3.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 297/5


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta' Ġunju 2019

dwar l-abbozz tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima tal-Bulgarija li jkopri l-perjodu 2021–2030

(2019/C 297/02)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, kull Stat Membru huwa meħtieġ jippreżenta lill-Kummissjoni abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tiegħu li jkopri l-perjodu mill-2021 sal-2030 skont l-Artikolu 3(1) u l-Anness I ta' dak ir-Regolament. L-ewwel abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima kellhom jiġu ppreżentati sal-31 ta' Diċembru 2018.

(2)

Il-Bulgarija ppreżentat l-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tagħha fil-15 ta' Jannar 2019. Il-preżentazzjoni ta' dan l-abbozz tal-pjan tirrappreżenta l-bażi u l-ewwel pass tal-proċess iterattiv bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-finalizzazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima u l-implimentazzjoni sussegwenti tagħhom.

(3)

Skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta l-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima. Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni komprensiva tal-abbozz tal-pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima tal-Bulgarija, filwaqt li qieset l-elementi rilevanti tar-Regolament (UE) 2018/1999. Din il-valutazzjoni (2) hija ppubblikata flimkien ma' din ir-rakkomandazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin huma bbażati fuq din il-valutazzjoni. B'mod partikolari, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu jindirizzaw (i) il-livell ta' ambizzjoni tal-objettivi, tal-miri u tal-kontributi bil-ħsieb li jinkisbu b'mod kollettiv l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija u, b'mod partikolari, il-miri tal-Unjoni għall-2030 għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza fl-enerġija kif ukoll il-livell tal-interkonnettività tal-elettriku li l-Istat Membru qed jimmira li jlaħħaq sal-2030; (ii) il-politiki u l-miżuri b'rabta mal-objettivi fil-livell tal-Istati Membri u tal-Unjoni u politiki u miżuri oħrajn ta' rilevanza transfruntiera potenzjali; (iii) kwalunkwe politiki u miżuri addizzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa fil-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima; (iv) l-interazzjonijiet bejn il-politiki eżistenti u ppjanati u l-konsistenza tagħhom u l-miżuri inklużi fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima f'dimensjoni waħda u fost dimensjonijiet differenti tal-Unjoni tal-Enerġija.

(4)

Waqt li kienet qed tiżviluppa r-rakkomandazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni qieset, minn naħa, il-ħtieġa li jingħaddu flimkien ċerti kontributi ppjanati kkwantifikati tal-Istati Membri kollha sabiex tiġi vvalutata l-ambizzjoni fil-livell tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġi pprovdut ħin xieraq għall-Istat Membru kkonċernat biex iqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni qabel ma jiffinalizza l-pjan nazzjonali tiegħu.

(5)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ambizzjonijiet rinnovabbli tal-Istati Membri huma bbażati fuq formula stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999 li hija bbażata fuq kriterji oġġettivi.

(6)

Fir-rigward tal-effiċjenza fl-enerġija, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuq il-valutazzjoni tal-livell ta' ambizzjoni nazzjonali ppreżentat fl-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima, imqabbel mal-livell kollettiv tal-isforzi meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni, filwaqt li titqies l-informazzjoni pprovduta dwar iċ-ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi, fejn ikun rilevanti. Il-kontributi nazzjonali finali fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija jenħtieġ li jirriflettu l-potenzjal kosteffettiv għall-iffrankar tal-enerġija u li jiġu appoġġati bi strateġija soda ta' rinnovazzjoni tal-bini fit-tul u miżuri għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Jenħtieġ li l-Istati Membri juru wkoll li jkunu qiesu kif xieraq il-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”, billi b'mod partikolari jispjegaw kif l-effiċjenza fl-enerġija tikkontribwixxi għall-ilħuq kosteffettiv tal-għanijiet nazzjonali ta' ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u għall-indirizzar tal-prekarjetà enerġetika.

(7)

Ir-Regolament dwar il-Governanza jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu stampa ġenerali tal-investiment meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi, il-miri u l-kontributi stabbiliti fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima, kif ukoll valutazzjoni ġenerali dwar is-sorsi ta' dak l-investiment. Il-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima jenħtieġ li jiżguraw it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-politiki u tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tal-investiment.

(8)

B'mod parallel, bħala parti miċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2018-2019, il-Kummissjoni ffukat ħafna fuq il-ħtiġijiet ta' investiment tal-Istati Membri b'rabta mal-enerġija u mal-klima. Dan huwa rifless fir-Rapport tal-Pajjiż tal-2019 għall-Bulgarija (4) u fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill lill-Bulgarija (5), bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni qieset l-aktar sejbiet u rakkomandazzjonijiet reċenti tas-Semestru Ewropew fil-valutazzjoni tagħha tal-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma komplementari għall-aktar rakkomandazzjonijiet reċenti speċifiċi għal kull pajjiż maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima jqisu l-aktar rakkomandazzjonijiet reċenti speċifiċi għal kull pajjiż maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(9)

Barra minn hekk, ir-Regolament dwar il-Governanza jeħtieġ li kull Stat Membru iqis kif xieraq kull rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni għall-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tiegħu li jrid jiġi ppreżentat fil-31 ta' Diċembru 2019 u, jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jindirizzax rakkomandazzjoni jew parti sostanzjali tagħha, dak l-Istat Membru jenħtieġ li jipprovdi r-raġunijiet tiegħu u jippubblikahom.

(10)

Fejn applikabbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw l-istess data fil-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima u fl-aġġornamenti fis-snin sussegwenti bħalma jirrapportaw lill-Eurostat jew lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. L-użu tal-istess sors, u meta tkun disponibbli, tal-istatistika Ewropea, huwa wkoll essenzjali għall-kalkolu tal-linja bażi għall-immudellar u għall-projezzjonijiet. L-użu tal-istatistika Ewropea jippermetti komparabbiltà aħjar tad-data u tal-projezzjonijiet użati fil-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima.

(11)

L-elementi kollha tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1999 iridu jiġu inklużi fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li jiġu vvalutati l-impatti makroekonomiċi u, sa fejn ikun possibbli, l-impatti fuq is-saħħa, l-ambjent, l-impjieg u l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-impatti soċjali tal-politiki u tal-miżuri ppjanati. Il-pubbliku u partijiet ikkonċernati oħra jridu jkunu involuti fit-tħejjija tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali. Dawn l-elementi u elementi oħrajn huma deskritti fid-dettall fid-dokument ta' ħidma tal-persunal ippubblikat flimkien ma' din ir-Rakkomandazzjoni (6).

(12)

Il-pjanijiet integrati għall-enerġija u l-klima jipprovdu l-opportunità biex jiġu definiti b'mod koerenti l-politiki u l-miżuri fit-tul, filwaqt li jitqiesu l-interkonnessjonijiet li jirriżultaw bejn id-dimensjonijiet f'termini ta' sinerġiji jew riskji potenzjali. Filwaqt li l-politiki u l-miżuri deskritti fl-abbozz tal-pjan jidher li jqisu xi interkonnessjonijiet, il-valutazzjoni tagħhom fil-ħames dimensjonijiet kollha jenħtieġ li tiġi rinforzata aktar fil-pjan finali. L-analiżi tista' tinkludi stimi kwantitattivi u jenħtieġ ukoll li tkopri l-interazzjonijiet negattivi possibbli bejn il-politiki u l-miżuri u turi kif il-Bulgarija għandha l-ħsieb li tindirizzahom. B'mod partikolari, is-sinerġiji bejn id-dimensjonijiet tad-dekarbonizzazzjoni, tas-sigurtà tal-enerġija u tas-suq intern u l-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel” jenħtieġu valutazzjoni ulterjuri. B'mod simili, ir-rwol tal-effiċjenza tal-enerġija fl-indirizzar tal-prekarjetà enerġetika jenħtieġ li jiġi eżaminat aktar. Element importanti li jrid jiġi vvalutat aktar fil-pjan finali, inkluż mill-perspettivi tal-kostijiet u tal-kompetittività, huwa l-interazzjoni bejn il-kontinwazzjoni ppjanata tal-ġenerazzjoni tal-elettriku bbażata fuq il-faħam u tal-użu mtejjeb tal-gass mad-dimensjoni tad-dekarbonizzazzjoni. Element ieħor huwa l-impatt tal-użu tal-bijomassa fuq l-assorbiment kontabbilizzat fis-settur tal-użu tal-art u tal-forestrija. Il-konnessjoni bejn il-produzzjoni tal-elettriku u l-isfruttament tat-teknoloġija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju jenħtieġ li tiġi indirizzata aktar fid-dimensjoni tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività.

(13)

Il-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali jista' jibbenefika minn analiżi komprensiva tal-pożizzjoni li jokkupa s-settur tat-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, inkluż għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi industrijali intensivi fl-enerġija u fil-karbonju, fis-suq globali. Il-pjan jista' jibbenefika jekk jiġu enfasizzati l-oqsma ta' vantaġġ kompetittiv u sfidi potenzjali, u jiġu definiti l-objettivi, il-politiki u l-miżuri bbażati fuqhom, filwaqt li jsiru konnessjonijiet xierqa mal-politika dwar l-intrapriżi u dik industrijali. L-interazzjonijiet mal-ekonomija ċirkolari u r-rilevanza tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, b'mod partikolari, jistgħu jiġu enfasizzati aktar.

(14)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Bulgarija huma appoġġati mill-valutazzjoni tal-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tal-Bulgarija li huwa ppubblikat flimkien ma' din ir-Rakkomandazzjoni (7).

B'DIN TIRRAKKOMANDA LILL-BULGARIJA TIEĦU AZZJONI BIEX:

1.

Iżżid b'mod sinifikanti l-livell ta' ambizzjoni għall-2030 għal sehem ta' sorsi rinnovabbli għal mill-inqas 27 % bħala l-kontribut tal-Bulgarija għall-mira tal-Unjoni tal-2030 għall-enerġija rinnovabbli, kif indikat mill-formula fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999. Tinkludi trajettorja indikattiva fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali li tilħaq il-punti ta' referenza kollha skont l-Artikolu 4(a)(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999 f'konformità ma' dak is-sehem, fid-dawl tal-ħtieġa li jiżdied il-livell tal-isforzi biex din il-mira tintlaħaq b'mod kollettiv. Tippreżenta politiki u miżuri ddettaljati u kkwantifikati li huma konformi mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u tippermetti li dan il-kontribut jinkiseb fil-ħin u b'mod kosteffettiv. Iżżid il-livell ta' ambizzjoni fis-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ sabiex tilħaq il-mira indikattiva inkluża fl-Artikolu 23 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u tipproponi politiki u miżuri biex tilħaq il-mira tat-trasport stabbilita fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tal-Bulgarija u f'konformità mal-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Tipprovdi aktar dettalji u miżuri dwar il-qafas ta' abilitazzjoni għall-awtokonsum rinnovabbli u għall-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli, f'konformità mal-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, inkluż is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi.

2.

Iżżid l-ambizzjoni tagħha lejn it-tnaqqis tal-konsum primarju u finali tal-enerġija fid-dawl tal-ħtieġa li jiżdied il-livell tal-isforzi għall-ilħuq tal-mira tal-Unjoni tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2030, u tappoġġaha b'politiki u miżuri xierqa li jirriżultaw f'iffrankar enerġetiku addizzjonali sal-2030. Tirfed il-politiki u l-miżuri proposti b'valutazzjoni tal-impatt u informazzjoni aktar dettaljata dwar il-kwantifikazzjoni tal-impatti, f'termini tal-iffrankar enerġetiku mistenni u tal-iskeda ta' żmien tal-implimentazzjoni. Telabora aktar dwar kif trid tittejjeb l-effettività tal-iskema ta' obbligi tal-iffrankar enerġetiku tagħha sabiex tkun tista' tagħti r-riżultati mistennija.

3.

Tispeċifika strateġija robusta għad-diversifikazzjoni tal-gass inkluż proġetti ta' infrastruttura sottostanti rilevanti u l-kontributi rispettivi tagħhom. Tiddeskrivi fid-dettall l-istrateġija għall-provvista fit-tul ta' materjali nukleari u fjuwil, b'mod partikolari fil-perspettiva tat-tkabbir previst tal-kapaċità tagħha tal-ġenerazzjoni nukleari.

4.

Tiddefinixxi objettivi u miri li jħarsu 'l quddiem fir-rigward tal-integrazzjoni tas-swieq, b'mod partikolari dwar miżuri biex jiġu żviluppati swieq tal-operaturi u tal-konsumaturi kompetittivi, kemm billi trawwem il-kompetizzjoni fi ħdan il-pajjiż, inkluż billi tersaq lejn prezzijiet ibbażati bis-sħiħ fuq is-suq, kif ukoll billi telimina l-ostakoli għall-kummerċ transfruntier.

5.

Tikkjarifika aktar l-objettivi nazzjonali u l-miri ta' finanzjament fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fil-kompetittività, speċifikament relatati mal-Unjoni tal-Enerġija, li jridu jinkisbu minn issa sal-2030, sabiex ikunu miżurabbli faċilment u jkunu adattati biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-miri fid-dimensjonijiet l-oħra tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima. Tappoġġa t-tali objettivi b'politiki u miżuri speċifiċi u xierqa, inkluż dawk li jridu jiġu żviluppati b'kooperazzjoni ma' Stati Membri oħra, bħal pereżempju l-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija.

6.

Tintesifika l-kooperazzjoni reġjonali mal-Istati Membri ġirien u fi ħdan oqsma ta' kooperazzjoni reġjonali stabbiliti bħal pereżempju l-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CESEC), inkluż fid-dimensjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, tal-effiċjenza fl-enerġija u tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività u filwaqt li tqis l-isfidi komuni u l-objettivi kondiviżi. Hemm potenzjal sinifikanti biex ikun hemm aktar kooperazzjoni fid-dawl tal-iżviluppi futuri fis-settur tal-elettriku, inkluż il-ħtieġa li jiġu akkomodati ishma ogħla ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u ta' trasport nadif li jistgħu jkollhom impatt fuq l-interkonnessjonijiet u l-kummerċ tal-elettriku fir-reġjun.

7.

Tipprovdi stampa ġenerali dwar l-investiment meħtieġ biex tiġi modernizzata l-ekonomija billi tilħaq l-objettivi tagħha għall-enerġija u l-klima. Tipprovdi valutazzjoni ġenerali tas-sorsi ta' investiment, inkluż finanzjament xieraq fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni. Tikkunsidra wkoll il-ġenerazzjoni kosteffettiva tat-trasferimenti lejn Stati Membri oħra skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) bħala sors ta' finanzjament.

8.

Telenka s-sussidji tal-enerġija kollha, inkluż b'mod partikolari s-sussidji tal-karburanti fossili, u l-azzjonijiet imwettqa kif ukoll il-pjanijiet biex dawn is-sussidji jibdew jiġu eliminati ftit ftit.

9.

Tikkomplementa l-analiżi tal-interazzjonijiet bil-politika dwar il-kwalità tal-arja u l-emissjonijiet fl-arja, filwaqt li tippreżenta u tikkwantifika l-impatti fuq it-tniġġis tal-arja għax-xenarji varji, tipprovdi informazzjoni ta' appoġġ, u tikkunsidra s-sinerġiji u l-effetti ta' kompromess.

10.

Tintegra aħjar l-aspetti ta' tranżizzjoni ġusti u ekwi, b'mod partikolari billi tipprovdi aktar dettalji dwar l-impatti soċjali u l-impatti fuq l-impjiegi u l-ħiliet tal-objettivi, tal-politiki u tal-miżuri u partikolarment tqis l-impatti tat-tranżizzjoni għall-industriji intensivi fil-faħam u fil-karbonju. Tiżviluppa aktar l-approċċ biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet dwar il-prekarjetà enerġetika, inkluż billi tispeċifika l-valutazzjoni kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1999.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Ġunju 2019.

Għall-Kummissjoni

Miguel ARIAS CAÑETE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.

(2)  SWD(2019) 225.

(3)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(4)  SWD (2019) 1001 final/2.

(5)  COM (2019) 502 final tal-5 ta' Ġunju 2019.

(6)  SWD(2019) 225.

(7)  SWD(2019) 225.

(8)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).