31977R2436



Official Journal L 282 , 05/11/1977 P. 0008 - 0009
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 9 P. 0122
Greek special edition: Chapter 03 Volume 19 P. 0174
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 9 P. 0122
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 13 P. 0113
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 13 P. 0113


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KEE) Nru 2436/77

ta' l-4 ta' Novembru 1977

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1822/77 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-ġbir ta' l-imposta ta' ko-responsabbiltà ntrodotta fir-rigward tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1079/77 tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-imposta ta' ko-responsabbiltà u dwar miżuri għall-espansjoni tas-swieq fil-ħalib u prodotti mill-ħalib([1]), u b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1822/77 tal-5 ta' Awissu 1977 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-ġbir ta' l-imposta ta' ko-responsabbiltà mdaħħla fir-rigward tal-ħalib u prodotti tal-ħalib ([2]) huwa maħsub biex jiżgura l-implimentazzjoni ta' sistema li hija effiċjenti u razzjonali kemm jista' jkun; billi, għal dak il-għan, sabiex tiġi simplifikata l-amministrazzjoni u s-sorveljanza, għandu jingħata kont tas-sitwazzjonijiet speċjali li jistgħu joħolqu nefqa eċċessiva ta' ħin u flus, b'mod sproporzjonat għas-somma mtella' mill-imposta ta' ko-responsabbiltà;

Billi, minn mindu li l-imposta ta' ko-responsabbiltà ġiet introdotta fis-16 ta' Settembru 1977, inqalgħu diffikultajiet ta' amministrazzjoni li ma jistgħux jintrebħu b'konnessjoni mal-ġbir ta' l-imposta f'dawk ir-reġjuni tal-Komunità fejn il-kwantità medja tal-ħalib imwassla fl-ażjendi ta' manifattura tal-ħalib hija inqas minn 10 kilogrammi kull produttur kull jum; billi kwantitajiet bħal dawn m'għandhomx għalhekk jitqiesu meta tinġabar l-imposta;

Billi r-reġjuni tal-Komunità huma definiti fl-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/280/KEE tal-31 ta' Lulju 1972 dwar l-istħarriġ statistiku li jrid isir mill-Istati Membri dwar il-ħalib u prodotti tal-ħalib ([3]), kif emendata bid-Direttiva 73/358/KEE ([4]);

Billi, b'żieda, sabiex jiġu evitati piżijiet amministrattivi sproporzjonati, il-każi fejn l-ażjendi tal-manifattura tal-ħalib jiġbru kwantità limitata ta' ħalib kuljum biex jagħmlu ġobnijiet long-skeeping għandhom jiġu trattati bl-istess mod bħall-każi riferiti fl-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament (KEE) Nru 1822/77;

Billi l-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għal-Ħalib u l-Prodotti mill-Ħalib,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 1822/77 il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

4. B'żieda, l-ħalib mibjugħ minn produttur lil impriża li titratta jew tipproċessa l-ħalib u li tinstab f'reġjun fejn, matul l-1976, il-kwantità medja ta' ħalib imwassla kuljum minn produtturi lil impriżi bħal dawn kienet inqas minn 10 kilogrammmi għal kull produttur, għandu jiġi eżentat mill-imposta ta' ko-responsabbiltà.

Għall-għan tal-paragrafu preċedenti, it-reġjuni għandhom ikunu dawk definiti fl-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 72/280/KEE.

Ir-reġjuni fejn jitħarsu l-kondizzjoni imsemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KEE) Nru 804/68.'

Artikolu 2

Fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 1822/77 il-paragrafu li ġej huwa mdaħħal:

1a. L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista' wkoll tingħata fuq talba lill-impriżi li jagħmlu l-ġobon b'perjodu ta' maturazzjoni ta' għall-inqas tlett xhur u li jagħtu l-prova li medja ta' mhux aktar minn 10 000 kilogramma ta' ħalib tal-baqar kuljum kien inxtara minnhom minn produtturi matul l-1976.'

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika b'effett mis-16 ta' Settembru 1977.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-4 ta' Novembru 1977.

Għall-Kummissjoni

Finn GUNDELACH

Viċi-President

Proofread by Claudine Camilleri

[1] ĠU L 131, tas-26.5.1977, p. 6.

[2] ĠU L 203, tad-9.8.1977, p. 1.

[3] ĠU L 179, tas-7.8.1972, p. 2.

[4] ĠU L 326, tas-27.11.1973, p. 17.