Brussell, 3.10.2025

COM(2025) 633 final

2025/0320(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fis-sitt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jemendaw dik il-Konvenzjoni dwar il-prodotti miżjudin bil-merkurju u l-proċessi tal-manifattura li fihom jintużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea (“UE”), waqt is-sitt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (“COP6”) għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (“il-Ftehim”) fir-rigward tal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjonijiet dwar il-kummerċ tal-komposti tal-merkurju u li jemendaw l-Annessi A u B tal-Ftehim. Dawn l-Annessi jistabbilixxu listi ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju u lista ta’ proċessi ta’ manifattura li jużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju (“proċessi tal-merkurju”), soġġetti jew għal dati ta’ eliminazzjoni gradwali jew għal dispożizzjonijiet li jirregolaw l-użu tal-merkurju 1 .

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (“il-Ftehim”)

Il-Ftehim huwa l-qafas legali internazzjonali ewlieni għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent mill-emissjonijiet antropoġeniċi u mir-rilaxxi tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fl-arja, fl-ilma u fuq l-art. Dan jindirizza ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-merkurju, mill-estrazzjoni minerarja primarja tal-merkurju għar-rimi tal-iskart tal-merkurju. Daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2017. L-Unjoni Ewropea hija Parti għall-Ftehim 2 . L-Istati Membri kollha wkoll huma Partijiet.

F’konformità mal-Artikolu 3, il-paragrafu 13 tal-Ftehim jirrikjedi li l-Konferenza tal-Partijiet (“COP”, Conference of the Parties) tevalwa jekk il-kummerċ f’komposti speċifiċi tal-merkurju jinkludix l-objettiv tal-Ftehim u tqis jekk il-komposti speċifiċi tal-merkurju għandhomx, bl-elenkar tagħhom f’anness addizzjonali ġdid f’konformità mal-Artikolu 27 tal-Ftehim, ikunu soġġetti għall-paragrafi 6 u 8 tal-Artikolu 3 tal-Ftehim.

F’konformità mal-Artikolu 3, il-paragrafu 6 tal-Ftehim, “kull Parti ma għandhiex tippermetti l-esportazzjoni tal-merkurju ħlief lil Parti li tkun ipprovdiet lill-Parti li tesporta bil-kunsens bil-miktub tagħha jew lil Parti terza li tkun ipprovdiet lill-Parti li tesporta bil-kunsens bil-miktub tagħha”.

Skont l-Artikolu 3, il-paragrafu 8 tal-Ftehim, “kull Parti ma għandhiex tippermetti l-importazzjoni tal-merkurju mingħand Parti terza li lilha tipprovdi l-kunsens bil-miktub tagħha sakemm il-Parti terza ma tkunx ipprovdiet ċertifikat li l-merkurju mhuwiex ġej minn sorsi identifikati bħala mhux awtorizzati fil-paragrafu 3 jew fil-paragrafu 5(b)”.

Skont l-Artikolu 4, il-paragrafu 1 tal-Ftehim, il-prodotti miżjudin bil-merkurju elenkati fil-Parti I tal-Anness A (eż. ċerti lampi fluworexxenti kompatti) ma jistgħux jibqgħu jiġu mmanifatturati, importati jew esportati wara d-dati ta’ eliminazzjoni gradwali speċifikati fih.

F’konformità mal-Artikolu 4, il-paragrafu 3, il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri biex jirregolaw l-użu tal-merkurju fir-rigward tal-prodotti miżjudin bil-merkurju elenkati fil-Parti II tal-Anness A.

F’konformità mal-Artikolu 5, il-paragrafu 2, il-proċessi tal-merkurju elenkati fil-Parti I tal-Anness B (eż. il-produzzjoni tal-kloroalkali) ma jridux jibqgħu jinvolvu l-użu tal-merkurju jew tal-komposti tal-merkurju sad-dati ta’ eliminazzjoni gradwali stabbiliti fih.

Skont l-Artikolu 5, il-paragrafu 3, il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri biex jirregolaw l-użu tal-merkurju fil-proċessi tal-merkurju elenkati fil-Parti II tal-Anness B, inkluż f’termini ta’ konverżjoni għal proċessi mingħajr merkurju, meta jkun ekonomikament u teknikament fattibbli.

L-Artikoli 26 u 27 jistabbilixxu r-regoli bażiċi dwar, fost l-oħrajn, is-sottomissjoni mill-Partijiet ta’ proposti għall-emendar tal-Annessi tal-Ftehim, kif ukoll għall-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-Annessi emendati. Il-proposti għall-emendar tal-Annessi jridu jiġu kkomunikati lill-Partijiet kollha mis-Segretarjat tal-Ftehim (“is-Segretarjat”) mill-inqas 6 xhur qabel il-COP li fiha tiġi proposta għall-adozzjoni. L-Annessi emendati proposti jiġu adottati f’konformità mar-regoli tal-votazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 26, il-paragrafu 3, u fid-Deċiżjoni MC-1/1 dwar ir-Regoli ta’ Proċedura adottati mill-COP fl-ewwel laqgħa tagħha (bejn l-24 u d-29 ta’ Settembru 2017) 3 . Is-Segretarjat ma rċieva l-ebda proposta bħal din għall-kunsiderazzjoni fil-COP6.

Madankollu, fid-Deċiżjoni MC-5/4, il-COP iddeċidiet li fil-COP6 tikkunsidra proposta biex jiġu emendati l-Partijiet I u II tal-Anness A fir-rigward tal-amalgama dentali. It-test propost li jinsab f’dik id-deċiżjoni rriżulta mill-kunsiderazzjoni tal-proposta oriġinali mill-COP, li kienet ġiet sottomessa mill-Botswana u l-Burkina Faso f’isem ir-reġjun tal-Afrika u li ġiet ikkomunikata lill-Partijiet fis-27 ta’ April 2023, 6 xhur qabel il-COP5.

Id-Deċiżjoni MC-5/6 ġiet adottata fil-COP5. Din id-deċiżjoni stiednet lill-Partijiet u lill-organizzazzjonijiet rilevanti biex sal-31 ta’ Marzu 2025, jissottomettu, b’mod volontarju, informazzjoni dwar alternattivi teknikament u ekonomikament fattibbli għall-użu tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fil-produzzjoni tal-monomer tal-klorur tal-vinil, f’konformità mal-Artikolu 5, il-paragrafu 8 u l-Artikolu 17, il-paragrafu 1 tal-Ftehim.

Emenda ta’ Anness tidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha sena wara li d-depożitarju tal-Ftehim jikkomunika l-adozzjoni tagħha, ħlief għal dawk il-Partijiet li jkunu għamlu dikjarazzjoni rilevanti f’konformità mal-Artikolu 30, il-paragrafu 5. L-Unjoni ma għamlitx dikjarazzjoni bħal din, u għalhekk ir-regola ġenerali dwar id-dħul fis-seħħ ta’ Annessi emendati jew ġodda tapplika għaliha.

2.2.Il-Konferenza tal-Partijiet (“COP”)

Il-COP twettaq il-funzjonijiet assenjati lilha mill-Ftehim. Għal dak il-għan, hija għandha tikkunsidra u twettaq, fost l-oħrajn, kwalunkwe azzjoni li tista’ tkun meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-Ftehim, inkluż l-adozzjoni ta’ linji gwida rilevanti.

Skont l-Artikolu 28 tal-Ftehim u d-Deċiżjoni MC-1/1 imsemmija hawn fuq, kull Parti għandha vot wieħed. Madankollu, l-Unjoni, bħala organizzazzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali ekonomika, teżerċita d-dritt tagħha li tivvota, dwar kwistjonijiet fil-kompetenza tagħha, b’numru ta’ voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħha li huma Partijiet għall-Ftehim. L-Unjoni ma għandhiex teżerċita d-dritt għall-vot tagħha jekk xi ħadd mill-Istati Membri tagħha jeżerċita d-dritt għall-vot tiegħu, u viċe versa.

2.3.Deċiżjonijiet potenzjali fil-COP6

Il-COP6 mistennija tadotta deċiżjoni dwar il-provvista u l-kummerċ tal-komposti tal-merkurju.

Il-COP6 se tikkunsidra wkoll l-adozzjoni ta’ deċiżjoni relatata mal-kummerċ tal-komposti tal-merkurju. L-att previst jista’ jistabbilixxi anness addizzjonali tal-Ftehim li jelenka l-komposti tal-merkurju li jkunu soġġetti għal proċeduri ta’ kunsens bil-miktub skont l-Artikolu 3, il-paragrafi 6 u 8 tal-Ftehim. Il-lista ta’ komposti tal-merkurju li jistgħu jiġu elenkati tinkludi:

(1)klorur tal-merkurju (I)

(2)sulfur tal-merkurju (II)

(3)ċinabru

(4)ossidu tal-merkurju (II)

(5)sulfat tal-merkurju (II)

(6)nitrat tal-merkurju (II)

(7)aċetat tal-merkurju (II)

(8)klorur tal-merkurju (II)

(9)jodur tal-merkurju (II)

(10)amidoklorur tal-merkurju (II)

Il-COP6 mistennija wkoll tadotta deċiżjoni waħda jew aktar biex temenda l-Annessi A u B tal-Ftehim.

L-ewwel nett, il-COP6 se tikkunsidra l-emendi proposti tal-Parti I tal-Anness A, bil-ħsieb li tiġi adottata deċiżjoni dwarhom, kif xieraq. L-emendi kieku jneħħu l-parentesi madwar l-entrata dwar l-amalgama dentali kif ukoll id-data ta’ eliminazzjoni gradwali korrispondenti (2030). Għalhekk, l-entrata tkun soġġetta jew għal projbizzjoni fuq il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni f’dati speċifikati tal-eliminazzjoni gradwali jew għal miżuri li jirregolaw l-użu tal-merkurju. Il-COP6 se tikkunsidra wkoll il-proposta biex tkompli tiġi emendata l-Parti II tal-Anness A billi jiżdiedu dispożizzjonijiet addizzjonali dwar l-amalgama dentali.

It-tieni, il-COP6 se tikkunsidra l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, kif xieraq, ibbażata fuq ir-rapport finali tas-Segretarjat dwar l-isfidi li jipprevjenu l-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-kożmetiċi elenkati fil-Parti I tal-Anness A kif ukoll fuq il-miżuri attwali jew proposti meħuda mill-Partijiet biex jindirizzaw dawk l-isfidi.

It-tielet, il-COP6 se tikkunsidra emenda tal-Anness B biex tistabbilixxi li l-katalisti ħielsa mill-merkurju bbażati fuq proċessi eżistenti saru teknikament u ekonomikament fattibbli u ta’ benefiċċju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Dan jiskatta data ta’ eliminazzjoni gradwali awtomatika mhux aktar tard minn 5 snin wara l-COP6 (jiġifieri sal-2030) bil-ħsieb li tiġi adottata deċiżjoni, kif xieraq. Din l-emenda hija bbażata fuq ir-rapport tas-Segretarjat dwar il-fattibbiltà teknika u ekonomika tal-katalisti ħielsa mill-merkurju fil-produzzjoni tal-monomer tal-klorur tal-vinil (“VCM”, vinyl chloride monomer), li huwa bbażat fuq l-informazzjoni sottomessa mill-Partijiet u mill-organizzazzjonijiet rilevanti u stabbilit fid-dokument UNEP/MC/COP.6/INF/9.3.

3. Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

L-objettiv tal-Unjoni huwa li sseħħ eliminazzjoni gradwali tal-użu tal-merkurju fil-livell tal-Unjoni u f’dak globali, malajr u kompletament kemm jista’ jkun, fejn jeżistu alternattivi vijabbli 4 . Il-kisba ta’ dan l-objettiv se tkun teħtieġ b’mod partikolari l-eliminazzjoni gradwali ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju u l-konverżjoni tal-proċessi tal-merkurju għal proċessi mhux tal-merkurju, meta dan ikunu vijabbli, teknikament fattibbli u ta’ benefiċċju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

Il-progress fil-livell globali lejn il-kisba ta’ dan l-objettiv jikkontribwixxi għall-ambizzjoni ta’ Tniġġis Żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew 5 . Dan ikun ukoll ta’ kontribut għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà 6 tal-2020, li fiha l-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li żżomm rwol ewlieni fil-livell internazzjonali fir-rigward tal-ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi, inkluż billi tippromwovi l-istandards tal-UE globalment. Dan ikun konformi wkoll mal-ambizzjonijiet imġedda tal-UE għal kompetittività nadifa u ċirkolari, kif minquxa, fost l-oħrajn, fil-Patt għal Industrija Nadifa 7 u fl-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma 8 .

Provvista u kummerċ tal-komposti tal-merkurju

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-COP6 għandha tikkonsisti fl-appoġġ tal-adozzjoni ta’ anness addizzjonali tal-Ftehim, li jelenka l-komposti tal-merkurju soġġetti għal kunsens bil-miktub f’konformità mal-Artikolu 3, il-paragrafi 6 u 8 tal-Ftehim, fejn dan ikun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni (jiġifieri l-elenkar tal-komposti tal-merkurju li diġà huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-esportazzjoni skont l-Anness III tar-Regolament dwar il-Merkurju).

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni hija bbażata fuq il-fatt li r-Regolament dwar il-Merkurju 9 jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti komposti tal-merkurju, f’konformità mal-Anness III dwar il-komposti tal-merkurju soġġett għall-Artikolu 3, il-paragrafi 2 u 3 u l-Artikolu 7, il-paragrafu 3. Il-komposti tal-merkurju soġġetti għal projbizzjoni fuq l-esportazzjoni jinkludu:

·klorur tal-merkurju (I) (Hg2Cl2, CAS RN 10112-91-1)

·ossidu tal-merkurju (II) (HgO, CAS RN 21908-53-2)

·mineral taċ-ċinabru

·sulfur tal-merkurju (HgS, CAS RN 1344-48-5)

·sulfat tal-merkurju (II) (HgSO4, CAS RN 7783-35-9)

·nitrat tal-merkurju (II) (Hg(NO3)2, CAS RN 10045-94-0)

Rieżami tal-Anness A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-lista ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju soġġetti għal projbizzjoni fuq il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni jew għal rekwiżiti dwar l-użu tal-merkurju.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-COP6 għandha tikkonsisti fl-appoġġ għall-adozzjoni tal-att previst li hu konsistenti mal-acquis tal-Unjoni jew mal-prodotti miżjudin bil-merkurju li diġà huma pprojbiti milli jiġu introdotti fis-suq tal-Unjoni, u li jistgħu jiġu sostitwiti b’alternattivi mingħajr merkurju li ntwera li huma ekonomikament u teknikament fattibbli kif ukoll ta’ benefiċċju mill-perspettiva ambjentali u tas-saħħa tal-bniedem.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni hija bbażata fuq iż-żewġ elementi li ġejjin.

L-Artikolu 10, il-paragrafu 7 tar-Regolament rivedut dwar il-Merkurju jipprojbixxi l-użu u l-esportazzjoni mill-UE tal-amalgama dentali. L-importazzjoni u l-manifattura tal-amalgama dentali huma pprojbiti mill-1 ta’ Lulju 2026. B’deroga, l-importazzjoni u l-manifattura tal-amalgama dentali huma permessi għall-ħtiġijiet mediċi speċifiċi tal-pazjenti.

L-Anness II tar-Regolament dwar il-Merkurju jipprojbixxi l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura ta’ kożmetiċi bil-merkurju u komposti tal-merkurju, ħlief f’dawk il-każijiet speċjali inklużi fl-entrati 16 u 17 tal-Anness V tar-Regolament dwar il-Kożmetiċi 10 .

Rieżami tal-Anness B tal-Ftehim li jistabbilixxi l-lista ta’ proċessi tal-merkurju soġġetti għal data ta’ “eliminazzjoni gradwali” jew għal rekwiżiti dwar l-użu tal-merkurju.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-COP6 għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tal-att previst biex tiġi introdotta data ta’ eliminazzjoni gradwali għall-VCM u biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-użu tal-merkurju billi jżidu, b’mod partikolari, id-dmir li ma jiżdidux il-kapaċitajiet tal-produzzjoni sad-data tal-eliminazzjoni gradwali rilevanti.

Din il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni hija bbażata fuq it-tliet punti li ġejjin.

Id-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari l-Artikolu 7, il-paragrafi 1 u 3, u l-Anness III tar-Regolament dwar il-Merkurju) ittraspona l-Artikolu 5, il-paragrafi 2 u 3, u l-Anness B tal-Ftehim, b’mod aktar strett.

L-Anness B tal-Ftehim ikopri ħames proċessi speċifiċi tal-merkurju (il-produzzjoni tal-kloroalkali, tal-aċetaldeid, tal-VCM, tal-alkoħolati u tal-poliuretan), l-Anness III tar-Regolament dwar il-Merkurju fih dispożizzjoni li tipprojbixxi, f’dati speċifikati ta’ eliminazzjoni gradwali, l-użu tal-merkurju jew tal-komposti tal-merkurju fil-proċessi kollha tal-manifattura fl-Unjoni (jiġifieri meta jintuża bħala katalizzatur (l-1 ta’ Jannar 2018) jew bħala elettrodu (l-1 ta’ Jannar 2022). Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-projbizzjoni huwa miftuħ skont id-dritt tal-Unjoni.

L-Anness III tar-Regolament dwar il-Merkurju jistabbilixxi diversi dati ta’ eliminazzjoni gradwali ta’ deroga għall-produzzjoni tal-VCM, tal-alkoħolati u tal-poliuretan, iżda dawk id-dispożizzjonijiet huma aktar stretti meta mqabbla mal-Anness B tal-Ftehim. Filwaqt li r-Regolament dwar il-Merkurju pprojbixxa l-użu tal-merkurju għall-produzzjoni tal-VCM mill-1 ta’ Jannar 2022, il-Ftehim jirrestrinġi biss l-użu tal-merkurju u jispeċifika li l-Partijiet għandhom l-għan li jeliminaw gradwalment dan l-użu 5 snin wara li l-COP tkun iddeterminat li alternattivi mingħajr merkurju jkunu saru teknikament u ekonomikament fattibbli (VCM). Ir-rieżami tal-Anness B jipprovdi opportunità biex jitnaqqas id-distakk bejn id-dritt tal-Unjoni li bħalissa huwa aktar strett u l-Ftehim inqas strett. Dan jinkiseb billi mal-Anness B, jiżdiedu d-dati ta’ eliminazzjoni gradwali għall-produzzjoni tal-VCM bl-użu tal-merkurju, f’konformità mal-acquis tal-Unjoni u billi jitqiesu l-proċessi alternattivi teknikament u ekonomikament fattibbli mingħajr merkurju eżistenti disponibbli.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirregola deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 11 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-COP hija korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju.

L-atti li l-COP hija mitluba tadotta jikkonċernaw l-adozzjoni possibbli ta’ Anness ġdid tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju, kif ukoll l-emendar possibbli ta’ żewġ Annessi eżistenti. Minħabba li, skont l-Artikolu 27, il-paragrafu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju, l-Annessi jiffurmaw parti integrali mill-Konvenzjoni, l-atti previsti huma atti li għandhom effetti legali minħabba li huma legalment vinkolanti fuq il-Partijiet skont id-dritt internazzjonali.

L-emendi tal-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk (i) l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti; u (ii) wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni (filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali), imbagħad id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi legali sostantiva waħda — jiġifieri il-bażi legali meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-atti previsti huma relatati mal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem.

Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2025/0320 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fis-sitt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jemendaw dik il-Konvenzjoni dwar il-prodotti miżjudin bil-merkurju u l-proċessi tal-manifattura li fihom jintużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju 12  (“il-Ftehim”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 13  u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2017.

(2)Skont l-Artikolu 27 flimkien mal-Artikolu 26 tal-Ftehim, il-Konferenza tal-Partijiet tista’ tadotta deċiżjonijiet li jadottaw Annessi ġodda tal-Ftehim u li jemendaw l-Annessi eżistenti tiegħu.

(3)Matul is-sitt laqgħa tagħha bejn it-3 u s-7 ta’ Novembru 2025, il-Konferenza tal-Partijiet tista’ tadotta Anness ġdid tal-Ftehim, li jelenka l-komposti tal-merkurju soġġetti għal kunsens bil-miktub għall-esportazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 3, il-paragrafi 6 u 8 tal-Ftehim.

(4)Barra minn hekk, il-Konferenza tal-Partijiet tal-Ftehim mistennija tadotta deċiżjoni waħda jew aktar biex temenda l-Annessi A u B tal-Ftehim. L-Anness A fih lista ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju li huma soġġetti jew għal projbizzjoni fuq il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni f’data speċifikata jew għal miżuri li jirregolaw il-merkurju. L-Anness B fih lista ta’ proċessi tal-manifattura li jużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju (“proċessi tal-merkurju”) li huma soġġetti għal obbligu li jitwaqqaf l-użu tal-merkurju f’data speċifika jew għal rekwiżiti li jirregolaw il-merkurju.

(5)L-atti previsti tal-Konferenza tal-Partijiet se jkollhom effetti legali.

(6)Huwa neċessarju li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim.

(7)Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim li jagħmluha possibbli li jitnaqqas id-distakk bejn id-dritt tal-Unjoni u l-Ftehim u li jkunu konsistenti mal-acquis tal-Unjoni rigward:

(11)L-esportazzjoni tal-komposti tal-merkurju li diġà ġew indirizzati skont ir-Regolament (UE) 2017/852 14 .

(12)Il-projbizzjoni tal-amalgama dentali filwaqt li tinżamm l-eżenzjoni għall-amalgama dentali meħtieġa għal ħtiġijiet mediċi speċifiċi, f’konsistenza mal-Artikolu 10, il-paragrafu (2a) tar-Regolament (UE) 2017/852 dwar il-merkurju.

(13)Il-projbizzjoni tal-proċessi tal-merkurju diġà pprojbiti skont ir-Regolament (UE) 2017/852 dwar il-merkurju b’dati speċifikati jew li jkunu soġġetti għal rekwiżiti aktar stretti li jirregolaw l-użu tal-merkurju.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-sitt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni ta’:

(i) deċiżjoni li tistabbilixxi Anness ġdid tal-Ftehim li jelenka l-komposti tal-merkurju soġġetti għal restrizzjoni fuq l-esportazzjoni skont l-Artikolu 3, il-paragrafi (6) u (8) tal-Ftehim;

(ii) deċiżjonijiet li jemendaw l-Anness A b’mod konsistenti mal-acquis tal-Unjoni dwar l-amalgama dentali u l-kożmetiċi;

(iii) deċiżjoni li temenda l-Anness B biex jiġi żgurat li l-proċessi tal-merkurju li diġà huma pprojbiti skont ir-Regolament (UE) 2017/852 dwar il-merkurju jitneħħew gradwalment sa dati speċifikati jew ikunu soġġetti għal rekwiżiti aktar stretti li jirregolaw l-użu tal-merkurju.

Artikolu 2

Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet tekniċi minuri għall-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 mingħajr il-ħtieġa ta’ deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Għall-finijiet ta’ dan id-dokument, l-espressjoni “regolamentazzjoni tal-użu tal-merkurju” tkopri rekwiżiti ġeneriċi bħal dawk stabbiliti fil-Partijiet II tal-Annessi A u B tal-Ftehim.
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4).
(3)    Id-Deċiżjoni MC-1/1, Regoli ta’ proċedura, UNEP/MC/COP1/Dec. 1 (disponibbli fuq: http://www.mercuryconvention.org/Meetings/COP1/Decisions/tabid/8648/language/en-US/Default.aspx ).
(4)

   Ara  l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2011, “Reviżjoni tal-Istrateġija Komunitarja dwar il-Merkurju” .

(5)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640 final.

(6)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2020 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità, COM(2020) 667 final.

(7)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Frar 2025 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Patt għal Industrija Nadifa: Pjan direzzjonali konġunt għall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni, COM(2025) 85 final.
(8)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ġunju 2025 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, L-Istrateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma, (COM/2025/280 final).
(9)    Ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1).
(10)    Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).
(11)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(12)    Kopja ċċertifikata tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju hija disponibbli fuq: https://treaties.un.org/doc/Treaties/2013/10/20131010%2011-16%20AM/CTC-XXVII-17.pdf .
(13)

   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4).

(14)    Ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1).