-pensjoni proviżorja huma identiċi” jirriżulta li l-Parlament huwa obbligat japplika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati r-regoli ta’ kalkolu tal-pensjonijiet kif applikati għall-Membri tal-Parlament tal-Istat Membru li fih dawn l-ex Membri tal-Parlament Ewropew ġew eletti. Fi kliem ieħor, din l-istituzzjoni hija obbligata tapplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

77

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM hija konformi mal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) ta’ dan l-anness.

78

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi li jistgħu jibbenefikaw mill-pensjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmi anness l-ex Membri tal-Parlament Ewropew li l-iskema tal-irtirar tal-Istat Membru li fih huma ġew eletti ma tipprevedix skema ta’ pensjoni, jew li l-livell u/jew il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-pensjoni li għaliha huma intitolati ma humiex identiċi għal dawk applikabbli għall-Membri tal-Parlament nazzjonali.

79

Għaldaqstant, l-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM għandu essenzjalment l-għan li jippermetti lill-ex Membri tal-Parlament Ewropew li kienu jinsabu fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan l-anness jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-Membri tal-Parlament Ewropew li l-iskema ta’ pensjoni nazzjonali tagħhom kienet tipprevedi pensjoni tal-irtirar li l-livell u/jew il-modalitajiet ta’ kalkolu tagħha kienu identiċi għal dawk applikabbli għall-Membri tal-Parlament nazzjonali tagħhom.

80

L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li din timponi fuq il-Parlament l-obbligu li japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati għandha għalhekk il-konsegwenza li tissuġġettahom, bħal dawk l-ex Membri tal-Parlament Ewropew l-oħra, għall-emendi magħmula għar-regoli ta’ kalkolu tal-ammont tal-pensjonijiet tal-Membri tal-Parlament nazzjonali tagħhom.

81

Barra minn hekk, l-iskema ta’ pensjoni stabbilita mill-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM inżammet, skont il-miżuri ta’ implimentazzjoni, wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri fir-rigward tal-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati li kienu bdew jirċievu pensjoni tal-irtirar abbażi ta’ din l-iskema qabel dan id-dħul fis-seħħ.

82

L-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni jipprovdi, minn naħa, li r-Regoli PEAM jiskadu fil-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-istatut, iżda wkoll, min-naħa l-oħra, li dan it-tħassir huwa bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fit-Titolu IV ta’ dawn il-miżuri, u b’mod partikolari għall-Artikolu 75 tagħhom.

83

Skont l-Artikolu 75(1) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, il-pensjonijiet tal-irtirar mogħtija skont l-Anness III tar-Regoli PEAM għandhom jibqgħu jitħallsu lill-persuni li jkunu rċevew dawn il-benefiċċji qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri.

84

Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 88 tas-sentenza appellata, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u b’mod iktar preċiż min-natura imperattiva tal-formulazzjoni “għandhom ikomplu jitħallsu skont [l-Anness III tar-Regoli PEAM]” kif ukoll mill-użu tal-preżent indikattiv f’din il-formulazzjoni, għandu jiġi dedott li l-iskema dinamika tibqa’ applikabbli għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri.

85

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, meta kkonstatat, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li d-dispożizzjonijiet tal-Anness III tar-Regoli PEAM ma ġewx imħassra wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri.

86

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 75(1) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni li skontha l-iskema dinamika għandha tibqa’ applikabbli għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri ma hija invalidata, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, la mill-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, la mill-premessa 7 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, u lanqas mill-Artikolu 28 tal-Istatut tal-Membri.

87

Fir-rigward, qabelxejn, tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, din tipprevedi li “[i]d-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut [tal-Membri] skont l-Anness III [tar-Regoli PEAM] għandhom jibqgħu fis-seħħ”.

88

Issa, minn din id-dispożizzjoni ma tista’ tiġi dedotta ebda garanzija, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, la fir-rigward tal-ħlas ta’ pensjoni tal-irtirar ikkalkolata abbażi tar-regoli ta’ kalkolu tal-pensjonijiet nazzjonali applikabbli fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, u lanqas fir-rigward ta’ ammont ta’ pensjoni fissa u immutabbli fil-mument tal-adeżjoni mal-iskema ta’ pensjoni stabbilita mill-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM.

89

Il-Qorti Ġenerali, ġustament, irrilevat, fil-punt 146 tas-sentenza appellata, li l-Istatut tal-Membri u l-miżuri ta’ implimentazzjoni stabbilixxew żewġ skemi suċċessivi ta’ pensjoni li jimplikaw żewġ tipi ta’ drittijiet għall-pensjoni, jiġifieri, minn naħa, id-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar miksuba sal‑14 ta’ Lulju 2009, data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi statut, abbażi tar-regoli interni tal-Parlament, u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar miksuba minn din id-data, abbażi tal-Artikolu 49 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni.

90

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 75(1) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni japplika, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 92 tas-sentenza appellata, għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati, fosthom uħud mill-appellanti, li ħallsu lill-baġit tal-Unjoni kontribuzzjonijiet skont l-Artikolu 2(2) tal-Anness III tar-Regoli PEAM u li kienu bdew jirċievu pensjoni tal-irtirar qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, filwaqt li l-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni japplika għall-Membri tal-Parlament Ewropew, li, filwaqt li ħallsu wkoll tali kontribuzzjonijiet, kienu għadhom ma bdewx jirċievu pensjoni tal-irtirar fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri.

91

Fil-fatt, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, “[i]l-persuni li kisbu drittijiet skont [l-Anness III tar-Regoli PEAM] għandhom jirċievu pensjoni kkalkulata fuq il-bażi tad-drittijiet miksuba tagħhom skont [dan l-anness] sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u jippreżentaw l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tal-Anness III msemmi hawn fuq”.

92

Sa fejn it-tieni sentenza tal-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tipprevedi kundizzjonijiet li l-ex Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jissodisfaw sabiex jibbenefikaw minn pensjoni kkalkolata abbażi tad-drittijiet tagħhom miksuba skont l-Anness III tar-Regoli PEAM, din id-dispożizzjoni ma hijiex maħsuba sabiex tapplika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew li bdew jibbenefikaw minn pensjoni skont dan l-anness qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, bħall-appellanti.

93

Barra minn hekk, sa fejn it-tieni sentenza tal-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tipprevedi li l-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar skont l-Anness III tar-Regoli PEAM abbażi tad-drittijiet miksuba, il-kunċett ta’ “drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 75(2), għandu jinftiehem, kif enfasizzat ġustament il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, bħala li jirrigwarda d-drittijiet għall-pensjoni li jirriżultaw mill-kontribuzzjonijiet imħallsa individwalment minn kull wieħed mill-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati u li jikkostitwixxu l-bażi għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar mogħtija lilhom skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regolamenti PEAM. Għaldaqstant, dan il-kunċett ma jistax jinftiehem fis-sens li jirreferi għal allegat dritt li wieħed jirċievi ammont fiss u immutabbli ta’ pensjoni tal-irtirar, ikkalkolat abbażi tar-regoli nazzjonali fis-seħħ fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri jew mal-adeżjoni mal-iskema ta’ pensjoni stabbilita minn din id-dispożizzjoni.

94

Fir-rigward, imbagħad, tal-premessa 7 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, din tipprovdi, minn naħa, li “persuni li jirċievu ċertu benefiċċji skont ir-Regoli PEAM [għandhom] ikunu jistgħu jibqgħu jirċievuhom wara li dawk ir-regoli jitħassru, sabiex b’hekk ikun rispettat il-prinċipju ta’ [protezzjoni tal-aspettativi leġittimi]” u, min-naħa l-oħra, li “[g]ħandhom ukoll jittieħdu passi sabiex tkun garantita ż-żamma tad-drittijiet tal-pensjoni fuq il-bażi tar-Regoli PEAM qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut [tal-Membri]”.

95

Minn din il-premessa jirriżulta li din tippreċiża li l-benefiċċji mogħtija skont dawn ir-regoli għandhom jibqgħu jitħallsu, mingħajr ma jista’ jiġi dedott li dawn ir-regoli ma jibqgħux japplikaw wara l-imsemmija data.

96

B’hekk, il-kunċett ta’ “drittijiet għall-pensjoni miksuba” għandu l-istess portata f’din il-premessa bħal dik li huwa għandu fl-Artikolu 75(2) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, kif ippreċiżat fil-punt 93 ta’ din is-sentenza.

97

Huwa f’dan il-kuntest ta’ eżami tar-regoli interni tal-Parlament li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li r-regoli interni tal-Parlament ma jippreġudikawx id-drittijiet għal pensjoni miksuba.

98

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-Artikolu 28 tal-Istatut tal-Membri, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 93 tas-sentenza appellata, din id-dispożizzjoni għandha tapplika għad-drittijiet għall-pensjoni li l-ex Membri tal-Parlament Ewropew kisbu abbażi, mhux tal-Anness III tar-Regoli PEAM, iżda ta’ skemi ta’ pensjoni nazzjonali. Bħala tali, din id-dispożizzjoni ma għandhiex effett, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 75(1) tal-miżuri ta’ implimentazzjoni.

99

Għaldaqstant, kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-kuntest u mill-għan tar-regoli interni tal-Parlament jirriżulta li, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta qieset li l-Parlament seta’ validament jibbaża ruħu fuq ir-regoli interni tiegħu sabiex japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

2) Fuq l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali kif ukoll tad-dritt għall-proprjetà stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta

100

L-appellanti jsostnu li l-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament adottata mill-Qorti Ġenerali tikser il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali kif ukoll id-dritt għall-proprjetà stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta.

101

Skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma tiġix affettwata l-validità tiegħu u f’konformità mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta. B’hekk, meta test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jkun jista’ jiġi interpretat b’iktar minn mod wieħed, għandha tingħata preferenza lil dik l-interpretazzjoni li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mad-dritt primarju iktar milli lil dik li twassal għall-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tagħha mad-dritt primarju (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

F’dak li jirrigwarda, qabelxejn, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-appellanti jsostnu li l-fatt li huma aderixxew mal-iskema ta’ pensjoni stabbilita mill-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM jiggarantilhom, skont dan il-prinċipju, li l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom jiġi kkalkolat skont il-modalitajiet fis-seħħ fil-mument tal-adeżjoni tagħhom ma’ din l-iskema.

103

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħadd ma jista’ jinvoka utilment ksur tal-imsemmi prinċipju fl-assenza ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni. Il-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija miftuħa għal kull persuna li jkollha tamiet fondati maħluqa minn istituzzjoni. F’dan ir-rigward, tikkostitwixxi garanzija li toħloq tali tamiet, tkun xi tkun il-forma ta’ komunikazzjoni tagħha, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konsistenti u li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Deza vs ECHA (C‑419/17 P, EU:C:2019:52, punti 69 u 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

104

Min-naħa l-oħra, meta persuna prudenti u informata tajjeb tkun f’pożizzjoni fejn tkun tista’ tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tagħha, hija ma tkunx tista’ tinvoka l-benefiċċju tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta din il-miżura tiġi adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Deza vs ECHA (C‑419/17 P, EU:C:2019:52, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

Il-fatt li l-appellanti aderixxew mal-iskema ta’ pensjoni stabbilita mill-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM madankollu ma tahomx id-dritt li jirċievu ammont ta’ pensjoni tal-irtirar prevedibbli, fiss u immutabbli, fil-mument tal-adeżjoni tagħhom ma’ din l-iskema. Fil-fatt, kif qieset ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 211 u 212 tas-sentenza appellata, l-unika garanzija, preċiża u inkundizzjonata, li l-Parlament kien f’pożizzjoni li jagħtihom kienet dik li, skont ir-regoli interni tiegħu, huma kellhom jirċievu pensjoni tal-irtirar li l-livell u l-modalitajiet tagħha jkunu identiċi għal dawk li kienu applikabbli għall-Membri tal-Parlament tal-Istat Membru li fih huma ġew eletti, skont l-iskema dinamika.

106

Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament li skontha dan huwa obbligat japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati hija konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

107

Fir-rigward, sussegwentement, tad-dritt għall-proprjetà, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 171 tas-sentenza appellata, meta kkunsidrat li l-evalwazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali segwit mid-deċiżjonijiet kontenzjużi ma setgħetx tinjora l-għanijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018.

108

Għandu jitfakkar li, fil-punt 163 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, anki jekk id-deċiżjonijiet kontenzjużi ma jinvolvux ċaħda pura u sempliċi tal-pensjonijiet tal-appellanti, xorta jibqa’ l-fatt li dawn inaqqsu l-ammont tagħhom, u b’hekk jirrestrinġu d-dritt għall-proprjetà tagħhom.

109

Sussegwentement, fil-punti 164 sa 179 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk din ir-restrizzjoni kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, imfakkra fil-punt 157 ta’ dik is-sentenza. F’dan ir-rigward, fil-punt 171 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali segwit mid-deċiżjonijiet kontenzjużi ma setgħetx issir mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018. Huwa f’dan l-ambitu li, wara l-eżami tal-konformità ta’ dawn id-deċiżjonijiet mad-dritt għall-proprjetà, li hija wettqet, fil-punti 172 sa 178 tal-istess sentenza, billi ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-għanijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 180 tagħha, li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà għandu jiġi miċħud.

110

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-portata ta’ dan id-dritt, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandha tiġi ddeterminata filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, li jistipula l-imsemmi dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 49).

111

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li d-drittijiet li jirriżultaw mill-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għal skema ta’ sigurtà soċjali jikkostitwixxu drittijiet patrimonjali għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu 1 (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 50).

112

Barra minn hekk, tnaqqis tal-ammont ta’ pensjoni tal-irtirar li jista’ jkollu effett fuq il-kwalità tal-ħajja tal-persuna kkonċernata jikkostitwixxi restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà tagħha (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 1 ta’ Settembru 2015, Da Silva Carvalho Rico vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2015:0901DEC001334114, punt 33).

113

Sa fejn l-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament li skontha dan huwa obbligat japplika s-sistema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati tista’ twassal għal tali tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni ta’ dawn tal-aħħar, din l-interpretazzjoni tista’ twassal għal restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta.

114

Issa, id-dritt għall-proprjetà ma huwiex assolut u l-eżerċizzju tiegħu jista’ għalhekk ikun suġġett għal restrizzjonijiet, sakemm, b’mod partikolari, dawn ikunu ġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

115

Fil-fatt, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni tad-dritt għall-proprjetà stipulat fl-Artikolu 17 tagħha hija konformi ma’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar sa fejn din tkun prevista mil-liġi, tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u tissodisfa effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

116

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li r-rekwiżit li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi jimplika li l-att li jippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandu jiddefinixxi huwa stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li dan ir-rekwiżit ma jeskludix li l-limitazzjoni inkwistjoni tkun ifformulata f’termini suffiċjentement miftuħa sabiex tkun tista’ tadatta ruħha għal każijiet differenti kif ukoll għall-bidliet tas-sitwazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk ikun il-każ, tippreċiża, permezz ta’ interpretazzjoni, il-portata konkreta tal-limitazzjoni kemm fir-rigward tat-termini stess tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni kif ukoll tal-istruttura ġenerali tagħha u tal-għanijiet imfittxija minnha, kif interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 114).

117

Kif ġie rrilevat fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-kuntest u mill-għan tar-regoli interni tal-Parlament, li għandhom portata ġenerali fir-rigward tal-Membri tal-Parlament Ewropew u jistgħu għalhekk jitqiesu li huma ekwivalenti, fuq il-livell intern ta’ din l-istituzzjoni, għal “liġi”, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 145 u 146), jirriżulta li l-imsemmija istituzzjoni hija obbligata tapplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

118

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali, fil-kwalità tagħha ta’ qorti tal-mertu u mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, setgħet tikkonstata fil-punti 160 u 179 tas-sentenza appellata li l-appellanti ma kinux ipproduċew elementi konkreti li jistgħu juru li t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet tagħhom kien jippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà tagħhom jew kellu jiġi kklassifikat bħala sproporzjonat.

119

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-punt dwar jekk l-iskema dinamika u t-tnaqqis tal-ammonti tal-pensjonijiet li jistgħu jirriżultaw minnha humiex neċessarji u effettivament jissodisfawx għan wieħed jew iktar mill-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 171 tas-sentenza appellata, meta kkunsidrat li, fid-dawl tal-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi kienet neċessarjament tiddependi fuq l-għażliet magħmula mill-awtoritajiet Taljani kompetenti, b’tali mod li “l-evalwazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex [mid-deċiżjonijiet kontenzjużi] ma [setgħetx] tinjora l-għanijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018”.

120

Fil-fatt, l-għanijiet segwiti mid-Deċiżjoni Nru 14/2018, applikabbli għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati skont l-iskema dinamika, huma ta’ natura purament nazzjonali. Bħala tali, dawn ma jistgħux, għaldaqstant, jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar, peress li dawn is-somom jitħallsu taħt skema ta’ pensjoni stabbilita mhux skont id-dritt nazzjonali, iżda skont id-dritt tal-Unjoni, u jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni.

121

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta, fil-punti 172 sa 178 tas-sentenza appellata, ħadet inkunsiderazzjoni l-għanijiet imfittxija minn din id-deċiżjoni nazzjonali sabiex teżamina jekk il-ksur tad-dritt għall-proprjetà tal-appellanti, ikkawżat mid-deċiżjonijiet kontenzjużi, kienx iġġustifikat.

122

Madankollu, għandu jitfakkar li, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher li jkun fondat abbażi ta’ motivi oħra tad-dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi u li l-appell jiġi miċħud (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Il-Kummissjoni vs Amazon.com et, C‑457/21 P, EU:C:2023:985, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

123

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk iċ-ċaħda tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta tidhirx li hija fondata għal motivi tad-dritt differenti minn dawk ivvizzjati bl-iżball identifikat fil-punti 119 u 121 ta’ din is-sentenza.

124

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tal-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew li jinsabu fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-Anness III tar-Regoli PEAM issegwi għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, sa fejn hija intiża, kif jirriżulta mill-punt 79 ta’ din is-sentenza, li tittratta bl-istess mod, minn naħa, il-Membri tal-Parlament Ewropew li ma jibbenefikawx minn skema ta’ pensjoni fl-Istat Membru li fih huma kienu ġew eletti, jew kienu jibbenefikaw minn skema ta’ pensjoni li l-livell u/jew il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-pensjoni tagħha ma kinux identiċi għal dawk applikabbli għall-Membri tal-Parlament nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-Membri tal-Parlament Ewropew li l-iskema ta’ pensjoni nazzjonali tagħhom kienet tipprevedi tali livell u/jew modalitajiet ta’ kalkolu tal-pensjoni identiċi għal dawk applikabbli għall-Membri tal-Parlament nazzjonali.

125

L-applikazzjoni tal-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati tissodisfa effettivament dan l-għan ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li għandha l-effett li ż-żewġ kategoriji ta’ Membri tal-Parlament Ewropew imsemmija fil-punt preċedenti huma suġġetti, fi kwalunkwe ħin, għar-regoli nazzjonali dwar il-kalkolu tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-Membri tal-Parlament tal-Istat Membru kkonċernat.

126

Barra minn hekk, din l-applikazzjoni kienet neċessarja sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, peress li kien biss allinjament tal-livell u/jew tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-pensjoni bħal dak previst fl-Artikolu 2(1) tal-Anness III tar-Regoli PEAM, moqri flimkien mal-Artikolu 1(2) ta’ dan l-anness, li seta’ jwassal għall-ugwaljanza fit-trattament bejn l-imsemmija kategoriji ta’ Membri tal-Parlament Ewropew.

127

Għalhekk jidher li, minkejja l-iżball ta’ liġi identifikat fil-punti 119 u 121 ta’ din is-sentenza, iċ-ċaħda tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà stipulat fl-Artikolu 17 tal-Karta hija fondata, peress li r-restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà inkwistjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

128

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-appellanti jsostnu li d-distinzjoni bejn id-“drittijiet għall-pensjoni miksuba” u l-“ammonti tal-pensjonijiet”, kif magħmula mill-Qorti Ġenerali, twassal għall-konklużjoni żbaljata li l-iskema dinamika hija konformi ma’ dan il-prinċipju.

129

Fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-konformità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 196 tas-sentenza appellata, li kien diġà jirriżulta mill-punti 81 sa 97 ta’ din is-sentenza li d-“drittijiet għall-pensjoni miksuba” kellhom jiġu distinti mill-“ammonti tal-pensjonijiet”. Il-Qorti Ġenerali indikat, f’dan ir-rigward, li, għalkemm id-“drittijiet għall-pensjoni” jinkisbu b’mod definittiv u ma jistgħux jiġu mibdula, u għalkemm il-pensjonijiet tal-irtirar jibqgħu jitħallsu, xejn ma jipprekludi li l-ammonti ta’ dawn il-pensjonijiet jiġu aġġustati ’l fuq jew ’l isfel, ħaġa li l-Parlament kien obbligat jagħmel f’dan il-każ, fid-dawl tal-obbligu tiegħu li japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati.

130

Fil-punt 206 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet l-analiżi tagħha billi qieset li l-appellanti ma kinux urew li l-prinċipju ta’ ċertezza legali kien ġie miksur f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-regoli interni tal-Parlament kienu jimplikaw li l-ammonti l-ġodda tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-appellanti kellhom jidħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2019. Issa, il-Qorti Ġenerali fakkret li dawn ir-regoli interni kienu ferm qabel l‑1 ta’ Jannar 2019, u mhux wara din id-data. Barra minn hekk, l-appellanti la kienu stabbilixxew u lanqas sostnew li l-Parlament kien applika dawn l-ammonti l-ġodda qabel l‑1 ta’ Jannar 2019, jiġifieri qabel id-data kkunsidrata għal dan l-għan mid-Deċiżjoni Nru 14/2018. Fl-aħħar nett, skont il-Qorti Ġenerali, sa mix-xahar ta’ Jannar 2019, il-Parlament kien informa lill-appellanti bil-possibbiltà li r-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 14/2018 jiġu applikati għalihom, liema applikazzjoni ġiet ikkonfermata minn din l-istituzzjoni fix-xahar ta’ Frar 2019. Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-appellanti kienu ġew informati bl-emenda tar-regoli applikabbli għall-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom qabel ma ġew adottati d-deċiżjonijiet kontenzjużi.

131

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar illi l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jieħdu konjizzjoni mingħajr ambigwità tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom u jieħdu l-miżuri tagħhom fir-rigward (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Global Silicones Council et vs Il-Kummissjoni, C‑558/21 P, EU:C:2023:839, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132

B’hekk, il-liġijiet il-ġodda, li jemendaw il-liġi l-qadima, japplikaw, ħlief fil-każ ta’ deroga, għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li nħolqu taħt din tal-aħħar. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li oriġinaw u ġew definittivament imwettqa taħt il-liġi preċedenti, li joħolqu drittijiet miksuba. Dritt huwa kkunsidrat bħala miksub meta l-fatt li jagħti lok għalih ikun seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ dritt li l-fatt li ġġenerah ma twettaqx taħt il-leġiżlazzjoni li ġiet emendata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il‑Parlament (C‑714/21 P, EU:C:2023:187, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133

Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dritt li wieħed jirċievi pensjoni tal-irtirar, dan jista’ jitqies li huwa miksub, bħala prinċipju, biss fil-mument meta jseħħ il-fatt li jagħti lok għal dan id-dritt, jiġifieri fil-mument meta l-pensjoni ssir dovuta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il-Parlament (C‑714/21 P, EU:C:2023:187, punti 85 sa 87).

134

Madankollu, dan ma jimplikax li kull emenda magħmula għall-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ pensjoni li twassal għal tnaqqis ta’ dan l-ammont, applikata abbażi ta’ leġiżlazzjoni adottata wara li din il-pensjoni tkun saret dovuta, tikkostitwixxi ksur ta’ dawn id-drittijiet miksuba.

135

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fid-dritt tal-Unjoni ma jeżistix prinċipju li skontu d-drittijiet miksuba ma jistgħu fl-ebda każ jiġu mmodifikati jew imnaqqsa. Huwa possibbli, taħt ċerti kundizzjonijiet, li dawn id-drittijiet jiġu mmodifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Grossetête vs Il-Parlament (C‑714/21 P, EU:C:2023:187, punti 88 sa 89).

136

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkonkludi, abbażi tal-elementi meqjusa b’mod partikolari fil-punt 206 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni tal-iskema dinamika, kif prevista mill-Anness III tar-Regoli PEAM u mill-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

137

Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal, hemm lok li l-ewwel sar-raba’ aggravju jiġu miċħuda, sa fejn, permezz tagħhom, l-appellanti jikkontestaw l-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament li skontha dan huwa obbligat japplika l-iskema dinamika għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernati, bħala parzjalment infondati u parzjalment ineffettivi.

C. Fuq il‑ħames aggravju, ibbażat fuq l‑interpretazzjoni żbaljata tal‑Artikolu 25(3) tar‑Regoli ta’ Proċedura tal‑Parlament

1.   L‑argumenti tal‑partijiet

138

L-appellanti jsostnu li, fil-punti 70 sa 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-Kap tad-Diviżjoni kien kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi, peress li kellu subdelegazzjoni regolari.

139

Minn naħa, mill-informazzjoni pprovduta waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu fir-realtà ġew adottati mis-servizz legali tal-Parlament, peress li l-imsemmi Kap tad-Diviżjoni kien irrefera għall-evalwazzjoni ta’ dan is-servizz u ma wettaq huwa stess l-ebda analiżi jew ma elabora ebda motivazzjoni tiegħu stess. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet kontenzjużi kellhom jiġu adottati mill-Bureau tal-Parlament, peress li dawn jikkostitwixxu atti ta’ amministrazzjoni straordinarja. Fil-fatt, peress li dawn id-deċiżjonijiet jaqgħu taħt sitwazzjoni ġdida, kumplessa u imprevista, ikkonfermata barra minn hekk bl-involviment tas-servizz legali tal-Parlament, il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-prinċipji ta’ livell superjuri tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kellha tiġi vverifikata qabel ma jiġu adottati. Għaldaqstant, dawn ma humiex deċiżjonijiet purament tekniċi, li jistgħu jiġu ddelegati lil kap ta’ diviżjoni.

140

Il-Parlament isostni li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

a)   Osservazzjonijiet preliminari

141

Permezz tal-ħames aggravju, l-appellanti jikkontestaw, b’mod partikolari, il-kompetenza tal-Kap tad-Diviżjoni sabiex jadotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi. Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan l-ilment, peress li, permezz tiegħu, l-appellanti jinvokaw illegalità li tista’ tiġi rrepetuta fil-futur.

142

Min-naħa l-oħra, l-ilment, imqajjem ukoll fil-kuntest ta’ dan il-ħames aggravju, li permezz tiegħu l-appellanti jikkritikaw lill-Kap tad-Diviżjoni li ma ħejja ebda analiżi jew motivazzjoni minbarra dik li tinsab fl-opinjoni tas-servizz legali, jammonta għal preżentazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ affermazzjoni fattwali li din ma tistax, fl-assenza ta’ argument ibbażat fuq żnaturament tal-fatti jew fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, teżamina fil-kuntest tal-appell.

143

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 256(1) TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi ma tikkostitwixxix għalhekk, mingħajr ħsara għall-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-ambitu ta’ appell (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punt 121 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

144

Minn dan isegwi li l-ħames aggravju għandu jiġi eżaminat fil-mertu sa fejn jinkludi lment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-imsemmi kap ta’ diviżjoni sabiex jadotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi, u li l-kumplament ta’ dan l-aggravju huwa inammissibbli.

b)   Fuq il‑mertu

145

Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li l-Kap tad-Diviżjoni kien inħatar bħala regolatur subdelegat għal-linja baġitarja 1030, dwar il-pensjonijiet tal-irtirar imsemmija fl-Anness III tar-Regoli PEAM, permezz tad-Deċiżjoni FINS/2019–01 tad-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament tat‑23 ta’ Novembru 2018 u li din id-deċiżjoni tindika espressament li l-Kap tad-Diviżjoni huwa awtorizzat jipproċedi, b’mod partikolari, għall-istabbiliment tal-impenji legali u tal-impenji baġitarji, għal-likwidazzjoni tal-ispejjeż u għall-awtorizzazzjoni tal-ħlasijiet, iżda wkoll għall-istabbiliment tat-tbassir tal-krediti, għall-konstatazzjoni tad-drittijiet li għandhom jiġu rkuprati u għall-ħruġ tal-ordnijiet ta’ rkupru.

146

Fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari li r-regoli stabbiliti mill-miżuri ta’ implimentazzjoni u mir-Regoli PEAM, kif ġew adottati mill-Bureau tal-Parlament, ma ġewx emendati mill-Kap tad-Diviżjoni, iżda ġew biss implimentati minnu.

147

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li l-Kap tad-Diviżjoni kien kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi.

148

Sa fejn id-Deċiżjoni FINS/2019–01 tad-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament tat‑23 ta’ Novembru 2018 tawtorizza lill-Kap tad-Diviżjoni tipproċedi b’mod partikolari għall-istabbiliment tal-impenji legali u tal-impenji baġitarji, għal-likwidazzjoni tal-ispejjeż u għall-awtorizzazzjoni tal-ħlasijiet, iżda wkoll għall-istabbiliment tat-tbassir tal-krediti, għall-konstatazzjoni tad-drittijiet li għandhom jiġu rkuprati u għall-ħruġ tal-ordnijiet ta’ rkupru, din hija redatta b’mod suffiċjentement wiesa’ sabiex tinkludi s-sitwazzjonijiet invokati mill-appellanti, jiġifieri sitwazzjonijiet ġodda, kumplessi u mhux previsti fl-oqsma ddelegati.

149

Barra minn hekk, l-appellanti ma jsostnux li din id-deċiżjoni tinkludi riżerva dwar il-kompetenza għall-applikazzjoni tad-dritt primarju tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jaqgħu f’dawn l-oqsma.

150

Barra minn hekk, l-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament ma jinkludi, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, ebda riżerva ta’ kompetenza f’dan il-qasam għall-benefiċċju tal-Bureau tal-Parlament. Fil-fatt, fi kliem din id-dispożizzjoni, “[i]l-Bureau għandu jieħu deċiżjonijiet dwar affarijiet ta’ natura finanzjarja, organizzattiva u amministrattiva li jikkonċernaw il-Membri fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali jew ta’ grupp politiku”. L-allegata distinzjoni bejn l-atti ta’ amministrazzjoni straordinarja, li l-adozzjoni tagħhom hija rriżervata għall-Bureau tal-Parlament u l-atti ta’ amministrazzjoni ordinarja, li ġew iddelegati lill-Kap tad-Diviżjoni, lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-imsemmija dispożizzjoni.

151

Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kap tad-Diviżjoni huwa infondat.

152

Minn dan isegwi li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondat.

D. Fuq is‑sitt aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill‑Qorti Ġenerali fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni tagħha tal‑motivazzjoni tad‑deċiżjonijiet kontenzjużi

1.   L‑argumenti tal‑partijiet

153

L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

154

Peress li l-Parlament għandu l-obbligu li jeżamina l-kompatibbiltà mar-regoli ta’ livell superjuri tad-dritt tal-Unjoni, dan l-eżami kellu jipprovdi motivazzjoni f’dan ir-rigward. L-opinjoni tas-servizz legali, invokata mill-Parlament ma hijiex biżżejjed għal dan l-għan, peress li, minn naħa, la tissemma fid-deċiżjonijiet kontenzjużi u lanqas ma hija annessa magħhom u, min-naħa l-oħra, tinkludi biss eżami parzjali u sommarju ħafna tal-osservanza tar-regoli ta’ livell superjuri u tal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni.

155

Barra minn hekk, fil-punti 57 u 178 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat li l-Artikolu 1(7) tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 kien jiggarantixxi l-proporzjonalità globali tal-intervent, billi jippermetti żieda tal-ammont tal-pensjoni ta’ persuni li ma jirċevux dħul annwali ieħor u li jsofru minn marda serja. Dawn iż-żidiet għandhom portata limitata u din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 ma tistax tikkostitwixxi klawżola ta’ salvagwardja valida favur persuni oħra, li ma humiex previsti minnha. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni ġiet annullata mill-Kunsill tal-Ġurisdizzjoni tal-Kamra tad-Deputati, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-proporzjonalità fuq dispożizzjoni ineżistenti.

156

Il-Parlament isostni li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat.

2.   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

a)   Osservazzjonijiet preliminari

157

Permezz tas-sitt aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li naqset milli tikkonstata li l-Parlament kiser l-obbligu tiegħu li jimmotiva d-deċiżjonijiet kontenzjużi. Skont l-appellanti, il-Parlament kellu mhux biss jivverifika jekk l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 kinitx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, iżda kellu wkoll jindika, espressament, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, ir-raġunijiet li għalihom huwa kien iqis li dan kien il-każ. Il-Qorti Ġenerali kklassifikat, b’mod żbaljat, bħala rilevanti l-analiżi tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 li tinsab fl-opinjoni tas-servizz legali u li tirrigwarda b’mod partikolari l-proporzjonalità ta’ din id-deċiżjoni.

158

Dan l-aggravju jikkonċerna l-interpretazzjoni tar-regoli interni tal-Parlament, peress li huwa intiż li jikkontesta li, skont dawn ir-regoli, skema nazzjonali ta’ pensjoni tista’ tiġi applikata awtomatikament għall-ex Membri tal-Parlament Ewropew, mingħajr evalwazzjoni motivata tal-kompatibbiltà ta’ tali applikazzjoni mad-dritt tal-Unjoni.

159

Għaldaqstant, hemm lok li s-sitt aggravju jiġi eżaminat fil-mertu.

b)   Fuq il‑mertu

160

Kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel sar-raba’ aggravju ta’ dan l-appell, il-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tikkonstata fil-punti 86 u 89 tas-sentenza appellata li l-Parlament kien obbligat japplika, għall-appellanti, l-istess regoli dwar il-livell u l-modalitajiet tal-pensjonijiet bħal dawk stabbiliti mid-dritt Taljan.

161

Huwa wkoll ġustament li l-Qorti Ġenerali indikat, f’dawn l-istess punti, li l-Parlament jista’ jevita dan l-obbligu fil-każ li tali applikazzjoni twassal sabiex tikser regola ta’ livell superjuri tad-dritt tal-Unjoni, bħal prinċipju ġenerali ta’ dan id-dritt jew dispożizzjoni tal-Karta.

162

Għalkemm l-appellanti jenfasizzaw, għaldaqstant, ġustament li huwa l-Parlament li għandu jiżgura li l-applikazzjoni tar-regoli interni tiegħu, li tikkonsisti fl-aġġustament tal-pensjonijiet tal-ex Membri tiegħu skont l-iżvilupp tas-sistemi nazzjonali, ma tmurx kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jew il-Karta, madankollu minn dan ma jirriżultax li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kellhom jesponu r-raġunijiet li għalihom il-Parlament qies li l-adattament inkwistjoni kien kompatibbli ma’ dawn il-prinċipji u mal-Karta.

163

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni tal-atti ġuridiċi tal-Unjoni, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minnu jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni ta’ att tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jitqiesu li huma rilevanti (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Agentsia Patna infrastruktura (Finanzjament Ewropew ta’ infrastrutturi tat-toroq), C‑471/22, EU:C:2024:99, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

164

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu ċertament jitqies li kien l-awtur tad-deċiżjonijiet kontenzjużi li kellu jesponi fihom ir-raġunijiet, marbuta mar-regoli interni tal-Parlament, li wasslu lil din l-istituzzjoni taġġusta l-pensjonijiet tad-destinatarji ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

165

Min-naħa l-oħra, dan l-awtur ma setax jintalab jippreċiża, barra minn hekk, għal liema raġunijiet il-Parlament qies li la l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u lanqas il-Karta ma kienu jipprekludu d-deċiżjoni tiegħu. L-għoti ta’ tali portata għar-rekwiżit ta’ motivazzjoni jkun ifisser li l-awtur tal-att ikun obbligat jesponi mhux biss ir-raġunijiet tad-deċiżjoni tiegħu, iżda wkoll ir-raġunijiet li għalihom huwa qies li ma kienx hemm lok li jastjeni milli jadottaha. Issa, bla ħsara għal sitwazzjonijiet partikolari li ma humiex relatati ma’ dan il-każ, ma jistax jitqies li huwa neċessarju, sabiex tinftiehem il-motivazzjoni tal-awtur tal-att, li dan jipprovdi analiżi tal-kompatibbiltà tad-deċiżjoni tiegħu mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u mal-Karta.

166

Minn dan isegwi li s-sitt aggravju huwa infondat.

167

Peress li l-aggravji kollha mressqa mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom ġew miċħuda, hemm lok li dan l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

VI. Fuq l‑ispejjeż

168

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Konformement mal-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

169

Peress li l-appellanti tilfu l-appelli tagħhom u l-Parlament talab li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż, hemm lok li l-appellenti jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, l-ispejjeż sostnuti mill-Parlament.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Giacomo Santini, Marco Cellai, Domenico Ceravolo, Natalino Gatti, Rosa Maria Avitabile, bħala eredi ta’ Antonio Mazzone, Luigi Moretti, Gabriele Sboarina, Lina Wuhrer, Patrizia Capraro u Luciana Meneghini, bħala eredi ta’ Ferruccio Pisone, huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.