Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Ottubru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura u sajd – Produzzjoni organika u ttikkettar ta’ prodotti organiċi – Regolament (UE) 2018/848 – Artikolu 5(d) u (e) – Artikolu 7(a) sa (c) – Punt 2.2.2(f)(i) tal-Parti IV tal-Anness II – Użu ta’ ċerti prodotti u sustanzi fl‑ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi – Trab iċċertifikat organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum, li naturalment fiha kontenut għoli ta’ karbonat tal-kalċju – Klassifikazzjoni – Minerali – Ingredjent agrikolu organiku – Użu fil-prodotti tal-ikel organiċi għall-konsum ta’ kuljum bil-għan li jiġu arrikkiti bil-kalċju – Awtorizzazzjoni”

Fil-Kawża C‑295/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ April 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ April 2025, fil-proċedura

Lima BV

vs

Vlaams Gewest

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, S. Gervasoni, A. Kumin, I. Ziemele, u M. Bošnjak (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Lima BV, minn A. Mahy, avocate, u E. van Nuffel d’Heynsbroeck, advocaat,

–        għall-Vlaams Gewest, minn E. Missault, S. Ronse u D. Smets, advocaten,

–        għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistita minn L. Vignato, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Dawes u M. ter Haar, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ April 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(b) u (c) kif ukoll tal-punti 2.2.1 u 2.2.2 tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU 2018, L 150, p. 1; u rettifiki fil-ĠU 2018, L 260, p. 25; fil-ĠU 2018, L 262, p. 90; fil-ĠU 2018, L 270, p. 37; fil-ĠU 2019, L 305, p. 59; fil-ĠU 2021, L 7, p. 53; fil-ĠU 2021, L 204, p. 47; fil-ĠU 2021, L 318, p. 5; u fil-ĠU 2022, 321, p. 74).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Lima BV u l-Vlaams Gewest (ir-Reġjun Fjamming, il-Belġju), dwar il-projbizzjoni, mid-Departement Landbouw en Visserij (il-Ministeru għall-Agrikoltura u għas-Sajd, il-Belġju) tal-Vlaamse Overheid (l-Awtorità Fjamminga, il-Belġju), li jintuża t-trab iċċertifikat organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum fil-produzzjoni ta’ xorb veġetali organiku.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004

3        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 Dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta' l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 319), jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(m) ‘proċessar’ tfisser kwalunkwe azzjoni li sostanzjalment tibdel il-prodott inizjali, inkluża s-sħana, l-iffumigar, il-preservazzjoni, It-tisjir naturali, it-tnixxif (tqaddid), l-immarinar, l-estrazzjoni, l-estrużjoni jew ġemgħa ta’ dawk il-proċessi;

(n) ‘prodotti mhux proċessati’ tfisser l-oġġetti ta’ l-ikel li ma jkunux għaddew mill-ipproċessar, u jinkludu prodotti li jkunu ġew maqsuma, mifruda, imqaċċta, imfella, dissussati, imqatta kappuljat, imqaxxra, misħuqa, imqatta, imnaddfa, imberfla, imfesdqa, mitħuna, imkessħa, iffriżati, iffriżari bil-qawwi jew imdewba;

o) ‘prodotti proċessati’ tfisser oġġetti ta’ l-ikel li jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ prodotti mhux ipproċessati. Dawn il-prodotti jista jkun fihom ingredjenti li huma meħtieġa għall-manifattura tagħhom jew sabiex jagħtuhom karatteristiċi speċifiċi.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006

4        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra ma’ l-ikel (ĠU 2006, L 404, p. 26), jipprovdi:

“Il-vitamini u/jew il-minerali elenkati fl-Anness I biss, fil-forom elenkati fl-Anness II, jistgħu jiġu miżjuda ma’ l-ikel, skond ir-regoli mniżżla f’dan ir-Regolament.”

5        Il-kalċju jinsab fost is-“sustanzi minerali” elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament u l-karbonat tal-kalċju huwa msemmi fil-lista tas-“sustanzi minerali” li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament.

 Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008

6        L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi ta’ l-ikel (ĠU 2008, L 354, p. 16), huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

a) ‘addittiv ta’ l-ikel’ għandha tfisser kwalunkwe sustanza li normalment ma tkunx ikkonsmata bħala ikel fiha nnifisha u li normalment ma tintużax bħala ingredjent karatteristiku ta’ l-ikel, kemm jekk ikollha valur nutrittiv u kemm jekk le, li ż-żieda maħsuba tagħha ma’ l-ikel għal għan teknoloġiku fil-manifattura, fl-ipproċessar, fil-preparazzjoni, fit-trattament, fl-ippakkjar, fit-trasport jew fil-ħażna ta’ ikel bħal dan tirriżulta, jew wieħed raġonevolment jistenna li tista’ tirriżulta, li huwa jew il-prodotti sekondarji tiegħu jsiru direttament jew indirettament komponent ta’ ikel bħal dan;

Dawn li ġejjin ma jitqiesux bħala addittivi ta’ l-ikel:

[...]

ii) l-ikel, kemm jekk niexef jew f’forma kkonċentrata, inklużi s-sustanzi aromatizzanti inkorporati waqt il-manifattura ta’ ikel kompost, minħabba fil-karatteristiċi aromatiċi, bnien jew nutrittivi tagħhom flimkien ma’ l-effett sekondarju li jagħtu l-kulur;

[...]

b) ‘għajnuna għall-ipproċessar’ tfisser kwalunkwe sustanza li:

i) ma tiġix ikkonsmata bħala ikel waħidha;

ii) tintuża intenzjonalment fl-ipproċessar ta’ materja prima, ta’ ikel jew ta’ l-ingredjenti tagħhom li mhumiex ipproċessati, biex jiġi sodisfatt ċertu skop teknoloġiku matul it-trattament jew l-ipproċessar; u;

iii) tista’ tirriżulta fil-preżenza mhux maħsuba, iżda li teknikament ma tistax tkun evitata fil-prodott finali, ta’ residwi tas-sustanza jew tad-derivati tagħha, sakemm ma jippreżentawx kwalunkwe riskju għas-saħħa u ma jkollhom l-ebda effett teknoloġiku fuq il-prodott finali;

[...]”

 Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011

7        L-Artikolu 2(2)(f) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18; u rettifiki fil-ĠU 2016, L 266, p. 7; fil-ĠU 2014, L 331, p. 40; fil-ĠU 2022, L 35, p. 26, ĠU 2023, L 142, p. 41; u fil-ĠU 2023, L 214, p. 229) jindika:

“Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(f) ‘ingredjent’: tfisser kull sustanza jew prodott, inklużi l-aromatizzanti, l-addittivi tal-ikel u l-enżimi tal-ikel, u kull kostitwent ta’ xi ingredjent kompost, użat fil-manifattura jew fit-tħejjija ta’ xi ikel u li jkun għadu hemm fil-prodott lest, anki jekk f’forma mibdula; ir-residwi m’għandhomx jitqiesu bħala ‘ingredjenti’”.

 Ir-Regolament 2018/848

8        Il-premessa 51 tar-Regolament 2018/848 tistipula:

“Jenħtieġ li l-operaturi li jipproduċu ikel jew għalf organiku jsegwu proċeduri xierqa bbażati fuq l-identifikazzjoni sistematika tal-passi kritiċi ta’ pproċessar, sabiex jiġi żgurat li l-prodotti pproċessati jikkonformaw mar-regoli dwar il-produzzjoni organika. Jenħtieġ li l-prodotti organiċi pproċessati jsiru bl-użu ta’ metodi ta’ pproċessar li jiggarantixxu li l-karatteristiċi u l-kwalitajiet organiċi tal-prodotti jinżammu fl-istadji kollha tal-produzzjoni organika.”

9        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament japplika għall-prodotti li ġejjin li joriġinaw mill-agrikoltura, inkluż l-akkwakultura u t-trobbija tan-naħal, kif elenkati fl-Anness I għat-TFUE u għall-prodotti li joriġinaw minn dawk il-prodotti, fejn tali prodotti jkunu, jew ikunu maħsuba li jkunu, prodotti, ippreparati, ittikkettati, distribwiti, imqiegħda fis-suq, importati fl-Unjoni [Ewropea] jew esportati minnha:

a) prodotti agrikoli ħajjin jew mhux proċessati, inkluż materjal taż-żrieragħ u materjal riproduttiv ieħor tal-pjanti;

b) prodotti agrikoli proċessati għall-użu bħala ikel;

c) għalf.

Dan ir-Regolament japplika wkoll għal ċerti prodotti oħra marbuta mill-qrib mal-agrikoltura elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament fejn dawn ikunu, jew ikunu maħsuba li jkunu, prodotti, ippreparati, ittikkettati, distribwiti, imqiegħda fis-suq, importati fl-Unjoni jew esportati minnu.”

10      L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(51) ‘ingredjent’: tfisser ingredjent kif definit fil-punt (f) tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament [...] Nru 1169/2011 jew għal prodotti għajr ikel, kwalunkwe sustanza jew prodott użat fil-manifattura jew il-preparazzjoni ta’ prodotti li għadu preżenti fil-prodott lest, anke jekk f’forma mibdula;

[...]

(61) ‘addittiv tal-ikel’ tfisser addittiv tal-ikel kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament [...] Nru 1333/2008;

[...]

(65) ‘għajnuna għall-ipproċessar’ tfisser għajnuna għall-ipproċessar kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament [...] Nru 1333/2008 għall-ikel u fil-punt (h) tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar l-additivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 238, u rettifika fil-ĠU L, 2025/90836)] għall-għalf;

[...]

(71) ‘prodotti mhux proċessati’ tfisser prodotti mhux proċessati kif definiti fil-punt (n) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament [Nru 852/2004], irrispettivament mill-operazzjonijiet ta’ ppakkjar jew tikkettar;

(72) ‘prodotti proċessati’ tfisser prodotti proċessati kif definit fil-punt (o) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, irrispettivament mill-operazzjonijiet ta’ ppakkjar jew tikkettar;

(73) ‘proċessar’ tfisser proċessar kif definit fil-punt (m) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004; dan jinkludi l-użu ta’ sustanzi msemmija fl-Artikolu 24 u 25 ta’ dan ir-Regolament iżda ma jinkludix operazzjonijiet tal-ippakkjar jew tat-tikkettar;

(74) ‘integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni’ tfisser il-fatt li l-prodott ma jippreżentax nonkonformità li:

a)      fi kwalunkwe stadju ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni taffettwa l-karatteristiċi organiċi jew dawk fil-fażi ta’ konverżjoni tal-prodott; jew

b)      tkun ripetittiva jew intenzjonali;

[…]”

11      Skont l-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Prinċipji ġenerali”:

“Il-produzzjoni organika hija sistema ta’ ġestjoni sostenibbli li hija bbażata fuq il-prinċipji ġenerali li ġejjin:

[…]

(d) il-produzzjoni ta’ varjetà kbira ta’ ikel u prodotti agrikoli u tal-akkwakultura oħrajn ta’ kwalità għolja li jirrispondu għad-domanda tal-konsumaturi għal oġġetti prodotti li huma manifatturati bl-użu ta’ proċessi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, lis-saħħa tal-bniedem, lis-saħħa tal-pjanti jew lis-saħħa u l-benessri tal-annimali;

(e) l-iżgurar tal-integrità tal-produzzjoni organika fl-istadji kollha tal-produzzjoni, il-preparazzjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel u l-għalf;

[...]”

12      L-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/848, intitolat “Prinċipji speċifiċi applikabbli għall-ipproċessar tal-ikel organiku”, jipprevedi:

“Il-produzzjoni tal-ikel organiku proċessat għandha tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji speċifiċi li ġejjin:

a) il-produzzjoni tal-ikel organiku minn ingredjenti agrikoli organiċi;

b) ir-restrizzjoni tal-użu ta’ addittivi tal-ikel, ta’ ingredjenti mhux organiċi b’funzjonijiet prinċipalment teknoloġiċi u sensorji u ta’ mikronutrijenti u għajnuniet għall-ipproċessar, sabiex dawn jintużaw għal limitu minimu u f’każijiet ta’ bżonn teknoloġiku essenzjali jew għal finijiet nutrizzjonali partikolari biss;

c) l-esklużjoni ta’ sustanzi u metodi ta’ pproċessar li jistgħu jqarrqu fir-rigward tan-natura vera tal-prodott;

[...]”

13      L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli tal-produzzjoni għall-alga u l-annimali tal-akkwakultura”, jindika, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-operaturi li jipproduċu alga u annimali tal-akkwakultura għandhom jikkonformaw, b’mod partikolari, mar-regoli dettaljati dwar il-produzzjoni stabbiliti fil-Parti III tal-Anness II [...]”

14      L-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli tal-produzzjoni għall-ikel ipproċessat”, jipprovdi.

“1.       L-operaturi li jipproduċu ikel ipproċessat għandhom jikkonformaw, b’mod partikolari, mar-regoli dettaljati dwar il-produzzjoni li jinsabu fil-Parti IV tal-Anness II u fi kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

[...]

3.      Il-Kummissjoni [Ewropea] tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw it-tekniki awtorizzati fl-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel.

[...]”

15      L-Artikolu 24 tal-istess regolament, intitolat “Awtorizzazzjoni ta’ prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika”, huwa fformulat kif ġej:

“1. Il-Kummissjoni tista’ tawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika, u għandha tinkludi kwalunkwe prodott u sustanza hekk awtorizzati fil-listi restrittivi, għall-finijiet li ġejjin:

(a) bħala sustanzi attivi li għandhom jintużaw fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

(b) bħala fertilizzanti, kondizzjonaturi tal-ħamrija u nutrijenti;

(c) bħala materjal tal-għalf mhux organiku li joriġina minn pjanti, alga, annimali jew ħmira jew bħala materjal tal-għalf li joriġina mill-mikrobi jew mill-minerali;

(d) bħala addittivi tal-għalf u għajnuna għall-ipproċessar;

(e) bħala prodotti għat-tindif u d-diżinfettar ta’ għadajjar, gaġeġ, tankijiet, trejqiet tal-ġiri […];

(f) bħala prodotti għat-tindif u d-diżinfettar ta’ bini u installazzjonijiet użati għall-produzzjoni tal-pjanti […];

(g)      bħala prodotti għat-tindif u d-diżinfezzjoni fil-faċilitajiet ta’ pproċessar u ħżin.

2.      Barra mill-prodotti u sustanzi awtorizzati skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat u tal-ħmira użata bħala ikel jew għalf, u għandha tinkludi kwalunkwe prodott u sustanza hekk awtorizzati f’listi restrittivi, għall-finijiet li ġejjin:

(a) bħala addittivi tal-ikel u għajnuna għall-ipproċessar;

(b) bħala ingredjenti agrikoli mhux organiċi li għandhom jintużaw għall-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat;

(c) bħala għajnuna għall-ipproċessar għall-produzzjoni tal-ħmira u tal-prodotti tal-ħmira.

[...]

4.      L-awtorizzazzjoni tal-prodotti u tas-sustanzi msemmija fil-paragrafu 2 għall-użu fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat u għall-produzzjoni ta’ ħmira użata bħala ikel jew għalf għandha tkun soġġetta għall-prinċipji stabbiliti fil-Kapitolu II u għall-kriterji li ġejjin, li għandhom jiġu evalwati b’mod komplessiv:

(a) ma jkunux disponibbli prodotti jew sustanzi alternattivi awtorizzati skont dan l-Artikolu jew tekniki konformi ma’ dan ir-Regolament;

(b) ikun impossibbli li jsir jew jiġi ppreservat l-ikel jew li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tad-dieta previsti abbażi ta’ leġislazzjoni tal-Unjoni mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ dawk il-prodotti u s-sustanzi;

(c) jistgħu jinstabu fin-natura u setgħu jkunu biss għaddew minn proċessi mekkaniċi, fiżiċi, bijoloġiċi, enzimatiċi jew mikrobiċi, ħlief f’każijiet fejn ma jkunx hemm biżżejjed kwantitajiet disponibbli ta’ prodotti jew sustanzi minn tali sorsi jew li ma jkunux ta’ kwalità tajba biżżejjed;

(d) ma jkunx hemm biżżejjed kwantità tal-ingredjent organiku.

[...]

9.      Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ prodotti u sustanzi skont il-paragrafi 1 u 2 li jistgħu jintużaw fil-produzzjoni organika b’mod ġenerali u fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat b’mod partikolari, u li jistabbilixxu l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal tali awtorizzazzjonijiet u l-listi ta’ tali prodotti u sustanzi u, fejn xieraq, id-deskrizzjoni tagħhom, ir-rekwiżiti kompożizzjonali u l-kondizzjonijiet għall-użu.

[...]”

16      Il-punt 2.2.1 tal-Parti III tal-Anness II tar-Regolament 2018/848 isemmi:

“Il-ġbir tal-alga selvaġġa li tikber fil-baħar b’mod naturali, u ta’ partijiet minnha jitqies bħala metodu ta’ produzzjoni organika dment li:

(a) iż-żoni tat-tkabbir huma adegwati mill-perspettiva tas-saħħa u huma ta’ status ekoloġiku għoli kif definit mid-Direttiva 2000/60/KE, jew huma ta’ kwalità ekwivalenti:

—      għaż-żoni ta’ produzzjoni kklassifikati bħala A u B fir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill […], sat‑13 ta’ Diċembru 2019, jew

—      għaż-żoni ta’ klassifika korrispondenti stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 18(8) tar-Regolament (UE) 2017/625, mill‑14 ta’ Diċembru 2019;

(b) il-ġbir ma jaffettwax b’mod sinifikanti l-istabbiltà tal-ekosistema naturali jew l-ippreservar tal-ispeċijiet fiż-żona tal-ġbir.”

17      Skont il-punt 2 tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament 2018/848:

“Rekwiżiti dettaljati għall-produzzjoni tal-ikel proċessat

[...]

2.2. L-użu ta’ ċerti prodotti u sustanzi fl-ipproċessar tal-ikel

2.2.1. Fl-ipproċessar tal-ikel jistgħu jintużaw biss l-addittivi tal-ikel, għajnuniet għall-ipproċessar u ingredjenti mhux organiċi agrikoli awtorizzati skont l-Artikolu 24 jew l-Artikolu 25 għall-użu fil-produzzjoni organika, u l-prodotti u s-sustanzi msemmija fil-punt 2.2.2, [...]

2.2.2. Fl-ipproċessar tal-ikel, jistgħu jintużaw il-prodotti u sustanzi li ġejjin:

[...]

(f) minerali (inkluż traċċi ta’ elementi), vitamini, aċidi amminiċi u mikronutrijenti, sakemm:

i) l-użu tagħhom f’ikel għal konsum normali jkun ‘rekwiżit legali dirett’ fis-sens li jkun meħtieġ direttament mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, bil-konsegwenza li l-ikel ma jkun jista’ b’ebda mod jitqiegħed fis-suq bħala ikel għal konsum normali jekk ma jiżdidux dawk il-minerali, il-vitamini, l-aċidi amminiċi jew il-mikronutrijent; jew

ii) fir-rigward tal-ikel imqiegħed fis-suq bħala li għandu karatteristiċi jew effetti partikolari fir-rigward tas-saħħa jew in-nutrizzjoni jew fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi ta’ konsumaturi:

—      f’prodotti imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1(1)tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill […], l-użu tagħhom ikun awtorizzat minn dak ir-Regolament u l-atti adottati abbażi tal-Artikolu 11(1) ta’ dak ir-Regolament għall-prodotti kkonċernati, jew

—      fi prodotti rregolati mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE […], l-użu tagħhom ikun awtorizzat minn dik id-Direttiva.”

 Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165

18      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 tal‑15 ta’ Lulju 2021 li jawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u li jistabbilixxi l-listi tagħhom (ĠU 2021, L 253, p. 13, rettifika fil-ĠU 2023, L 112, p. 50), jipprovdi:

“Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament [...] 2018/848, l-ingredjenti agrikoli mhux organiċi elenkati fil-Parti B tal-Anness V ta’ dan ir-Regolament biss jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat, diment li l-użu tagħhom ikun f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u, fejn applikabbli, f’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq il-liġi tal-Unjoni.”

19      Il-parti B tal-Anness V ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, intitolata “Ingredjenti agrikoli mhux organiċi awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni tal-ikel organiku pproċessat imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament [...] 2018/848”, tinkludi tabella li fiha hemm b’mod partikolari ż-żewġ indikazzjonijiet li ġejjin:

“L-alga Arame (Eisenia biyclis), mhux ipproċessata kif ukoll prodotti tal-ipproċessar tal-ewwel stadju direttament relatati ma’ din l-alga

L-alga Hijaki (Hizikia fusiforme), mhux ipproċessata kif ukoll prodotti tal-ipproċessar tal-ewwel stadju direttament relatati ma’ din l-alga”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20      Lima, kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan, tikkummerċjalizza żewġ xarbiet, ittikkettati bħala organiċi, ibbażati fuq ir-ross u l-ħafur, u wieħed mill-ingredjenti karatteristiċi tagħhom huwa l-alka Lithothamnium calcareum, miksuba minn ġbir ta’ alka selvaġġa ċċertifikata bħala organika.

21      Fit‑13 ta’ April 2023, wara li kkonstata b’mod partikolari li l-ittikkettjar u l-iskedi tekniċi ta’ dawn ix-xarbiet kienu juru l-indikazzjoni “b’kontenut għoli ta’ kalċju”, korp regolatorju adotta deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni li kienet tinkludi twissija fir-rigward ta’ din il-kumpannija minħabba li l-imsemmija xarbiet kienu ttikkettati u kkummerċjalizzati bħala prodotti organiċi, filwaqt li dawn kienu prodotti mhux konformi.

22      Fil-motivazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, il-korp regolatorju indika li ż-żieda ta’ residwi, b’kontenut għoli ta’ kalċju, ta’ alka mejta kienet tikkostitwixxi arrikkiment ta’ prodotti organiċi li jmur kontra l-punt 2.2 tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament 2018/848. F’dan ir-rigward, huwa qies li kellha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn l-alka friska, prodott agrikolu li l-ġbir u l-ipproċessar tiegħu jagħtu lok għal prodott li jista’ jiġi ċċertifikat organiku u, min-naħa l-oħra, l-iskeletru tal-kalċju li jirriżulta mill-kalċifikazzjoni ta’ alka mejta.

23      Fis‑26 ta’ Mejju 2023, Lima ppreżentat rikors amministrattiv kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Ministeru għall-Agrikoltura u għas-Sajd tal-Awtorità Fjamminga.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2023, dan il-Ministeru qies li t-trab miksub minn sedimenti mnaddfa, imnixxfin u mitħuna tal-alka Lithothamnium calcareum kien jikkostitwixxi “minerali” u li dan it-trab ma setax jintuża fl-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel organiċi inkwistjoni, peress li l-użu tiegħu ma huwiex “rekwiżit legali dirett”, fis-sens tal-punt 2.2.2(f) u (i) tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament 2018/848. Għaldaqstant, l-imsemmi ministeru żamm il-miżura ta’ twissija fir-rigward ta’ Lima u ordna li ż-żieda ma’ xorb veġetali organiku tal-imsemmi trab, kemm jekk iċċertifikat bħala organika kif ukoll jekk le, tieqaf sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2024.

25      Fil‑15 ta’ Jannar 2024, Lima ppreżentat rikors intiż għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), li huwa l-qorti tar-rinviju.

26      Dik il-qorti tesponi li, skont il-punt 12 tad-dokument intitolat “Frequently asked questions on organic rules” (“Mistoqsijiet frekwenti dwar ir-regoli organiċi”), ippubblikat mill-Kummissjoni fit‑30 ta’ Novembru 2023, il-funzjoni prinċipali tal-Lithothamnium calcareum fl-ikel ipproċessat hija ż-żieda tal-kalċju u l-komponent prinċipali tiegħu huwa l-karbonat tal-kalċju, li huwa mineral, li l-użu tiegħu fil-produzzjoni organika jeħtieġ awtorizzazzjoni konformement mal-punt 2.2.2 tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament 2018/848.

27      Hija tenfasizza li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux b’mod partikolari dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Natumi (C‑815/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Natumi”, EU:C:2021:336) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li trab miksub minn sedimenti tal-alka Lithothamnium calcareum li huma mnaddfa, imnixxfa u mitħuna, bħala ingredjent mhux organiku ta’ oriġini agrikola, ma setax jintuża fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi, bħal xarbiet organiċi abbażi tar-ross u tas-soja, għall-finijiet tat-tisħiħ tagħhom bil-kalċju.

28      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ix-xewqa li tiġi evitata l-evażjoni tar-regoli stretti dwar iż-żieda ta’ prodotti u ta’ sustanzi bħall-minerali fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel organiċi, li tirriżulta mill-punti 69 u 70 ta’ dik is-sentenza, hijiex kunsiderazzjoni li għadha rilevanti fir-rigward tal-alka Lithothamnium calcareum iċċertifikat organiku.

29      Barra minn hekk, dik il-qorti tosserva li l-imsemmija sentenza kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li ma għadhiex fis-seħħ u li kienet differenti f’ċerti aspetti mir-Regolament 2018/848.

30      Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar jekk ir-Regolament 2018/848 jippermettix l-użu, fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi, tat-trab iċċertifikat organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum bħala ingredjent organiku ta’ oriġini agrikola jew jekk, indipendentement min-natura organika jew le ta’ dan l-ingredjent, għandhomx jiġu applikati r-regoli stretti ta’ awtorizzazzjoni dwar il-minerali li jinsabu fil-punt 2.2.2 (f) tal-Parti IV tal-Anness II ta’ dan ir-regolament.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li jmiss:  

“Il-punti 2.2.1. u 2.2.2. tal-Parti IV tal-Anness II, tar-Regolament [2018/848], moqrija flimkien mal-Artikoli 7(b) u (c) tar-Regolament [2018/848], għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trab iċċertifikat bħala organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum, li naturalment fiha kontenut għoli ta’ karbonat tal-kalċju, jaqa’ taħt il-punt 2.2.2.(f)(i) tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament [2018/848], fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi għall-konsum ta’ kuljum, u għalhekk huwa pprojbit peress li l-użu tal-kalċju fil-prodotti tal-ikel għall-konsum ta’ kuljum ma huwiex espressament meħtieġ bħala rekwiżit legali mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni?”

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

32      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Mejju 2026, Lima talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

33      Insostenn ta’ din it-talba, hija essenzjalment issostni li ma taqbilx ma’ wħud mill-evalwazzjonijiet fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. B’mod iktar speċifiku, Lima ssostni li t-trab miksub mill-alka Lithothamnium calcareum ma jistax jiġi kklassifikat bħala “addittiv tal-ikel”.

34      Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, b’imparzjalità u indipendenza sħiħa, konklużjonijiet immotivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ikunu jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’ dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li permezz tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti fil-kawża prinċipali mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-mistoqsijiet li jkun qiegħed jeżamina fihom, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi motiv li jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2026, Meta Platforms Ireland (Kumpens xieraq), C‑797/23, EU:C:2026:395, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-elementi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, fi kwalunkwe każ, li għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq id-domanda preliminari

38      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti 2.2.1 u 2.2.2 tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament 2018/848, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(b) u (c) tiegħu, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-trab iċċertifikat organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum jaqa’ taħt il-kategorija ta’ “minerali” li jagħmlu parti mill-punt 2.2.2(f)(i) tal-Parti IV tal-Anness II ta’ dan ir-regolament.

39      Id-deċiżjoni tar-rinviju turi li, fin-nuqqas ta’ dan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk dan it-trab iċċertifikat organiku jikkostitwixxix “ingredjent agrikolu organiku”, fis-sens tal-Artikolu 7(a) tar-Regolament 2018/848, li l-użu tiegħu fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi għall-konsum ta’ kuljum bl-għan li dawn jiġu arrikkiti bil-kalċju ma huwiex ipprojbit.

40      Konsegwentement, id-domanda magħmula għandha tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-punti 2.2.1 u 2.2.2 tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament 2018/848, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(a) sa (c) tiegħu, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-trab iċċertifikat organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum, użat fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi ta’ konsum ta’ kuljum sabiex dawn jiġu arrikkiti bil-kalċju, jappartjeni għall-kategorija ta’ “minerali” li jaqgħu taħt il-punt 2.2.2(f)(i) tal-Parti IV tal-Anness II ta’ dan ir-regolament, jew jekk jikkostitwixxix “ingredjent agrikolu organiku” fis-sens tal-Artikolu 7(a) tiegħu, li l-użu tiegħu fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi għall-konsum ta’ kuljum bl-għan li dawn jiġu arrikkiti bil-kalċju ma huwiex ipprojbit.

41      Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 91).

42      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni u ma jirreferix għad-dritt tal-Istati Membri għandha tiġi stabbilita konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2026, Knocknamona u Massey, C‑27/25 u C‑356/25, EU:C:2026:596, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 16 tar-Regolament 2018/848, l-operaturi li jipproduċu prodotti tal-ikel ipproċessati għandhom jikkonformaw ruħhom, b’mod partikolari, mar-regoli ta’ produzzjoni ddettaljati li jinsabu, b’mod partikolari, fil-Parti IV tal-Anness II ta’ dan ir-regolament.

44      B’mod iktar speċifiku, il-punt 2.2.2(f)(i) tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament 2018/848 jissuġġetta l-użu ta’ minerali fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi għall-konsum ta’ kuljum, bħax-xorb veġetali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-kundizzjoni li l-użu tagħhom ikun “rekwiżit legali dirett”.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la din id-dispożizzjoni u lanqas ir-Regolament 2018/848 fl-intier tiegħu ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “minerali”. Madankollu, skont is-sens abitwali tiegħu, dan il-kunċett jirreferi għal elementi jew għal komposti kimiċi li ma humiex ta’ natura organika.

46      F’dan il-każ, jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li t-trab iċċertifikat organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum, li għandu livell ta’ karbonat tal-kalċju naturalment għoli, jinkludi komponent organiku. Għaldaqstant, huwa ma jikkostitwixxix mineral.

47      Konsegwentement, il-kategorija ta’ “minerali” li jaqgħu taħt il-punt 2.2.2(f)(i) tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament 2018/848 għandha tinftiehem fis-sens li ma tkoprix it-trab iċċertifikat organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum.

48      Din il-konstatazzjoni hija koerenti mas-sentenza Natumi, li fil-punt 47 tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat‑28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2029/91 (ĠU 2007, L 189, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 68, p. 61, u fil-ĠU 2014, 300, p. 72), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal‑5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU 2008, L 250, p. 1), li l-alga Lithothamnium calcareum ma tistax, prima facie, titqies bħala mineral.

49      Għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk il-kunċett ta’ “ingredjent agrikolu organiku” użat fl-Artikolu 7(a) tar-Regolament 2018/848 għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-trab iċċertifikat organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum.

50      L-Artikolu 7(a) tar-Regolament 2018/848 jipprevedi li l-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel organiċi pproċessati hija bbażata fuq il-prinċipju li għandhom jiġu prodotti prodotti tal-ikel organiċi minn ingredjenti agrikoli organiċi.

51      Għandu jiġi rrilevat li la din id-dispożizzjoni u lanqas ir-Regolament 2018/848 fl-intier tiegħu ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “ingredjent agrikolu organiku”.

52      Madankollu, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-punt 51 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi, fir-rigward tal-prodotti li ma humiex il-prodotti tal-ikel, il-kunċett ta’ “ingredjent” bħala “kwalunkwe sustanza jew prodott użat fil-manifattura jew il-preparazzjoni ta’ prodotti li għadu preżenti fil-prodott lest, anke jekk f’forma mibdula”. Fir-rigward tal-prodotti tal-ikel, din id-dispożizzjoni tirreferi għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ingredjent” li tinsab fl-Artikolu 2(2)(f) tar-Regolament Nru 1169/2011, li hija fformulata f’termini simili iżda tippreċiża, barra minn hekk, minn naħa, li huma inklużi ma’ kull sustanza jew prodott, il-ħwawar, l-addittivi tal-ikel u l-enżimi tal-ikel, u, min-naħa l-oħra, li r-residwi ma humiex ikkunsidrati bħala ingredjenti.

53      Dawn id-dispożizzjonijiet ma jistabbilixxu ebda differenza skont il-karatteristiċi intrinsiċi tal-prodott ikkonċernat, bħall-kompożizzjoni kimika tiegħu, l-għan tal-użu tiegħu, bħat-twettiq ta’ konsum nutrittiv, jew il-mument tal-użu tiegħu, bħall-fażi tal-ipproċessar ta’ prodott tal-ikel.

54      Għalhekk, ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward iċ-ċirkustanza, irrilevata mill-qorti tar-rinviju, li l-alka Lithothamnium calcareum għandha ammont naturalment għoli ta’ karbonat tal-kalċju u li dan tal-aħħar jikkostitwixxi melħ minerali li jinsab fil-lista tal-minerali elenkati fl-Anness I tar-Regolament Nru 1925/2006, dwar iż-żieda ta’ vitamini, ta’ minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-prodotti tal-ikel.

55      Konsegwentement, il-kunċett ta’ “ingredjent”, fis-sens tar-Regolament 2018/848, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkopri trab iċċertifikat organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum.

56      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 2(1) tiegħu, ir-Regolament 2018/848 japplika għall-prodotti agrikoli ħajjin jew mhux ipproċessati, għall-prodotti agrikoli pproċessati intiżi għall-konsum mill-bniedem, għall-għalf, kif ukoll għal ċerti prodotti oħra marbuta mill-qrib mal-agrikoltura, elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament.

57      B’mod partikolari, il-produzzjoni tal-alka hija rregolata mill-Artikolu 15 tar-Regolament 2018/848, li jipprovdi li l-operaturi li jipproduċu l-alka għandhom jikkonformaw ruħhom, b’mod partikolari, mar-regoli ta’ produzzjoni ddettaljati li jinsabu b’mod partikolari fil-Parti III tal-Anness II tal-istess regolament.

58      Il-punt 2.2.1 tal-Parti III ta’ dan l-Anness II jsemmi espressament il-“ġbir tal-alga selvaġġa li tikber fil-baħar b’mod naturali, u ta’ partijiet minnha”. Għaldaqstant, l-iskeletru tal-alka selvaġġa Lithothamnium calcareum ma jistax, fil-kuntest tar-Regolament 2018/848, jiġi distint minn din l-alka.

59      Skont jekk it-tnixxif tas-sedimenti komposti minn dan l-iskeletru jwassalx jew le għal “azzjoni li sostanzjalment tibd[ilhom]”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(m) tar-Regolament Nru 852/2004, li għalih jirreferi l-punt 73 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/848, it-trab iċċertifikat organiku miksub wara t-tindif, it-tqattigħ u t-tnixxif ta’ dawn is-sedimenti għandu jitqies li jagħmel parti jew mill-“prodotti agrikoli ħajjin jew mhux proċessati” msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament 2018/848, jew mill-“prodotti agrikoli proċessati għall-użu bħala ikel”, imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

60      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, minn naħa, l-alka tagħmel parti mill-“ingredjenti agrikoli mhux organiċi” elenkati fil-Parti B tal-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165, li jistgħu jiżdiedu mal-prodotti tal-ikel skont l-Artikolu 24(2)(b) tar-Regolament 2018/848. Min-naħa l-oħra, fil-punt 42 tas-sentenza Natumi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li trab miksub mis-sedimenti tal-alka Lithothamnium calcareum, li huma mnaddfa, imnixxfa u mitħuna, kellu jitqies bħala “ingredjent agrikolu”, f’dan il-każ mhux organiku.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kunċett ta’ “ingredjent agrikolu organiku”, fis-sens tal-Artikolu 7(a) tar-Regolament 2018/848, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-trab iċċertifikat organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum.

62      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li jagħmlu parti minnu d-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

63      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipji speċifiċi applikabbli għall-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel organiċi huma stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/848. Dan l-Artikolu 7(a) jistabbilixxi l-prinċipju li għandhom jiġu prodotti prodotti tal-ikel organiku minn ingredjenti agrikoli organiċi u l-imsemmi Artikolu 7(b) u (c) jindika li l-użu ta’ ċerti prodotti u sustanzi għandu jiġi ristrett sabiex dan jintuża mill-inqas possibbli u biss meta jkun hemm bżonn teknoloġiku essenzjali jew għal skopijiet nutrittivi partikolari u, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu esklużi s-sustanzi u l-metodi ta’ pproċessar li jistgħu jiżgwidaw fir-rigward tan-natura vera tal-prodott.

64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-użu ta’ ingredjent agrikolu organiku, bħat-trab iċċertifikat organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum, fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi għall-konsum ta’ kuljum bil-għan li dawn jiġu arrikkiti bil-kalċju, ma jikkontradixxix il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 7(b) u (c) tar-Regolament 2018/848.

65      L-ewwel, l-Artikolu 7(b) tar-Regolament 2018/848, li jistabbilixxi l-prodotti u s-sustanzi li l-użu tagħhom fl-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel organiċi għandu jiġi ristrett, jirrigwarda biss l-addittivi tal-ikel, l-ingredjenti mhux organiċi li għandhom funzjonijiet prinċipalment teknoloġiċi jew organolettiċi, kif ukoll il-mikronutrijenti u l-għajnuniet għall-ipproċessar.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament 2018/848 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “mikronutrijenti”. Madankollu, il-punt 2.2.2(f) tal-Parti IV tal-Anness II ta’ dan ir-regolament isemmi l-mikronutrijenti bħala kategorija distinta mill-minerali. Għaldaqstant, it-trab iċċertifikat organiku tal-alka Lithothamnium calcareum, użat fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi għall-konsum normali bl-għan li jiġu arrikkiti bil-kalċju, ma jikkostitwixxix “mikronutrijent” fis-sens tal-Artikolu 7(b) tar-Regolament 2018/848.

67      Barra minn hekk, il-punti 61 u 65 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/848 jirreferu għad-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “addittiv tal-ikel” u ta’ “għajnuna għall-ipproċessar”, rispettivament, fl-Artikolu 3(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1333/2008. Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet isemmu, fost l-elementi kostituttivi ta’ dawn il-kunċetti, l-użu intenzjonat tagħhom għal għan teknoloġiku.

68      Fil-fatt, l-Artikolu 3(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1333/2008 jipprevedi li prodott tal-ikel użat minħabba l-proprjetajiet nutrittivi tiegħu, filwaqt li jkollu effett sekondarju li jagħti l-kulur, ma għandux jitqies bħala addittiv tal-ikel. Bl-istess mod, mill-Artikolu 3(2)(b)(iii) ta’ dan ir-regolament isegwi li l-użu ta’ għajnuniet għall-ipproċessar jissodisfa għan teknoloġiku matul it-trattament jew l-ipproċessar.

69      Minn dan jirriżulta li ingredjent ma jistax jitqies bħala “addittiv tal-ikel” jew “għajnuna għall-ipproċessar” meta jintuża għal għan nutrittiv biss.

70      F’dan il-każ, minn naħa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jsegwix li t-trab iċċertifikat organiku inkwistjoni fil-kawża prinċipali jintuża għal għan differenti minn dak nutrittiv, jiġifieri dak ta’ arrikkiment tal-kalċju u, min-naħa l-oħra, kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-uniku użu magħruf tat-trab miksub mill-alka Lithothamnium calcareum fl-industrija tal-ikel jikkonsisti f’li tintuża bħala sors ta’ kalċju u ta’ manjesju, bħala ingredjent tal-ikel jew bħala suppliment tal-ikel.

71      Minn dan isegwi li l-kunċetti ta’ “addittiv tal-ikel” u ta’ “għajnuna għall-ipproċessar” imsemmija fl-Artikolu 7(b) tar-Regolament 2018/848 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jirrigwardawx it-trab iċċertifikat organiku tal-alka Lithothamnium calcareum, użat fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi għall-konsum ta’ kuljum għal finijiet nutrittivi, bl-għan li jiġu arrikkiti bil-kalċju.

72      Konsegwentement, ingredjent agrikolu organiku bħat-trab iċċertifikat organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum, użat fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi bl-għan li jiġu arrikkiti bil-kalċju, ma huwiex suġġett għar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 7(b) tar-Regolament 2018/848.

73      Barra minn hekk, it-trab iċċertifikat organiku inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 2.2.1 tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament 2018/848, imsemmi mill-qorti tar-rinviju u dwar l-addittivi tal-ikel, l-għajnuniet għall-ipproċessar u l-ingredjenti agrikoli mhux organiċi li l-użu tagħhom fil-produzzjoni organika huwa awtorizzat skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament.

74      It-tieni, l-użu ta’ ingredjent agrikolu organiku, bħat-trab iċċertifikat organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum, fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi għall-konsum ta’ kuljum bil-għan li jiġu arrikkiti bil-kalċju, lanqas ma jikser il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 7(c) tar-Regolament 2018/848, jiġifieri l-esklużjoni ta’ sustanzi u ta’ metodi ta’ pproċessar li jistgħu jiżgwidaw fir-rigward tan-natura vera tal-prodott.

75      Ċertament, l-użu, bħala sors ta’ minerali, ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi fil-produzzjoni ta’ prodott ittikkettjat u mqiegħed fis-suq bħala organiku jista’, bħaż-żieda ta’ minerali, iqarraq bil-konsumatur fir-rigward tan-natura tal-ingredjenti ta’ dan il-prodott, li jagħtih x’jifhem li huma kollha ġejjin mill-agrikoltura organika, jew fir-rigward tal-oriġini tal-minerali li jinsabu fl-imsemmi prodott, li jagħtih x’jifhem li joriġinaw minn ingredjenti agrikoli organiċi.

76      Madankollu, l-istess ma japplikax għall-użu ta’ ingredjent agrikolu organiku b’livell naturalment għoli ta’ minerali, f’dan il-każ il-kalċju, li ma joħloq ebda ambigwità fir-rigward tan-natura tal-ingredjenti tal-prodott ikkonċernat jew fir-rigward tal-oriġini tal-minerali li jinsabu f’dan il-prodott.

77      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punti 69 u 70 tas-sentenza Natumi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li ma tistax tingħata interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli ta’ natura li tirrendi ineffettivi r-regoli stretti dwar iż-żieda ta’ ċerti prodotti u sustanzi, bħall-minerali, fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel organiċi stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni.

78      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, kuntrarjament għal dik li tat lok għal dik is-sentenza, trab iċċertifikat organiku u li, min-naħa l-oħra, is-sistema stabbilita mir-Regolament 2018/848 ma tikkoinċidix ma’ dik li tirriżulta mir-Regolamenti Nri 834/2007 u 889/2008, analizzata fl-imsemmija sentenza. Fil-fatt, bħalma kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, fil-punt 71 tas-sentenza Natumi, ir-Regolament 2018/848 jaqa’ fil-kuntest ta’ żvilupp fil-qasam tal-ikel organiku, intiż sabiex jillimita ż-żieda ta’ elementi mhux organiċi fil-prodotti tal-ikel.

79      Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, għandu jitfakkar li l-premessa 51 tar-Regolament 2018/848 tistabbilixxi b’mod partikolari li l-prodotti organiċi pproċessati għandhom jinkisbu permezz ta’ metodi ta’ pproċessar li jiggarantixxu ż-żamma tal-karatteristiċi u l-kwalitajiet organiċi tal-prodotti.

80      Barra minn hekk, il-produzzjoni organika hija sistema ta’ ġestjoni sostenibbli li hija intiża, konformement mal-Artikolu 5(d) tar-Regolament 2018/848, li tipproduċi varjetà kbira ta’ prodotti tal-ikel u ta’ prodotti agrikoli u tal-akkwakultura oħra ta’ kwalità għolja li jissodisfaw id-domanda tal-konsumaturi għal beni prodotti permezz tal-użu ta’ proċessi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, lis-saħħa tal-bniedem, lis-saħħa tal-pjanti jew lis-saħħa u lill-benesseri tal-annimali kif ukoll, konformement mal-Artikolu 5(e) ta’ dan ir-regolament, li tiggarantixxi l-integrità tal-produzzjoni organika fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-preparazzjoni u tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel u tal-għalf tal-annimali.

81      Il-prinċipji speċifiċi applikabbli għall-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel organiċi li huma stabbiliti fl-Artikolu 7(b) u (c) tar-Regolament 2018/848 jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għan ta’ produzzjoni ta’ varjetà kbira ta’ prodotti tal-ikel u ta’ prodotti agrikoli u tal-akkwakultura oħra ta’ kwalità għolja kif ukoll tal-għan ta’ integrità tal-produzzjoni organika, stabbiliti fl-Artikolu 5(d) u (e) ta’ dan ir-regolament.

82      F’dan ir-rigward, mill-punt 64 ta’ din is-sentenza jsegwi li l-użu ta’ ingredjent agrikolu organiku, bħat-trab iċċertifikat organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum, fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi għall-konsum ta’ kuljum bil-għan li jiġu arrikkiti bil-kalċju, ma jikkontradixxix dawn il-prinċipji. Għaldaqstant, tali użu ma jmurx kontra l-għanijiet imfittxija mir-Regolament 2018/848.

83      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, jekk ix-xarbiet veġetali b’kontenut għoli ta’ kalċju fl-ebda każ ma jkunu jistgħu jiġu ttikkettati u mqiegħda fis-suq bħala prodotti organiċi, il-produtturi ta’ dan ix-xorb ikunu mħeġġa jużaw ingredjenti agrikoli mhux organiċi jew saħansitra ingredjenti mhux agrikoli, li jkun f’kontradizzjoni mal-għan ta’ produzzjoni ta’ varjetà kbira ta’ prodotti tal-ikel u ta’ prodotti agrikoli u tal-akkwakultura oħra ta’ kwalità għolja kif ukoll mal-għan ta’ integrità tal-produzzjoni organika.

84      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punti 2.2.1 u 2.2.2 tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament 2018/848, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(a) sa (c) tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trab iċċertifikat organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum ma jappartjenix għall-kategorija ta’ “minerali” li jaqgħu taħt il-punt 2.2.2(f)(i) tal-Parti IV tal-Anness II ta’ dan ir-regolament iżda jikkostitwixxi “ingredjent agrikolu organiku”, fis-sens tal-Artikolu 7(a) ta’ dan tal-aħħar, li l-użu tiegħu fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi għall-konsum ta’ kuljum bil-għan li jiġu arrikkiti bil-kalċju ma huwiex ipprojbit.

 Fuq l-ispejjeż

85      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punti 2.2.1 u 2.2.2 tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(a) sa (c) tar-Regolament 2018/848,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

t-trab iċċertifikat organiku miksub minn sedimenti mnaddfa, mitħuna u mnixxfa tal-alka Lithothamnium calcareum ma jappartjenix għall-kategorija ta’ “minerali” li jaqgħu taħt il-punt 2.2.2(f)(i) tal-Parti IV tal-Anness II ta’ dan ir-regolament iżda jikkostitwixxi “ingredjent agrikolu organiku”, fis-sens tal-Artikolu 7(a) ta’ dan tal-aħħar, li l-użu tiegħu fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel organiċi għall-konsum ta’ kuljum bil-għan li jiġu arrikkiti bil-kalċju ma huwiex ipprojbit.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.