European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1730

22.7.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1730

tal-15 ta’ Lulju 2026

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/848 fir-rigward tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet applikabbli

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5b(11) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex jiżguraw l-ogħla livell ta’ armonizzazzjoni fost l-Istati Membri għall-iżvilupp tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-kartieri jistrieħu fuq il-ħidma mwettqa abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/946 (2) u b’mod partikolari l-arkitettura u l-qafas ta’ referenza. Peress li l-arkitettura u l-qafas ta’ referenza evolvew ġmielhom minn mindu ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/848 (3), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/848 jenħtieġ li issa jiġi emendat biex ikun allinjat mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri l-ġodda. Barra minn hekk, biex titrawwem l-interoperabbiltà bejn ir-reġistri tal-partijiet dipendenti fuq kartiera, fil-kuntest tal-Arkitettura u l-Qafas ta’ Referenza jridu jiġu żviluppati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti għal format komuni u interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (API) għall-informazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-partijiet dipendenti fuq kartiera.

(2)

F’konformità mal-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, intgħażlu għadd ta’ standards biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti applikabbli għar-reġistrazzjoni tal-partijiet dipendenti fuq kartiera. Dawn l-istandards jenħtieġ li jkunu jirriflettu prattiki stabbiliti u jiġu rikonoxxuti b’mod wiesa’ fis-setturi rilevanti. Meta meħtieġ, dawn l-istandards jenħtieġ li jiġu adattati jew ikkomplementati biex ikun żgurat livell għoli ta’ sigurtà u integrità waqt ir-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni tal-partijiet dipendenti fuq kartiera, filwaqt li jiġu ffaċilitati l-interoperabbiltà transfruntiera u l-funzjonament effettiv tas-suq intern. F’konformità ma’ dan l-objettiv, dan ir-Regolament jaġġorna l-istandards tekniċi u r-rekwiżiti tal-informazzjoni applikabbli li jirregolaw ir-reġistrazzjoni tar-rabta bejn l-intermedjarji u l-partijiet dipendenti fuq kartiera li jaġixxu f’isimhom u jarmonizza l-profili taċ-ċertifikati għaċ-ċertifikati regolati skont dan ir-Regolament.

(3)

Biex l-unità tal-kartiera tkun tista’ tivvalida li d-data mitluba minn parti dipendenti fuq kartiera tkun fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-użu maħsub irreġistrat, il-fornituri taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera jenħtieġ li joħorġu ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera b’mod awtomatizzat u mingħajr dewmien żejjed wara r-reġistrazzjoni.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u, meta rilevanti, id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) japplikaw għall-attivitajiet kollha tal-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament.

(5)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u ta l-opinjoni tiegħu fis-17 ta’ April 2026 (7).

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/848

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/848 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 6(3), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-preċiżjoni, il-validità, l-awtentiċità u l-integrità tal-informazzjoni meħtieġa skont l-Anness I, il-punti 1 sa 6 u 11 sa 16.”;

(2)

Fl-Artikolu 6(3) jitħassar il-punt (c);

(3)

Fl-Artikolu 6 jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.   Ir-reġistraturi għandhom jiġbru l-informazzjoni msemmija fl-Anness I, il-punti 7 sa 10 b’mod awtomatizzat biss għall-fini ta’ trasparenza u, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 tal-Artikolu 5b tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, ma għandhom japplikaw l-ebda proċess ta’ awtorizzazzjoni minn qabel dwar din l-informazzjoni.”

;

(4)

L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw imqar awtorità waħda taċ-ċertifikati biex toħroġ ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera joħorġu dawk iċ-ċertifikati b’mod awtomatizzat u mingħajr dewmien żejjed wara r-reġistrazzjoni.”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom:

(a)

jeżiġu li l-fornituri taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera joħorġu ċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera esklussivament lil partijiet dipendenti fuq kartiera rreġistrati;

(b)

jiżguraw li kull użu maħsub jiġi espress fiċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera;

(c)

jiżguraw li ċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera jkollhom politika ġenerali tal-aċċess, ikunu armonizzati sintattikament u semantikament madwar l-Unjoni Ewropea, ikunu jinformaw lill-utenti li l-parti dipendenti fuq kartiera tista’ biss titlob id-data speċifikata fiċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni għall-użu maħsub irreġistrat fiċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni;

(d)

jiżguraw li l-fornituri tas-soluzzjonijiet tal-kartiera stabbiliti f’dak l-Istat Membru jkunu konformi mal-politika ġenerali tal-aċċess billi jinfurmaw lill-utenti meta parti dipendenti fuq kartiera titlob data li mhix speċifikata fiċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni;

(e)

jimplimentaw ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera b’mod li dawn ikunu armonizzati sintattikament u semantikament u jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V;

(f)

jimplimentaw politiki taċ-ċertifikati u dikjarazzjonijiet tal-prattika taċ-ċertifikati apposta għaċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V;

(g)

jiżguraw li l-partijiet dipendenti fuq kartiera jipprovdu URL għall-politika tal-privatezza dwar l-użu maħsub.”

;

(5)

L-Anness I huwa emendat kif stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(6)

L-Anness IV huwa emendat kif stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(7)

L-Anness V huwa emendat kif stabbilit fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj.

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/946 tat-3 ta’ Ġunju 2021 dwar Sett ta’ Għodod komuni tal-Unjoni għal approċċ ikkoordinat lejn Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (ĠU L 210, 14.6.2021, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2021/946/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/848 tas-6 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-partijiet dipendenti fuq kartiera (ĠU L, 2025/848, 7.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/848/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(5)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(7)   Kummenti formali tal-EDPS dwar l-abbozz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/848 fir-rigward tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet applikabbli | Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.


ANNESS I

Fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/848, jiżdied il-punt li ġej:

“16.

Meta applikabbli, assoċjazzjoni mal-parti dipendenti fuq kartiera li tkun qed tiddependi fuq l-intermedjarju li lilu jkun inħareġ iċ-ċertifikat tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera u li tkun qed taġixxi f’isem il-parti dipendenti li jkun beħsiebha tiddependi fuq il-kartiera.”


ANNESS II

L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/848, huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt (3), l-ewwel paragrafu huwa emendat kif ġej:

(a)

It-test “għandhom, kif applikabbli, ikunu konformi mqar mar-rekwiżiti tal-politika taċ-ċertifikati normalizzata (‘NCP’) kif speċifikat fl-istandard ETSI EN 319 411-1 il-verżjoni 1.4.1 (2023-10)” huwa sostitwit bit-test “għandhom, kif applikabbli, ikunu konformi mal-istandard ETSI TS 119 411-8 V1.1.1 (2025-10)”.

(2)

il-punt 3(k) huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tielet inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

l-informazzjoni msemmija fl-Anness I, il-punti 1, 2, 3, 5, 6, 7, (a), (b), (c) u 16;”;

(b)

jiżdied ir-raba’ inċiż li ġej:

“—

referenza għar-reġistru nazzjonali tal-partijiet dipendenti fuq kartiera li fih tkun irreġistrata l-parti dipendenti.”.


ANNESS III

L-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/848 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt (3), l-ewwel paragrafu huwa emendat kif ġej:

(a)

It-test “għandhom ikunu konformi mqar mar-rekwiżiti NCP kif speċifikat fl-istandard ETSI EN 319 411-1 il-verżjoni 1.4.1 (2023-10)” huwa sostitwit bit-test “għandhom ikunu konformi mal-ETSI TS 119 475 V1.2.1 (2026-03)”.

(2)

il-punt 3(j) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-ħames inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

jinkludu politika ġenerali tal-aċċess kif imsemmi fl-Artikolu 8(2)c.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1730/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)